EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0158

2010/158/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta' Marzu 2010 dwar ċerti miżuri protettivi interim fir-rigward ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fit-tjur fir-Rumanija (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1862) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 67, 17.3.2010, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/158/oj

17.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Marzu 2010

dwar ċerti miżuri protettivi interim fir-rigward ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fit-tjur fir-Rumanija

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1862)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/158/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunu 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (3), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fl-għasafar, inkluż it-tjur. L-infezzjoni bil-vajrusis tal-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiċi tagħti lok għal żewġ forom tal-marda li huma distinti mill-kapaċità ta' tixrid tagħhom. Il-forma ta’ patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma ta’ patoġeniċità għolja tirriżulta f’rati ferm għoljin ta' mwiet fil-biċċa l-kbira tal-ispeċi tat-tjur. Dik il-marda jista’ jkollha impatt qawwi fuq il-qligħ mit-trobbija tat-tjur.

(2)

L-influwenza tat-tjur tinstab l-aktar fl-għasafar, imma f'ċerti ċirkustanzi jista' jkun hemm infezzjonijiet ukoll fil-bnedmin għalkemm ir-riskju huwa ġeneralment baxx ħafna.

(3)

Fil-każ ta' tifqigħa ta' influwenza tat-tjur, hemm riskju li l-aġent tal-marda jkun jista' jinxtered għal stabbilimenti oħra tat-tjur u għall-għasafar selvaġġi Minħabba f'hekk jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ fl-għasafar ħajjin jew il-prodotti tagħhom u permezz tal-migrazzjoni tal-għasafar selvaġġi.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta’ l-influwenza tat-tjur (4) tistipula miżuri għall-kontroll ta' kemm il-forma ta' patoġeniċità baxxa kif ukoll il-forma ta' patoġeniċità għolja tal-influwenza tat-tjur. L-Artikolu 16 ta' dik id-Direttiva jistipula t-twaqqif ta' żoni ta’ protezzjoni, żoni ta' sorveljanza u żoni ristretti oħrajn f’każ ta’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur fil-Komunità (5) tistipula miżuri ta’ ħarsien addizjonali li jridu jiġu applikati fi Stat Membru affettwat mill-vajrus tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' din il-marda, filwaqt li titqies l-epidemjoloġija speċifika ta' dan il-varjant partikolari ta' vajrus.

(6)

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2006/415/KE jitlob li malli jkun hemm tifqigħa ssuspettata jew ikkonfermata ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1, l-Istati Membri jistabbilixxu żona ta' riskju għoli li tkun magħmula minn żoni ta' protezzjoni u sorveljanza (iż-żona A) u żona ta' riskju baxx li tifred iż-żona A mill-partijiet ħielsa mill-marda tal-Istat Membru affettwat (iż-żona B). Dawk iż-żoni huma elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni.

(7)

Ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni b'tifqigħa kkonfermata ta' influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fit-territorju tagħha u ħadet il-miżuri xierqa kif stipulati fid-Deċiżjoni 2006/415/KE, inkluż it-twaqqif taż-żoni A u B.

(8)

Il-Kummissjoni issa eżaminat dawk il-miżuri ta' protezzjoni b'kollaborazzjoni mar-Rumanija, u hija sodisfatta li l-fruntieri taż-żoni A u B stabbiliti mill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru jinsabu 'l bogħod biżżejjed mill-post innifsu tat-tifqigħa kkonfermata.

(9)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe xkiel mhux meħtieġ għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ ostakli mhux iġġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li tiġi stabbilita minnufih lista taż-żoni A u B fir-Rumanija fil-livell tal-Unjoni.

(10)

Għaldaqstant, sakemm issir il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, iż-żoni A u B fir-Rumanija, fejn iridu japplikaw il-miżuri protettivi stipulati fid-Deċiżjoni 2006/415/KE, għandhom jiġu elenkati fid-Deċiżjoni preżenti u jkun iffissat it-tul ta' żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(11)

Din id-Deċiżjoni se tiġi riveduta fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi ż-żoni fejn għandhom japplikaw il-miżuri ta' protezzjoni interim stipulati fid-Deċiżjoni 2006/415/KE u l-perjodu ta' applikazzjoni ta' dawn il-miżuri.

Artikolu 2

1.   Iż-żona elenkata fil-Parti A tal-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha titqies bħala ż-żona ta' riskju għoli (iż-żona A) kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2006/415/KE.

2.   Iż-żona elenkata fil-Parti B tal-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha titqies bħala ż-żona ta' riskju baxx (iż-żona B) kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2006/415/KE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-17 ta' April 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU, L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU, L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU, L 146, 13.6.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(5)  ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51.


ANNESS

PARTI A

Żona A kif imsemmi fl-Artikolu 2(1):

ISO Kodiċi tal-Pajjiż

Stat Membru

Żona A

Data sa meta applikabbli

Kodiċi

Isem

RO

Ir-Rumanija

00038

Żona li tinkludi:

17.4.2010

Żona ta' ħarsien:

Letea

Żona ta' sorveljanza:

 

C.A. Rosetti

 

Sfiștofca

 

Cardon

PARTI B

Żona B kif imsemmi fl-Artikolu 2(2):

ISO Kodiċi tal-Pajjiż

Stat Membru

Żona B

Data sa meta applikabbli

Kodiċi

Isem

RO

Ir-Rumanija

00038

Iż-Żoni tal-Kontea ta’ Tulcea barra dawk elenkati f'Żona A

17.4.2010


Top