Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0023

2011/66/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 25 ta' Novembru 2010 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (riformulazzjoni) (BĊE/2010/23)

ĠU L 35, 9.2.2011, p. 17–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/12/2016; Imħassar b' 32016D0036(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/66(1)/oj

9.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/17


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta' Novembru 2010

dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

(tfassil mill-ġdid)

(BĊE/2010/23)

(2011/66/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

(1)

Deċiżjoni BĊE/2001/16 tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002 (1) issa ġiet emendata sostanzjalment bosta drabi (2) Peress illi jridu jsiru aktar emendi, hija għandha tkun riformulata fl-interessi taċ-ċarezza.

(2)

Skont l-Artikolu 32.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, id-dħul monetarju huwa d-dħul akkumulat għall-BĊNi fit-twettiq tal-funzjoni tagħhom tal-politika monetarja. Taħt l-Artikolu 32.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, l-ammont ta' dħul ta' kull BĊN huwa ugwali għad-dħul annwali tiegħu mill-assi miżmumin fuq karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u passiv fuq depożiti lejn istituzzjonijiet ta' kreditu. Dawn l-assi għandhom jiġu mmarkati minn BĊNi skont il-linji ta' gwida tal-Kunsill Governattiv. Il-BĊNi għandhom jimmarkaw l-assi li jirriżultaw mit-twettiq tal-funzjoni tagħhom tal-politika monetarja bħala assi miżmumin fuq karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u passiv fuq depożiti lejn istituzzjonijiet ta' kreditu. Skont l-Artikolu 32.4 tal-Istatut tas-SEBĊ, l-ammont tad-dħul monetarju ta' kull BĊN huwa mnaqqas b'ammont ekwivalenti għal kull imgħax imħallas minn dak il-BĊN fuq passiv fuq depożiti lejn istituzzjonijiet ta' kreditu skont l-Artikolu 19.

(3)

Skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma tad-dħul monetarju tal-BĊNi hija allokata lilhom skont il-proporzjon tal-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

(4)

Skont l-Artikoli 32.6 u 32.7 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Governattiv għandu s-setgħa li jistabbilixxi linji ta' gwida għall-ikklerjar u l-ħlas mill-BĊE tal-bilanċi li jirriżultaw mill-allokazzjoni ta' dħul monetarju u li jieħu kull miżuri oħrajn li huma meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 32.

(5)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (3), il-BĊE u l-BĊNi daħħlu fiċ-ċirkolazzjoni karti tal-flus tal-euro. Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament jgħid illi karti tal-flus denominati f'unitajiet ta' munita nazzjonali jibqgħu valuta legali fil-konfini territorjali tagħhom sa mhux aktar tard minn sitt xhur mill-bidla tal-flus rispettiva. Is-sena tal-bidla tal-flus għandha għalhekk tiġi meqjusa bħala sena speċjali, peress illi l-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni denominati f'unitajiet ta' munita nazzjonali jistgħu jkunu għadhom jgħoddu għal proporzjon konsiderevoli tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni.

(6)

Artikolu 15(1) tal-Linja ta' Gwida BĊE/2006/9 tal-14 ta' Lulju 2006 dwar ċerti preparazzjonijiet għat-tibdil tal-flus kontanti euro u dwar il-frontloading u s-subfrontloading tal-karti tal-flus u muniti euro barra ż-żona tal-euro (4) jistipula illi karti tal-flus tal-euro mqassmin minn qabel lil kontropartijiet eliġibbli huma ddebitati fil-kontijiet ta' dawk il-kontropartijiet mal-BĊN tagħhom skont il-valur nominali tagħhom, skont il-“linear debiting model” li ġej: l-ammont totali ta' karti tal-flus tal-euro mqassmin minn qabel jiġi ddebitat fi tliet rati ugwali, fid-data tal-ħlas tal-ewwel, ir-raba' u l-ħames operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament tal-Eurosistema wara d-data tal-bidla tal-flus. Il-kalkolu tad-dħul monetarju għas-sena tal-bidla tal-flus trid tagħti konsiderazzjoni lil dan il-“linear debiting model”.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija marbuta ma' Deċiżjoni BĊE/2010/29 tat-13 ta' Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro (5), li tistipula illi l-BĊE u l-BĊNi joħorġu karti tal-flus tal-euro. Id-Deċiżjoni BĊE/2010/29 tistabbilixxi l-allokazzjoni ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-BĊNi skont il-proporzjon tal-ishma li għandhom imħallsin fil-kapital tal-BĊE. Hija talloka ukoll lill-BĊE 8 % tal-valur totali tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. L-allokazzjoni ta' karti tal-flus tal-euro fost il-membri tal-Eurosistema twassal għal bilanċi intra-Eurosistema. Ir-remunerazzjoni ta' dawn il-bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandha effett dirett fuq id-dħul ta' kull membru tal-Eurosistema, u għalhekk hija għandha tkun irregolata taħt din id-Deċiżjoni. Id-dħul li jakkumula lill-BĊE mir-remunerazzjoni tal-klejms intra-Eurosistema tiegħu fil-konfront ta' BĊNi b'rabta ma' sehmu tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandu fil-prinċipju jitqassam lill-BĊNi skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrijin taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (riformulazzjoni) (6) skont il-proporzjon tal-ishma tagħhom fl-iskema tal-kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja li jakkumula fiha.

(8)

Il-bilanċ nett tal-klejms u l-passiv intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandu jitħallas billi jiġi applikat kriterju oġġettiv li jiddefinixxi l-prezz tal-flus. F'dan il-kuntest, ir-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għal operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament hija meqjusa bħala xierqa.

(9)

Il-passiv intra-Eurosistema nett fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandu jiġi inkluż fil-bażi tal-passiv għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul monetarju tal-BĊNi taħt l-Artikolu 32.2 tal-Istatut tas-SEBĊ peress illi huwa ekwivalenti għall-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni. Il-ħlas ta' imgħax fuq bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandu għalhekk jirriżulta fid-distribuzzjoni ta' ammont sostanzjali tad-dħul monetarju tal-Eurosistema fost BĊNi skont il-proporzjon tal-ishma imħallsin li għandhom fil-kapital tal-BĊE. Dawn il-bilanċi intra-Eurosistema għandhom jiġu aġġustati sabiex jippermettu adattazzjoni gradwali tal-karti tal-bilanċ u kontijiet tal-qligħ u t-telf tal-BĊNi. L-aġġustamenti għandhom ikunu bbażati fuq il-valur ta' karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni ta' kull BĊN matul perijodu qabel l-introduzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro. Dawn l-aġġustamenti għandhom japplikaw fuq bażi annwali skont formola fissa għal mhux aktar minn ħames snin ta' wara.

(10)

L-aġġustamenti lill-bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni ġew ikkalkolati sabiex jikkumpensaw għal bidliet sinifikanti fil-pożizzjonijiet tad-dħul tal-BĊNi bħala konsegwenza tal-introduzzjoni ta' karti tal-flus u l-allokazzjoni sussegwenti tad-dħul monetarju.

(11)

Ir-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ japplikaw ukoll għad-dħul li jirriżulta mill-istralċju ta' karti tal-flus tal-euro li ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni.

(12)

L-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ jispeċifika illi s-somma tad-dħul monetarju tal-BĊNi għandha tiġi allokata lill-BĊNi skont il-proporzjon tal-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital tal-BĊE. Skont l-Artikolu 32.7 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Governattiv huwa kompetenti biex jieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 32. Dan jinkludi l-kompetenza biex jikkunsidra fatturi oħrajn meta jkun qed jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tad-dħul li jirriżulta mill-kanċellament ta' karti tal-flus tal-euro li jkunu ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni. F'dan il-kuntest, il-prinċipji tat-trattament ugwali u tal-imparzjalità jeħtieġu illi jiġi kkunsidrat il-perijodu ta' żmien li matulu nħarġu l-karti tal-flus tal-euro li jkunu ċew irtirati. L-iskema tal-allokazzjoni għal dan id-dħul speċifiku għandha għalhekk tirrifletti kemm is-sehem rilevanti fil-kapital tal-BĊE kif ukoll it-tul tal-fażi tal-ħruġ.

(13)

L-irtirar ta' karti tal-flus tal-euro għandu bżonn jiġi rregolat minn deċiżjonijiet separati li jridu jittieħdu taħt l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni BĊE/2003/4 tal-20 ta' Marzu 2003 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar ta' karti tal-flus tal-euro (7),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“BĊN” tfisser bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(b)

“bażi tal-passiv” tfisser l-ammont ta' passiv li jikkwalifika, fil-karta tal-bilanċ ta' kull BĊN, speċifikat skont l-Anness I ta' din id-Deċiżjoni;

(ċ)

“assi assenjabbli” tfisser l-ammont ta' assi miżmumin fil-konfront tal-bażi tal-passiv, fil-karta tal-bilanċ ta' kull BĊN, speċifikati skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni;

(d)

“bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni” tfisser il-klejms u l-passiv li jirriżulta bejn BĊN u l-BĊE u bejn BĊN u l-BĊNi l-oħra bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29;

(e)

“skema tal-kapital sottoskritt” tfisser l-ishma tal-BĊNi, espressi bħala persentaġġi, fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li jirriżulta mill-applikazzjoni lill-BCNi tal-ippeżar fl-iskema msemmija fl-Artikolu 29.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u kif applikabbli għas-sena finanzjarja relevanti;

(f)

istituzzjoni ta' kreditu tfisser jew (a) istituzzjoni ta' kreditu fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikoli 2 u 4(1)(a) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta kreditu (8), kif implimentata fil-liġi nazzjonali, li hija suġġetta għas-superviżjoni minn awtorità kompetenti; jew (b) istituzzjoni ta' kreditu oħra fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 123(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li hija suġġetta għall-iskrutinju ta' standard paragunabbli mas-superviżjoni minn awtorità kompetenti;

(g)

“HBS” tfisser il-karta tal-bilanċ armonizzata kif stabbilita fl-Anness VIII tal-Linja ta' Gwida BĊE/2010/20 tal-11 ta' Novembru 2010 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (9);

(h)

“rata ta' referenza” tfisser l-aħħar rata ta' imgħax marġinali disponsibbli li hija użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament taħt il-paragrafu 3.1.2 tal-Anness I tal-Linja ta' Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta' Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (10). Fejn titmexxa aktar minn operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament għall-ħlas fl-istess jum, tintuża medja sempliċi tar-rati marġinali tal-operazzjonijiet li jitmexxew b'mod parallel;

(i)

“data tal-bidla tal-flus kontanti” tfisser id-data li fiha l-karti tal-flus u l-muniti euro jiksbu l-istat ta' valuta legali fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(j)

“perijodu ta' referenza” tfisser perijodu ta' 24 xahar li jibda 30 xahar qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti;

(k)

“sena tal-bidla tal-flus kontanti” tfisser perijodu ta' 12-il xahar li jibda fid-data tal-bidla tal-flus kontanti;

(l)

“rata ta' referenza kwotidjana tal-kambju barrani” tfisser ir-rata ta' referenza kwotidjana tal-kambju li hija bbażata fuq il-proċedura regolari ta' ftehim kwotidjan bejn banek ċentrali fi ħdan u barra s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, li normalment isseħħ fis-14.15 Ħin Ċentrali Ewropew (CET);

(m)

“karti tal-flus tal-euro rtirati” tfisser kull tip jew serje ta' karta tal-flus li ġiet irtirata miċ-ċirkolazzjoni permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv meħuda skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni BĊE/2003/4;

(n)

“skema tal-ħruġ” tfisser il-medja tal-iskema tal-kapital sottoskritt matul il-fażi tal-ħruġ ta' xi tip jew serje ta' karti ta' flus euro irtirati;

(o)

“fażi tal-ħruġ”, b'rabta ma tip jew serje ta' karti tal-flus tal-euro, tfisser il-perijodu li jibda fid-data li fiha l-ewwel ħarġa ta' karta ta flus tal-euro ta' dan it-tip jew ta' din is-sensiela tiġi rreġistrata fil-bażi tal-passiv u jispiċċa fid-data li fiha l-aħħar ħarġa ta' karta tal-flus tal-euro ta' dan it-tip jew ta' din is-sensiela tiġi rreġistrata fil-bażi tal-passiv;

(p)

“tikkanċella” tfisser li telimina karti ta' flus tal-euro rtirati mill-element tal-karta tal-bilanċ “karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni”.

Artikolu 2

Bilanċi intra-Eurosistema ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni

1.   Il-bilanċi intra-Eurosistema ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi mensili u għandu jiġi rreġistrat fil-kotba tal-BĊE u tal-BĊNi fl-ewwel jum tan-negozju tax-xahar bid-data tal-aħħar jum tan-negozju tax-xahar preċedenti.

Fejn Stat Membru jadotta l-euro, il-kalkolu tal-bilanċi intra-Eurosistema ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni taħt l-ewwel sub-paragrafu għandu jiġi rreġistrat fil-kotba tal-BĊE u tal-BĊNi bid-data tal-jum tal-bidla tal-flus kontanti.

Il-bilanċi intra-Eurosistema ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandhom, għall-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Jannar tal-ewwel sena li b'effett minnu japplika kull aġġustament li jsir kull ħames snin skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ, jinħadmu abbażi tal-iskema aġġustata tal-kapital sottoskritt applikata lil bilanċi tat-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti.

2.   Il-bilanċi intra-Eurosistema ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu rremunerati bir-rata ta' referenza.

3.   Ir-remunerazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi mħallsa permezz ta' pagamenti TARGET2 fuq bażi trimestrali.

Artikolu 3

Metodu biex jiġi kkalkolat id-dħul monetarju

1.   L-ammont ta' dħul monetarju ta' kull BĊN għandu jkun determinat billi jitkejjel id-dħul attwali li jirriżulta mill-assi assenjabbli rreġistrati fil-kotba tiegħu. Bħala eċċezzjonijiet għal dan, id-deheb m'għandux jitqies bħala li jiġġenera d- dħul, u titoli miżmumin għal finijiet ta' politika monetarja taħt Deċiżjoni BĊE/2009/16 tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' bonds garantiti (covered bonds)  (11) għandhom jiġu meqjusa li jiġġeneraw dħul skont ir-rata ta' referenza.

2.   Fejn il-valur ral-assi assenjabbli ta' BĊN jeċċedu jew ma jlaħħqux il-valur tal-bażi tal-passiv tiegħu, id-differenza għandha titpaċa billi tiġi applikata r-rata ta' referenza lill-valur tad-differenza.

Artikolu 4

Aġġustamenti għall-bilanċi intra-Ewrosistema

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul monetarju, il-bilanċi intra-Eurosistema ta' kull BĊN fuq il-bilanċi tal-karti tal-flus euro fiċ-ċirkolazzjoni għandhom jiġu aġġustati b'ammont kumpensatorju li jiġi determinat skont il-formula li ġejja:

C = (K – A) × S

fejn:

C

huwa l-ammont kumpensatorju,

K

huwa l-ammont f'euro għal kull BĊN li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema tal-kapital sottoskritt lill-valur medju ta' karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni matul il-perijodu ta' referenza, fejn l-ammont ta' karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni denominati fil-munita nazzjonali ta' Stat Membru li jadotta l-euro għandu jiġi maqlub f'euro bir-rata ta' referenza kwotidjana tal-kambju barrani matul il-perijodu ta' referenza,

A

hija l-valur medju f'euro għal kull BĊN ta' karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni matul il-perijodu ta' referenza, maqlub f'euro bir-rata ta' referenza kwotidjana tal-kambju barrani matul il-perijodu ta' referenza,

S

huwa l-koeffiċjent għal kull sena finanzjarja, li jibda bid-data tal-bidla tal-flus kontanti:

Sena finanzjarja

Koeffiċjent

Sena tal-bidla tal-flus kontanti

1

Sena tal-bidla tal-flus kontanti u sena oħra

0,8606735

Sena tal-bidla tal-flus kontanti u sentejn oħra

0,7013472

Sena tal-bidla tal-flus kontanti u tliet snin oħra

0,5334835

Sena tal-bidla tal-flus kontanti u erba'snin oħra

0,3598237

Sena tal-bidla tal-flus kontanti u ħames snin oħra

0,1817225

2.   Is-somma tal-ammonti kumpensatorji tal-BĊNi għandha tkun żero.

3.   Ammonti kumpensatorji għandhom jiġu kkalkolati kull darba li Stat Membru jadotta l-euro jew meta l-iskema tal-kapital sottoskritt tal-BĊE tinbidel.

4.   Meta BĊN jingħaqad mal-Eurosistema, l-ammont kumpensatorju tiegħu għandu jiġi allokat lill-BĊNi l-oħrajn skont il-proporzjon tal-ishma rispettivi tal-BĊNi l-oħrajn fl-iskema tal-kapital sottoskritt, bis-sinjal (+/–) irriversjat, u għandu jkun miżjud ma' kull ammonti kumpensatorji li huma diġà fis-seħħ għall-BĊNi l-oħrajn.

5.   L-ammonti kumpensatorji u l-elementi tal-kontabilità biex jibbilanċjaw dawk l-ammonti kumpensatorji għandhom jiġu rreġstrati f'kontijiet intra-Eurosistema separati fil-kotba ta' kull BĊN bid-data tad-data tal-bidla tal-flus kontanti u l-istess data ta' kull sena segwenti tal-perijodu t'aġġustament. L-elementi tal-kontabilità biex jibbilanċjaw l-ammonti kumpensatorji m'għandhomx ikunu rremunerati.

6.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, mal-okkorrenza ta' ġrajjiet speċifiċi marbutin ma' bidliet fit-tendenzi taċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus, kif stabbilit fl-Anness III ta' din id-Deċiżjoni, il-bilanċi intra-Eurosistema ta' kull BĊN tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandhom jiġu aġġustati skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

7.   L-aġġustamenti għall-bilanċi intra-Eurosistema li għalihom hemm provvediment f'dan l-Artikolu għandhom jieqfu milli japplikaw mill-ewwel jum tas-sitt sena li ssegwi s-sena rilevanti tal-bidla tal-flus kontanti.

Artikolu 5

Kalkolu u allokazzjoni tad-dħul monetarju

1.   Il-kalkolazzjoni u l-allokazzjoni tad-dħul monetarju ta' kull BĊN għandu jsir mill-BĊE ta' kuljum. Il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq dejta tal-kontabilità rrapportata mill-BĊNi lill-BĊE. Il-BĊE għandu jinforma lill-BĊNi bl-ammonti kumulattivi fuq bażi trimestrali.

2.   L-ammont tad-dħul monetarju ta' kull BĊN għandu jitnaqqas b'ammont ekwivalenti għal kull imgħax akkumulat jew imħallas fuq il-passiv inkluż fil-bażi tal-passiv, u skont kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv taħt it-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 32.4 tal-Istatut tas-SEBĊ.

3.   L-allokazzjoni tas-somma tad-dħul monetarju ta' kull BĊN skont il-proporzjon tal-iskema tal-kapital sottoskritt għandha sseħħ fit-tmiem ta' kull sena finanzjarja.

Artikolu 6

Kalkolu u allokazzjoni tad-dħul li jirriżulta mill-kanċellament ta' karti tal-flus tal-euro

1.   Karti tal-flus tal-euro rtirati għandhom jibqgħu parti mill-bażi tal-passiv sakemm jiġu skambjati jew ikkanċellati, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel.

2.   Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi li jikkanċella karti tal-flus tal-euro, f'liema każ għandu jispeċifika d-data tal-kanċellament u l-ammont totali tal-provvediment li jrid isir għal dawk il-karti tal-flus tal-euro rtirati li għadhom mistennija li jiġu skambjati.

3.   Karti ta' flus tal-euro rtirati għandhom jiġu kkanċellati kif ġej:

(a)

Fid-data tal-kanċellament, l-elementi “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fil-karta tal-bilanċ tal-BĊE u tal-BĊNi għandhom jitnaqqsu bl-ammont totali ta' karti tal-flus tal-euro rtirati li għadhom fiċ-ċirkolazzjoni. Għal dan il-għan, l-ammonti attwali ta' karti tal-flus tal-euro rtitrati li tpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni għandhom jiġu aġġustati għall-ammonti pro rata tagħhom ikkalkolati skont l-iskema tal-ħruġ, u d-differenzi għandhom jiġu paċuti bejn il-BĊE u l-BĊNi.

(b)

L-ammont aġġustat ta' karti tal-flus tal-euro rtirati għandu jiġi kkanċellat mill-element tal-karta tal-bilanċ “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fil-kontijiet tal-qligħ u t-telf tal-BĊNi.

(ċ)

Kull BĊN għandu jistabbilixxi provvediment għal karti ta' flus euro rtirati li għadhom mistennija li jiġu skambjati. Il-provvediment għandu jkun ekwivalenti għas-sehem tal-BĊN rilevanti fl-ammont totali tal-provvediment ikkalkulat bl-użu tal-iskema tal-ħruġ.

4.   Karti tal-flus tal-euro rtirati li jiġu skambjati wara d-data tal-kanċellament għandu jiġi rreġistrat fil-kotba tal-BĊN li jkun aċċettahom. Il-karti tal-flus tal-euro rtirati li jidħlu għandhom jerġgħu jitqassmu bejn il-BĊNi mill-anqas darba fis-sena billi tiġi applikata l-iskema tal-ħruġ, u d-differenzi għandhom jiġu paċuti bejniethom. Kull BĊN għandu jpaċi l-ammont pro rata mal-provvediment tiegħu jew, f'każ li dak li jidħol jeċċedi l-provvediment, jirreġistra spiża korrispondenti fil-kont tal-qligħ u t-telf tiegħu.

5.   Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi l-ammont totali tal-provvediment fuq bażi annwali.

Artikolu 7

Revoka

Id-Deċiżjoni BĊE/2001/16 hija b'din irrevokata. Ir-referenzi għad-Deċizjoni rrevokata għandhom jiġu miftehma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2010.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Novembru 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 337, 20.12.2001, p. 55.

(2)  Ara l-Anness IV.

(3)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.

(4)  ĠU L 207, 28.7.2006, p. 39.

(5)  Ara paġna ta' 26 dan il-Ġurnal Uffiċjali. Deċiżjoni BĊE/2010/29 adottata qabel il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23.

(6)  Ara paġna … ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. Deċiżjoni BĊE/2010/24 adottata qabel il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23.

(7)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3 p. 246 sa 249.

(8)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(9)  Ara paġna ta' 31 dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.

(11)  ĠU L 175, 4.7.2009, p. 18


ANNESS I

KOMPOŻIZZJONI TAL-BAŻI TAL-PASSIV

A.

Il-bażi tal-passiv tinkludi, bl-esklużjoni ta' kull element ieħor:

1.

Karti tal-flus fic-cirkolazzjoni

Għall-finijiet ta' dan l-Anness, fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti għal kull BĊN li jingħaqad mal-Eurosistema “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni”:

(a)

tinkludi karti tal-flus maħruġin mill-BĊN u denominati fil-munita nazzjonali tiegħu; u

(b)

għandu jitnaqqas il-valur tas-self mhux remunerat marbut ma' karti tal-flus euro frontloaded li għadhom ma ġewx iddebitati (parti mill-element 6 tal-assi tal-HBS).

Wara s-sena relevanti tal-bidla tal-flus kontanti, għal kull BĊN “karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” tfisser karti tal-flus denominati f’euro, bl-esklużjoni ta' karti tal-flus oħrajn.

Jekk id-data tal-bidla tal-flus kontanti huwa jum li fih it-TARGET2 huwa magħluq, il-passiv ta' BĊN li jirriżulta minn karti tal-flus euro li ġew offloaded skont il-Linja ta' Gwida BĊE/2006/9 u li daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti huwa parti mill-bażi tal-passiv (bħala parti mill-kontijiet korrispondenti taħt l-element tal-passiv 10.4 tal-HBS) sakemm il-passiv isir parti mill-passiv intra-Eurosistema li jirriżulta minn transazzjonijiet TARGET2.

2.

Passiv fil-konfront ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona euro marbut ma' operazzjonijiet tal- politika monetarja denominati f’euro, jinkludu kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

kontijiet kurrenti inklużi r-rekwiżiti minimi tar-riżerva taħt l-Artikolu 19.1 tal-Istatut tas-SEBĊ (element tal-passiv 2.1 tal-HBS);

(b)

ammonti f’depożiti taħt il-faċilità ta' depożitu tal-Eurosistema (element tal-passiv 2.2 tal-HBS);

(ċ)

depożiti għal terminu fiss (element tal-passiv 2.3 tal-HBS);

(d)

passiv li jirriżulta minn operazzjonijiet ta' rfinar irriversjati (element tal-passiv 2.4 tal-HBS);

(e)

depożiti marbutin ma' sejħiet għall-ħlas (element tal-passiv 2.5 tal-HBS).

3.

Passiv ta' depożiti fil-konfront ta' kontropartijiet inadempjenti fl-Eurosistema u li ġew ikklassifikati mill-ġdid mill-element tal-passiv 2.1 tal-HBS.

4.

Passiv fi ħdan l-Eurosistema ta' BĊNi li jirriżulta mill-ħruġ ta' kambjali lill-BĊE li jsostnu l-ħruġ ta' ċertifikati ta' dejn tal-BĊE taħt il-Kapitolu 3.3 tal-Anness I tal-Linja ta' Gwida BĊE/2000/7 (element tal-passiv 10.2 tal-HBS).

5.

Passiv nett intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, inklużi dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni (parti mill-element tal-passiv 10.3 tal-HBS).

6.

Passiv nett intra-Eurosistema li jirriżulta minn transazzjonijiet TARGET2 remunerati skont ir-rata ta' referenza (parti mill-element tal-passiv 10.4 tal-HBS).

B.

L-ammont tal-bażi tal-passiv ta' kull BĊN huwa kkalkolat skont il-prinċipji u r-regoli armonizzati tal-kontabilità stabbiliti fil-Linja ta' Gwida BĊE/2010/20.


ANNESS II

ASSI ASSENJABBLI

A.

L-assi assenjabbli jinkludu, bl-esklużjoni ta' kull element ieħor:

1.

Self lil istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona euro marbut ma' operazzjonijiet tal-politika monetarja denominati f'euro (element tal-assi 5 tal-HBS).

2.

Titoli miżmumin għal finijiet ta' politika monetarja (element tal-assi 7.1 tal-HBS).

3.

Klejms intra-Eurosistema ekwivalenti għat-trasferiment ta' assi ta' riżervi barranin li mhumiex deheb lill-BĊE taħt l-Artikolu 30 tal-Istatut tas-SEBĊ (parti mill-element tal-assi 9.2 tal-HBS).

4.

Passiv nett intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni inkluż dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni (parti mill-element tal-assi 9.4 tal-HBS).

5.

Passiv nett intra-Eurosistema li jirriżulta minn transazzjonijiet TARGET2 remunerati skont ir-rata ta' referenza (parti mill-element tal-assi 9.5 tal-HBS).

6.

Deheb, inkluż talbiet fil-konfront ta' deheb trasferit lill-BĊE, f'ammont li jippermetti lil kull BĊN jassenja proporzjon tad-deheb tiegħu li jikkorrispondi għall-applikazzjoni ta' sehmu fl-iskema tal-kapital sottoskritt lill-ammont totali ta' deheb assenjabbli mill-BĊNi kollha (element tal-assi 1 u parti mill-element tal-assi 9.2 tal-HBS).

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-deheb huwa vvalutat abbażi tal-prezz tad-deheb f'euro għal kull uqija fina fil-31 ta' Diċembru 2002.

7.

Passiv li jirriżulta minn karti tal-flus euro li ġew frontloaded skont il-Linja ta' Gwida BĊE/2006/9 u li mbagħad daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti (parti mill-element tal-assi 4.1 tal-HBS sad-data tal-bidla tal-flus kontanti u wara parti mill-kontijiet korrispondenti taħt l-element tal-assi 9.5 tal-HBS), iżda biss sakemm dan il-passiv isir parti mill-klejms intra-Eurosistema li jirriżultaw mit-transazzjonijiet TARGET2.

8.

Passiv pendenti li jirriżulta minn inadempjenza ta' kontropartijiet tal-Eurosistema fil-kuntest ta' operazzjonijiett a' kreditu tal-Eurosistema, u/jew attiv jew passiv finanzjarju (fil-konfront ta' partijiet terzi) approprjati u/jew miksuba fil-kuntest ta' operazzjonijiet tar-realizzazzjoni tal-garanzija ppreżentata minn kontropartijiet inadempjenti tal-Eurosistema fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema kklassifikati mill-ġdid mill-partita tal-attiv 5 tal-HBS (parti mill-partita tal-attiv 11.6 tal-HBS).

B.

Il-valur tal-assi assenjabbli ta' kull BĊN huwa kkalkolat skont il-prinċipji u r-regoli armonizzati tal-kontabilità stabbiliti fil-Linja ta' Gwida BĊE/2010/20.


ANNESS III

A.   L-ewwel aġġustament kontinġenti

Jekk il-medja tal-valur totali tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni f’sena ta' bidla tal-flus kontanti hija aktar baxxa mill-medja tal-valur totali f’euro tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni matul il-perijodu ta' referenza (inklużi dawk denominati fil-munita nazzjoanli tal-Istat Membru li adotta l-euro u maqlubin f’euro bir-rata ta' referenza kwotidjana tal-kambju barrani matul il-perijodu ta' referenza), imbagħad il-koeffiċjent “S” li japplika għas-sena tal-bidla tal-flus kontanti skont l-Artikolu 4(1) jitnaqqas b’effett retroattiv bl-istess proporzjon bħat-tnaqqis fil-medja totali tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni.

It-tnaqqis ma jistax jirriżulta f’koeffiċjent aktar baxx minn 0,8606735. Jekk din id-deroga tiġi applikata, kwart tat-tnaqqis li jirriżulta fl-ammonti kumpensatorji (Ċ) tal-BĊNi applikabbli fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti għandu jiżdied mal-ammont kumpensatorju ta' kull BĊN applikabbli mit-tieni sal-ħames sena wara s-sena tal-bidla tal-flus kontanti taħt l-Artikolu 4(1).

B.   B. It-tieni aġġustament kontinġenti

Jekk dawk il-BĊNi li għalihom l-ammont kumpensatorju msemmi fl-Artikolu 4(1) huwa ċifra pożittiva jħallsu remunerazzjoni nett fuq bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni li tirrizulta fi spiża nett meta miżjuda mal-element “riżultat nett tal-ippuljar tad-dħul monetarju” fil-kont tal-qligħ u t-telf tagħhom fl-aħħar tas-sena, imbagħad il-koeffiċjent “S” li japplika għas-sena tal-bidla tal-flus kontanti skont l-Artikolu 4(1) jitnaqqas sal-punt meħtieġ sabiex tiġi eliminata din il-kundizzjoni.

It-tnaqqis ma jistax jirriżulta f’koeffiċjent aktar baxx minn 0,8606735. Jekk din id-deroga tiġi applikata, kwart tat-tnaqqis li jirriżulta fl-ammonti kumpensatorji (Ċ) tal-BĊNi applikabbli fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti għandu jiżdied mal-ammont kumpensatorju ta' kull BĊN applikabbli mit-tieni sal-ħames sena wara s-sena tal-bidla tal-flus kontanti taħt l-Artikolu 4(1).


ANNESS IV

DEĊIŻJONI REVOKATA U EMENDI SUĊĊESSIVI

Deċiżjoni BĊE/2001/16

ĠU L 337, 20.12.2001, p. 55.

Deċiżjoni BĊE/2003/22

ĠU L 9, 15.1.2004, p. 39.

Deċiżjoni BĊE/2006/7

ĠU L 148, 2.6.2006, p. 56.

Deċiżjoni BĊE/2007/15

ĠU L 333, 19.12.2007, p. 86.

Deċiżjoni BĊE/2009/27

ĠU L 339, 22.12.2009, p. 55.


ANNESS V

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Deċiżjoni BĊE/2001/16

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 5a

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7


Top