EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0136

2011/136/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 1 ta’ Marzu 2011 il-linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fis-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPCS)

OJ L 57, 2.3.2011, p. 44–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2011/136/oj

2.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/44


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Marzu 2011

il-linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fis-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPCS)

(2011/136/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (1) (aktar ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament CPC”) għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan is-suq uniku, jistabbilixxi Netwerk madwar l-UE kollha ta’ awtoritajiet nazzjonali pubbliċi tal-infuzar (aktar ’il quddiem imsejjaħ “in-Netwerk CPC”) u jistipula l-qafas u l-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jipproteġu l-interess ekonomiku kollettiv tal-konsumaturi.

(2)

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar hija essenzjali sabiex is-suq uniku jaħdem b’mod effettiv u taħt dan in-Netwerk CPC, kull awtorità tista’ titlob l-għajnuna ta’ awtoritajiet oħra għall-investigazzjoni ta’ ksur possibbli tal-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

(3)

L-għan tas-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (aktar ’il quddiem imsejħa s-“CPCS”) huwa li jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi tal-infurzar li jiskambjaw informazzjoni dwar ksur possibbli tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur f’ambjent bla periklu u sigur.

(4)

L-iskambju tal-informazzjoni b’mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri għandu jikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (2) (aktar ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta”) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (3) (aktar ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta”).

(5)

L-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrekonoxxi d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta. Is-CPCS għandha tiżgura li l-obbligi u r-responsabbiltajiet differenti kondiviżi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta huma ċari u li s-suġġetti tad-dejta jingħataw informazzjoni u mekkaniżmi li huma faċilment disponibbli biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom.

(6)

Huwa xieraq li wieħed jistabbilixxi linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fis-CPCS (aktar ’il quddiem imsejħa “il-linji gwida”) sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta jiġu rispettati meta tiġi pproċessata d-dejta permezz tas-CPCS.

(7)

L-uffiċjali tal-infurzar għandhom jiġu mħeġġa li jikkuntattjaw l-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza għall-Protezzjoni tad-Dejta biex jiggwidawhom u jgħinuhom dwar l-aħajr mod kif jimplimentaw dawn il-linji gwida skont il-liġi nazzjonali u jekk meħtieġ biex jiżguraw li l-proċeduri ta’ notifika u ta’ verifika minn quddiem relatati mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar taħt is-CPCS jitwettqu fuq livell nazzjonali.

(8)

Il-parteċipazzjoni fis-sessjonijiet ta’ taħriġ organizzati mill-Kummissjoni biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-linji gwida għandha tiġi mħeġġa ħafna.

(9)

Għandhom jiġu pprovduti reazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Wara dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel verifika ulterjuri tal-livell tal-protezzjoni tad-dejta fis-CPCS u għandha tevalwa jekk ikunux meħtieġa għodod addizzjonali, inklużi miżuri regolatorji.

(10)

Għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-linji gwida mill-atturi u l-utenti tas-CPCS. L-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom jimmonitorjaw bir-reqqa l-iżviluppi u l-implimentazzjoni tas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tas-CPCS.

(11)

Il-linji gwida jikkumplementaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/76/KE (4) u jqisu l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Dejta Personali stabbilit bl-Artikolu 29 (5) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (6) stabbilit bl-Artikolu 41 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (aktar ’il quddiem imsejjaħ il-“KEPD”).

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

L-Istati Membri għandhom isegwu l-linji gwida stabbiliti fl-Anness.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 192.

(5)  L-opinjoni 6/2007 dwar kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta relatati mas-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPCS) 01910/2007/EN – WP 130 – adottata fil-21 ta’ Settembru 2007.

(6)  L-Opinjoni tal-KEPD Ref: 2010-0692.


ANNESS

Il-linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fis-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPCS)

1.   INTRODUZZJONI

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur hija essenzjali għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern għaliex nuqqas ta’ infurzar effettiv fil-każijiet transkonfinali jimmina l-fiduċja tal-konsumaturi fit-teħid ta’ offerti transkonfinali u b’hekk tonqos il-kredibilità tas-suq intern u jwassal ukoll għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Is-CPCS hija għodda tal-IT stabbilita mir-Regolament CPC u tipprovdi mekkaniżmu strutturat għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur li jagħmlu parti min-Netwerk CPC. Tippermetti lil awtorità pubblika titlob għall-għajnuna minn awtoritajiet pubbliċi oħra tan-Netwerk CPC fl-investigazzjoni u l-indirizzar ta’ ksur possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u fit-teħid ta’ azzjoni ta’ infurzar biex iwaqqfu l-prattiċi kummerċjali illegali għall-bejjiegħa u l-fornituri li għandhom fil-mira tagħhom il-konsumaturi li jgħixu f’pajjiżi oħra tal-UE. It-talbiet għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni kollha bejn l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti dwar l-applikazzjoni tar-Regolament CPC jitwettqu permezz tas-CPCS.

L-għan tar-Regolament CPC huwa li jissaħħaħ l-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq intern kollu permezz tat-twaqqif ta’ Netwerk madwar l-UE kollha ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin. Ir-Regolament CPC stabbilixxa li tali skambji ta’ informazzjoni u talbiet għal għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar kellhom jitwettqu permezz ta’ database maħsuba għalhekk. Is-CPCS għalhekk ġie mfassal biex jiffaċilita din il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni bl-għan li jiġu infurzati l-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

L-ambitu tal-kooperazzjoni huwa limitat għal ksur intra-Komunitarju tal-atti legali elenkati fl-Anness tar-Regolament CPC li jipproteġi l-interessi ekonomiċi kollettivi tal-konsumaturi.

2.   L-AMBITU U L-GĦAN TA’ DAWN IL-LINJI GWIDA

Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jindirizzaw it-tħassib ewlieni li jiġi żgurat bilanċ bejn il-kooperazzjoni effiċjenti u effettiva tal-infurzar fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali.

Id-dejta personali hija definita fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (1) bħala kwalukwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu jew tagħha;

Billi huwa possibbli li l-uffiċjali nazzjonali tal-infurzar (dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet) li huma l-utenti tas-CPCS ma jkunux esperti fil-protezzjoni tad-dejta u mhux dejjem ikunu konxji biżżejjed tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta tagħhom stess, huwa rakkomandat li jiġu pprovduti linji gwida lill-utenti tas-CPCS li fihom jiġi spjegat it-tħaddim tas-CPCS minn perspettiva prattika tal-protezzjoni tad-dejta kif ukoll li jiġu dettaljati s-salvagwardji li huma mibnija fis-sistema u r-riskji possibbli assoċjati mal-użu tagħha.

L-għan tal-linji gwida huwa li jkopru l-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta l-aktar sinifikanti b’rabta mas-CPCS u li jipprovdu spjegazzjoni faċli biex tintuża li l-utenti kollha tal-CPCS jistgħu jirreferu għaliha. Madankollu, ma jipprovdux analiżi sħiħa tal-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta tas-CPCS.

Huwa rakkomandat ħafna li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta fl-Istati Membri jiġu kkonsultati biex jiġi żgurat li l-linji gwida jiġu kkumplimentati b’obbligi speċifiċi stipulati fil-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-utenti tas-CPCS jistgħu wkoll jiksbu għajnuna u gwida ulterjuri minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta biex jiżguraw li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta. Lista ta’ dawn l-awtoritajiet bid-dettalji tal-kuntatt u l-websajts tista’ tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/nationalcomm/#eu

Għandu jkun ċar li l-ipproċessar tad-dejta personali għandu jitwettaq skont il-prinċipji u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet huma intitolati fil-kuntest tar-Regolament li jiskambjaw dejta, inkluża d-dejta personali, permezz tas-CPCS, jekk l-iskop tal-ipproċessar ikun li jwaqqaf il-ksur tal-liġijiet tal-UE tal-konsumatur kif elenkat fl-Anness tar-Regolament CPC. Madankollu, qabel l-ipproċessar ta’ tali dejta, għandha ssir valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi żgurat li l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-dejta jkunu ssalvagwardjati u li l-ipproċessar tad-dejta jkun strettament meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament CPC.

B’dan il-ħsieb, dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet li għandhom aċċess għas-CPCS għandhom iwettqu valutazzjoni ta’ kull każ qabel ma jista’ jitwettaq kwalunkwe pproċessar tad-dejta personali (2). L-iskop ta’ dawn il-linji gwida huwa li jassistu lil dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet b’din il-valutazzjoni billi jipprovdu xi prinċipji ta’ gwida dwar il-protezzjoni tad-dejta li għandhom jitqiesu.

L-għan huwa wkoll li jiġu ċċarati xi wħud mill-kumplessitajiet tal-arkitettura tas-CPCS fir-rigward tal-operazzjonijiet konġunti tal-ipproċessar u l-kontroll konġunt billi jiġi stabbilit r-rwol tal-Kummissjoni u r-rwol tal-awtoritajiet tal-Istati Membri bħala “kontrolluri konġunti” tal-iskambji tad-dejta tas-CPCS.

3.   IS-CPCS - GĦODDA TAL-IT GĦALL-KOOPERAZZJONI TAL-INFURZAR

Is-CPCS hija għodda tal-IT imfassla u miżmuma mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri. L-iskop tas-CPCS huwa li tgħin l-Istati Membri fl-implimentazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Din tintuża min-Netwerk CPC li jikkonsisti f’awtoritajiet pubbliċi maħtura mill-Istati Membri u l-pajjiżi taż-ŻEE biex jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur kif stipulat fir-Regolament CPC.

L-Artikolu 10 tar-Regolament CPC jgħid li:

“Il-Kummissjoni għandha żżomm database elettronika li fiha għandha taħżen u tipproċessal-informazzjoni li tirċievi skont l-Artikoli 7, 8 u 9. Id-database għandha tkun disponibbli għal konsultazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biss …”

L-Artikolu 12(3) tar-Regolament CPC jgħid ukoll:

“Talbiet għall-assistenza u l-komunikazzjoni kollha ta’ informazzjoni għandhom isiru bil-miktub, bl-użu ta’ formola standard u jiġu komunikati b’mezz elettroniku permezz tad-database stabbilit fl-Artikolu 10.”

Is-CPCS tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni limitati għal ksur intra-Komunitarju tad-Direttivi u r-Regolamenti elenkati fl-Anness tar-Regolament CPC li jindirizzaw suġġetti varji inklużi l-prattiċi kummerċjali inġusti, il-bejgħ minn distanza, il-kreditu għall-konsumatur, il-vjaġġi b’kollox inkluż, termini inġusti fil-kuntratti, it-time-share, il-kummerċ elettroniku u oħrajn. Is-CPCS ma tistax tintuża għal skambji tal-informazzjoni f’oqsma leġiżlattivi mhux elenkati speċifikament f’dan l-Anness.

Eżempji:

I.

Negozjant stabbilit fil-Belġju qiegħed juża termini inġusti meta jittratta mal-konsumaturi li jgħixu fi Franza bi ksur tad-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti. L-awtorità tal-konsumatur fi Franza tista’ tuża s-CPCS biex titlob lill-awtorità tal-konsumatur fil-Belġju tieħu l-miżuri tal-infurzar kollha meħtieġa disponibbli fil-Belġju kontra n-negozjant biex jitwaqqaf il-ksur intra-Komunitarju mingħajr dewmien.

II.

L-awtorità tal-konsumantur fid-Danimarka qiegħda tirċievi ilmenti li website partikolari qiegħda tuża prattiċi kummerċjali frawdolenti u qarrieqa għad-detriment tal-konsumaturi. Il-websajt hija ospitata fl-Isvezja. L-awtorità tal-konsumatur Daniża għandha bżonn informazzjoni dwar il-websajt. Għalhekk tista’ tuża s-CPCS biex titlob għal informazzjoni mill-awtorità tal-konsumatur Svediża li għandha l-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni.

L-informazzjoni tiddaħħal mill-Istati Membri, tinħażen fis-CPCS, tiġi aċċessata mill-Istati Membri li għalihom tkun ġiet indirizzata l-informazzjoni u titħassar mill-Kummissjoni (3). Is-CPCS tintuża bħala repożitorju għall-informazzjoni u bħala mezz biex tiġi skambjata l-informazzjoni permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni effiċjenti u sigura.

Minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta, l-istabbiliment ta’ tali database dejjem toħloq ċerti riskji għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-dejta personali: li tinqasam aktar dejta li hija strettament meħtieġa għall-iskopijiet ta’ kooperazzjoni effiċjenti; li tinżamm dejta li kellha titħassar u tinżamm dejta li ma għadhiex preċiża jew li hija żbaljata; u n-nuqqas li jiġi żgurat li d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u l-obbligi tal-kontrolluri tad-dejta jiġu rispettati. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu indirizzati tali riskji billi jiġi żgurat li l-utenti tas-CPCS ikunu infurmati u mħarrġa fuq ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta u jkunu kapaċi li jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

4.   IL-QAFAS SUPERVIŻORJU U LEGALI TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA

L-Unjoni Ewropea għandha qafas legali stabbilit dwar il-protezzjoni tad-dejta mill-1995. id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (4) li tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mill-Istati Membri u r-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (5) li jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta attwalment tiddependi fuq min ikun l-attur jew l-utent tas-CPCS.

L-atti tal-ipproċessar imwettqa mill-Kummissjoni huma regolati mir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-atti tal-ipproċessar imwettqa minn dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet fl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-infurzar huma regolati mil-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.

Billi huma ż-żewġ atturi ewlenin bi rwoli speċifiċi fis-CPCS, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti maħtura, bħala ko-kontrolluri, għandhom l-obbligu li jinnotifikaw u jressqu l-operazzjonijiet tal-ipproċessar rispettivi tagħhom għal verifika minn qabel mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza rilevanti u li jiżguraw il-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta. Madankollu, il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jistgħu jipprovdu eżenzjonijiet mir-rekwiżiti kemm tan-notifika kif ukoll tal-verifika minn qabel.

L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta kienet maħsuba kemm biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta kif ukoll biex tħares id-drittijiet fundamentali tal-individwi u filwaqt li tippermetti l-fluss ħieles tad-dejta personali bejn l-Istati Membri. Billi l-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni jistgħu jwasslu għal regoli differenti, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, l-utenti tas-CPCS huma rakkomandati ħafna li jiddiskutu dawn il-linji gwida mal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom tal-protezzjoni tad-dejta għaliex ir-regoli jistgħu jvarjaw, pereżempju, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-individwi jew dwar id-dmir li jinnotifikaw ċerti operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta.

Karatteristika sinifikanti tal-qafas legali tal-UE tal-protezzjoni tad-dejta hija s-superviżjoni tiegħu minn awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta. Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jressqu lmenti quddiem dawn l-awtoritajiet u jsolvu minnufih it-tħassib tagħhom dwar il-protezzjoni tad-dejta ’l barra mill-qrati. L-ipproċessar tad-dejta personali fil-livell nazzjonali huwa sorveljat mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta u l-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet Ewropej huwa sorveljat mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) (6). Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija soġġetta għas-superviżjoni tal-KEPD u l-utenti l-oħra tas-CPCS għas-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta.

5.   MIN HU MIN FIS-CPCS? – IL-KWISTJONI TA’ KONTROLL KONĠUNT

Is-CPCS hija eżempju ċar ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar konġunti u kontroll konġunt. Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti biss fl-Istati Membri jiġbru, jirreġistraw, jiżvelaw u jiskambjaw id-dejta personali, il-ħżin u t-tħassir ta’ din id-dejta fuq is-servers tagħha jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma għandhiex aċċess għal din id-dejta personali iżda titqies bħala l-amministratur u l-operatur tas-sistema.

Għalhekk, l-allokazzjoni ta’ kompiti u responabbiltajiet differenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej:

Kull awtorità kompetenti hija kontrollur tad-dejta fir-rigward tal-attivitajiet tagħha stess tal-ipproċessar tad-dejta.

Il-Kummissjoni mhijiex utent iżda l-operatur tas-sistema, u hija responsabbli, primarjament, għaż-żamma u s-sigurtà tal-arkitettura tas-sistema, Madankollu, il-Kummissjoni għandha wkoll aċċess għat-twissijiet, l-informazzjoni ta’ reazzjoni u informazzjoni oħra relatata mal-każ (7). L-iskop tal-aċċess tal-Kummissjoni huwa li tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni tar-Regolament CPC kif ukoll tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur elenkata fl-Anness tar-Regolament CPC u li tiġbor informazzjoni statistika fir-rigward tat-twettiq ta’ dawn il-kompiti. Il-Kummissjoni madankollu ma għandhiex aċċess għall-informazzjoni li tinsab fit-talbiet għall-għajnuna reċiproka u għall-infurzar billi dawn huma indirizzati biss lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu qegħdin jindirizzaw il-każ speċifiku kkonċernat. Madankollu, ir-Regolament CPC imsemmi jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta’ ċertu tilwim (8) u li tiġi mistiedna tipparteċipa f’investigazzjoni koordinata li tinvolvi aktar minn żewġ Stati Membri (9).

L-atturi tas-CPCS jaqsmu r-responsabbiltà fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar, il-provvista ta’ informazzjoni u d-drittijiet tal-aċċess, l-oġġezzjoni u r-rettifika.

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti fir-rwoli tagħhom ta’ kontrolluri huma responsabbli b’mod individwali li jiżguraw li r-regoli relatati mal-operazzjonijiet tagħhom tal-ipproċessar tad-dejta huma kompatibbli mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

6.   L-ATTURI U L-UTENTI TAS-CPCS

Hemm profili ta’ aċċess differenti fi ħdan is-CPCS: l-aċċess għad-database huwa ristrett u allokat għal uffiċjal speċifiku tal-awtorità kompetenti biss (utent awtentikat) li ma jistax jiġi trasferit. It-talbiet għall-aċċess għas-CPCS jistgħu biss jiġu milqugħa għall-uffiċjali nnotifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Huwa meħtieġ login/password biex wieħed jidħol fis-sistema li jista’ jinkiseb mill-uffiċċju uniku ta’ kollegament.

L-utenti fl-awtoritajiet kompetenti mitluba u applikanti biss għandhom l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni kompluta skambjata għal każ speċifiku li tinkludi l-annessi kollha fil-fajl tal-każ tas-CPCS. L-uffiċċji uniċi ta’ kollegament jistgħu biss jaqraw l-informazzjoni ewlenija fuq każ biex jidentifikaw l-awtorità kompetenti li lilha għandha tiġi trasferita talba. Ma jistgħux jaqraw id-dokumenti kunfidenzjali mhemuża ma’ talba jew twissija.

Fil-każijiet tal-infurzar, l-informazzjoni ġenerali titqassam bejn l-utenti fl-awtoritajiet kompetenti kollha nnotifikati bħala dawk responsabbli għall-atti legali miksura. Dan isir permezz tan-notifiki. Dawn in-notifiki għandhom jagħtu deskrizzjoni wiesgħa ta’ każ u għandhom jevitaw li jinkludu dejta personali. Jistgħu jeżistu xi eċċezzjonijiet bħal pereżempju l-isem ta’ bejjiegħ jew fornitur (jekk tkun persuna fiżika).

Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda aċċess għat-talbiet għall-informazzjoni u l-infurzar jew għad-dokumenti kunfidenzjali iżda tirċievi notifiki u twissijiet.

7.   IL-PRINĊIPJI DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA APPLIKABBLI GĦALL-ISKAMBJU TAL-INFORMAZZJONI

L-ipproċessar ta’ dejta personali mill-utenti tas-CPCS fl-Istati Membri jista’ jsir biss taħt kundizzjonijiet u skont il-prinċipji li tistabbilixxi d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Il-kontrollur tad-dejta huwa responsabbli li jiżgura li l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-dejta jiġu mħarsa waqt l-ipproċessar ta’ dejta personali fis-CPCS.

Għandu wkoll jiġi nnotat li kemm ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità kif ukoll dawk dwar il-protezzjoni tad-dejta japplikaw għas-CPCS. Ir-regoli tal-kunfidenzjalità u r-regoli tas-segretezza professjonali jistgħu japplikaw għad-dejta b’mod ġenerali filwaqt li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta huma limitati għad-dejta personali.

Huwa importanti li ma jintesiex li l-utenti tas-CPCS fl-Istati Membri huma responsabbli għal ħafna operazzjonijiet tal-ipproċessar oħra u li huwa possibbli li dawn ma jkunux esperti fil-protezzjoni tad-dejta. Il-konformità mal-protezzjoni tad-dejta fis-CPCS ma hemmx għalfejn tkun kumplikata bla bżonn jew li tkun ta’ piż amministrattiv eċċessiv. U lanqas ma għandha tkun l-istess għas-sistema kollha. Dawn il-linji gwida huma rakkomandazzjonijiet għat-trattament ta’ dejta personali u wieħed għandu jfakkar li mhux id-dejta kollha skambjata fi ħdan is-CPCS hija dejta personali.

Qabel kull dħul ta’ informazzjoni fis-CPCS, l-uffiċjali tal-infurzar għandhom iqisu jekk id-dejta personali li għandha tintbagħat hijiex strettament meħtieġa għall-kisba tal-iskopijiet ta’ kooperazzjoni effiċjenti u jikkunsidraw lil min qegħdin jibagħtu d-dejta personali. L-uffiċjal tal-infurzar għandu jsaqsi lilu nnifsu jekk ir-riċevitur għandux verament bżonn li jirċievi din l-informazzjoni għall-iskopijiet tat-twissija jew għat-talba ta’ għajnuna reċiproka.

Il-lista li ġejja ta’ prinċipji fundamentali dwar il-protezzjoni tad-dejta għandha l-għan li tgħin lill-uffiċjali tal-infurzar li għandhom aċċess għas-CPCS biex jagħmlu analiżi ta’ kull każ ta’ jekk ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta relatati mal-ipproċessar tad-dejta personali humiex qegħdin jiġu mħarsa kull darba li jipproċessaw dejta personali fi ħdan is-sistema. L-uffiċjali tal-infurzar għandhom ukoll jiftakru li jistgħu jeżistu eżenzjonijiet u restrizzjonijiet fuq livell nazzjonali għall-applikazzjoni tal-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-dejta, elenkati hawn taħt, u huwa rrakkomandat li dawn jikkonsultaw l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom tal-protezzjoni tad-dejta (10).

X’inhuma l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-dejta li għandhom jiġu osservati?

Il-prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta li wieħed għandu jżomm f’moħħu qabel ma jsir l-ipproċessar ta’ kwalunkwe dejta personali ttieħdu mid-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta. Billi din id-Direttiva ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali, dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet huma mfakkra li jikkonsultaw l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali tagħhom tal-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji elenkati hawn taħt u huwa rrakkomandat li jivverifikaw jekk jeżistux xi eżenzjonijiet jew restrizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.

Il-prinċipju tat-Trasparenza

Skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, is-suġġett tad-dejta għandu d-dritt li jiġi infurmat meta tkun qiegħda tiġi pproċessata d-dejta personali tiegħu. Il-kontrollur huwa meħtieġ li jipprovdi ismu u l-indirizz tiegħu, l-iskop tal-ipproċessar, ir-riċevituri tad-dejta u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ipproċessar ikun ġust (11).

Id-dejta tista’ tiġi pproċessata biss fiċ-ċirkostanzi li ġejjin (12):

meta s-suġġett tad-dejta jkun ta l-kunsens tiegħu;

meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq jew għad-dħul f’kuntratt;

meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali;

meta l-ipproċessar huwa meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta;

l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jkun sar fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali li tingħata lill-kontrollur jew lil parti terza li lilha tiġi żvelata d-dejta;

l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-iskopijiet tal-interessi leġittimi tal-kontrollur jew tal-parti jew partijiet terzi li lilhom tiġi żvelata d-dejta.

Il-prinċipju tal-legalità u l-imparzjalità

Id-dejta personali ma tistax tinġabar jew tiġi pproċessata b’modi inġusti jew illegali, u lanqas ma għandha tintuża għal finijiet li mhumiex kompatibbli mal-iskopijiet stabbiliti fir-Regolament CPC. Biex l-ipproċessar ikun legali, dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet għandhom jiżguraw li għandhom raġunijiet ċari li jiġġustifikaw il-ħtieġa tal-ipproċessar. L-ipproċessar għandu jitwettaq għal skopijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma jistax jiġi pproċessat aktar b’mod li mhuwiex kompatibbli ma’ dawk l-iskopijiet (13). Dan jista’ biss jiġi stipulat fir-Regolament CPC.

Sabiex l-ipproċessar ikun ġust, is-suġġetti tad-dejta għandhom jiġu infurmati bl-iskopijiet li għalihom id-dejta tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata u bl-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess, rettifika u oġġezzjoni.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-eżattezza u l-perjodi ta’ żamma

L-informazzjoni għandha tkun proporzjonata, adegwata, relevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni mal-iskopijiet li għalihom tinġabar u/jew tkun ipproċessata aktar. Id-dejta għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tkun aġġornata; kull pass raġonevoli għandu jittieħed biex jiġi żgurat li dejta li ma tkunx eżatta jew ma tkunx sħiħa, wara li jingħata kont tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew li għalihom tkun ġiet pproċessata aktar, ma titħassarx jew tinbidel; id-dejta personali għandha tinżamm b’mod li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-dejta għal żmien li ma jkunx iktar milli huwa meħtieġ għall-iskopijiet li għalihom id-dejta tkun inġabret jew li għalihom tkun ġiet proċessata; Għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa għal dejta personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

Dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet għandhom jikkunsidraw jekk l-informazzjoni li qegħdin jipproċessaw hijiex verament meħtieġa għall-iskopijiet li għandhom jinkisbu.

Il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop

Id-dejta personali għandha tinġabar għal skopijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma tkunx ipproċessata aktar b’mod li mhuwiex kompatibbli ma’ dawk l-iskopijiet u għandha tinġibed l-attenzjoni tas-suġġett tad-dejta fuqha. Dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet għandhom jipproċessaw dejta personali biss meta hemm skop ċar biex isir dan jiġifieri: li jeżistu raġunijiet legali fi ħdan ir-Regolament CPC li jiġġustifikaw it-trasferiment.

Il-drittijiet tal-aċċess

Is-suġġetti tad-dejta għandhom id-dritt, skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (14), li jiġu infurmati li d-dejta personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata; l-iskopijiet tal-ipproċessar; ir-riċevituri tad-dejta u li għandhom drittijiet speċifiċi jiġifieri d-dritt għall-informazzjoni u r-rettifika. Is-suġġett tad-dejta għandu d-dritt li jkollu aċċess għad-dejta kollha pproċessata dwaru. Is-suġġett tad-dejta għandu wkoll id-dritt li jitlob għar-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar tad-dejta li mhijiex kompluta, mhijiex eżatta jew li mhux qiegħda tiġi pproċessata b’mod konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta (15).

Dejta sensittiva

L-ipproċessar ta’ dejta li tiżvela l-oriġini razjali jew etniku, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trejdjunjin, tagħrif dwar is-saħħa, il-ħajja sesswali, reati u kundanni kriminali huwa pprojbit. Madankollu, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (16) tipprevedi ċerti eżenzjonijiet għal din ir-regola fejn id-dejta sensittiva tista’ tiġi pproċessata taħt kundizzjonijiet speċifiċi (17). Billi l-utenti tas-CPCS jistgħu jsibu rwieħhom f’pożizzjoni fejn qiegħdin jimmaniġġjaw dejta sensittiva (18), huwa rakkomandat li jintuża approċċ ta’ kawtela għad-dejta sensittiva. Huwa rakkomandat li l-utenti tas-CPCS jikkonsultaw l-awtorità nazzjonali tagħhom tal-protezzjoni tad-dejta fuq jekk japplikawx derogi għall-ipproċessar ta’ dejta sensittiva.

Eżenzjonijiet

Fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, huma permessi xi eżenzjonijiet mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Huwa rakkomandat li dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet jikkonsultaw il-liġi nazzjonali biex jivvalutaw jekk tali eżenzjonijiet humiex possibbli u sa liema limitu (19). Jekk jintużaw tali eżenzjonijiet, huwa rakkomandat li jiġu indikati b’mod ċar fid-dikjarazzjonijiet ta’ privatezza ta’ kull awtorità kompetenti.

L-applikazzjoni tal-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-dejta

L-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-funzjonament tas-CPCS twassal għar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(1)

L-użu tas-CPCS għandu jkun strettament limitat għall-iskopijiet stabbiliti fir-Regolament CPC. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament CPC jiddikjara li l-informazzjoni li tiġi kkomunikata tista’ biss tintuża għall-iskopijiet tal-iżgurar tal-konformità mal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Dawn il-liġijiet huma elenkati fl-Anness tar-Regolament CPC.

(2)

Huwa rakkomandat li l-uffiċjali tal-infurzar jużaw l-informazzjoni miksuba minn talba għall-għajnuna reċiproka jew twissija għall-iskopijiet relatati ma’ dak il-każ speċifiku biss, b’konformità stretta mar-rekwiżiti legali dwar il-protezzjoni tad-dejta, filwaqt li jivvalutaw ex ante l-ħtieġa tal-ipproċessar fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imwettqa fl-interess pubbliku aktar wiesa’.

(3)

Meta tiġi trasferita d-dejta, l-uffiċjali tal-infurzar għandhom jagħmlu valutazzjoni għal kull każ ta’ min għandu jkunu r-riċevitur tal-informazzjoni li għandha tiġi pproċessata.

(4)

L-utenti tas-CPCS għandhom jagħżlu b’kawtela l-mistoqsijiet li jistaqsu fit-talba għal għajnuna reċiproka u ma jitolbux aktar dejta milli huwa meħtieġ. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ ħarsien tal-prinċipji tal-kwalità tad-dejta, imma wkoll kwistjoni ta’ tnaqqis tal-piż amministrattiv.

(5)

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (20) teħtieġ li d-dejta personali għandha tkun eżatta u aġġornata. Huwa rakkomandat li għandha tkun l-awtorità kompetenti li pprovdiet l-informazzjoni li tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-eżatezza tad-dejta maħżuna fis-CPCS. Il-messaġġi pop up ġew miżjuda bħala karatteristika fis-CPCS biex ifakkru kull tant żmien lil dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet biex jivverifikaw jekk id-dejta personali hijiex eżatta u aġġornata.

(6)

Mod prattiku biex is-suġġetti tad-dejta jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom huwa permezz ta’ nota ta’ privatezza fuq webpage komprensiva. Huwa rakkomandat li kull awtorità kompetenti għandha tipprovdi nota ta’ privatezza fuq webpage fuq il-websites tagħhom. Kull nota ta’ privatezza għandha tikkonforma mal-obbligi ta’ informazzjoni kollha kif stabbilit fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, u tinkludi link għan-nota ta’ privatezza fuq il-webpage tal-Kummissjoni u għandha tagħti aktar dettalji inklużi d-dettalji tal-kuntatt dwar l-awtorità kompetenti kkonċernata kif ukoll kwalunkwe restrizzjoni nazzjonali fuq id-dritt tal-aċċess jew informazzjoni. Il-kontrolluri tad-dejta involuti kollha huma responsabbli li jiżguraw li n-notifiki ta’ privatezza jiġu ppubblikati.

(7)

Is-suġġett tad-dejta jista’ jitlob għall-aċċess, ir-rettifika u t-tħassir tad-dejta personali tiegħu minn aktar minn sors wieħed. Għalkemm kull awtorità kompetenti hija responsabbli, bħala kontrollur tad-dejta, għall-operazzjonijiet tagħha stess tal-ipproċessar tad-dejta, għandha ssir tweġiba kkoordinata għat-talbiet fir-rigward ta’ każijiet transkonfinali. Huwa rakkomandat li f’tali każijiet, l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lil awtoritajiet kompetenti kkonċernati oħra li rċevew it-talba.

Meta awtorità kompetenti taħseb li l-għotja ta’ tweġiba pożittiva għal talba tista’ taffettwa l-proċedura ta’ investigazzjoni jew ta’ infurzar li tkun qiegħda titwettaq minn awtoritajiet kompetenti oħra, dik tal-ewwel għandha titlob għall-opinjoni ta’ dik tal-aħħar qabel ma tilqa’ t-talba.

Is-suġġett tad-dejta jista’ wkoll jagħmel it-talba tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ biss tilqa’ talba għal dejta li għandha aċċess għaliha. Meta tirċievi talba, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-awtorità kompetenti li pprovdiet l-informazzjoni. Jekk ma jitqajmux oġġezzjonijiet jew jekk l-awtorità kompetenti tonqos milli twieġeb fi żmien raġonevoli, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jekk tilqax jew le t-talba fuq il-bażi tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Il-Kummissjoni għandha wkoll titlob għall-opinjoni tal-awtoritajiet kompetenti li l-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew ta’ infurzar tagħhom jistgħu jkunu kompromessi jekk tiġi milqugħa t-talba. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-inkorporazzjoni ta’ karatteristiċi tekniċi addizzjonali fis-CPCS tistax tiffaċilita tali skambji.

(8)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni CPC 2007/76/KE tipprevedi l-istabbiliment ta’ kaxex għad-dejta fi ħdan is-CPCS għall-ismijiet tad-diretturi tal-kumpaniji. L-uffiċjali tal-infurzar għandhom jagħmlu valutazzjoni ta’ jekk l-inklużjoni ta’ dan it-tip ta’ dejta personali hijiex meħtieġa biex jissolva l-każ. Qabel kwalunkwe dħul ta’ informazzjoni fis-CPCS u qabel ma tintbagħat twissija jew talba għal għajnuna reċiproka lil awtorità kompetenti oħra, għandha ssir valutazzjoni għal kull każ ta’ jekk huwiex meħtieġ li jiġi inkluż l-isem ta’ direttur ta’ kumpanija fil-kaxxa għad-dejta xierqa.

(9)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni CPC 2007/76/KE titlob li l-awtorità kompetenti li tkun qiegħda daħħal informazzjoni jew talbiet għall-infurzar jew twissijiet għandha tindika jekk l-informazzjoni għandhiex tiġi mmaniġġjata b’mod kunfidenzjali. Dan għandu jsir fuq il-bażi ta’ kull każ. B’mod simili, l-awtorità mitluba, meta tipprovdi l-informazzjoni, għandha tindika jekk l-informazzjoni għandhiex tiġi mmaniġġjata b’mod kunfidenzjali. Is-CPCS tinkludi karatteristika ta’ valur awtomatiku meta l-utenti tas-CPCS ikollhom bżonn jagħtu l-aċċess għal dokumenti b’mod espliċitu billi jneħħu l-marka fuq il-bandiera ta’ kunfidenzjalità.

8.   IS-CPCS U L-PROTEZZJONI TAD-DEJTA

Ambjent favorevoli għall-protezzjoni tad-dejta

Is-CPCS ġiet imfassla bil-ħsieb tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta:

Is-CPCS tuża s-TESTA li jfisser Servizzi Trans-Ewropej sikuri tat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet. Dan joffri pjattaforma ta’ komunikazzjoni pan-Ewropea affidabbli u sikura għall-amministrazzjonijiet Ewropej u Nazzjonali. In-netwerk s-TESTA huwa bbażat fuq infrastruttura privata dedikata li hija kompletament separata mill-Internet. Id-disinn tas-sistema jinkludi miżuri ta’ sigurtà xierqa biex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni possibbli għan-Netwerk. In-Netwerk huwa s-suġġett ta’ akkreditazzjoni ta’ sigurtà biex tagħmlu xieraq għat-trasmissjoni ta’ informazzjoni li hija kklasifikata fil-livell ta’ “Ristretta għall-UE”.

Iddaħħlu għadd ta’ karatteristiċi tekniċi: passwords siguri u personalizzati għal uffiċjali kompetenti nnotifikati f’awtoritajiet magħżula, l-użu ta’ netwerk sigur (s-TESTA), messaġġi pop-up li jfakkru lil dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet li għandhom jikkunsidraw ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta meta jipproċessaw id-dejta personali, il-ħolqien ta’ profili tal-utenti differenti li jadattaw l-aċċess għall-informazzjoni skont ir-rwol tal-utent (l-awtorità kompetenti, l-uffiċċju uniku ta’ kollegament jew il-Kummissjoni), il-possibbiltà li jiġi llimitat l-aċċess għad-dokumenti billi dawn jiġu definiti bħala kunfidenzjali u l-messaġġ fuq il-homepage tas-CPCS li jindika r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Regoli ta’ implimentazzjoni (21) li jkopru aspetti ewlenin biex jiżguraw il-konformità mal-protezzjoni tad-dejta: regoli ta’ tħassir ċari (liema informazzjoni; kif u meta għandha titħassar id-dejta); prinċipji li jispeċifikaw it-tipi ta’ aċċess għall-informazzjoni (l-awtoritajiet kompetenti li huma kkonċernati direttament biss għandhom l-aċċess sħiħ u l-oħrajn għandhom informazzjoni ġenerali biss).

Linji gwida operattivi (22) li jiċċaraw aktar x’għandu jitqies meta jimtlew il-kaxex tad-dejta differenti u l-integrazzjoni ta’ dawn il-linji gwida (23).

Reviżjonijiet annwali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw l-eżattezza tad-dejta personali (qiegħed jiġi ppjanat l-immarkar (tagging) iżda għadu ma ġiex implimentat) u wkoll li l-każijiet jingħalqu u/jew jitħassru kif previst mir-regoli biex jiġi żgurat li l-każijiet ma jintnesewx. Il-Kummissjoni regolarment torganizza mal-Istati Membri reviżjoni sistematika tal-każijiet li nfetħu għal perjodu li huwa sostanzjalment itwal mill-perjodu medju għall-immaniġġjar tal-każijiet.

It-tħassir awtomatiku tal-każijiet ta’ għajnuna reċiproka ħames snin wara li jingħalaq il-każ kif mitlub mir-Regolament CPC.

Is-CPCS hija għodda tal-IT li qiegħda tiżviluppa u li timmira li tkun favur il-protezzjoni tad-dejta. Diġà ddaħħlu bosta karatteristiċi ta’ salvagwardja fl-arkitettura tas-sistema li ġiet deskritta hawn fuq. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tkompli tiżviluppa aktar titjib kif meħtieġ.

Xi elementi ta’ gwida oħra

Għal kemm żmien għandu jinħażen każ u meta għandu jingħalaq u jitħassar?

Il-Kummissjoni biss tista’ tħassar informazzjoni mis-CPCS (24) u dan tagħmlu normalment fuq talba ta’ awtorità kompetenti. Meta tagħmel tali talba, l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba ta’ tħassir. L-unika eċċezzjonijiet huma t-talbiet għall-infurzar. Dawn jitħassru awtomatikament mill-Kummissjoni ħames snin wara l-għeluq tal-każ mill-awtorità applikanti.

Ġew stabbiliti regoli b’limiti ta’ żmien speċifiċi biex jiżguraw it-tħassir tad-dejta li ma għadhiex meħtieġa; li mhijiex eżatta; li mhijiex ġustifikata u/jew inżammet għall-perjodi massimi ta’ ħażna.

Għaliex il-perjodu ta’ ħżin tad-dejta huwa stabbilit għal ħames snin?

L-iskop tal-perjodu ta’ żamma huwa li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi meta jittrattaw ksur intra-Komunitarju, li jikkontribwixxi għat-tħaddim bla xkiel tas-suq intern, il-kwalità u l-konsistenza tal-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, il-monitoraġġ tal-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u li jikkontribwixxi biex jogħla l-livell u l-konsistenza tal-infurzar. Matul il-perjodu ta’ żamma l-uffiċjali tal-infurzar awtorizzati li jkunu qegħdin jaħdmu għal awtorità kompetenti li fil-bidu tkun ħadmet fuq każ, jistgħu jikkonsultaw il-fajl sabiex jistabbilixxu rabtiet ma’ ksur possibbilment ripetut bħala kontribuzzjoni għal infurzar aħjar u aktar effiċjenti.

X’informazzjoni tista’ tiġi inkluża fil-forum ta’ diskussjoni?

Il-forum ta’ diskussjoni huwa mehmuż mas-CPCS u huwa għodda maħsuba għall-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħalma huma s-setgħat ta’ infurzar ġodda u l-aħjar prattika. Ġeneralment, il-forum ta’ diskussjoni, għalkemm ma jintużax ta’ spiss minn uffiċjali tal-infurzar, ma għandux jintuża għall-iskambju ta’ dejta relatata mal-każ u ma għandux jirreferi għal dejta personali.

X’tip ta’ dejta tista’ tiġi inkluża fis-sommarji qosor u fid-dokumenti mehmuża?

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni CPC 2007/76/KE tipprevedi kaxxa tad-dejta “dokumenti mehmuża” fil-każ ta’ twissijiet u informazzjoni u talbiet għall-infurzar. Is-sommarji qosor huma oqsma fejn għandha ssir deskrizzjoni tal-ksur. Huwa rakkomandat li d-dejta personali ma għandhiex tiġi inkluża fis-sommarji qosor għaliex l-iskop ta’ din il-kaxxa tad-dejta huwa li jkun hemm deskrizzjoni ġenerali tal-ksur. Id-dejta personali fid-dokumenti mehmuża li mhijiex strettament meħtieġa għandha titgħatta bl-iswed jew titneħħa.

Xi jfisser “suspett raġonevoli” li sar ksur?

Suspett raġonevoli għandu jiġi interpretat skont il-liġi nazzjonali. Madankollu, huwa rakkomandat li ksur suspett għandu biss jiġi inkluż fis-CPCS jekk ikun hemm xi evidenza li ssostni l-każ li sar ksur jew li huwa possibbli li sar ksur.

U fir-rigward ta’ trasferimenti għal pajjiżi terzi?

Ir-Regolament CPC (25) jipprevedi li l-informazzjoni kkomunikata taħt ir-Regolament CPC tista’ wkoll tiġi kkomunikata lil awtorità ta’ pajjiż terz minn Stat Membru li jkollu ftehim ta’ għajnuna bilaterali sakemm ikun inkiseb il-kunsens tal-awtorità kompetenti li kkomunikat l-informazzjoni fil-bidu u jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta.

Huwa rakkomandat li fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni Ewropea għal arranġamenti ta’ kooperazzjoni ta’ għajnuna reċiproka (26) ma’ pajjiż terz, kwalunkwe ftehim bilaterali għall-għajnuna ma’ pajjiż terz speċifiku għandu jipprevedi salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta u għandu jiġi notifikat lill-awtoritajiet rilevanti ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-dejta sabiex tkun tista’ titwettaq verifika minn qabel, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx sabet li l-pajjiż terz jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni għad-dejta personali li tkun ġiet trasferita mill-Unjoni skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.


(1)  L-Artikolu 2(a).

(2)  Għandu jiġi osservat li l-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta japplikaw kemm għad-dejta li tinħażen elettronikament kif ukoll għad-dejta li tinħażen fuq il-karta.

(3)  Għar-regoli speċifiċi dwar it-tħassir ara: Id-Deċiżjoni 2007/76/KE u “In-Netwerk ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur: Linji Gwida Operattivi”.

(4)  Id-Direttiva 95/46/KE.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(6)  http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/edps/EDPS

(7)  L-Artikoli 8, 9 u 15 tar-Regolament CPC (KE) Nru 2006/2004.

(8)  L-Artikolu 8(5) tar-Regolament CPC (KE) Nru 2006/2004.

(9)  L-Artikolu 9 tar-Regolament CPC (KE) Nru 2006/2004.

(10)  L-Artikoli 11(2) u 13 tad-Direttiva 95/46/KE.

(11)  L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46/KE.

(12)  L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE.

(13)  L-Artikolu 6.1(b) tad-Direttiva 95/46/KE.

(14)  L-Artikoli 10, 11, 12 tad-Direttiva 95/46/KE.

(15)  L-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE.

(16)  L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/46/KE.

(17)  L-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE.

(18)  Il-Kapitolu 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/76/KE.

(19)  L-opinjoni 6/2007 dwar kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta relatati mas-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPCS) 01910/2007/EN – WP 130 – adottata fil-21 ta’ Settembru 2007, p. 24-26.

(20)  L-Artikolu 6.1(d) tad-Direttiva 95/46/KE.

(21)  Id-Deċiżjoni 2007/76/KE

(22)  In-Netwerk ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur: Linji Gwida Operattivi - approvati mill-Kumitat CPC fit-8 ta’ Ġunju 2010.

(23)  Il-kontenut ta’ dawn il-linji gwida se jiġi integrat fit-taħriġ dwar is-CPCS fil-ġejjieni.

(24)  L-Artikolu 10 tar-Regolament CPC (KE) Nru 2006/2004 u l-Kapitolu 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni CPC 2007/76/KE.

(25)  L-Artikolu 14(2) tar-Regolament CPC (KE) Nru 2006/2004.

(26)  L-Artikolu 18 tar-Regolament CPC (KE) Nru 2006/2004.


Top