EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1078

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1078/2008 tat- 3 ta’ Novembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta bażika dwar is-sajd

OJ L 295, 4.11.2008, p. 24–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 04 Volume 003 P. 219 - 228

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1078/oj

4.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 295/24


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1078/2008

tat-3 ta’ Novembru 2008

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta bażika dwar is-sajd

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (1), b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd (2) jistabbilixxi bażi soda għall-analiżi tas-sajd u biex tkun provduta l-formulazzjoni ta’ parir xjentifiku sod għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(2)

Il-Kummissjoni għandha taddotta programm Komunitarju multi-annwali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 li fuqu l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali multi-annwali għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta.

(3)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 jipprovdi, fost azzjonijiet oħra, għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri fil-qasam tal-ġbir ta’ dejta bażika. Barra minn hekk, l-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tiddeċiedi kull sena dwar il-kontribuzzjoni Komunitarja annwali għal dawk il-miżuri.

(4)

Minħabba l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli u l-proċeduri li l-Istati Membri għandhom isegwu sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja Komunitarja għan-nefqa li ssir fil-qasam tal-ġbir tad-dejta. Jixraq ukoll li n-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-regoli u l-proċeduri jwassal għall-esklużjoni tal-infiq.

(5)

Il-kontribuzzjoni Komunitarja annwali għandha tkun ibbażata fuq il-previżjonijiet baġitarji annwali li għandhom jiġu evalwati, waqt li jitqiesu l-programmi nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-Komunità jiġu allokati b’mod effiċjenti, il-previżjoni baġitarja annwali għandha tkun konsistenti mal-attivitajiet previsti fil-programm nazzjonali.

(7)

Sabiex il-proċeduri jkunu simplifikati, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli u l-format tas-sottomissjoni mill-Istati Membri tal-previżjoni baġitarja annwali fir-rigward tat-twettiq tal-programmi nazzjonali. Huma biss l-ispejjeż li jkunu direttament relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali, li jkunu ġustifikati kif jixraq u li jkunu saru attwalment mill-Istati Membri, li għandhom jitqiesu eliġibbli. F’dan ir-rigward, huwa rilevanti wkoll li jiġu ċċarati l-irwol u l-obbligi tal-imsieħba u tas-sottokuntratturi fl-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali.

(8)

Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu emendati l-aspetti tekniċi tal-programmi multi-annwali kif previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008, jixraq li jiġu stabbiliti r-regoli li skondhom l-Istati Membri jistgħu jemendaw b’mod adegwat il-fondi meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa tal-programmi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jitħallew jallokaw il-fondi mill-ġdid bejn il-kategoriji differenti ta’ nfiq, jekk dan jitqies ta’ benefiċċju għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali.

(9)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġi żgurat li t-talbiet għar-rimborż tan-nefqa jkunu skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-kontribuzzjoni annwali tal-Komunità. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu l-proċedura għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ dawn it-talbiet. Fejn jixraq, it-talbiet li ma jkunux konformi ma’ dawk ir-regoli għandhom jiġu ddiżimpenjati.

(10)

Jixraq li l-ħlasijiet isiru f’żewġ pagamenti, biex b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità matul il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-programm.

(11)

Sabiex jiġi żgurat l-użu korrett tal-fondi Komunitarji, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Verifika għandhom ikunu f’pożizzjoni sabiex jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament u għandhom, għal dan il-għan, ikunu fornuti bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti sabiex iwettqu l-verifiki u l-korrezzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 rigward il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għan-nefqa li tkun saret mill-Istati Membri għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta bażika dwar is-sajd.

Artikolu 2

Sottomissjoni tal-previżjoni baġitarja annwali

1.   L-Istati Membri li jixtiequ jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-implimentazzjoni tal-programmi multi-annwali tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-programm nazzjonali”, għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ qabel il-perjodu tal-implimentazzjoni ta’ dak il-programm:

(a)

previżjoni baġitarja annwali għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-programm nazzjonali u

(b)

previżjonijiet baġitarji annwali indikattivi għal kull sena oħra tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu previżjonijiet baġitarji annwali definittivi għal kull sena tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tagħhom, wara dik tal-ewwel, fejn dawn ikunu differenti mill-previżjonijiet baġitarji annwali indikattivi diġà sottomessi. Il-previżjonijiet baġitarji annwali definittivi għandhom jiġu sottomessi sal-31 ta’ Ottubru qabel is-sena tal-implimentazzjoni kkonċernata.

3.   Għall-ewwel programm nazzjonali li jkopri l-perjodu 2009-2010, il-previżjonijiet baġitarji annwali għandhom ikunu sottomessi sal-15 ta’ Ottubru 2008.

Artikolu 3

Kontenut tal-previżjoni baġitarja annwali

1.   Il-previżjoni baġitarja annwali għandu jkollha n-nefqa annwali ppjanata li Stat Membru jkun mistenni li jagħmel għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tiegħu.

2.   Il-previżjoni baġitarja annwali għandha tiġi ppreżentata:

(a)

skond il-kategorija tan-nefqa kif stipulat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(b)

skond il-modulu kif definit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi programm Komunitarju multi-annwali dwar il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta għas-setturi tas-sajd u l-akkwakultura; u

(ċ)

fejn rilevanti, skond ir-reġjun kif definit fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 (3).

3.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-previżjoni baġitarja annwali b’mezzi elettroniċi u billi jużaw il-formoli finanzjarji stabbiliti u kkomunikati lilhom mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Evalwazzjoni tal-previżjoni baġitarja annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni tal-previżjonijiet baġitarji annwali billi tikkunsidra l-programmi nazzjonali approvati skond l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

2.   Sabiex issir evalwazzjoni tal-previżjoni baġitarja annwali, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru sabiex iforni aktar kjarifiki dwar in-nefqa kkonċernata. L-Istat Membru għandu jforni tali kjarifiki fi żmien 15-il jum tax-xogħol mit-talba tal-Kummissjoni.

3.   Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkomunika kjarifikazzjoni suffiċjenti sad-data tal-għeluq imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ teskludi kif jixraq in-nefqa kkonċernata mill-previżjoni baġitarja annwali rispettiva li trid tiġi approvata.

Artikolu 5

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-previżjoni baġitarja annwali u tiddeċiedi dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-Komunità għal kull programm nazzjonali skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 u fuq il-bażi tar-riżultat tal-evalwazzjoni tal-previżjonijiet baġitarji annwali kif imsemmi fl-Artikolu 4.

Artikolu 6

Emendi għall-previżjoni baġitarja annwali approvata

1.   L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati sabiex jittrasferixxu l-ammonti stabbiliti fil-previżjoni baġitarja annwali, approvata skond l-Artikolu 5, bejn il-moduli u l-kategoriji ta’ nfiq fl-istess reġjun biss, sakemm:

(a)

l-ammonti ttrasferiti ma jaqbżux 50 000 EUR jew 10 % tal-baġit totali approvat għar-reġjun fejn l-ammont ta’ dak il-baġit ikun inqas minn 500 000 EUR;

(b)

dawn jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għat-trasferiment;

2.   Kull emenda oħra fil-previżjoni baġitarja annwali approvata skond l-Artikolu 5 għandha tkun ġustifikata kif jixraq u tiġi approvata mill-Kummissjoni qabel ma ssir in-nefqa.

Artikolu 7

Nefqa eliġibbli

1.   Sabiex tkun eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, in-nefqa għandha:

(a)

tkun saret attwalment mill-Istat Membru;

(b)

tikkonċerna azzjoni prevista fil-programm nazzjonali;

(ċ)

tkun indikata fil-previżjoni baġitarja annwali;

(d)

taqa’ f’waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness I;

(e)

tikkonċerna azzjoni li tkun saret skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 199/2008 u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu;

(f)

tkun tista’ tiġi identifikata u verifikata, b’mod partikolari billi tiġi reġistrata fil-kotba tal-kontijiet tal-Istat Membru u tal-imsieħba tiegħu;

(g)

tkun stabbilita skond l-istandards ta’ kontabbiltà applikabbli u konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(h)

tkun raġonevoli, ġustifikata, u konformi mar-rekwiżiti ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari rigward l-ekonomija u l-effiċjenza;

(i)

tkun saret matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-azzjoni kif previst fil-programm nazzjonali.

2.   Nefqa eliġibbli għandha tkun relatata ma’:

(a)

l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ dejta li ġejjin:

il-ġbir ta’ dejta dwar is-siti tat-teħid ta’ kampjuni kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 permezz ta’ kampjuni diretti jew intervisti u mistoqsijiet;

sorveljanza fuq il-baħar tas-sajd kummerċjali u dak rikreattiv kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

stħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008

(b)

l-attivitajiet ta’ ġestjoni tad-dejta li ġejjin, kif previst fil-programm multi-annwali tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008:

żvilupp ta’ databases u websajts,

input ta’ dejta (ħażna),

kontroll tal-kwalità u l-validazzjoni tad-dejta,

proċessar tad-dejta minn dejta primarja f’dejta dettaljata jew aggregata

proċess ta’ trasformazzjoni ta’ dejta primarja soċjo-ekonomika f’metadejta;

(ċ)

l-attivitajiet ta’ użu ta’ dejta li ġejjin, kif previst fil-programm multi-annwali tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008:

produzzjoni ta’ settijiet ta’ dejta u l-użi tagħhom għas-sostenn tal-analiżi xjentifika bħala bażi għall-parir lill-amministrazzjoni tas-sajd,

stimi ta’ parametri bijoloġiċi (età, piż, sess, maturità u fertilità),

preparazzjoni ta’ settijiet ta’ dejta għall-valutazzjonijiet tal-istokkijiet, għall-immudellar bijo-ekonomiku u għall-analiżi xjentifika li tikkorrispondi.

Artikolu 8

Nefqa mhux eliġibbli

In-nefqa li ġejja mhijiex eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità:

(a)

marġni ta’ profitt, fornimenti u djun mitlufa;

(b)

interessi dovuti u spejjeż bankarji;

(ċ)

spejjeż medji tax-xogħol;

(d)

spejjeż indiretti bħal: bini u siti, amministrazzjoni, impjegati ta’ sostenn, provvisti tal-uffiċċju, infrastruttura, spejjeż tal-operat u ta’ manutenzjoni, bħalma huma spejjeż ta’ telekomunikazzjoni, oġġetti u servizzi;

(e)

tagħmir li ma jintużax għall-ġbir ta’ dejta u għall-ġestjoni, bħal scanners, printers, telefowns ċellulari, walkie-talkies, vidjos u kameras;

(f)

xiri ta’ vetturi;

(g)

spejjeż ta’ distribuzzjoni, kummerċjalizzazzjoni u reklamar għall-promozzjoni ta’ prodotti u attivitajiet kummerċjali;

(h)

spejjeż ta’ divertiment, għajr dawk meqjusa mill-Kummissjoni bħala strettament neċessarji sabiex jitwettaq il-programm nazzjonali;

(i)

infiq fuq affarijiet ta’ lussu u pubbliċità

(j)

l-infiq kollu fuq programmi/proġetti oħra ffinanzjati minn parti terza;

(k)

l-infiq kollu sabiex jiġu protetti r-riżultati tax-xogħol imwettaq taħt il-programm nazzjonali;

(l)

kwalunkwe tip ta’ taxxa li tista’ tiġi rkuprata (inkluża l-VAT);

(m)

riżorsi li jkunu disponibbli għall-Istat Membru b’xejn;

(n)

il-valur tal-kontribuzzjonijiet in natura;

(o)

spejjeż mhux neċessarji jew li rriżultaw minn deċiżjonijiet ħżiena.

Artikolu 9

Implimentazzjoni tal-programmi

1.   L-Istati Membri jistgħu jkunu megħjunin minn imsieħba għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali. L-imsieħba għandhom ikunu organizzazzjonijiet li jkunu identifikati b’mod espliċitu fil-programm nazzjonali sabiex jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw il-programm nazzjonali kollu jew parti sinjifikanti minnu. L-imsieħba jkunu involuti direttament fl-implimentazzjoni teknika ta’ wieħed mill-kompiti jew aktar tal-programm nazzjonali u jkunu soġġetti għall-istess obbligi bħall-Istati Membri fejn tkun ikkonċernata l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali.

2.   L-imsieħba m’għandhomx jaġixxu, fil-kuntest tal-programm, bħala sottokuntratturi għall-Istat Membru jew imsieħba oħra.

3.   Għal perjodu fiss, kompiti speċifiċi tal-programm nazzjonali jistgħu jsiru minn subkuntratturi, li ma għandhomx jitqiesu bħala msieħba. Is-subkuntratturi għandhom jkunu persuni fiżiċi jew legali li jfornu servizzi lill-Istati Membri u/jew l-imsieħba. Kwalunkwe rikors għal subkuntrattar waqt il-kors tal-azzjoni, jekk ma jkunx previst fil-proposta inizjali tal-programm, għandu jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 10

Sottomissjoni tat-talbiet għar-rimborż

1.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni t-talbiet għar-rimborż tal-infiq li jkun sar għall-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ kull sena ta’ wara s-sena kalendarja kkonċernata. Dawk it-talbiet għandhom jikkonsistu minn:

(a)

ittra li tiddikjara l-ammont totali mitlub għar-rimborż, li tindika b’mod ċar il-punti elenkati fl-Anness II;

(b)

rapport finanzjarju, ippreżentat skond il-kategorija tan-nefqa, il-modulu u, fejn rilevanti, skond ir-reġjun kif indikat fil-formoli finanzjarji msemmija fl-Artikolu 3(3). Ir-rapport finanzjarju għandu jiġi ppreżentat fil-format stabbilit u kkomunikat lill-Istati Membri mill-Kummissjoni;

(ċ)

dikjarazzjoni tan-nefqa kif definit fl-Anness III; u

(d)

id-dokument ta’ sostenn rilevanti kif indikat fl-Anness I;

2.   It-talbiet għar-rimborż għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi.

3.   Meta jissottomettu t-talbiet għar-rimborż, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jivverifikaw u jiċċertifikaw li:

(a)

l-azzjonijiet imwettqa u d-dikjarazzjoni tan-nefqa mġarrba taħt id-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5 jkunu jikkorrispondu għall-programm nazzjonali kif approvat mill-Kummissjoni;

(b)

it-talba għar-rimborż tkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8;

(ċ)

in-nefqa tkun saret skond il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 861/2006, dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5 u l-leġislazzjoni tal-Komunità dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Artikolu 11

Evalwazzjoni tat-talbiet għar-rimborż

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjonijiet tat-talbiet għar-rimborż dwar il-konformità ta’ dawn ma’ dan ir-Regolament.

2.   Bil-għan li ssir evalwazzjoni tat-talba għar-rimborż, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru sabiex iforni aktar kjarifiki. L-Istat Membru għandu jforni tali kjarifiki fi żmien 15-il jum tax-xogħol mit-talba tal-Kummissjoni.

Artikolu 12

Esklużjoni mir-rimborż

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkomunika kjarifika suffiċjenti sad-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 11(2) u l-Kummissjoni tqis li t-talba għar-rimborż mhie konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni titlob lill-Istat Membru sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien 15-il ġurnata kalendarja. Jekk l-eżami jikkonferma n-nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta li tirrimborża n-nefqa kollha, jew parti minnha, li hija kkonċernata man-nuqqas ta’ konformità u, fejn jixraq, titlob għar-rimborż ta’ ħlasijiet mhux dovuti jew inkella tiddiżimpenja l-ammonti pendenti.

Artikolu 13

Approvazzjoni tat-talbiet għar-rimborż

Il-Kummissjoni għandha tapprova t-talbiet għar-rimborż fuq il-bażi tal-eżitu tal-proċedura stipulata fl-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 14

Ħlasijiet

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità mogħtija lil Stat Membru skond l-Artikolu 8 għal kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm nazzjonali għandha titħallas f’żewġ pagamenti kif ġej:

(a)

ħlas ta’ qabel il-finanzjament ekwivalenti għal 50 % tal-kontribuzzjoni tal-Komunità. Dak il-pagament għandu jsir wara n-notifikazzjoni lill-Istat Membru dwar id-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5 u wara l-irċevuta ta’ ittra li fiha ssir talba għall-ħlas ta’ qabel il-finanzjament u li tiddikjara biċ-ċar il-punti elenkati fl-Anness II;

(b)

ħlas tal-bilanċ annwali bbażat fuq it-talba tar-rimborż imsemmija fl-Artikolu 10. Il-ħlas għandu jsir fi żmien 45 ġurnata mill-approvazzjoni, mill-Kummissjoni, tat-talba għar-rimborż imsemmija fl-Artikolu 12.

2.   Tnaqqis bħala penali kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 għandu jsir fuq il-ħlas tal-bilanċ annwali kif imsemmi fil-paragrafu 1(b).

3.   Talbiet addizzjonali għan-nefqa u dokumenti oħra ta’ sostenn ma jiġux aċċettati wara li jkun sar il-ħlas tal-bilanċ.

Artikolu 15

Munita

1.   Il-previżjonijiet baġitarji annwali u t-talbiet għar-rimborż għandhom ikunu mfissra f’ewro.

2.   Għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-programm nazzjonali, l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fit-tielet fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandhom japplikaw ir-rata tal-kambju ppubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Marzu ta’ kull sena qabel il-perjodu tal-implimentazzjoni ta’ dak il-programm. Għall-ewwel programm nazzjonali li jkopri l-perjodu 2009-2010, id-data għandha tkun l-1 ta’ Ottubru 2008.

3.   Għal kull sena tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali wara dik tal-ewwel, l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fit-tielet fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandhom japplikaw ir-rata tal-kambju ppubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel dik tal-implimentazzjoni kkonċernata.

4.   L-Istati Membri li ma jipparteċipawx fit-tielet fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandhom jispeċifikaw ir-rata tal-kambju użata fil-previżjoni baġitarja annwali u fit-talba għar-rimborż.

Artikolu 16

Verifiki u korrezzjonijiet finanzjarji

L-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri bi kwalunkwe informazzjoni li dawk l-istituzzjonijiet jistgħu jitolbu għall-verifiki u l-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan il-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika għan-nefqa li tkun saret mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membi kollha.

Magħmul fi Brussell, 3 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3.


ANNESS I

Eliġibbiltà tan-nefqa mġarrba għall-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali

Il-kategoriji tan-nefqa eliġibbli għandhom jinkludu dawn li ġejjin jew uħud minnhom:

(a)

Spejjeż tal-impjegati:

spejjeż għall-ħin iddedikat għall-programm nazzjonali mill-personal xjentifiku jew tekniku biss,

l-ispejjeż tal-impjegati għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tal-ħin tax-xogħol iddedikat attwalment għall-programm nazzjonali u jiġu kkalkulati b’referenza għall-ispejjeż attwali tax-xogħol (pagi, spejjeż soċjali, kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet), iżda jeskludu kwalunkwe spejjeż oħra,

il-kalkulazzjoni tar-rati bis-siegħa/ġurnata għandha ssir fuq il-bażi ta’ 210 jum produttiv fis-sena,

il-ħin iddedikat mill-impjegati għall-programm għandu jidher b’mod sħiħ fir-rekords (l-iskedi tal-ħin) u jiġi ċċertifikat mill-inqas darba fix-xahar mill-persuna responsabbli. L-iskedi tal-ħin għandhom ikunu disponibbli lill-Kummissjoni fuq talba.

(b)

Spejjeż tal-ivvjaġġar:

l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom ikunu stabbiliti skond ir-regoli interni tal-Istat Membri jew l-imsieħba. Għall-ivvjaġġar barra l-Komunità, il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni huwa meħtieġ jekk ma jkunx speċifikat fil-programm nazzjonali.

(ċ)

Prodotti li jservu:

il-prodotti li jservu għandu jkollhom ħajja mistennija li ma tkunx iqsar mill-perjodu li matulu jsir ix-xogħol tal-programm. Dawn jiġu inklużi fl-inventarju tal-oġġetti li jservu, jew li jitqiesu bħala assi, skond il-metodi, ir-regoli u l-prinċipji ta’ kontabbiltà tal-Istat Membru jew l-imsieħba kkonċernati,

għall-finijiet li tiġi kkalkulata n-nefqa eliġibbli, l-oġġetti li jservu jitqiesu li jkollhom ħajja probabbli ta’ 36 xahar fil-każ ta’ apparat tal-kompjuter ta’ valur li ma jaqbiżx EUR 25 000, u 60 xahar fil-każ ta’ oġġetti oħra. L-ammont eliġibbli jiddependi fuq il-ħajja mistennija tal-oġġetti fir-rigward tal-perjodu tal-programm, bil-kundizzjoni li l-perjodu użat sabiex jiġi kkalkulat dan l-ammont jibda fid-data attwali tal-bidu tal-programm, jew fid-data tax-xiri tal-oġġetti fejn dan isir wara d-data tal-bidu, u jintemm fid-data tat-tkomplija tal-programm. Irid jitqies ukoll l-użu li jkun sar tal-oġġetti matul dak il-perjodu,

bħala eċċezzjoni, apparat li jservi jista’ jkun inxtara, jew inkera b’għażla li jinxtara fi żmien 6 xhur, qabel il-ġurnata tal-bidu tal-programm nazzjonali,

ir-regoli tal-akkwist pubbliku applikabbli għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta’ xiri ta’ oġġetti li jservu,

in-nefqa relatata mal-oġġetti li jservu għandha tiġi ġġustifikata b’fatturi ċċertifikati, li jikkonfermaw id-data tal-kunsinna, u għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni flimkien mad-dikjarazzjoni tan-nefqa.

(d)

Materjali u fornimenti ta’ konsum inkluż l-ispejjeż ta’ komputazzjoni:

il-materjali u l-fornimenti ta’ konsum huma materji primi ta’ konsum għax-xiri, il-produzzjoni, it-tiswija jew l-użu ta’ kwalunkwe oġġett jew apparat li jkollu ħajja probabbli iqsar mill-perjodu tax-xogħol tal-programm. Dawn ma jkunux inklużi fl-inventarju tal-oġġetti li jservu tal-Istat Membru jew tal-imsieħba kkonċernati, jew ma jitqisux bħala assi skond il-prinċipji, ir-regoli u l-metodi ta’ kontabbiltà tal-Istat Membru jew tal-imsieħba kkonċernati,

id-deskrizzjoni tagħhom għandha tkun dettaljata biżżejjed sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà tagħhom,

l-ispejjeż ta’ komputazzjoni eliġibbli jikkonċernaw l-istabbiliment u l-forniment lill-Istati Membri ta’ softwer għall-ġestjoni u l-interrogazzjoni ta’ databases.

(e)

Spejjeż fuq bastimenti:

għal stħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, inkluż dak li jsir fuq bastimenti reġistrati, l-ispejjeż tal-kera u dawk operattivi huma eliġibbli. Kopja ċċertifikata tal-fattura għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni flimkien mad-dikjarazzjoni tan-nefqa,

meta bastiment ikun il-proprjetà tal-Istat Membru jew l-imsieħeb, għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni tan-nefqa, analiżi dettaljata li turi kif ġew ikkalkulati l-ispejjeż tal-operat.

(f)

Spejjeż ta’ subkuntrattar/għajnuna esterna:

subkuntrattar/għajnuna esterna tikkonċerna servizzi standard u mhux innovattivi fornuti lill-Istat Membru u/jew lill-imsieħba li ma jkunux jistgħu jfornu dawn is-servizzi huma nfushom. Dawn l-ispejjeż m’għandhomx jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-baġit annwali ġenerali approvat. L-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni tkun meħtieġa meta l-ammont kumulattiv tas-subkuntratti fil-programm nazzjonali jaqbeż il-limitu speċifikat aktar ’il fuq,

is-subkuntratti għandhom jingħataw minn Stat Membru/imsieħeb skond ir-regoli applikabbli dwar is-sejħat għall-offerti pubbliċi u skond id-Direttivi tal-Komunità dwar il-proċeduri tal-akkwist pubbliku,

il-fatturi kollha tas-subkuntratturi għandhom jinkludu referenza ċara għall-programm nazzjonali u l-modulu (jiġifieri n-numru u t-titolu jew it-titolu fil-qosor). Il-fatturi kollha għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jippermettu l-identifikazzjoni ta’ kull oġġetti kopert bis-servizz fornut (jiġifieri deskrizzjoni ċara u l-ispiża għal kull oġġett),

l-Istati Membri u l-imsieħba għandhom jiżguraw li kull subkuntratt jipprovdi b’mod espliċitu biex il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-poteri ta’ kontroll tagħhom, abbażi tad-dokumenti u fuq il-post, fuq is-subkuntrattur li jkun irċieva l-fondi tal-Komunità,

il-pajjiżi barra l-Komunità jistgħu, jekk il-kontribuzzjoni tagħhom titqies bħala neċessarja għat-twettiq tal-programmi komunitarji, jipparteċipaw bħala subkuntratturi fi programm nazzjonali bl-approvazzjoni miktuba minn qabel tal-Kummissjoni,

kopja ċċertifikata tal-kuntratt mas-subkuntrattur u l-provi sussegwenti tal-ħlas għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni flimkien mad-dikjarazzjoni tan-nefqa.

(g)

Spejjeż speċifiċi oħra

kwalunkwe nefqa addizzjonali jew mhux prevista oħra li ma taqax f’waħda mill-kategoriji ta’ aktar ‘il fuq jistgħu jiġu addebitati lill-programm biss bi ftehim minn qabel mal-Kummissjoni, sakemm dawn ikunu previsti diġà fil-previżjoni baġitarja annwali.

(h)

Sostenn għal parir xjentifiku

l-istipendji ta’ kuljum, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar huma eliġibbli għal sakemm idumu l-laqgħat imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 665/2008 skond ir-regola stabbilita fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 665/2008,

kopja ċċertifikata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ sostenn għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni flimkien mad-dikjarazzjoni tan-nefqa.


ANNESS II

Kontenut tal-ittra li tiddikjara l-ammont mitlub għar-rimborż jew mitlub bħala ħlas ta’ qabel il-finanzjament

L-ittra li tiddikjara l-ammont mitlub għar-rimborż jew mitlub bħala ħlas ta’ qabel il-finanzjament għandha tindika b’mod ċar:

(1)

id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li għaliha din tirreferi (l-Artikolu u l-Anness rilevanti);

(2)

ir-referenza għall-programm nazzjonali;

(3)

l-ammont mitlub mill-Kummissjoni mfisser f’Ewro, VAT eskluża;

(4)

it-tip ta’ talba (ħlas ta’ qabel il-finanzjament, ħlas tal-bilanċ);

(5)

il-kont bankarju li fih għandu jsir it-trasferiment.


ANNESS III

DIKJARAZZJONI TAN-NEFQA

(li għandha tintbagħat lit-Taqsima MARE.C4 permezz ta’ kanali uffiċjali)

NEFQA PUBBLIKA SOSTNUTA FIT-TWETTIQ TAL-PROGRAMM NAZZJONALI GĦALL-ĠBIR TA’ DEJTA

Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’/Nru …

Referenza nazzjonali (jekk hemm) …

ĊERTIFIKAT

Jiena, is-sottoskritt, … li nirrappreżenta lill-awtorità … responsabbli għall-proċeduri finanzjarji u ta’ kontroll rilevanti, bil-preżenti niċċertifika, wara verifika, li n-nefqa eliġibbli kollha inkluża fid-dokumenti hawn mehmuża, li tirrappreżenta l-ispiża totali, tħallset fis-sena 200... u tammonta għal: … EUR (l-ammont eżatt sa żewġ punti deċimali) tal-programm nazzjonali għall-ġbir tad-data 200... u li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni ta’ 50 % mill-Kummissjoni Ewropea;

Il-pagament ta’ … EUR diġà ġie rċevut fir-rigward tal-programm imsemmi hawn fuq.

Jiena niċċertifika wkoll li d-dikjarazzjoni tan-nefqa hija eżatta u l-applikazzjoni għall-ħlas tikkunsidra kwalunkwe rkupru li sar.

L-operazzjonijiet twettqu skond l-għanijiet stabbiliti fid-deċiżjoni u skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006, b’mod partikolari dwar:

il-konformità mal-liġi tal-Komunità u l-istrumenti adottati taħt din, b’mod partikolari r-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi;

l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ ġestjoni u kontroll għall-għajnuna finanzjarja, b’mod partikolari sabiex jiġu verifikati l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati kif ukoll ir-realtà tan-nefqa mitluba, u sabiex jiġu evitati, misjuba u msewwija l-irregolaritajiet, sabiex jiġu ssuktati każijiet ta’ frodi, u sabiex jiġu rkuprati ammonti mħallsa mhux dovuti.

It-tabelli mehmuża jinkludu n-nefqa li saret. Kopji ċċertifikati tal-fatturi għall-oġġetti li jservu u għall-ispejjeż fuq bastimenti huma annessi. Il-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha ta’ sostenn u tal-fatturi sejrin jibqgħu disponibbli għal perjodu minimu ta’ tliet snin wara l-ħlas tal-bilanċ mill-Kummissjoni.

Data: …/…/…

L-isem b’ittri kbar, timbru, il-kariga u l-firma tal-awtorità kompetenti

Lista tad-dokumenti mehmuża:


Top