EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0110

Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 267, 10.10.2009, p. 7–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 011 P. 94 - 104

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 13/01/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/110/oj

10.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 267/7


DIRETTIVA 2009/110/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 47(2) u tal-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2000/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tal-kummerċ ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi (4) ġiet adottata bħala tweġiba għad-dehra ta’ prodotti ġodda ta’ ħlas elettroniku mħallsa minn qabel, u kellha l-ħsieb toħloq qafas ġuridiku ċar imfassal biex isaħħaħ is-suq intern filwaqt li jiżgura livell xieraq ta’ superviżjoni prudenzjali.

(2)

Fir-reviżjoni tagħha tad-Direttiva 2000/46/KE, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tiġi reveduta dik id-Direttiva minħabba li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha tqiesu li xekklu l-ħolqien ta’ suq uniku reali għas-servizzi tal-flus elettroniċi u l-iżvilupp ta’ servizzi bħal dawn li jistgħu jintużaw b’mod faċli mill-utent.

(3)

Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (5) stabbiliet qafas ġuridiku modern u koerenti għas-servizzi tal-ħlas, inkluża l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar rekwiżiti prudenzjali għal kategorija ġdida ta’ fornituri ta’ servizz tal-ħlas, partikolarment istituzzjonijiet tal-ħlas.

(4)

Bil-għan li jitneħħew l-ostakli għad-dħul fis-suq u biex isir aktar faċli il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-ħruġ tal-flus elettroniċi, ir-regoli li għalihom huma suġġetti l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandhom jiġu riveduti sabiex ikun żgurat ambjent ekwu għall-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ ħlas.

(5)

Jixraq li l-applikazzjoni tad-Direttiva tiġi limitata għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li joħorġu flus elettroniċi. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal valur monetarju maħżun fuq strumenti speċifiċi mħallsa minn qabel, imfassla biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi li jistgħu jintużaw biss b’mod limitat, għaliex jippermettu lid-detentur tal-flus elettroniċi jixtri oġġetti jew servizzi fl-istabbiliment tal-emittent tal-flus elettroniċi jew fi ħdan network limitat ta’ fornituri ta’ servizz skont ftehim kummerċjali dirett ma’ emittent professjonali, jew inkella għaliex jistgħu jkunu biss użati biex jakkwistaw firxa limitata ta’ oġġetti u servizzi. Strument għandu jitqies li jintuża f’network limitat’ jekk ikun jista’ jintuża biss għax-xiri ta’ oġġetti u servizzi f’ħanut speċifiku jew katina ta’ ħwienet jew għal firxa limitata ta’ oġġetti u servizzi, tkun liema tkun il-lokazzjoni ġeografika tal-punt tal-bejgħ. Strumenti bħal dawn jaf jinkludu kards tal-ħwienet, tal-petrol, tas-sħubija, tat-trasport pubbliku, kupuni għall-ikel jew kupuni għal servizzi (bħal kupuni għall-kura tat-tfal, jew kupuni għal servizzi soċjali jew skemi ta’ kupuni għal servizzi li jissussidjaw l-impjiegi ta’ persunal biex jagħmel xogħol tad-dar bħat-tindif, mogħdija jew ġardinaġġ), li xi drabi jkunu suġġetti għal taxxa speċifika jew qafas legali ta’ xogħol imfassal biex jippromwovi l-użu ta’ strumenti bħal dawn biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni soċjali. Fejn tali strument speċifiku jiżviluppa fi strument għall-użu ġeneriku, m’għandhiex tibqa’ tapplika l-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Strumenti li jistgħu jintużaw għal xiri minn ħwienet ta’ kummerċjanti elenkati m’għandhomx ikunu eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għaliex dawn l-istrumenti tfasslu tipikament għal network ta’ fornituri ta’ servizz li kull ma jmur jikber.

(6)

Jixraq ukoll li din id-Direttiva ma tapplikax għal valur monetarju użat għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi diġitali, fejn, minħabba n-natura tal-oġġett jew tas-servizz, l-operatur iżidlu valur intrinsiku eż. fil-forma ta’ faċilitajiet ta’ aċċess, tiftix jew tqassim, dejjem sakemm l-oġġett jew is-servizz imsemmi jkun jista’ jintuża biss permezz ta’ apparat diġitali, bħal mobile jew kompjuter, u sakemm l-operatur tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew tat-teknoloġija tal-informazzjoni ma jaġixxix biss bħala intermedjarju bejn l-utent tas-servizz ta’ ħlas u l-fornitur tal-prodotti u tas-servizzi. Din hija sitwazzjoni fejn utent tas-servizz tal-mobile jew ta’ network diġitali ieħor iħallas direttament lill-operatur tan-network u la jkun hemm relazzjoni ta’ ħlas dirett u lanqas relazzjoni ta’ debitur-kreditur dirett bejn l-abbonat tan-network u kull fornitur terza parti tal-prodotti u s-servizzi mogħtija bħala parti mit-tranżazzjoni.

(7)

Jixraq li tiġi introdotta definizzjoni ċara tal-flus elettroniċi sabiex tkun teknikament newtrali. Din id-definizzjoni għandha tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas joħroġ valur maħżun imħallas minn qabel bi tpartit għal fondi, li jkun jista’ jintuża għall-finijiet ta’ ħlas minħabba li persuni terzi jgħodduh bħala ħlas.

(8)

Id-definizzjoni ta’ flus elettroniċi għandha tkopri l-flus elettroniċi kemm jekk ikunu miżmuma fuq apparat tal-ħlas li jkun għand id-detentur tal-flus elettroniċi kif ukoll jekk ikunu maħżuna mill-bogħod fuq server u ġestiti mid-detentur tal-flus elettroniċi permezz ta’ kont ta’ ħlas speċifiku tal-flus elettroniċi. Din id-definizzjoni għandha tkun wiesgħa biżżejjed biex tevita li xxekkel l-innovazzjoni teknoloġika u biex tkopri mhux biss il-prodotti kollha tal-flus elettroniċi disponibbli llum fis-suq iżda wkoll dawk il-prodotti li jistgħu jiġi żviluppati fil-ġejjieni.

(9)

Ir-reġim prudenzjali superviżorju għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandu jiġi rivedut u jinġieb eqreb għar-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn l-istituzzjonijiet. Għandu jkun hemm ukoll koerenza mar-reġim superviżorju prudenzjali li japplika għall-istituzzjonijiet tal-ħlas taħt id-Direttiva 2007/64/KE. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2007/64/KE għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, referenza għall-“istituzzjonijiet tal-ħlas” fid-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għal istituzzjoni tal-flus elettroniċi; referenza għal “servizz ta’ ħlas” għandha tinqara bħala referenza għall-attivita’ ta’ servizzi ta’ ħlas u ħruġ tal-flus elettroniċi; referenza għal “utent tas-servizzi ta’ ħlas” għandha tinqara bħala referenza għal utent tas-servizz ta’ ħlas u detentur tal-flus elettroniċi; referenza għal “din id-Direttiva” għandha tinqara bħala referenza kemm għad-Direttiva 2007/64/KE kif ukoll għal din id-Direttiva; referenza għat-Titolu II tad-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għat-Titolu II tad-Direttiva 2007/64/KE u għat-Titolu II ta’ din id-Direttiva; referenza għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva; referenza għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva; referenza għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 5(6) ta’ din id-Direttiva; referenza għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 5(2) sa (5) ta’ din id-Direttiva; referenza għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva; referenza għall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 6(1)(c))(e) ta’ din id-Direttiva; u referenza għall-Artikolu 26 tad-Direttiva 2007/64/KE għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva.

(10)

Huwa magħruf li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jiddistribwixxu l-flus elettroniċi (inkluż bil-bejgħ tal-prodotti tal-flus elettroniċi jew bil-bejgħ mill-ġdid tagħhom lill-pubbliku, billi jipprovdu mezz ta’ distribuzzjoni tal-flus elettroniċi lill-klijenti, jew bil-fidi tal-flus elettroniċi fuq talba mill-konsumaturi jew biż-żieda tal-prodotti tal-flus elettroniċi tal-konsumaturi), permezz ta’ persuni fiżiċi jew permezz ta’ persuni legali f’isimhom, skont ir-rekwiżiti tal-mudelli tan-negozji rispettivi tagħhom. Filwaqt li m’għandux ikun permess li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi joħorġu flus elettroniċi permezz ta’ aġenti, madankollu għandu jkun permess lilhom li jagħtu servizzi ta’ ħlasijiet elenkati fl-Anness tad-Direttiva 2007/64/KE permezz tal-aġenti, jekk il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 17 ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.

(11)

Hemm bżonn ta’ reġim ta’ kapital inizjali magħqud ma’ wieħed ta’ kapital kurrenti sabiex ikun żgurat livell xieraq ta’ ħarsien tal-konsumatur u l-operat sod u prudenti tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Minħabba l-ispeċifiċità tal-flus elettroniċi, għandu jsir provvediment għal metodu addizzjonali għall-kalkolu ta’ kapital kurrenti. Għandha tinżamm diskrezzjoni superviżorja sħiħa sabiex ikun żgurat li l-istess riskji jkunu ttrattati bl-istess mod għall-fornituri kollha tas-servizzi tal-ħlas u li jinżamm il-metodu ta’ kalkolu li jinkludi s-sitwazzjoni speċifika tan-negozju ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi partikulari. Barra minn hekk, għandu jsir provvediment biex l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkunu meħtieġa jżommu l-fondi tad-detenturi tal-flus elettroniċi mifruda minn fondi tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi għal skopijiet ta’ negozju ieħor. Istituzzjonijiet tal-ħlas elettroniku għandhom ukoll ikunu suġġetti għal rekwiżiti effettivi kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

(12)

L-operat tas-sistemi ta’ ħlas huwa attività li mhijiex riżervata biss għal kategoriji speċifiċi tal-istituzzjoni. Madankollu, huwa importanti li wieħed jagħraf il-fatt li, bħal fil-każ tal-istituzzjonijiet tal-ħlas, huwa possibbli wkoll li l-operat tas-sistemi ta’ ħlas isir mill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.

(13)

Il-ħruġ tal-flus elettroniċi ma jikkostitwix fih innifsu attività ta’ teħid ta’ depożitu skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward it-teħid u l-attività tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-kreditu (6), fid-dawl tal-karattru speċifiku tiegħu bħala sostitut elettroniku għall-muniti u għall-karti tal-flus li x’aktarx jintużaw biss għal ħlasijiet ta’ ammonti limitati u mhux bħala mezz ta’ tfaddil. L-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi m’għandhomx jitħallew jagħtu kreditu minn fondi li jkunu rċevew, jew li jinżammu bil-għan li joħorġu flus elettroniċi. Barra minn hekk, l-emittenti ta’ flus elettroniċi m’għandhomx jitħallew jagħtu interessi jew xi benefiċċju ieħor jekk dawk il-benefiċċji ma jkunux relatati mat-tul ta’ żmien li fih id-detentur tal-flus elettroniċi jkollu l-flus elettroniċi. Il-kondizzjonijiet għall-għoti u għaż-żamma ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandhom jinkludu rekwiżiti prudenzjali li huma proporzjonati mar-riskji operattivi u finanzjarji affrontati minn dawn l-entitajiet waqt in-negozju tagħhom relatat mal-ħruġ tal-flus elettroniċi, indipendentement minn kull attività kummerċjali oħra mwettqa mill-istituzzjoni tal-flus elettroniċi.

(14)

Madankollu, hemm bżonn li jinżamm livell ta’ kondizzjonijiet ugwali bejn l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rigward il-ħruġ ta’ flus elettroniċi sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta għall-istess servizz fost għażla akbar ta’ istituzzjonijiet għall-benefiċċju tad-detenturi tal-flus elettroniċi. Din għandha tintlaħaq billi l-karatteristiċi tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali li huma l-anqas diffiċli u li japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jiġu bbilanċjati mad-dispożizzjonijiet l-aktar stretti minn dawk li japplikaw għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikulari rigward is-salvagwardja tal-fondi tad-detenturi tal-flus elettroniċi. Minħabba l-importanza kruċjali tas-salvagwardja, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiġu infurmati minn qabel dwar il-bidliet materjali, bħall-bidla fil-metodu ta’ salvagwardja, bidla fl-istituzzjoni ta’ kreditu fejn il-fondi salvagwardati jiġu ddepożitati jew jinbidlu fil-impriża tal-assigurazzjoni jew fl-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun assigurat jew iggarantiet il-fondi salvagwardati.

(15)

Ir-regoli tal-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju ewlieni barra mill-Komunità għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha. Importanti li jsir provvediment li dawn ir-regoli ma jkunux aktar favorevoli minn dawk għall-fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li jkollhom l-uffiċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor. Il-Komunità għandha tkun tista’ tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li japplikaw regoli li jagħtu lil fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra l-Komunità l-istess trattament fil-Komunità. Il-fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li li jkollhom l-uffiċju prinċipali tagħhom barra mill-Komunità għandhom jibbenefikaw la mil-libertà tal-istabbiliment taħt l-Artikolu 43 tat-Trattat fl-Istati Membri ħlief dawk fejn huma stabbiliti u lanqas mil-liberta’ li jipprovdu servizzi skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 tat-Trattat.

(16)

Jixraq li l-Istati Membri jitħallew jirrinunzjaw l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ istituzzjonijiet li joħorġu biss ammont ta’ flus elettroniċi. L-istituzzjonijiet li jgawdu minn din ir-rinunzja m’għandux ikollhom id-dritt taħt din id-Direttiva li jeżerċitaw il-libertà tal-istabbiliment jew il-libertà li jipprovdu servizzi u m’għandhomx jinfluwenzaw indirettament dawk id-drittijiet bħala membri ta’ sistema tal-ħlas. Madankollu, jixraq li jiġu rreġistrati d-dettalji tal-entitajiet kollha li jipprovdu servizzi ta’ flus elettroniċi, inklużi dawk l-istituzzjonijiet li jgawdu minn rinunzja. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw entitajiet bħal dawn f’reġistru tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.

(17)

Għal raġunijiet ta’ prudenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, li jkunu awtorizzati jew li jibbenefikaw mir-rinunzja f’konformità ma’ din id-Direttiva, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2006/48/KE, l-istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji postali li jkunu intitolati, taħt il-liġi nazzjonali, li joħorġu flus elettroniċi, l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/48/KE, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta ma joperawx fil-kapaċità tagħhom bħala awtorità monetarja jew awtoritajiet pubbliċi oħra u l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali meta joperaw fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi biss jistgħu joħorġu flus elettroniċi.

(18)

Il-flus elettroniċi għandhom ikunu jistgħu jinfdew sabiex tiġi ppreservata l-fiduċja tad-detentur tal-flus elettroniċi. Il-fidi ma jimplikax, fih innifsu, li l-fondi rċevuti flok il-flus elettroniċi għandhom ikunu meqjusa bħala depożiti jew fondi oħra ripagabbli għall-finijiet tad-Direttiva 2006/48/KE. Il-fidi għandu jkun dejjem possibbli f’kull ħin, flus bi flus mingħajr il-possibbiltà li jsir qbil dwar prezz minimu ta’ fidi. Il-fidi, b’mod ġenerali, għandu dejjem ikun bla ħlas. Madankollu, f’każijiet speċifikati f’din id-Direttiva għandu jkun possibbli li jintalab ħlas proporzjonat u bbażat fuq l-ispejjeż bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar taxxa jew kwistjonijiet soċjali jew xi obbligi fuq min joħroġ il-flus elettroniċi skont xi leġiżlazzjoni relevanti oħra tal-Komunità jew nazzjonali, bħar-regoli kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kull azzjoni li tolqot l-iffriżar tal-fondi, jew kull miżura speċifika marbuta mal-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati.

(19)

Id-detenturi tal-flus elettroniċi għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom proċeduri bonarji ta’ lmenti u riparazzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-Kapitolu 5 ta’ Titolu IV tad-Direttiva 2007/64/KE għandu għalhekk japplika mutatis mutandis fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Referenza għal “fornitur tas-servizz ta’ ħlas” fid-Direttiva 2007/64/KE għalhekk għandha tinqara bħala referenza għal emittent ta’ flus elettroniċi, referenza għall-“utent tas-servizz ta’ pagament” għandha tinqara bħala referenza għal detentur ta’ flus elettroniċi; u referenza għat-Titoli III u IV tad-Direttiva 2007/64/KE għandha bħala referenza għat-Titolu III ta’ din id-Direttiva.

(20)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(21)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni sabiex jitqiesu l-inflazzjoni jew l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq u biex tiżgura l-applikazzjoni konverġenti tal-eżenzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw l-elementi ġodda mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, huma għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(22)

Jeħtieġ li jiġi rivedut il-funzjonament effiċjenti ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun meħtieġa toħroġ rapport kull tliet snin wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

(23)

Fl-interessi taċ-ċarezza legali, għandhom isiru arranġamenti tranżitorji sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li bdew l-attivitajiet tagħhom skont il-liġijiet nazzjonali, li ttrasponew id-Direttiva 2000/46/KE jistgħu jkomplu dawn l-attivitajiet fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat għal perijodu speċifikat. Dan il-perijodu għandu jkun itwal għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li bbenefikaw mir-rinunzja prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/46/KE.

(24)

Din id-Direttiva tintroduċi definizzjoni ġdida tal-flus elettroniċi li l-ħruġ tagħhom jista’ jibbenefika mid-derogi fl-Artikoli 34 u 53 tad-Direttiva 2007/64/KE. Għalhekk, is-sistema simplifikata ta’ diliġenza meħtieġa tal-klijent għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi f’konformità mad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu (8) għandha tiġi emendata skont dan.

(25)

Insegwitu għad-Direttiva 2006/48/KE, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jitqiesu li huma istituzzjonijiet tal-kreditu, għalkemm ma jistgħux jirċievu depożiti mill-pubbliku u lanqas jagħtu kreditu mill-fondi li jirċievu mill-pubbliku. Fid-dawl tas-sistema mdaħħla minn din id-Direttiva, xieraq li tiġi emendata d-definizzjoni ta’ istituzzjoni tal-kreditu fid-Direttiva 2006/48/KE sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ma jitqisux istituzzjonijiet tal-kreditu. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jibqgħu jitħallew joħorġu flus elettroniċi u jwettqu din l-attività madwar il-Komunità, bil-kondizzjoni tar-rikonoxximent reċiproku u li s-sistema komprensiva ta’ superviżjoni prudenzjali tapplika għalihom skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam bankarju. Madankollu, fl-interess li jinżamm livell ta’ kondizzjonijiet ugwali, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, b’mod alternattiv, għandhom ikunu jistgħu jwettqu dik l-attività permezz ta’ kumpanija sussidjarja skont is-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali ta’ din id-Direttiva, u mhux skont id-Direttiva 2006/48/KE.

(26)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet korrispondenti kollha tad-Direttiva 2000/46/KE. Għalhekk id-Direttiva 2000/46/KE għandha tkun irrevokata.

(27)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri għaliex jirrikjedi l-armonizzazzjoni ta’ ħafna regoli differenti li jeżistu attwalment fis-sistemi legali tad-diversi Stati Membri u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(28)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (9), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li jillustraw, kemm jista’ jkun, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni kif ukoll li jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistipula r-regoli dwar l-eżerċizzju tal-attività tal-ħruġ tal-flus elettroniċi li skonthom l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kategoriji li ġejjin ta’ emittenti ta’ flus elettroniċi:

(a)

l-istituzzjonijiet tal-kreditu, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi, skont il-liġi nazzjonali, fergħa tagħhom fi ħdan it-tifsira tal-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, fejn fergħa tinsab fil-Komunità u li l-uffiċċju ewlieni tagħha jinsab barra l-Komunità skont l-Artikolu 38 ta’ dik id-Direttiva;

(b)

l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, inklużi, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u l-liġi nazzjonali, fergħa tagħhom li tinsab fil-Komunità u li l-uffiċċju ewlieni tagħha jinsab barra l-Komunità;

(c)

l-istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji postali li jkunu intitolati, skont il-liġi nazzjonali, li joħorġu flus elettroniċi;

(d)

il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta ma jkunux qed jaġixxu bħala awtorità monetarja jew awtoritajiet pubbliċi oħra;

(e)

l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom meta jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi.

2.   It-Titolu II ta’ din id-Direttiva jistipula r-regoli għall-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Titolu II ta’ din id-Direttiva, jew ta’ parti minnhom, għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/48/KE, bl-eċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ dak l-Artikolu.

4.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal valur monetarju maħżun fi strumenti eżentati kif speċifikat fil-punt (k) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE.

5.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal valur monetarju li jintużaw sabiex ikunu eżentati tranżazzjonijiet monetarji kif speċifikat fil-punt (l) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘istituzzjoni tal-flus elettroniċi’ tfisser persuna ġuridika li ngħatat awtorizzazzjoni skont it-Titolu II biex toħroġ il-flus elettroniċi;

(2)

‘flus elettroniċi’ tfisser valur monetarju maħżun elettronikament, anke b’mod manjetiku, kif rappreżentat minn pretensjoni fuq l-emittent li tinħareġ malli jiġu rċevuti l-fondi għall-iskop ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas kif definiti fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE u li huwa aċċettat minn persuna ġuridika għajr l-emittent tal-flus elettroniċi;

(3)

‘emittent tal-flus elettroniċi’ tfisser l-entitajiet msemmija fl-Artikolu 1(1), l-istituzzjonijiet li jibbenefikaw mir-revoka skont l-Artikolu 1(3) u l-persuni ġuridiċi li jibbenefikaw mir-revoka skont l-Artikolu 9;

(4)

‘medja ta’ flus elettroniċi pendenti’ tfisser l-ammont totali medju ta’ passivi finanzjarji marbuta mal-flus elettroniċi maħruġa fi tmiem kull jum kalendarju matul is-sitt xhur kalendarji preċedenti, ikkalkulat fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar kalendarju u applikat għal dak ix-xahar kalendarju.

TITOLU II

REKWIŻITI GĦALL-BIDU, GĦALL-EŻERĊIZZJU U GĦAS-SUPERVIŻJONI PRUDENZJALI TAN-NEGOZJU TAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-FLUS ELETTRONIĊI

Artikolu 3

Regoli prudenzjali ġenerali

1.   Mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, l-Artikoli 5 u10 sa 15, l-Artikolu 17(7) u l-Artikoli 18 sa 25 tad-Direttiva 2007/64/KE japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mutatis mutandis.

2.   L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti minn qabel dwar kull bidla materjali fil-miżuri li ttieħdu għas-salvagwardja tal-fondi li jkunu rċevew minflok il-flus elettroniċi li nħarġu.

3.   Kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet deċiżjoni li takkwista jew tbigħ, b’mod dirett jew indirett, sehem kwalifikat skont it-tifsira tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE f’istituzzjoni tal-flus elettroniċi, jew li żżid jew tnaqqas aktar, b’mod dirett jew indirett, tali sehem kwalifikat li minħabba f’hekk il-proporzjon tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot miżmum jilħaq, jaqbeż jew jaqa’ taħt l-20 %, it-30 % jew il-50 %, jew li minħabba f’hekk l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi ssir jew ma tibqax tkun is-sussidjarja tagħha, għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti minn qabel dwar l-intenzjoni tagħha ta’ tali akkwist, bejgħ, żieda jew tnaqqis.

L-akkwirent propost għandu jagħti lill-awtorità kompetenti informazzjoni li tindika d-daqs tas-sehem li jrid ikollu kif ukoll l-informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 19a(4) tad-Direttiva 2006/48/KE.

Fejn l-influwenza eżerċitata mill-persuni msemmija fit-tieni subparagrafu x’aktarx li taħdem għad-detriment tal-amministrazzjoni prudenti u tajba tal-istituzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifissru l-oppożizzjoni tagħhom jew jieħdu miżuri xierqa oħra sabiex tintemm dik is-sitwazzjoni. Tali miżuri jistgħu jinkludu inġunzjonijiet, sanzjonijiet kontra diretturi jew maniġers, jew is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma miżmuma mill-partijiet interessati jew mill-membri konċernati.

Miżuri simili għandhom japplikaw għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jipprovdu informazzjoni minn qabel, kif stipulat f’dan il-paragrafu.

Jekk sehem jinxtara minkejja l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, dawk l-awtoritajiet, irrispettivament minn xi sanzjonijiet oħra li se jkunu adottati, għandhom jipprevedu li jkun sospiż l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot ta’ min ikun kiseb is-sehem, li l-voti mitfugħa jitqiesu nulli jew il-possibbiltà li jitqiesu nulli.

L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw jew jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jirrinunzjaw l-applikazzjoni tal-obbligi kollha jew ta’ parti minnhom skont dan il-paragrafu fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jwettqu waħda mill-attivitajiet elenkati fil-punt (e) tal-Artikolu 6(1).

4.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jqassmu u jifdu flus elettroniċi permezz ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaġixxu f’isimhom. Jekk l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi trid tqassam flus elettroniċi fi Stat Membru ieħor billi tqabbad lil tali persuna fiżika jew ġuridika, għandha ssegwi l-proċeduri skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2007/64/KE.

5.   Minkejja l-paragrafu 4, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi m’għandhomx joħorġu flus elettroniċi permezz tal-aġenti. L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandhom jitħallew jipprovdu servizzi ta’ ħlas imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) permezz ta’ aġenti, sakemm il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2007/64/KE jkunu ssodisfatti.

Artikolu 4

Kapital inizjali

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkollhom, fil-mument tal-awtorizzazzjoni, kapital inizjali, li jkun magħmul mill-elementi stipulati fl-Artikolu 57(a) u (b) tad-Direttiva 2006/48/KE, ta’ mhux inqas minn EUR 350 000.

Artikolu 5

Fondi proprji

1.   Il-fondi proprji tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi, kif stipulat fl-Artikoli 57 sa 61, 63, 64 u 66 tad-Direttiva 2006/48/KE ma jistgħux ikunu anqas mill-ammont meħtieġ skont il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, skont liema minnhom ikun l-ogħla.

2.   Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) li mhumiex marbuta mal-ħruġ tal-flus elettroniċi, ir-rekwiżiti dwar il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkulati skont wieħed minn tliet metodi (A, B jew C) stipulati fl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64/KE. Il-metodu x-xieraq għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet kompetenti konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Għall-attività tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, ir-rekwiżit dwar il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkulati skont il-Metodu D stipulat fil-paragrafu 3.

L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi dejjem għandu jkollhom fondi proprji li jkunu mill-inqas ugwali għas-somma ta’ rekwiżiti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew daqshom.

3.   Metodu D: Il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għall-attività ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi għandhom jammontaw għal mill-anqas 2 % tal-medja ta’ flus elettroniċi pendenti.

4.   Fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq xi waħda mill-attivitajiet msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) li ma tkunx marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi jew twettaq xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 6(1) u l-ammont ta’ flus elettroniċi pendenti ma jkunx magħruf minn qabel, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu li dik l-istituzzjoni ta’ flus elettroniċi tikkalkula r-rekwiżiti dwar fondi proprji tagħha abbażi ta’ porzjon rappreżentattiv mifhum li huwa użat għall-ħruġ ta’ flus elettroniċi, sakemm dan il-porzjon rappreżentattiv ikun jista’ jiġi stmat b’mod raġonevoli fuq il-bażi ta’ data storika u b’mod li jkun sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti. Fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi ma tkunx ikkompletat perijodu suffiċjenti ta’ negozju, ir-rekwiżiti dwar fondi proprji tagħha għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-flus elettroniċi pendenti mbassra mill-pjan kummerċjali tagħha bil-kondizzjoni li kull aġġustament għal dak il-pjan ikun rikjest mill-awtoritajiet kompetenti.

5.   Abbażi ta’ evalwazzjoni tal-proċessi tal-ġestjoni tar-riksju, tad-databases tat-telf tar-riskju u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi jkollha ammont ta’ fondi proprji li jkun sa 20 % ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu rilevanti skont il-paragrafu 2, jew iħallu lill-istituzzjoni tal-flus elettroniċi jkollha ammont ta’ fondi proprji li jkun sa 20 % aktar baxx mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu rilevanti skont il-paragrafu 2.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-użu multiplu ta’ elementi eliġibbli għall-fondi proprji:

(a)

fejn l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tappartjeni għall-istess grupp bħal istituzzjoni oħra tal-flus elettroniċi, istituzzjoni tal-kreditu, istituzzjoni tal-ħlas, ditta tal-investiment, kumpannija għall-ġestjoni tal-assi jew impriża tal-assigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni mill-ġdid;

(b)

fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq attivitajiet oħra għajr il-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

7.   Fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2006/48/KE ikunu ssodisfatti, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għal istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkunu inklużi fis-superviżjoni konsolidata tal-istituzzjonijiet ewlenin ta’ kreditu skont id-Direttiva 2006/48/KE.

Artikolu 6

Attivitajiet

1.   Apparti mill-ħruġ tal-flus elettroniċi, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkunu intitolati jidħlu għal kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas elenkati fl-Anness għad-Direttiva 2007/64/KE;

(b)

l-għoti ta’ kreditu marbut mas-servizzi ta’ ħlas imsemmija fil-punti 4, 5 jew 7 tal-Anness tad-Direttiva 2007/64/KE, meta jinkisbu l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 16(3) u (5) tad-Direttiva;

(c)

il-forniment ta’ servizzi operattivi u anċillari marbuta mill-qrib fir-rigward tal-ħruġ tal-flus elettroniċi jew mal-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas imsemmija fil-punt (a);

(d)

l-operazzjoni ta’ sistemi ta’ ħlas kif definiti fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE u bla ħsara għall-Artikolu 28 ta’ dik id-Direttiva;

(e)

attivitajiet ta’ negozju minbarra l-ħruġ ta’ flus elettroniċi, li jqisu l-liġi Komunitarja u nazzjonali applikabbli.

Il-kreditu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu m’għandux jingħata mill-fondi li jidħlu bi skambju ma’ flus elettroniċi u li jinżammu skont l-Artikolu 7(1).

2.   L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ma għandhomx jitħallew jieħdu depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/48/KE.

3.   Kull fond li jasal għand istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mid-detentur tal-flus elettroniċi għandu jinbidel bla dewmien għal flus elettroniċi. Tali fondi m’għandhomx jikkostitwixxu depożitu jew fondi ripagabbli oħrajn li jaslu mill-pubbliku fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/48/KE.

4.   L-Artikolu 16(2) u (4) tad-Direttiva 2007/64/KE għandu japplika għal fondi li jaslu għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li mhumiex marbuta mal-attività tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

Artikolu 7

Rekwiżiti ta’ salvagwardja

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lil istituzzjoni tal-flus elettroniċi tissalvagwardja l-fondi li ġew irċevuti b’kontrakambju għal flus elettroniċi li ġew emessi, skont l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64/KE. Il-fondi riċevuti fil-forma ta’ pagament permezz ta’ strument ta’ pagament ma jeħtieġux li jkunu salvagwardjati sakemm ma jkunux akkreditati għal kont ta’ pagament ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi jew xort’ oħra magħmulin disponibbli għall-istituzzjoni ta’ flus elettroniċi skont ir-rekwiżiti ta’ termini taż-żmien għall-eżekuzzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2007/64/KE, skont fejn ikun applikabbli. F’kull każ, tali fondi għandhom ikunu ssalvagwardati għal mhux aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol, kif definit fil-punt 27 tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, wara l-emissjoni tal-flus elettroniċi.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, beni sikuri, likwidi, ta’ riskju baxx huma beni li jidħlu f’waħda mill-kategoriji tat-Tabella 1 tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adekwatezza tal-kapital ma ditti ta’ investiment u istituzjonijiet ta’ kreditu (10) li għalihom il-ħlas kapitali ta’ riskju speċifiku ma huwiex ogħla minn 1.6 % imma jeskludi l-beni kwalifikanti l-oħrajn kif definit fil-punt 15 ta’ dak l-Anness.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-beni sikuri, ta’ riskju baxx huma wkoll unitajiet f’impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li tinvesti biss f’beni kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali u b’ġustifikazzjoni adegwata, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, a bażi ta’ valutazzjoni tas-sigurtà, il-maturità, il-valur jew element ieħor ta’ riskju tal-beni kif speċifikat fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, jiddeterminaw liema minn dawk il-beni ma jikkostitwixxux beni sikuri, ta’ riskju baxx għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.   L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2007/64/KE għandu japplika għall-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva li ma humiex marbutin mal-attività tal-emissjoni tal-flus elettroniċi.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 3, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jiddeterminaw, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, liema metodu għandu jintuża mill-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi biex jissalvagwardjaw il-fondi.

Artikolu 8

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw għall-fergħat tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkollhom is-sede prinċipali tagħhom barra mill-Komunità, meta jibdew jew jissoktaw bl-attività tagħhom, provvediment li jirriżultaw fi trattament aktar favorevoli minn dak mogħti lill-fergħa ta’ istituzzjoni ta’ flus elettroniċi li għandha s-sede prinċipali tagħha fil-Komunità.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet kollha għall-fergħat ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li għandhom is-sede prinċipali tagħhom barra mill-Komunità.

3.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, il-Komunità tista’, permezz ta’ ftehmiet konklużi ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, taqbel li tapplika l-provvediment li jiżguraw li l-fergħat ta’ istituzzjoni ta’ flus elettroniċi li jkollha s-sede prinċipali barra mill-Komunità jkunu ttrattati b’mod identiku mal-Komunità kollha.

Artikolu 9

Eżenzjonijiet opzjonali

1.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw jew jippermettu lill-awtoritajiet kompetneti tagħhom li jirrinunzjaw l-applikazzjoni ta’ kull jew parti mill-proċeduri u mill-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3, 4, 5 u 7 ta’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 20, 22, 23 u 24 tad-Direttiva 2007/64/KE, u jippermettu lill-persuni ġuridiċi jitniżżlu f’reġistru għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jekk iż-żewġ rekwiżiti li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-attivitajiet totali jiġġeneraw medja pendenti ta’ flus elettroniċi li ma taqbiżx il-limitu mqiegħed mill-Istat Membru li iżda, f’kull każ, ma jkunx ogħla minn EUR 5 000 000; u

(b)

ħadd mill-persuni fiżiċi responsbbli mill-ġestjoni jew mit-tħaddim tan-negozju ma jkun ġie kkundannat għal reati relatati ma’ riċiklaġġ ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu jew reati finanzjarji oħra.

Fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq xi waħda mill-attivitajiet msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) li ma tkunx marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi jew iwettqu xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 6(1) u l-ammont ta’ flus elettroniċi pendenti ma jkunx magħruf minn qabel, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu lil dik l-istituzzjoni ta’ flus elettroniċi sabiex tapplika l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu abbażi ta’ porzjon rappreżentattiv mifhum li huwa użat għall-ħruġ ta’ flus elettroniċi, sakemm dan il-porzjon rappreżentattiv ikun jista’ jiġi stmat b’mod raġonevoli fuq il-bażi ta’ data storika u b’mod li jkun sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti. Fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi ma tkunx ikkompletat perijodu suffiċjenti ta’ negozju, dak ir-rekwiżit għandu jiġi valutat abbażi tal-flus elettroniċi pendenti mbassra mill-pjan kummerċjali tagħha bil-kondizzjoni li kull aġġustament għal dak il-pjan ikun rikjest mill-awtoritajiet kompetenti.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddisponi għall-għoti ta’ eżenzjonijiet opzjonali skont dan l-Artikolu li jkunu suġġetti għal rekwiżit addizzjonali tal-ammont ta’ ħżin massimu fuq l-istrument ta’ pagament jew kont ta’ pagament tal-konsumatur fejn jinħażnu l-flus elettroniċi.

Persuna ġuridika reġistrata skont dan il-paragrafu tista’ trendi servizzi ta’ pagament mhux marbutin mal-flus elettroniċi emessi skont dan l-Artikolu biss jekk kemm-il darba l-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2007/64/KE ikunu ġew sodisfatti.

2.   Persuna ġuridika iskritta skont il-paragrafu 1 għandha tkun meħtieġa jkollha s-sede prinċipali tagħha fl-Istat Membru li fih realment tmexxi l-attivitajiet tagħha.

3.   Persuna ġuridika reġistrata skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu ttrattati bħala istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Madankollu, l-Artikoli 10(9) u 25 tad-Direttiva 2007/64/KE m’għandhomx japplikaw għalihom.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li kwalunkwe persuna ġuridika iskritta skont il-paragrafu 1 tista’ tinvolvi ruħha biss f’xi wħud mill-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 6(1).

5.   Il-persuni ġuridiċi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bi kwalunkwe bidla fil-qagħda tagħhom li tkun relevanti għall-kondizzjonijiet speċifikat fil-paragrafu 1; u

(b)

mill-anqas darba kull sena f’data speċifikata mill-awtoritajiet kompetenti tirrapporta dwar il-medja ta’ flus elettroniċi pendenti.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li fejn il-kondizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 4 ma jiġux sodisfatti aktar, il-persuni ġuridiċi għandhom ifittxu l-awtorizzazzjoni fi żmien 30 jum kalendarju skont l-Artikolu 3. Kwalunkwe minn dawn il-persuni li ma fittxewx l-awtorizzazzjoni fiż-żmien imsemmi għandhom jiġi pprojbit lilhom, skont l-Artikolu 10, li jemettu flus elettroniċi.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu mogħtijin setgħa biżżejjed biex jivverifikaw l-ottemperanza kontinwa mar-rekwiżiti skont dan l-Artikolu.

8.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60/KE jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

9.   Jekk Stat Membru javvalixxi ruħu mill-eżoneru dispost fil-paragrafu 1, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sat-30 ta’ April 2011. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe bidla sussegwenti. Inoltre, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-għadd ta’ persuni ġuridiċi kkonċernati u, fuq bażi annwa, bl-ammont totali ta’ flus elettroniċi pendenti emessi mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja, kif imsemmi fil-paragrafu 1.

TITOLU III

EMESSJONI U RIMBORŻABBILTÀ TA’ FLUS ELETTRONIĊI

Artikolu 10

Projbizzjoni tal-emissjoni ta’ flus elettroniċi

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-persuni naturali jew legali li ma humiex emittenti ta’ flus elettroniċi milli jemettu flus elettroniċi.

Artikolu 11

Ħruġ u rimborżabbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emittenti ta’ flus elettroniċi jemettu l-flus elettroniċi bil-parità kontabbli bħalma jkun hemm fuq l-irċevuta tal-fondi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-emittenti tal-flus elettroniċi jirrimborżaw, f’kull ħin u bil-parità kontabbli, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma.

3.   Il-kuntratt bejn l-emittenti tal-flus elettroniċi u d-detentur tal-flus elettroniċi għandu b’mod ċar u prominenti jiddikjara l-kondizzjonijiet tar-rimborż, inklużi l-ħlasijiet marbutin mar-rimborż, u d-detentur tal-flus elettroniċi għandu jkun mgħarraf b’dawn il-kondizzjonijiet qabelma jkun marbut bi kwalunkwe kuntratt jew offerta.

4.   Ir-rimborż għandu jkun suġġett għal ħlas biss jekk ikun hekk iddikjarat fil-kuntratt skont il-paragrafu 3 u biss f’wieħed mis-segwenti każijiet:

(a)

fejn ir-rimborż ikun rikjest qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt;

(b)

fejn il-kuntratt jipprovdi għal data ta’ terminazzjoni u d-detentur tal-flus elettroniċi jkun ittermina l-kuntratt qabel dik id-data; jew

(c)

fejn ir-rimborż ikun mitlub aktar minn sena wara d-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt.

Kull ħlas bħal dan għandu jkun proporzjonat u jipparaguna mal-ispejjeż attwali magħmula mill-emittenti tal-flus elettroniċi.

5.   Fejn ir-rimborż ikun rikjest qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt, id-detentur tal-flus elettroniċi jista’ jitlob li l-flus elettroniċi jiġu mifdija kollha jew parzjalment.

6.   Fejn ir-rimborż ikun rikjest mid-detentur tal-flus elettroniċi ma’ għeluq sena, jew matulha, mid-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt:

(a)

il-valur monetarju totali tal-flus elettroniċi għandu jkun rimborżat; jew

(b)

fejn l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq xi waħda jew iżjed mill-attivitajiet elenkati fil-punt 6 tal-Artikolu 6(1) u ma jkunx magħruf minn qabel liema proporzjon mill-fond għandha tintuża bħala flus elettroniċi, il-fondi kollha mitluba mid-detentur tal-flus elettroniċi għandhom jiġu mifdijin.

7.   Minkejja l-paragrafi 4, 5 u 6, id-drittijiet ta’ rimborż ta’ persuna, li ma tkunx konsumatur, li taċċetta flus elettroniċi għandhom ikunu suġġetti għall-ftehim kontrattwali bejn l-emittent tal-flus elettroniċi u dik il-persuna.

Artikolu 12

Projbizzjoni ta’ mgħaxijiet

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxa l-għoti ta’ mgħax jew ta’ xi benefiċċju ieħor marbut mat-tul ta’ żmien li matulu d-detentur tal-flus elettroniċi jżomm il-flus elettroniċi.

Artikolu 13

Proċeduri ta’ ilmenti extraġudizzjarji u rmedji għar-riżoluzzjoni tad-disputi

Mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, il-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tad-Direttiva 2007/64/KE għandu japplika mutatis mutandis għall-emittenti tal-flus elettroniċi fir-rigward tad-doveri tagħhom skont dan it-Titolu.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U MIŻURI IMPLIMENTATTIVI

Artikolu 14

Miżuri implimentattivi

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri li jkunu neċessarji għall-aġġornament tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sabiex tieħu kont tal-inflazzjoni jew tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Dawk il-miżuri, imfasslin biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jiżguraw l-applikazzjoni konverġenti tal-eżenzjonijiet riferiti fl-Artikolu 1(4) u (5). Dawk il-miżuri, imfasslin biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(2).

Artikolu 15

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Ħlasijiet stabbilit skont l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2007/64/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 16

Armonizzazzjoni sħiħa

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet armonizzanti ta’ din id-Direttiva fl-Artikolu 1(3), is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 5(7), l-Artikolu 7(4), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 18(2), u safejn din id-Direttiva tipprovdi għall-armonizzazzjoni, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet oħra għajr dawk imsemmijin f’din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emittenti tal-flus elettroniċi ma jidderogawx, għad-detriment tad-detentur tal-flus elettroniċi, mid-dispożizzjonijiet tad-Dritt nazzzjonali li jimplimenta jew ikun jikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva skont fejn ikun espliċitament dispost fiha.

Artikolu 17

Reviżjoni

Sa l-1 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ din id-Direttiva, partikolarment dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, akkumpanjati, fejn xieraq, minn proposta għar-reviżjoni tagħha.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-ħlas li jkunu bdew qabel it-30 ta’ April 2011, attivitajiet skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2000/46/KE fl-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju ewlieni, li jkomplu l-attivitajiet tagħhom f’dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor skont il-ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku fid-Direttiva 2000/46/KE mingħajr ma tinħtieġ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, hew mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra fit-Titolu II ta’ din id-Direttiva, jew imsemmijin fih.

L-Istati Membri għandhom jesiġu minn dawk l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li jissottomettu l-informazzjoni relevanti kollha lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jivvalutw, sat-30 ta’ Ottubru 2011, jekk l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi ikunux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u, jekk le, liema miżuri jkun meħtieġ li jittieħdu sabiex tkun assigurata l-konformità, jew jekk it-tneħħija tal-awtorizzazzjoni tkunx xierqa. Istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkunu ottemperaw ruħhom għandhom jingħataw l-awtorizzazzjoni u jiddaħħlu fir-reġistru u għandhom jkunu meħtieġa li jottemperaw mar-rekwiżiti fit-Titolu II. Fejn l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi ma jikkonformawx mal-ħtiġiet stabbiliti f’din id-Direttiva sat-30 ta’ Ottubru 2011, għandhom ikunu pprojbiti milli jemettu flus elettroniċi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandha tingħata awtomatikament l-awtorizzazzjoni u tiddaħħal fir-reġistru previst fl-Artikolu 3 jekk l-awtoritajiet kompetenti diġà jkollhom evidenza li l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi inkwistjoni qabel tingħata l-awtorizzazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkunu bdew qabel it-30 ta’ April 2011 attivitajiet konformement mal-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/46/KE, li jkomplu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat skont id-Direttiva 2000/46/KE sat-30 ta’ April 2012, mingħajr ma tinħtieġ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva u mingħajr ma tkun meħtieġa konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Titolu II ta’ din id-Direttiva. L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li, waqt dak il-perijodu, ma jkunu la ġew awtorizzati u lanqas mogħtija deroga fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu pprojbiti milli joħorġu flus elettroniċi.

Artikolu 19

Emendament tad-Direttiva 2005/60/KE

Id-Direttiva 2005/60/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

il-punt (a) fl-Artikolu 3(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

impriża oħra li ma tkunx istituzzjoni tal-kreditu li twettaq xi waħda jew aktar mill-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti 2 sa 12 u l-punti 14 sa 15 tal-Anness I mad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi l-attivitajiet ta’ uffiċċji tal-kambju (bureaux de change);”;

(2)

il-punt (d) fl-Artikolu 11(5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

flus elettroniċi, kif definiti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (*), fejn, jekk l-istrument ma jistax jiġi rikarigat, l-ammont massimu miżmum fl-istrument ma jkunx aktar minn EUR 250, jew fejn, jekk l-istrument jista’ jiġi rikarigat, ikun impost limitu ta’ EUR 2 500 fuq l-ammont totali tat-tranżazzjoni f’sena kalendarja, għajr meta ammont ta’ EUR 1 000 jew aktar jinfeda f’dik l-istess sema kalendarja fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/110/KE. Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-pagamenti nazzjonali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jżidu l-ammont ta’ EUR 250 msemmi f’dan il-punt sa limitu massimu ta’ EUR 500.

(*)  ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7”."

Artikolu 20

Emendament tad-Direttiva 2006/48/KE

Id-Direttiva 2006/48/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1)

‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser impriża li n-negozju tagħha huwa li tirċievi depositi jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku u li tikkonċedi krediti għaliha nnifisha;”;

(b)

il-punt 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5)

‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser impriża apparti minn istituzzjoni ta’ kreditu, li l-attività ewlenija tagħha hija li takkwista holdings jew li twettaq xi waħda jew aktar mill-attivitajiet elenkati fil-punti 2 sa 12 u 15 tal-Anness I.”.

(2)

il-punt 15 li ġej huwa miżjud mal-Anness I:

“15.

Il-ħruġ ta’ flus elettroniċi.”.

Artikolu 21

Tħassir

Id-Direttiva 2000/46/KE hija b’dan imħassra b’effett mit-30 ta’ April 2011, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(1) u (3) ta’ din id-Direttiva.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 22

Trażpożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk il-miżuri.

Huma ħandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-30 ta’ April 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  Opinjoni tas-26 ta’ Frar 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 30, 6.2.2009, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

(4)  ĠU L 275, 27.10.2000, p. 39.

(5)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(9)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(10)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.


Top