EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0606

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/2010 tad- 9 ta’ Lulju 2010 dwar l-approvazzjoni ta’ għodda simplifikata żviluppata mill-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru (Eurocontrol) sabiex tistima l-konsum tal-fjuwil ta’ ċerti operaturi tal-inġenji tal-ajru b’emissjonijiet baxxi (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

OJ L 175, 10.7.2010, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 010 P. 237 - 238

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/606/oj

10.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/25


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 606/2010

tad-9 ta’ Lulju 2010

dwar l-approvazzjoni ta’ għodda simplifikata żviluppata mill-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru (Eurocontrol) sabiex tistima l-konsum tal-fjuwil ta’ ċerti operaturi tal-inġenji tal-ajru b’emissjonijiet baxxi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tagħha,

Billi:

(1)

Il-monitoraġġ u r-rappurtar komplut, konsistenti, trasparenti u preċiż tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont il-linji gwida stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/589/KE tat-18 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) huma fundamentali għall-funzjonament effettiv tal-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fid-Direttiva 2003/87/KE.

(2)

L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jeħtieġ li mill-1 ta’ Jannar 2010, operatur ta’ inġenju tal-ajru għandu jimmonitorja u jirrapporta għal kull sena kalendarja l-kwantità ta’ dijossidu tal-karbonju mormija waqt it-titjiriet li jopera skont il-linji gwida stabbiliti mid-Deċiżjoni 2007/589/KE.

(3)

Kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jħejji u jressaq pjan ta’ monitoraġġ lill-Istat Membru amministratur u jistipula l-miżura li biħsiebu jimplimenta sabiex jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet tiegħu, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru amministratur għandhom japprovaw dawn il-pjani ta’ monitoraġġ skont il-linji ta’ gwida stabbiliti mid-Deċiżjoni 2007/589/KE.

(4)

Il-Parti 4 tal-Anness XIV tad-Deċiżjoni 2007/589/KE tnaqqas il-piż amministrattiv għal ċerti operaturi tal-inġenji tal-ajru repsonsabbli għal għadd limitat ta’ titjiriet fis-sena jew b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju billi tistabbilixxi proċedura simplifikata biex tistima l-konsum tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru li joperaw, permezz tal-użu ta’ għodda implimentati mill-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru (Eurocontrol) jew organizzazzjonijiet relevanti oħra li jistgħu jipproċessaw l-informazzjoni kollha relevanti dwar it-traffiku tal-ajru bħal dik disponibbli għand il-Eurocontrol jekk dawn l-għodod ikunu ġew approvati mill-Kummissjoni.

(5)

Il-Eurocontrol stabilixxa u ddokumenta għodda simplifikata għall-istima tal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju għal titjiriet speċifiċi bejn l-ajrudromi. L-għodda tuża t-tul attwali tar-rotta ta’ kull titjira bbażat fuq l-informazzjoni l-aktar komprensiva disponibbli dwar it-traffiku tal-ajru u informazzjoni operattiva dwar it-titjiriet u tindirizza l-fjuwil ikkunsmat waqt l-aspetti kollha ta’ titjira inkluż mal-bieb tat-tluq, waqt operazzjonijiet ta’ taxiing waqt l-inżul, it-tluq u t-tajran kif ukoll waqt azzjonijiet ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. L-għodda tuża koeffiċjenti statistikament robusti għall-konsum tal-fjuwil għall-aktar tipi importanti ta’ inġenji tal-ajru kif ukoll metodu aktar ġeneriku għal inġenji tal-ajru oħra li jiddetermina l-koeffiċjenti tal-konsum tal-fjuwil bħala funzjoni tal-massa massima tal-inġenju tal-ajru mat-tluq li jirriżultaw f’livelli aċċettabbli ta’ inċertezza.

(6)

Din l-għodda tissodisfa r-rekwiżiti tal-linji gwida stabbiliti bid-Deċiżjoni 2007/589/KE fir-rigward tal-metodu bbażat fuq titjiriet individwali, it-tul attwali tar-rotta u relazzjonijiet statistikament sodi tal-konsum tal-fjuwil. Huwa għalhekk xieraq li din l-għodda tkun disponibbli u approvata għall-użu mill-operaturi relevanti tal-inġenji tal-ajru sabiex tippermettihom iwettqu l-obbligi tagħhom ta’ monitoraġġ u rappurtar b’mod li jkun amministrattivament eħfef.

(7)

Minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħu, operatur ta’ inġenju tal-ajru jista’ ma jkunx jista’ jimmonitorja l-fjuwil attwali kkunsmat għal titjira partikolari. F’ċirkostanzi bħal dawn, u fin-nuqqas ta’ mezzi oħra għad-determinazzjoni tal-konsum attwali tal-fjuwil, jixraq li l-għodda tal-istima tal-konsum tal-fjuwil użata minn emittenti żgħar tkun disponibbli wkoll għal operaturi oħra tal-inġenji tal-ajru sabiex jiddeterminaw stimi ta’ konsum tal-fjuwil għal titjiriet speċifiċi meta d-dejta attwali tal-konsum tal-fjuwil tkun nieqsa.

(8)

Il-Parti 6 tal-Anness XIV tad-Deċiżjoni 2007/589/KE teħtieġ l-operatur ta’ inġenju tal-ajru li juża għodda għall-istima tal-konsum tal-fjuwil biex jinkludi fil-pjan ta’ monitoraġġ tiegħu evidenza li l-kundizzjonijiet għall-emittenti żgħar ġew sodisfatti, kif ukoll jipprovdi konferma u deskrizzjoni tal-għodda użata.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-għodda tal-istima tal-konsum tal-fjuwil żviluppata u offerta għall-użu mill-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru (Eurocontrol) (3) hija approvata għall-użu minn:

(1)

Emittenti żgħar bi twettiq tal-obbligi tal-monitoraġġ u r-rappurtar tagħhom skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Parti 4 tal-Anness XIV tad-Deċiżjoni 2007/589/KE;

(2)

Kull operatur ta’ inġenju tal-ajru skont il-Parti 5 tal-Anness XIV tad-Deċiżjoni 2007/589/KE għall-għanijiet tal-istima tal-konsum tal-fjuwil ta’ titjiriet partikolari koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE fejn id-dejta meħtieġa għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju tkun nieqsa bħala riżultat taċ-ċirkostanzi lil hinn mill-konroll tal-operatur tal-inġenju tal-ajru u li ma tistax tiġi ddeterminata b’metodu alternattiv definit fil-pjan ta’ monitoraġġ tal-operatur.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 229, 31.8.2007, p. 1.

(3)  www.eurocontrol.int/ets/small_emitters


Top