This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009D0406
Decision No 406/2009/EC of the European Parliament and of the Council of 23 April 2009 on the effort of Member States to reduce their greenhouse gas emissions to meet the Community’s greenhouse gas emission reduction commitments up to 2020
Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020
Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020
ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136–148
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
5.6.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/136 |
DEĊIŻJONI Nru 406/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ April 2009
dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 175(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
L-għan aħħari tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-Klima (UNFCCC), li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE (3), huwa li jiġu stabilizzati l-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprevjeni ndħil antropoġeniku perikoluż fis-sistema tal-klima. |
(2) |
L-opinjoni tal-Komunità, espressa dan l-aħħar b’mod partikulari mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007, hija li sabiex jintlaħaq dan l-għan, iż-żieda globali annwali fit-temperatura medja tal-wiċċ m’għandhiex taqbeż il-livelli preindustrijali b’aktar minn 2 °C, li jimplika li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra għandhom jitnaqqsu għal mill-inqas 50 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra Komunitarji koperti b’din id-Deċiżjoni għandhom ikomplu jonqsu wara l-2020 bħala parti mill-isforz tal-Komunità biex tagħti l-kontribut tagħha għal dan l-għan globali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-pajjiżi żviluppati, fosthom l-Istati Membri tal-UE, għandhom ikomplu jmexxu, billi jimpenjaw ruħhom biex inaqqsu b’mod kollettiv, l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra bi 30 % sal-2020, meta mqabbel mal-emissjonijiet fl-1990. Għandhom jagħmlu dan ukoll bil-ħsieb li kollettivament inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom b’bejn 60 % u 80 % sal-2050 meta jitqabbel mal-1990. Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu biex jinkiseb dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet, fosthom dawk tat-tbaħħir marittimu internazzjonali u l-avjazzjoni. L-avjazzjoni qiegħda tikkontribwixxi għal dan it-tnaqqis bid-dħul tagħha fl-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (minn hawn ‘il quddiem “l-iskema Komunitarja”). Fil-każ li l-ebda ftehim internazzjonali lijtinkludi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali fil-miri ta’ tnaqqis tiegħu permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima ma jkun ġie approvat mill-Istati Membri u/jew l-ebda ftehim bħal dan permezz tal-UNFCCC ma jkun ġie approvat mill-Komunità sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta li tinkludi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali fl-impenn għat-tnaqqis Komunitarju bil-għan li l-att propost jidħol fis-seħħ sal-2013. Tali proposta għandha timminimizza kull impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-Komunità waqt li tikkunsidra l-benefiċċji ambjentali li jista’ jkun hemm. |
(3) |
Barra minn hekk, sabiex jinkiseb dan l-għan, il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007, approva l-għan tal-Komunità ta’ tnaqqis ta’ 30 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 meta mqabbel mal-1990 bħala l-kontribut tiegħu għal ftehim globali u komprensiv għall-perjodu wara l-2012, sakemm pajjiżi żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom ukoll fi tnaqqis ta’ emissjonijiet komparabbli, u sakemm il-pajjiżi li huma l-aktar ekonomikament avvanzati fost dawk li qegħdin jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom biex jikkontribwixxu b’mod adegwat konformement mar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħhom. |
(4) |
Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 enfasizza li l-Komunità hija impenjata li tittrasforma lill-Ewropa f’ekonomija effiċjenti ħafna fl-enerġija u b’emissjonijiet tal-gassijiet serra baxxi u ddeċidiet li, sakemm ikun konkluż ftehim globali u komprensiv għall-perjodu wara l-2012, u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha fin-negozjati internazzjonali, il-Komunità tagħmel impenn sod u indipendenti biex tilħaq tnaqqis talanqas ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 meta mqabbla mal-1990. |
(5) |
It-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija huwa element kruċjali biex l-Istati Membri jilħqu r-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib il-progress lejn l-għan biex il-konsum tal-enerġija jonqos b’20 % sal-2020, u tipproponi azzjonijiet oħra jekk il-progress ma jkunx biżżejjed. |
(6) |
Id-Direttiva 2003/87/KE (4) stabbilixxiet skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità, li tkopri ċerti setturi tal-ekonomija. Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sabiex jinkiseb, b’mod ekonomiku, l-għan ta’ tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw linji politiċi u miżuri addizzjonali bi sforz li jillimitaw iktar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn sorsi mhux koperti mid-Direttiva 2003/87/KE. |
(7) |
L-isforz ta’ kull Stat Membru għandu jkun determinat abbażi tal-livell tal-emissjonijiet tiegħu tal-gassijiet serra fl-2005 koperti b’din id-Deċiżjoni, aġġustata biex teskludi l-emissjonijiet minn istallazzjonijiet li eżistew fl-2005 iżda li ddaħħlu fl-iskema tal-Komunità fil-perjodu mill-2006 sal-2012. L-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 f’termini tal-ekwivalenti tat-tunnellaġġ tas-CO2 għandu jiġi determinat fuq il-bażi ta’ data riveduta u verifikata. |
(8) |
L-isforzi ta’ tnaqqis mill-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-ħtieġa għal tkabbir ekonomiku sostenibbli madwar il-Komunità, filwaqt li jitqies il-PGD per capita relattiv tal-Istati Membri. L-Istati Membri li bħalissa għandhom PGD per capita relattivament baxx, u għalhekk għandhom aspettattivi għoljin għat-tkabbir tal-PGD, jistgħu jżidu fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom meta mqabbla mal-2005, iżda għandhom jillimitaw din iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra biex jikkontribwixxu għall-impenn indipendenti ta’ tnaqqis tal-Komunità. L-Istati Membri li bħalissa għandhom PGD per capita relattivament għoli jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-2005. |
(9) |
Biex tkun żgurata firxa ġusta bejn l-Istati Membri fl-isforzi għall-kontribut għall-implimentazzjoni tal-impenn indipendenti ta’ tnaqqis tal-Komunità, l-ebda Stat Membru m’għandu jkollu jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2020 għal aktar minn 20 % inqas mil-livelli tal-2005, jew jitħalla jżid l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2020 għal aktar minn 20 % ogħla mil-livelli tal-2005. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandu jsir bejn l-2013 u l-2020. Kull Stat Membru għandu jitħalla jittrasferixxi, mis-sena ta’ wara, ammont daqs 5 % tal-allokazzjoni annwali tiegħu ta’ emissjonijiet. Fejn l-emissjonijiet ta’ Stat Membru jkunu inqas minn dik l-allokazzjoni annwali ta’ emissjonijiet, Stat Membru għandu jitħalla jittrasferixxi t-tnaqqis żejjed tal-emissjonijiet għas-snin ta’ wara. |
(10) |
Sabiex jiġu bbilanċjati d-differenzi fl-ispejjeż għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jiffaċċjaw Stati Membri differenti billi tkun permessa aktar flessibiltà ġeografika u, fl-istess ħin, bħala mezz sabiex tittejjeb l-effiċjenza ġenerali fl-ispejjeż tal-impenji totali tal-Komunità, Stat Membru għandu jkun jista’ jittrasferixxi parti mill-emissjonijiet annwaliallokati lilu lil Stat Membru ieħor. It-trasparenza ta’ trasferimenti bħal dawn għandha tkun żgurata permezz ta’ notifikazzjoni lill-Kummissjoni u r-reġistrazzjoni ta’ kull trasferiment fir-reġistri taż-żewġ Stati Membri involuti. Dawn it-trasferimenti jistgħu jsiru b’mod li jkun reċiprokament konvenjenti, anke bl-irkantar, bl-użu tal-intermedjari tas-suq li jaġixxu abbażi ta’ aġenzija, jew permezz ta’ arranġamenti bilaterali. |
(11) |
Għandu jsir tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni. L-użu tal-krediti mill-attivitajiet tal-proġetti għandu jkun limitat b’tali mod li jkun supplimentari għall-azzjoni domestika. L-Unjoni tibqa’ impenjata biex tkompli ttejjeb il-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif (MIN) u tfittex titjib permess tal-proċessi internazzjonali xierqa. Huwa importanti li l-krediti mill-attivitajiet tal-proġetti li jintużaw mill-Istati Membri jirrappreżentaw tnaqqis reali, verifikabbli, addizzjonali u permanenti tal-emissjonijiet u li jkollhom benefiċċji ċari ta’ żvilupp sostenibbli u l-ebda impatt negattiv ambjentali u soċjali sinifikanti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu rapporti wkoll dwar il-kriterji kwalitattivi li japplikaw għall-użu ta’ krediti bħal dawn. |
(12) |
Biex tipprovdi għall-flessibbiltà għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom, biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi terzi, b’mod partikulari fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u biex tipprovdi ċertezza għall-investituri, il-Komunità għandha tkompli tirrikonoxxi ċertu ammont ta’ krediti mill-proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-pajjiżi terzi, qabel ma jintlaħaq ftehim internazzjonali fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima (minn hawn ‘il quddiem “il-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima”). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji politiċi tagħhom dwar l-akkwist ta’ dawn il-krediti jtejbu l-firxa ġeografika ġusta tal-proġetti, b’mod partikulari billi jiżdied il-proporzjon tat-Tnaqqis Ċertifikat tal-Emissjonijiet (CERs) mixtri mill-Pajjiżi L-Inqas Żviluppati (PLŻ) u mill-Istati Gżejjer Żgħar li qegħdin Jiżviluppaw (SGŻJ), u jtejbu l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima. |
(13) |
Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jużaw il-krediti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li saru matul il-perjodu mill-2008 sal-2012 u li jirriżultaw minn tipi ta’ proġetti li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul dak il-perjodu. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi wkoll jużaw dawn il-krediti għat-tnaqqis li jsir wara l-perjodu mill-2008 sal-2012 u li jirriżultaw minn proġetti reġistrati matul il-perjodu mill-2008 sal-2012 u li jirriżultaw mit-tipi ta’ proġetti li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul dak il-perjodu. |
(14) |
Ftit ħafna mill-proġetti tal-MIN ġew implimentati fil-PLŻ. Billi l-Komunità tappoġġa l-firxa ġusta tal-proġetti tal-MIN inkluża l-Alleanza Globali dwar il-bidla fil-Klima tal-Kummissjoni, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2007 bit-titolu “Il-bini ta’ Alleanza Globali dwar il-bidla fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima”, huwa xieraq li tingħata ċertezza dwar l-aċċettazzjoni ta’ krediti minn proġetti li jibdew wara l-perjodu mill-2008 sal-2012 fil-PLŻ, għat-tipi ta’ proġetti li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012. Dik l-aċċettazzjoni għandha tkompli sal-2020 jew sal-konklużjoni ta’ ftehim rilevanti mal-Komunità, ikun liema jkun li jiġi l-ewwel. |
(15) |
Sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà għall-Istati Membri u biex ikun promoss l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw krediti addizzjonali mill-proġetti li jirriżultaw minn strumenti ta’ ftehim konklużi mill-Komunità ma’ pajjiżi terzi. Mingħajr ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li jiddetermina l-ammont allokat għall-pajjiżi żviluppati, proġetti ta’ Implimentazzjoni Konġunta (JI) ma jistgħux jitkomplew wara l-2012. Madankollu, il-krediti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jirriżultaw minn proġetti bħal dawn għandhom ikomplu jkunu rikonoxxuti permezz ta’ strumenti ta’ ftehim ma’ pajjiżi terzi. |
(16) |
Il-kapaċità kontinwa li l-Istati Membru jkunu jistgħu jużaw il-krediti CDM hija importanti biex tgħin għall-iżgurar ta’ suq għal dawk il-krediti wara l-2012. Biex ikun żgurat dan is-suq u jiġi assigurat iktar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fi ħdan il-Komunità, u b’hekk iktar implimentazzjoni tal-għanijiet Komunitarji dwar l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, is-sigurtà tal-enerġija, l-innovazzjoni u l-kompetittività, huwa propost li jitħalla l-użu annwali mill-Istati Membri tal-krediti mill-proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-pajjiżi terzi, sa kwantità li tirrappreżenta 3 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ kull Stat Membru li ma kienx kopert bid-Direttiva 2003/87/KE fl-2005 jew fi Stati Membri oħra, sakemm jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima. L-Istati Membri għandhom jitħallew jittrasferixxu l-parti mhux użata ta’ dan l-ammont għal Stati Membri oħra. Uħud mill-Istati Membri b’limitu negattiv jew b’limitu pożittiv ta’ mill-inqas 5 %, kif stabbilit f’din id-Deċiżjoni, għandhom, minbarra l-krediti msemmija hawn fuq, jitħallew jużaw annwalment il-krediti addizzjonali li jammontaw għal 1 % tal-emissjonijiet ivverifikati tagħhom fl-2005 minn proġetti fil-PLŻ u f’SGŻJ, suġġett għall-konformità tagħhom ma’ waħda mill-erba’ kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. |
(17) |
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal għanijiet nazzjonali iktar stretti. Fejn l-Istati Membri jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti b’din id-Deċiżjoni lil hinn mill-obbligi tagħhom skont din id-Deċiżjoni sabiex jiksbu għan iktar esiġenti, il-limitazzjoni imposta b’din id-Deċiżjoni dwar l-użu tal-krediti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ma għandhiex tapplika għat-tnaqqis addizzjonali tal-emissjonijiet biex jinkiseb l-għan nazzjonali. |
(18) |
Sabiex tiżdied l-effikaċja meta mqabbel man-nefqa magħmula għall-kisba tal-għanijiet nazzjonali, b’mod partikulari għal dawk l-Istati Membri li jkollhom għanijiet ambizzjużi, l-Istati Membri jistgħu jużaw krediti minn proġetti fil-livell Komunitarju kif definit fl-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE. |
(19) |
Ladarba jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw biss krediti ta’ tnaqqis ta’ emissjoni mill-pajjiżi li jkunu rratifikaw dak il-ftehim u suġġett għal approċċ komuni. |
(20) |
Il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jirriferu għall-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima mill-Komunità huwa bla ħsara għall-konklużjoni ta’ dak il-ftehim mill-Istati Membri wkoll. |
(21) |
Mal-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima għall-perjodu wara l-2012 u kif previst f’dak il-ftehim, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu sehem fil-finanzjament ta’ azzjoni ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li tkun tista’ titkejjel u tiġi rapportata, li tkun verifikabbli u adegwata fil-kuntest nazzjonali, u li tkun konsistenti mal-għan li tiġi limitata żieda globali fit-temperatura medja annwali tal-wiċċ għal 2 °C meta mqabbla ma’ livelli preindustrijali, fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jkunu rratifikaw il-ftehim. |
(22) |
Wara l-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima għall-perjodu ta’ wara l-2012, u kif previst f’dak il-ftehim, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu sehem fil-finanzjament tal-assistenza għal pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jkunu rratifikaw il-ftehim, b’mod partikulari lill-komunitajiet u lill-pajjiżi li l-aktar jinsabu fil-periklu minħabba bidla fil-klima, bil-għan li dawn jiġu appoġġati fl-istrateġiji tal-adattament u t-tnaqqis tar-riskju tagħhom. |
(23) |
Fil-każ li l-ebda ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima ma jiġi approvat mill-Komunità sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta li tinkludi l-emissjonijiet u l-assorbimenti relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fl-impenn Komunitarju għat-tnaqqis, konformement mal-modalitajiet armonizzati, filwaqt li jitkompla x-xogħol li sar fil-kuntest tal-UNFCCC, u tiġi żgurata l-permanenza u l-integrità ambjentali fil-kontribuzzjoni tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, kif ukoll il-monitoraġġ u verifika bir-reqqa, bil-għan li l-att propost jidħol fis-seħħ mill-2013. Il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk id-distribuzzjoni tal-isforzi ta’ Stati Membri individwali għandhomx ikunu aġġustati abbażi tal-każ. |
(24) |
Il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-impenji taħt din id-Deċiżjoni għandhom ikunu valutati kull sena abbażi ta’ rapporti preżentati taħt id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 280/2004/KE tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (5). Kull sentejn għandha ssir valutazzjoni dwar il-progress previst u għandha ssir evalwazzjoni kompluta tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fl-2016. |
(25) |
Kwalunkwe aġġustament fil-firxa tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jiġi pareġġat minn aġġustament korrispondenti fl-ammont massimu ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti b’din id-Deċiżjoni. |
(26) |
Bl-approvazzjoni tal-Komunità dwar ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, il-limiti dwar l-emissjonijiet għall-Istati Membri għandhom ikunu aġġustati biex ikun onorat l-impenn tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjoniet tal-gassijiet serra stabbilit f’dak il-ftehim, billi jitqies il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-ħtieġa għal tkabbir ekonomiku sostenibbli madwar il-Komunità. L-ammont ta’ krediti mill-proġetti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-pajjiżi terzi li kull Stat Membru jista’ juża għandu jiżdied sa nofs l-isforz addizzjonali ta’ tnaqqis taħt din id-Deċiżjoni. |
(27) |
Il-reġistri stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE u l-Amministratur Ċentrali maħtur bid-Direttiva 2003/87/KE, għandhom jintużaw għall-iżgurar ta’ proċessar u kontabbiltà preċiżi tat-tranżazzjonijiet kollha fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(28) |
Billi l-impenn għat-tnaqqis tal-Komunità jimponi dmirijiet mhux biss fuq il-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri imma wkoll fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali u fuq fora u organizzazzjonijiet lokali u reġjonali oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-awtoritajiet lokali tagħhom f’livelli differenti. |
(29) |
Minbarra l-Istati Membri individwali, il-gvernijiet ċentrali u organizzazzjonijiet u awtoritajiet lokali u reġjonali, il-protagonisti tas-suq — flimkien mal-familji u l-konsumaturi individwali — għandhom ikunu involuti fil-kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-impenn għat-tnaqqis tal-Komunità, irrispettivament mil-livell tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra li jista’ jkun attribwit lilhom. |
(30) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-finanzjament għall-użu ta’ tekniki ġodda u innovattivi sabiex l-operaturi industrijali jkunu jistgħu joħolqu impjiegi ġodda, u b’hekk tiżdied il-kompetittività u tkun promossal-kisba tal-għanijiet stabbiliti mill-Istrateġija ta’ Liżbona. |
(31) |
Billi ż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija li jiġġeddu hija mezz importanti b’mod partikulari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-Istati Membri għandhom ifittxu li dan jagħmluh fil-kuntest tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu (6). |
(32) |
Għandhom jiġu adottati l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (7). |
(33) |
B’mod partikulari, l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 f’termini tal-ekwivalenza ta’ tunnellati tas-CO2, biex tindika l-modalitajiet sabiex jiġu faċilitati t-trasferimenti mill-Istati Membri ta’ partijiet mill-allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet tagħhom u tiżdied it-trasparenza ta’ dawn it-trasferimenti, kif ukoll biex tadotta miżuri għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet marbuta mar-reġistri u l-Amministratur Ċentrali. Ladarba dawk il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplementawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
(34) |
Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-istess Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kontribut minimu tal-Istati Membri biex jonoraw l-impenn tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-perijodu mill-2013 sal-2020 għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti b’din id-Deċiżjoni, u regoli dwar kif isiru dawn il-kontribuzzjonijiet u għall-evalwazzjoni tagħhom.
Din id-Deċiżjoni tistipula wkoll id-dispożizzjonijiet għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ impenji ta’ tnaqqis aktar riġidi tal-Komunità li jaqbeż l-20 %, li jiġi applikat wara l-approvazzjoni tal-Komunità ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li jwassal għal tnaqqis ta’ emissjonijiet li jaqbżu dawk meħtieġa taħt l-Artikolu 3, kif rifless fl-impenn għat-tnaqqis ta’ 30 % approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. |
“emissjonijiet tal-gassijiet serra” għandha tfisser l-emissjoni tad-dijossidu tal-karbonju (CO2), il-metanu (CH4), l-ossidu nitruż (N2O), il-karboni idrofluworidi (HFCs), il-karboni perfluworidi (PFCs) u l-eżafluworidu tal-kubrit (SF6) mill-kategoriji elenkati fl-Anness I, espressi f’termini ta’ ekwivalenza ta’ tunnellaġġ mad-dijossidu tal-karbonju, kif determinati konformement mad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti bid-Direttiva 2003/87/KE. |
2. |
“allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet” tfisser il-massimu annwali permess mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-snin mill-2013 sal-2020 kif speċifikat fl-Artikolu 3(2). |
Artikolu 3
Livelli ta’ emissjonijiet għall-perjodu 2013 sa 2020
1. Kull Stat Membru għandu, sal-2020, jillimita l-emissjonijiet tiegħu tal-gassijiet serra talanqas b’perċentwal stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-emissjonijiet tiegħu fl-2005.
2. Suġġett għall-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 5, kull Stat Membru b’limitu negattiv taħt l-Anness II għandu jiżgura, inkluż bl-użu tal-flessibbiltajiet previsti f’din id-Deċiżjoni, li l-emissjonijiet tiegħu ta’ gassijiet serra fl-2013 ma jaqbżux il-medja annwali tiegħu ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-2008, l-2009 u l-2010, kif rappurtat u verifikat konformement mad-Direttiva Nru 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 280/2004/KE.
Suġġett għall-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 5, kull Stat Membru b’limitu pożittiv taħt l-Anness II għandu jiżgura, anke bl-użu tal-flessibbiltajiet previsti f’din id-Deċiżjoni, li l-emissjonijiet tiegħu ta’ gassijiet serra fl-2013 ma jaqbżux il-livell definit bi trajettorja lineari, mill-bidu tal-2009, fuq il-medja annwali tiegħu ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-2008, l-2009 u l-2010, kif rappurtat u verifikat konformement mad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 280/2004/KE, u jispiċċaw fl-2020 fuq il-limitu għal dak l-Istat Membru kif speċifikat fl-Anness II.
Suġġett għall-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 5, kull Stat Membru għandu jillimita kull sena l-emissjonijiet tiegħu ta’ gassijiet serra b’mod lineari, anke bl-użu tal-flessibbiltajiet previsti f’din id-Deċiżjoni, biex ikun żgurat li l-emissjonijiet tiegħu ma jaqbżux il-limitu tiegħu għal dak l-Istat Membru fl-2020, kif spjegat fl-Anness II.
Meta d-data rilevanti tal-emissjonijiet eżaminata u vverifikata tkun disponibbli, jiġu adottati miżuri fi żmien sitt xhur biex jiddeterminaw l-allokazzjonijiet annwali ta’ emissjonijiet għall-perijodu mill-2013 sal-2020 f’termini ta’ tunnellati tal-ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju.
Dawk il-miżuri, mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).
3. Matul il-perijodu mill-2013 sal-2019, Stat Membru jista’ jittrasferixxi mis-sena ta’ wara kwantità sa 5 % tal-limitu annwali tal-allokazzjoni tal-emissjonijiet tiegħu. Jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru jkunu inqas mill-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali tiegħu, filwaqt li jitqies l-użu tal-flessibbiltajiet konformement ma’ dan il-paragrafu u mal-paragrafi 4 u 5, jista’ jittrasferixxi l-parti tal-allokazzjoni annwali ta’ emissjonijiet tiegħu ta’ sena partikulari li taqbeż l-emissjonijiet ta’ gassiijet b’effett ta’ serra tagħha f’dik is-sena għas-snin ta’ wara sal-2020.
Stat Membru jista’ jitlob rata miżjuda ta’ trasferiment li taqbeż il-5 % fis-sena 2013 u fl-2014 fil-każ ta’ kondizzjonijiet meteoroloġiċi estremi li jkunu wasslu għal żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’dawk is-snin meta jitqabblu mas-snin b’kondizzjonijiet meteoroloġiċi normali. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni biex jissostanzja din it-talba. Fi żmien tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata ż-żieda fit-trasferiment.
4. Stat Membru jista’ jittrasferixxi sa 5 % tal-allokazzjoni ta’ emissjonijiet annwali tiegħu għal sena partikulari lil Stati Membri oħra. Stat Membru riċevent jista’ juża din il-kwantità għall-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt dan l-Artikolu għal dik is-sena partikulari jew għas-snin sussegwenti sal-2020. Stat Membru ma jistax jittrasferixxi xi parti tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet jekk, fil-mument tat-trasferiment, dak l-Istat Membru ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni.
5. Stat Membru jista’ jittrasferixxi l-parti tal-allokazzjoni annwali ta’ emissjonijiet li taqbeż l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal dik is-sena, filwaqt li jqis l-użu tal-flessibbiltajiet konformement mal-paragrafi 3 u 4, lil Stati Membri oħra. Stat Membru riċevent jista’ juża din il-kwantità għall-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt dan l-Artikolu għal dik is-sena partikulari jew għas-snin sussegwenti sal-2020. Stat Membru ma jistax jittrasferixxi xi parti tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu jekk, fil-mument tat-trasferiment, ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni.
6. Sabiex ikun iffaċilitat it-trasferiment msemmi fil-paragrafi 4 u 5 u tiżdied it-trasparenza tagħhom, għandhom jiġu adottati miżuri li jindikaw il-modalitajiet għal tali trasferiment.
Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).
Artikolu 4
L-effiċjenza enerġetika
1. Sal-2012 il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni u tirrapporta dwar il-progress tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha għall-għan li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija b’20 % sal-2020 meta jitqabbel mal-projezzjonijiet għall-2020, kif imfassla fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza Enerġetika stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006.
2. Jekk ikun il-każ, b’mod partikulari sabiex ikunu megħjuna Stati Membri fil-kontribuzzjonijiet tagħhom biex jilħqu l-impenji tal-Komunità fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2012, tipproponi miżuri msaħħa jew ġodda biex tħaffef it-titjib fl-effiċjenza enerġetika.
Artikolu 5
L-użu ta’ krediti mill-attivitajiet tal-proġetti
1. L-Istati Membri jistgħu jużaw il-krediti li ġejjin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom fl-Artikolu 3:
(a) |
Tnaqqis Ċertifikat ta’ Emissjonijiet (CERs) u Unitajiet ta’ Tnaqqis ta’ Emissjonijiet (ERUs), kif stabbilit fid-Direttiva Nru 2003/87/KE, mogħtija fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2012 li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012. |
(b) |
CERs u ERUs mogħtija fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2013 minn proġetti li jkunu reġistrati qabel l-2013 u li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012. |
(c) |
CERs mogħtija fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet miksuba minn proġetti implimentati fil-PLŻ li kienu eliġibbli għall-użu fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012, sa meta dawk il-pajjiżi rratifikaw ftehim rilevanti mal-Komunità jew sal-2020, abbażi ta’ liema jiġi l-ewwel; |
(d) |
CERs temporanji (tCERs) jew CERs fit-tul (lCERs) minn proġetti ta’ afforestazzjoni u riforestazzjoni sakemm, fejn Stat Membru jkun uża tCERs jew lCERs għall-impenji tiegħu konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE (8) għall-perjodu mill-2008 sal-2012, l-Istat Membru jikkommetti ruħu li jibdel kontinwament dwak il-krediti permezz ta’ tCERs, lCERs jew units oħra li huma validi taħt il-Protokoll ta’ Kyoto qabel id-data ta’ skadenza tat-tCERs jew l-lCERs, u l-Istat Membru jikkommetti ruħu wkoll li jibdel kontinwament tCERs jew lCERS użati taħt din id-Deċiżjoni b’tCERs, lCERs jew units oħra li jistgħu jintużaw għal dawk l-impenji qabel id-data ta’ skadenza tat-tCERs jew l-lCERs. Fejn it-tibdil isir bl-użu ta’ tCERs jew lCERs, l-Istat Membru għandu jibdel ukoll dawk it-tCERs jew lCERs fuq bażi kontinwa qabel id-data tal-iskadenza tagħhom, sa meta jinbidlu ma’ units li jkunu ta’ validità mingħajr limitu. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji politiċi tagħhom dwar l-akkwist ta’ dawn il-krediti jtejbu l-firxa ġeografika ġusta tal-proġetti u jtejbu l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima.
2. Minbarra l-paragrafu 1, u fil-każ li n-negozjati dwar ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima ma jiġux konklużi sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri jistgħu, biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 3, jużaw krediti addizzjonali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn proġetti jew attivitajiet oħra tat-tnaqqis tal-emissjonijiet konformement mal-istrumenti ta’ ftehim imsemmija fl-Artikolu 11a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE.
3. Sakemm jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima kif imsemmi fl-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu, mill-1 ta’ Jannar 2013, jużaw biss il-krediti mill-proġetti f’pajjiżi terzi li jkunu rratifikaw il-ftehim.
4. L-użu annwali ta’ krediti minn kull Stat Membru taħt il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandux jaqbeż kwantità ekwivalenti għal 3 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ dak l-Istat Membru fl-2005, flimkien ma’ kwalunkwe kwantità trasferita konformement mal-paragrafu 6.
5. L-Istati Membri b’limitu negattiv jew b’limitu pożittiv talanqas ta’ 5 %, kif imfisser fl-Anness II, li huma elenkati fl-Anness III, għandhom, minbarra l-krediti użati taħt il-paragrafu 4, jitħallew jużaw kull sena l-krediti addizzjonali li jammontaw għal 1 % tal-emissjonijiet ivverifikati tagħhom fl-2005 minn proġetti fil-PLŻ u f’SGŻJ, suġġett għall-konformità tagħhom ma’ waħda mill-erba’ kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-ispejjeż diretti tal-pakkett globali jaqbżu 0,70 % tal-GDP abbażi tal-istima tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-pakkett ta’ miżuri implimentattivi għall-għanijiet tal-UE dwar il-bidla fil-klima u l-enerġija rinovabbli għall-2020; |
(b) |
ikun hemm żieda ta’ mill-inqas 0,1 % tal-GDP bejn il-mira li fil-fatt ġiet adottata għall-Istat Membru kkonċernat u x-xenarju effettiv mil-lat tal-ispejjeż abbażi tal-istima tal-impatt tal-Kummissjoni msemmija fil-punt (a); |
(c) |
iktar minn 50 % tal-emissjonijiet koperti minn din id-Deċiżjoni għall-Istat Membru kkonċernat huma responsabbli għalihom l-emissjonijiet relatati mat-trasport; jew |
(d) |
l-Istat Membru kkonċernat għandu mira ta’ enerġiji li jiġġeddu għall-2020 li hija aktar minn 30 % kif stabbilit fid-Direttiva 2009/28/KE. |
6. Kull sena, Stat Membru jista’ jittrasferixxi, lil Stat Membru ieħor, il-parti mhux użata tal-kwantità annwali ekwivalenti għal 3 % kif speċifikat fil-paragrafu 4. Fejn l-użu annwali tal-krediti ta’ Stat Membru ma jilħaqx il-kwantità fil-paragrafu 4, l-Istat Membru jista’ jħalli l-parti mhux użata ta’ dik il-kwantità għal snin sussegwenti.
7. L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, ikunu jistgħu jużaw krediti mill-proġetti fil-livell Komunitarju maħruġa taħt l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE għall-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, bla ebda limiti ta’ kwantità.
Artikolu 6
Ir-rappurtaġġ, l-evalwazzjoni tal-progress, l-emendi u r-reviżjoni
1. L-Istati Membri għandhom, fir-rapporti tagħhom preżentati taħt l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, jinkludu dan li ġej:
(a) |
l-emissjonijiet annwali tagħhom ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 3; |
(b) |
l-użu, id-distribuzzjoni ġeografika u t-tipi tal-krediti użati taħt l-Artikolu 5, kif ukoll il-kriterji ta’ kwalità li japplikaw għalihom; |
(c) |
il-progress proġettat biex jiġu sodisfatti l-obbligi tagħhom taħt din id-Deċiżjoni, fosthom it-tagħrif dwar il-linji politiċi u l-miżuri nazzjonali kif ukoll il-projezzjonijiet nazzjonali; |
(d) |
tagħrif dwar linji politiċi u miżuri nazzjonali oħra ppjanati, maħsuba biex jillimitaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra lil hinn mill-impenji tagħhom taħt din id-Deċiżjoni u fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, kif imsemmi fl-Artikolu 8. |
2. Fil-każ li Stat Membru jkun qiegħed juża krediti minn tipi ta’ proġetti li ma jkunux jistgħu jintużaw mill-operaturi fl-iskema Komunitarja, dak l-Istat Membru għandu jagħti ġustifikazzjoni dettaljata għall-użu ta’ dawn il-krediti.
3. Il-Kummissjoni għandha, fir-rapport li tippreżenta taħt l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, tevalwa jekk il-progress tal-Istati Membri ikunx suffiċjenti biex jitwettqu l-obbligi tagħhom taħt din id-Deċiżjoni.
L-evalwazzjoni għandha tqis il-progress fil-linji politiċi u miżuri Komunitarji u l-informazzjoni mill-Istati Membri taħt l-Artikoli 3 u 5 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.
Kull sentejn li jibdew bl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rappurtati għall-2013, il-valutazzjoni għandha tinkludi wkoll il-progress previst tal-Komunità lejn it-twettiq tal-impenn tagħha ta’ tnaqqis u tal-Istati Membri lejn it-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt din id-Deċiżjoni.
4. Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni, fosthom l-użu u l-kwalità tal-krediti CDM u l-ħtieġa għal aktar linji politiċi u miżuri komuni u koordinati fil-livell Komunitarju fis-setturi koperti b’din id-Deċiżjoni, sabiex tassisti lill-Istati Membri biex jilħqu l-impenji tagħhom taħt din id-Deċiżjoni, u għandha tagħmel proposti kif ikun jeħtieġ il-każ.
5. Sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha, kif ikun jeħtieġ il-każ, tagħmel proposti biex tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE u tadotta emendi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/166/KE (9) għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-atti emendatorji mill-1 ta’ Jannar 2013, sabiex jiġi żgurat, b’mod partikulari:
(a) |
monitoraġġ, rappurtaġġ u verifiki tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jkunu aktar mgħaġġla, effiċjenti, trasparenti u effikaċi meta jitqabblu man-nefqa; |
(b) |
l-iżvilupp tal-projezzjonijiet nazzjonali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2020. |
Artikolu 7
Azzjoni korrettiva
1. Fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ Stat Membru jeċċedu l-allokazzjoni annwali ta’ emissjonijiet kif speċifikat taħt l-Artikolu 3(2), waqt li jitqiesu l-flessibbiltajiet użati taħt l-Artikoli 3 u 4, għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:
(a) |
tnaqqis mill-allokazzjoni tal-emissjonijiet tal-Istat Membru għas-sena ta’ wara ekwivalenti għall-ammont f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju ta’ dawk l-emissjonijiet żejda mmultiplikat b’fattur ta’ tnaqqis ta’ 1,08; |
(b) |
l-iżvilupp ta’ pjan għal azzjoni korrettiva taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu; u |
(c) |
is-sospensjoni temporanja tal-eliġibbiltà ta’ trasferiment ta’ parti mill-allokazzjoni tal-emissjonijiet u tad-drittijiet JI/CDM tal-Istat Membru lil Stat Membru ieħor sa meta l-Istat Membru jkun konformi mal-Artikolu 3(2). |
2. Stat Membru kopert mill-paragrafu 1għandu, fi żmien tliet xhur, jippreżenta lill-Kummissjoni evalwazzjoni u pjan ta’ azzjoni korrettiva li jinkludi:
(a) |
azzjoni li l-Istat Membru se jimplimenta sabiex jissodisfa l-obbligi speċifiċi tiegħu taħt l-Artikolu 3(2), waqt li jagħti prijorità lil-linji politiċi domestiċi u l-miżuri u l-implimentazzjoni tal-azzjoni Komunitarja; |
(b) |
skeda ta’ implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni, li tippermetti l-evalwazzjoni tal-progress annwali tal-implimentazzjoni. |
Il-Kummissjoni tista’ tagħti opinjoni dwar il-pjan ta’ azzjoni korrettiva tal-Istat Membru kkonċernat.
Qabel ma’ tagħti din l-opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għall-kummenti tal-Kumitat għall-Bidla fil-Klima imsemmi fl-Artikolu 13(1).
Artikolu 8
L-aġġustamenti applikabbli wara l-approvazzjoni mill-Komunitàta’ ftehim internazzjonali futur dwar il-bidla fil-klima
1. Sa tliet xhur wara li l-Komunità tiffirma ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, li jwassal, sal-2020, għal livelli mandatorji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jaqbżu l-20 % meta mqabbla mal-livelli fl-1990, kif rifless fl-impenn għal tnaqqis ta’ 30 % kif approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jevalwa, b’mod partikulari, l-elementi li ġejjin:
(a) |
in-natura tal-miżuri miftiehma fil-qafas tan-negozjati internazzjonali, kif ukoll l-impenji magħmula minn pajjiżi żviluppati oħra għal tnaqqis, komparabbli ma’ dak tal-Komunità, ta’ emissjonijiet u l-impenji magħmula minn pajjiżi bi żvilupp ekonomiku aktar avvanzat biex jikkontribwixxu b’mod xieraq konformement mar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom; |
(b) |
l-implikazzjonijiet tal-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, u konsegwentement, l-għażliet mitluba fil-livell Komunitarju, sabiex isir tqarrib għall-mira ta’ tnaqqis ta’ 30 % b’mod bilanċjat, trasparenti u ġust, waqt li jitqies ix-xogħol tal-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto; |
(c) |
il-kompetittività tal-industriji Komunitarji tal-manifattura fil-kuntest tar-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; |
(d) |
l-impatt tal-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima fuq setturi ekonomiċi Komunitarji oħra; |
(e) |
l-impatt fuq il-qasam agrikolu Komunitarju, inklużi r-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; |
(f) |
modalitajiet xierqa biex jiġu inklużi emissjonijiet u assorbimenti relatati ma’ użu tal-art, bdil fl-użu tal-art u forestrija fil-Komunità; |
(g) |
l-afforestazzjoni, il-forestazzjoni mill-ġdid, l-evitar tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresta f’pajjiżi terzi, f’każ li tiġi stabbilita xi sistema internazzjonali rikonoxxuta f’dan il-kuntest; |
(h) |
il-ħtieġa għal aktar linji politiċi u miżuri Komunitarji fid-dawl tal-impenji Komunitarji u tal-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. |
2. Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li temenda din id-Deċiżjoni konformement mal-paragrafu 1, bil-għan li l-att emendatorju jidħol fis-seħħ hekk kif il-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima jiġi approvat mill-Komunità u fid-dawl tal-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jrid jiġi implimentat konformement ma’ dak il-ftehim.
Dik il-proposta għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ effiċjenza ekonomika u ta’ effiċjenza meta mqabbla man-nefqa, kif ukoll fuq l-ekwità u s-solidarjetà fid-distribuzzjoni tal-isforzi bejn l-Istati Membri.
3. Il-proposta għandha tippermetti, kif ikun jeħtieġ il-każ, lill-Istati Membri sabiex jużaw, addizzjonalment għall-krediti previsti f’din id-Decizjoni, CERs, ERUs jew krediti oħra approvati minn pajjizi terzi li jkunu rratifikaw il-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima.
4. Il-proposta għandha tinkludi wkoll, kif ikun jeħtieġ il-każ, miżuri li jippermettu lill-Istati Membri li jużaw il-parti mhux użata tal-kwantità addizzjonali li tkun tista’ tiġi użata, imsemmija fil-paragrafu 3, fis-snin ta’ wara jew jittrasferixxu l-parti mhux użata ta’ dik il-kwantità lil Stat Membru ieħor.
5. Il-proposta għandha tinkludi wkoll, kif ikun jeħtieġ il-każ, kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jgħinu ħalli jintlaħaq it-tnaqqis taħt il-paragrafu 1 b’mod trasparenti, bilanċjat u ġust u, partikolarment, għandha tinkludi miżuri implimentattivi li jipprovdu biex l-Istati Membri jużaw tipi addizzjonali ta’ krediti ta’ proġetti jew mekkaniżmi oħra maħluqa konformement mal-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, kif ikun jeħtieġ il-każ.
6. Fuq il-bażi ta’ regoli miftiehma bħala parti mill-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi emissjonijiet u assorbimenti relatati ma’ użu tal-art, użu tal-art mibdul u forestrija f’din id-Deċiżjoni, kif ikun jeħtieġ il-każ, konformement mal-modalitajiet armonizzati li jiżguraw il-permanenza u l-integrità ambjentali fil-kontribuzzjoni tal-użu tal-art, użu tal-art mibdul u forestrija kif ukoll sorveljar u responsabbiltà akkurati. Il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk id-distribuzzjoni ta’ sforzi ta’ Stati Membri individwali għandhomx ikunu aġġustati b’dan il-mod.
7. Dik il-proposta għandha tinkludi il-miżuri tranżizzjonali u ta’ sospensjoni xierqa sa meta jidħol fis-seħħ il-ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima.
Artikolu 9
Proċedura fir-rigward tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-każ li ma jsirx ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima
Fil-każ li l-ebda ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima ma jiġi approvat mill-Komunità sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw l-intenzjonijiet tagħhom għall-inklużjoni tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fl-impenn ta’ tnaqqis tal-Komunità b’kunsiderazzjoni għall-metodoloġiji fil-ħidma mwettqa fil-kuntest tal-UNFCCC. Il-kunsiderazzjoni ta’ speċifikazzjoni bħal din mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, sat-30 ta’ Ġunju 2011, tevalwa modalitajiet għall-inklużjoni ta’ emissjonijiet u assorbimenti minn attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fl-impenn tat-tnaqqis tal-Komunità filwaqt li tiżgura l-permanenza u l-integrità ambjentali tal-kontribuzzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, kif ukoll monitoraġġ preċiż u responsabbiltà u tagħmel proposta kif ikun jeħtieġ il-każ bil-għan tad-dħul fis-seħħ tal-att propost mill-2013 ‘il quddiem. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk id-distribuzzjoni tal-isforzi ta’ Stati Membri individwali għandhiex tkun aġġustata konformement mal-każ.
Artikolu 10
Bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 24a tiegħu
L-ammont massimu ta’ emissjonijiet għal kull Stat Membru taħt l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi aġġustat abbażi tal-ammont ta’:
(a) |
kwoti għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jingħataw skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE li jirriżulta minn bidla fil-firxa tas-sorsi taħt dik id-Direttiva wara l-approvazzjoni finali mill-Kummissjoni tal-pjanijiet dwar l-allokazzjoni annwali għall-perjodu mill-2008 sal-2012 taħt id-Direttiva 2003/87/KE; |
(b) |
kwoti jew krediti maħruġa skont l-Artikoli 24 u 24a tad-Direttiva 2003/87/KE rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet fi Stat Membru kopert b’din id-Deċiżjoni; |
(c) |
kwoti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn stallazzjonijiet esklużi mill-iskema Komunitarja taħt l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE għaż-żmien li huma esklużi. |
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-figuri li jirriżultaw minn dak it-tibdil.
Artikolu 11
Ir-reġistri u l-Amministratur Ċentrali
1. Ir-reġistri tal-Komunità u tal-Istati Membri stabbiliti taħt l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE għandhom jiżguraw il-kontabbiltà preċiża tat-tranżazzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.
2. L-Amministratur Ċentrali maħtur bl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jwettaq, permezz tar-reġistru indipendenti ta’ tranżazzjonijiet, monitoraġġ ta’ kull tranżazzjoni taħt din id-Deċiżjoni, u fejn meħtieġ iwaqqaf xi tranżazzjonijiet biex ikun żgurat li ma jkunx hemm irregolaritajiet. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.
Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).
Artikolu 12
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 994/2008
Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta emendi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 994/2008/KE tat-8 ta’ Ottubru 2008 għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri konformement mad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).
Artikolu 13
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar il-Bidla fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tal-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 14
Rapport
Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport ta’ evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Dak ir-rapport għandu jevalwa wkoll kif l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni affettwat il-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali, fil-livell Komunitarju u fil-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Ottubru 2016, flimkien ma’ proposti kif jixraq, partikolarment jekk hux xieraq li jkun hemm miri nazzjonali differenti għall-perjodu ta’ wara l-2020.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 16
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strażburgu, it-23 ta' April 2009.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
P. NEČAS
(2) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009.
(4) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(6) Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal uffiċjali.
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/166/KE tal-10 ta’ Frar 2005 li tistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU L 55, 1.3.2005, p. 57).
(10) ĠU L 271, 11.10.2008, p. 3.
ANNESS I
KATEGORIJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1) TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI KIF SPEĊIFIKAT IKTAR FL-ANNESS I, KATEGORIJI 1 SA 4 U 6 TAD- DEĊIŻJONI 2005/166/KE
Enerġija
— |
Kombustjoni tal-karburanti |
— |
Emissjonijiet li jaħarbu mill-karburanti |
Proċessi industrijali
Użu ta’ solventi u ta’ prodotti oħrajn
Agrikoltura
Skart
ANNESS II
LIMITI TA’ EMISSJONIJIET TAL-GASSIJIET SERRA TAL-ISTATI MEMBRI TAĦT L-ARTIKOLU 3
|
Limiti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istat Membru fl-2020 kif imqabbel mal-livelli tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra |
Il-Belġju |
–15 % |
Il-Bulgarija |
20 % |
Ir-Repubblika Ċeka |
9 % |
Id-Danimarka |
–20 % |
Il-Ġermanja |
–14 % |
L-Estonja |
11 % |
L-Irlanda |
–20 % |
Il-Greċja |
–4 % |
Spanja |
–10 % |
Franza |
–14 % |
L-Italja |
–13 % |
Ċipru |
–5 % |
Il-Latvja |
17 % |
Il-Litwanja |
15 % |
Il-Lussemburgu |
–20 % |
L-Ungerija |
10 % |
Malta |
5 % |
L-Olanda |
–16 % |
L-Awstrija |
–16 % |
Il-Polonja |
14 % |
Il-Portugall |
1 % |
Ir-Rumanija |
19 % |
Is-Slovenja |
4 % |
Is-Slovakkja |
13 % |
Il-Finlandja |
–16 % |
L-Iżvezja |
–17 % |
Ir-Renju Unit |
–16 % |
ANNESS III
L-ISTATI MEMBRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5(5)
|
Il-Belġju |
|
Id-Danimarka |
|
L-Irlanda |
|
Spanja |
|
L-Italja |
|
Ċipru |
|
Il-Lussemburgu |
|
L-Awstrija |
|
Il-Portugall |
|
Is-Slovenja |
|
Il-Finlandja |
|
L-Iżvezja |