EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0156

2010/156/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/156/PESK tas- 16 ta’ Marzu 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

OJ L 67, 17.3.2010, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 18 Volume 004 P. 101 - 103

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/08/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/156/oj

17.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/156/PESK

tas-16 ta’ Marzu 2010

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Ottubru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/724/PESK (1) li taħtar lis-Sur Erwan FOUÉRÉ bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

(2)

Fil-15 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/706/PESK (2) li testendi l-mandat tar-RSUE sal-31 ta’ Marzu 2010.

(3)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Erwan FOUÉRÉ bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huwa b’dan estiż sal-31 ta’ Awwisu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Artikolu 2

Objettiv ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv ta’ politika tal-Unjoni Ewropea f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li għandu jkun li jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-proċess politiku paċifiku u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Qafas Ohrid, u b’hekk jiffaċilita progress ulterjuri lejn l-integrazzjoni Ewropea permezz tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ fir-reġjun.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

iżomm kuntatt mill-qrib mal-Gvern ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mal-partijiet involuti fil-proċess politiku;

(b)

joffri l-parir u l-faċilitazzjoni tal-Unjoni fil-proċess politiku;

(c)

jiżgura l-koordinazzjoni tal-isforzi tal-komunità internazzjonali biex jgħin fl-implimentazzjoni u s-sostenibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas tat-13 ta’ Awwissu 2001, kif stabbilit fil-Ftehim u l-Annessi tiegħu;

(d)

isegwi mill-qrib, u jirrapporta dwar, il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u dawk interetniċi u jwettaq kollegamenti mal-korpi kollha rilevanti għal dak il-għan;

(e)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, skont il-politika ta’ drittijiet tal-bniedem tal-UE u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE bi gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ April 2010 sal-31 ta’ Awwissu 2010 għandu jkun EUR 340 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli sa mill-1 ta’ April 2010. In-nefqa għandha tiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta’ kull nefqa lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Struttura u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli li jikkostitwixxi t-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipproponu s-sekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għar-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata. Esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni mittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet ospitanti kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal tali għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal immobbilizzat barra mill-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni ibbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, inklużi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni l-moviment sigur tal-persunal għal, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-ġestjoni tal-inċidenti ta’ sigurtà u inkluż pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu mmobbilizzat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li għandhom jiġu mmobbilizzati barra mill-Unjoni, inkluż persunal kkuntrattat lokalment, ikunu ngħataw taħriġ ta’ sigurtà adatt qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-grad ta’ riskju mogħti liż-żona ta’ missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà jiġu implimentati, u jipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u ta’ implimentazzjoni tal-mandat;

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b’rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta ukoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jaġixxu b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif adatt. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni b’aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-Kapijiet tal-Unjoni u l-Kapijiet ta’ Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkollega wkoll ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjon għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 272, 18.10.2005, p. 26.

(2)  ĠU L 244, 16.9.2009, p. 25.

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


Top