This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document JOL_2008_136_R_0045_01
Council Decision 2008/389/CFSP of 7 April 2008 concerning the conclusion of the Agreement between the European Union and the Central African Republic on the status of the European Union-led forces in the Central African Republic#Agreement between the European Union and the Central African Republic on the status of the European Union-led forces in the Central African Republic
Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/389/PESK tas- 7 ta’ April 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/389/PESK tas- 7 ta’ April 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
ĠU L 136, 24.5.2008, p. 45–51
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.5.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 136/45 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/389/PESK
tas-7 ta’ April 2008
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,
Billi:
(1) |
Fil-25 ta’ Settembru 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1778 (2007) li tapprova l-istabbiliment ta’ missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fiċ-Ċad (MINURCAT) u li tawtorizza lill-Unjoni Ewropea tiskjera f’dawk il-pajjiżi, għal perijodu ta’ sena mid-data meta tiġi ddikjarata l-kapaċità operattiva inizjali tagħha, operazzjoni mmirata li tappoġġja lill-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-Riżoluzzjoni talbet ukoll lill-Gvernijiet taċ-Ċad u tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u lill-Unjoni Ewropea biex jikkonkludu kemm jista’ jkun malajr ftehim dwar l-istatus tal-forzi għall-operazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. |
(2) |
Fil-15 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1) (EUFOR Tchad/RCA). |
(3) |
B’segwitu għall-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fit-18 ta’ Settembru 2007, f’konformità ma’ l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana. |
(4) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim sabiex jorbot lill-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 7 ta’ April 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŽERJAV
(1) ĠU L 279, 23.10.2007, p. 21.
TRADUZZJONI
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
L-UNJONI EWROPEA, minn issa ’l quddiem imsejħa “l-UE”,
minn naħa waħda, u
R-REPUBBLIKA ĊENTRU-AFRIKANA, minn issa ’l quddiem imsejħa “l-Istat ospitanti”,
minn naħa oħra,
minn issa ’l quddiem imsejħin “il-partijiet”,
WARA LI KKUNSIDRAW:
— |
ir-Riżoluzzjoni 1778 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2007; |
— |
l-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2007 tal-Kunsill dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR Tchad/RCA); |
— |
li dan il-Ftehim ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet taħt ftehim internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, |
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet
1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw għall-Forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħhom.
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti.
3. Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:
(a) |
“forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea” (EUFOR) għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari ta’ l-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni, it-tagħmir tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom; |
(b) |
“operazzjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni u l-appoġġ tal-missjoni militari b’segwitu għall-mandat li jirriżulta mir-Riżoluzzjoni 1778(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2007; |
(ċ) |
“kmandant tal-forza ta’ l-UE” għandha tfisser il-kmandant fiż-żona ta’ l-operazzjonijiet; |
(d) |
“kwartieri ġenerali militari ta’ l-UE” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari u l-elementi tagħhom, hi x’inhi l-lokazzjoni tagħhom, taħt l-awtorità tal-kmandanti militari ta’ l-UE li jeżerċitaw il-kmand militari jew il-kontroll ta’ l-operazzjoni; |
(e) |
“kontinġenti nazzjonali” għandha tfisser l-unitajiet u l-elementi li jappartjenu lill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u lil Stati oħrajn li jipparteċipaw fl-operazzjoni; |
(f) |
“persunal ta’ l-EUFOR” għandha tfisser il-persunal ċivili u militari assenjat lill-EUFOR kif ukoll il-persunal insedjat għat-tħejjija ta’ l-operazzjoni u l-persunal fuq missjoni għal Stat Mittenti jew istituzzjoni ta’ l-UE fil-qafas ta’ l-operazzjoni, preżenti, ħlief kif ipprovdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, fit-territorju ta’ l-Istat Ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment u l-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali internazzjonali; |
(g) |
“persunal impjegat lokalment” għandha tfisser il-membri tal-persunal li jkunu ċittadini ta’ l-Istat ospitanti jew ikunu residenti permanenti fih; |
(h) |
“faċilitajiet” għandha tfisser il-bini, l-akkomodazzjoni u t-terreni kollha meħtieġa għall-EUFOR u għall-persunal ta’ l-EUFOR; |
(i) |
“Stat kontributur” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għall-EUFOR. |
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. L-EUFOR u l-persunal ta’ l-EUFOR għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istat ospitanti u għandhom jastjenu minn kull azzjoni jew attività inkompatibbli ma’ l-objettivi ta’ l-operazzjoni.
2. L-EUFOR għandha tikkomunika regolarment lill-gvern ta’ l-Istat ospitanti n-numru ta’ membri tal-persunal tagħha stazzjonat fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti.
Artikolu 3
Identifikazzjoni
1. Il-membri tal-persunal ta’ l-EUFOR għandhom f’kull waqt iġorru magħhom il-passaport tagħhom jew il-karti ta’ l-identità militari tagħhom.
2. Il-vetturi, l-inġenji ta’ l-ajru, il-bastimenti u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport ta’ l-EUFOR għandhom ikollhom fuqhom marki ta’ identifikazzjoni u/jew pjanċi tar-reġistrazzjoni distinti ta’ l-EUFOR, li dwarhom għandhom ikunu notifikati l-awtoritajiet ta’ l-Istat ospitanti.
3. L-EUFOR għandu jkollha d-dritt ittajjar il-bandiera ta’ l-Unjoni Ewropea u marki distinti, bħal insinji militari, titli u simboli uffiċjali, fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tagħha. L-uniformijiet tal-persunal ta’ l-EUFOR għandu jkollhom fuqhom emblema distinta ta’ l-EUFOR. Il-bnadar jew l-insinji nazzjonali tal-kontinġenti nazzjonali li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni jistgħu jintwerew fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport u l-uniformijiet ta’ l-EUFOR, kif jiddeċiedi l-kmandant tal-forza ta’ l-UE.
Artikolu 4
Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti
1. Il-membri tal-persunal ta’ l-EUFOR għandhom jidħlu fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti biss permezz tal-preżentazzjoni tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 3(1) jew, fil-każ ta’ l-ewwel dħul, ta’ ordni ta’ missjoni individwali jew kollettiva maħruġa mill-EUFOR. Huma għandhom ikunu eżenti mir-regolamenti fir-rigward tal-passaporti u l-viżi, l-ispezzjonijiet relatati ma’ l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana mad-dħul, mal-ħruġ jew fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti.
2. Il-membri tal-persunal ta’ l-EUFOR għandhom ikunu eżenti mir-regolamenti ta’ l-Istat ospitanti li jirregolaw ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda ma jiksbu l-ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti.
3. L-assi u l-mezzi tat-trasport ta’ l-EUFOR li jidħlu, jittransitaw, jew joħorġu mit-territorju ta’ l-Istat ospitanti b’appoġġ għall-operazzjoni għandhom ikunu eżenti minn kwalunkwe obbligu li jipprovdu inventarji jew dokumentazzjoni doganali oħra, u minn kwalunkwe spezzjoni.
4. Il-membri tal-persunal ta’ l-EUFOR jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur u jħaddmu inġenji ta’ l-ajru fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti bil-kondizzjoni li jkollhom, skond il-każ, liċenzja tas-sewqan jew liċenzja ta’ bdot nazzjonali, internazzjonali jew militari validi.
5. Għall-fini ta’ l-operazzjoni, l-Istat ospitanti għandu jagħti lill-EUFOR u lill-persunal tagħha l-libertà ta’ moviment u ta’ ċirkolazzjoni fit-territorju tiegħu, inkluż l-ispazju ta’ l-ajru tiegħu.
6. Għall-fini ta’ l-operazzjoni, l-EUFOR tista’ twettaq, fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti, inkluż fl-ispazju ta’ l-ajru tiegħu, kwalunkwe eżerċizzju jew prattika bl-armamenti.
7. Għall-fini ta’ l-operazzjoni, l-EUFOR tista’ tuża t-toroq pubbliċi, il-pontijiet, it-tragetti u l-ajruporti mingħajr ma tħallas dazji, imposti, pedaġġi, taxxi u ħlasijiet simili. L-EUFOR m’għandhiex tkun eżenti minn ħlasijiet raġonevoli għas-servizzi li tibbenefika minnhom fuq talba tagħha, skond il-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawk mogħtija lill-forzi armati ta’ l-Istat ospitanti.
Artikolu 5
Privileġġi u immunitajiet ta’ l-EUFOR mogħtija mill-Istat ospitanti
1. Il-faċilitajiet ta’ l-EUFOR għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti ta’ l-Istat ospitanti m’għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-kmandant tal-forza ta’ l-UE.
2. Il-faċilitajiet ta’ l-EUFOR, it-tagħmir tagħhom u l-oġġetti l-oħra fihom, kif ukoll il-mezzi ta’ trasport tagħhom, għandhom ikunu ħielsa minn kull tfittxija, sekwestru, ħtif jew eżekuzzjoni. Madankollu, il-kmandant tal-forza ta’ l-UE jista’ jawtorizza lill-awtoritajiet ta’ l-Istat ospitanti biex jagħmel tfittxija. F’dan il-każ, din issir fil-preżenza tar-rappreżentant tal-kmandant tal-forza ta’ l-UE.
3. L-EUFOR, kif ukoll il-proprjetà u r-riżorsi tagħha, irrispettivament minn fejn jinsabu u mid-detentur tagħhom, għandhom igawdu l-immunità minn kull forma ta’ proċess legali.
4. L-arkivji u d-dokumenti ta’ l-EUFOR għandhom ikunu dejjem invjolabbli, ikunu fejn ikunu.
5. Il-korrispondenza uffiċjali ta’ l-EUFOR għandha tkun invjolabbli. “Korrispondenza uffiċjali” tfisser kull korrispondenza relatata ma’ l-operazzjoni u l-funzjonijiet tagħha.
6. Fir-rigward ta’ merkanzija mixtrija jew importata, servizzi pprovduti u faċilitajiet użati mill-EUFOR għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, l-EUFOR, kif ukoll il-fornituri jew il-kuntratturi tagħha, dment li dawn ta’ l-aħħar ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ l-Istat ospitanti, għandhom ikunu eżenti mill-imposti, it-taxxi u l-ħlasijiet simili kollha nazzjonali, reġjonali u komunali. L-EUFOR m’għandhiex tkun eżenti mill-imposti, it-taxxi jew il-ħlasijiet li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mwettqa.
7. L-Istat ospitanti għandu jippermetti d-dħul ta’ oġġetti ddestinati għall-operazzjoni u jeżentahom minn dazji doganali, imposti, pedaġġi, taxxi u ħlasijiet simili kollha ħlief għall-ħlasijiet għal ħażna, trasport u servizzi mwettqa oħrajn.
Artikolu 6
Privileġġi u immunitajiet tal-persunal ta’ l-EUFOR mogħtija mill-Istat ospitanti
1. Il-persunal ta’ l-EUFOR m’għandu jkun suġġett għall-ebda forma ta’ arrest jew ta’ detenzjoni.
2. Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal ta’ l-EUFOR għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni awtorizzati skond il-paragrafu 6.
3. Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali ta’ l-Istat ospitanti fiċ-ċirkostanzi kollha.
L-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-persunal ta’ l-EUFOR tista’ tiġi rrinunzjata mill-Istat kontributur jew l-istituzzjoni ta’ l-UE konċernata, skond il-każ. Tali rinunzja għandha dejjem tkun espressa.
4. Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva ta’ l-Istat ospitanti fir-rigward tal-kliem li jgħid jew jikteb u l-atti kollha li jwettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk jitressaq xi proċediment ċivili kontra l-persunal ta’ l-EUFOR quddiem kwalunkwe qorti ta’ l-Istat Ospitanti, il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Mittenti jew ta’ l-istituzzjoni ta’ l-UE għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti, il-kmandant tal-forza ta’ l-UE u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat kontributur jew ta’ l-istituzzjoni ta’ l-UE għandhom jiċċertifikaw lill-qorti jekk l-att in kwistjoni kienx twettaq mill-persunal ta’ l-EUFOR fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.
Jekk l-att twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment m’għandux jinbeda u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15. Jekk l-att ma ġiex imwettaq fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mill-kmandant tal-forza ta’ l-UE u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat kontributur jew l-istituzzjoni kkonċernata ta’ l-UE torbot lill-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ospitanti li ma jistax jikkontestaha.
Il-bidu ta’ proċedimenti mill-persunal ta’ l-EUFOR għandu jipprekludih milli jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kontro-talba relatata direttament mat-talba prinċipali.
5. Il-persunal ta’ l-EUFOR m’huwiex obbligat li jagħti xiehda.
6. L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-persunal ta’ l-EUFOR, ħlief fil-każ li jinfetaħ kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-proprjetà tal-persunal ta’ l-EUFOR, li tkun ċċertifikata mill-kmandant tal-forza ta’ l-UE bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti ċivili l-persunal ta’ l-EUFOR m’għandu jkun suġġett għal ebda restrizzjoni tal-libertà personali tiegħu jew għal xi miżuri oħra ta’ kostrinġiment.
7. L-immunità tal-persunal ta’ l-EUFOR mill-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ospitanti ma teżentahx mill-ġurisdizzjoniijiet ta’ l-Istati kontributuri rispettivi.
8. Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-EUFOR ikunu eżenti mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fl-Istat ospitanti.
9. Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jkun eżenti minn kull forma ta’ tassazzjoni fl-Istat ospitanti fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUFOR jew mill-Istati kontributuri, kif ukoll fuq kwalunkwe dħul li jirċievi minn barra l-Istat ospitanti.
10. Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jkun soġġett għall-ħlas tad-dazji doganali, tat-taxxi u ħlas ieħor relatat fuq l-oġġetti maħsuba għall-użu personali tiegħu, ħlief dawk li diġà kienu fil-pussess tiegħu mad-dħul tiegħu fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti u dawk ta’ l-ewwel neċessità. Hu m’għandux ikun eżenti mill-ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ ħżin, trasport u spejjeż relatati ma’ servizz analogi fuq l-oġġetti destinati għall-użu personali tiegħu.
Il-bagalji personali tal-persunal ta’ l-EUFOR għandhom ikunu eżenti mill-ispezzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun preżunt li jkollhom fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tal-persunal ta’ l-EUFOR, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew kontrollata mir-regolamenti ta’ kwarantina ta’ l-Istat ospitanti. Tali spezzjoni għandha titmexxa biss fil-preżenza tal-persunal ta’ l-EUFOR konċernat jew ta’ rappreżentant awtorizzat ta’ l-EUFOR.
Artikolu 7
Persunal impjegat lokalment
Il-persunal impjegat lokalment għandu jgawdi privileġġi u immunitajiet biss safejn ammess mill-Istat ospitanti. Madankollu, l-Istat ospitanti għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b’tali mod li ma jfixkilx eċċessivament it-twettiq tal-funzjonijiet ta’ l-operazzjoni.
Artikolu 8
Ġurisdizzjoni kriminali
L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat kontributur għandhom id-dritt jeżerċitaw fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti l-ġurisdizzjoni kriminali u s-setgħat dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi ta’ l-Istat kontributur fir-rigward tal-persunal kollu ta’ l-EUFOR suġġett għal-liġi relevanti ta’ l-Istat kontributur.
Artikolu 9
Uniformi u armi
1. L-ilbies ta’ l-uniformi għandu jkun suġġett għar-regoli adottati mill-kmandant tal-forza ta’ l-UE.
2. Il-persunal militari ta’ l-EUFOR jista’ jġorr armi u munizzjon bil-kondizzjoni li jkun awtorizzat jagħmel dan skond l-ordnijiet li jkollu.
Artikolu 10
Appoġġ mill-Istat ospitanti u kuntratti
1. L-Istat ospitanti jaċċetta, jekk jintalab, li jgħin lill-EUFOR fit-tfittxija għal faċilitajiet xierqa.
2. L-Istat Ospitanti, fil-limit tal-possibbiltajiet tiegħu, għandu jipprovdi, mingħajr ħlas, faċilitijiet li tagħhom huwa s-sid safejn dawn il-faċilitajiet jintalbu għat-twettiq ta’ attivitajiet amministrattivi u operattivi ta’ l-EUFOR. Fir-rigward tal-faċilitajiet li japparjenu lil entitajiet legali privati, l-Istat ospitanti jimpenja ruħu li jappoġġa, bl-ispejjeż ta’ l-EUFOR, l-isforzi tar-riċerka u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom.
3. Skond il-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u s-sostenn ta’ l-operazzjoni. L-assistenza u s-sostenn ta’ l-operazzjoni mill-Istat ospitanti għandhom jingħataw bl-istess kondizzjonijiet ta’ l-assistenza u s-sostenn mogħtijin lill-forzi armati ta’ l-Istat Opsitanti.
4. Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUFOR fl-Istat ospitanti għandhom jiġu determinati mill-kuntratt.
5. Il-kuntratt jista’ jistipula li l-proċedura tar-riżoluzzjoni tat-tilwim imsemmi fl-Artikolu 15(3 u 4) għandha tkun applikabbli għat-tilwim li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kuntratt.
6. L-Istat ospitanti għandu jiffaċilita l-implimentazzjonui tal-kuntratti konklużi mill-EUFOR ma’ l-entitajiet kummerċjali għall-finijiet ta’ l-operazzjoni.
Artikolu 11
Modifika għall-faċilitajiet
1. L-EUFOR għandha tkun awtorizzata li tibni, tibdel jew timmodifika l-faċilitajiet skond il-ħtiġijiet operattivi tagħha.
2. L-Istat ospitanti m’għandu jitlob mill-EUFOR l-ebda kumpens għal tali bini, bdil jew modifiki.
Artikolu 12
Persunal li jmut ta’ l-EUFOR
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh u li jagħmel l-arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru mejjet tal-persunal ta’ l-EUFOR, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.
2. M’għandha ssir ebda awtopsja fuq membru mejjet ta’ l-EUFOR mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat konċernat u l-presenza ta’ rappreżentant ta’ l-EUFOR u/jew l-Istat konċernat.
3. L-Istat ospitanti u l-EUFOR għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun bil-ħsieb li persunal mejjet ta’ l-EUFOR jiġi ripatrijat malajr.
Artikolu 13
Sigurtà ta’ L-EUFOR u Pulizija Militari
1. L-Istat ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà ta’ l-EUFOR u l-persunal tiegħu.
2. L-EUFOR għandha tkun awtorizzata tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-faċilitajiet tagħha, inklużi dawk użati waqt it-taħriġ tagħha, kontra kull attakk jew intrużjoni esterni.
3. Il-kmandant tal-forza ta’ l-UE jista’ jistabbilixxi unità ta’ pulizija militari sabiex tinżamm l-ordni fil-faċilitajiet ta’ l-EUFOR.
4. L-unità tal-pulizija militari tista’ wkoll, f’konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-pulizija militari jew il-pulizija ta’ l-Istat ospitanti, topera barra minn dawk il-faċilitajiet sabiex tiżgura ż-żamma ta’ l-ordni u d-dixxiplina fost il-persunal ta’ l-EUFOR.
Artikolu 14
Komunikazzjonijiet
1. L-EUFOR tista’ tinstalla u topera stazzjonijiet tar-radju li jibagħtu u jirċievu, kif ukoll sistemi satellitari. Hija għandha tikkoopera ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ospitanti bil-ħsieb li jiġu evitati konflitti fl-użu tal-frekwenzi adatti. L-Istat ospitanti għandu jagħti l-aċċess mingħajr ħlas għall-ispektrum tal-frekwenza.
2. L-EUFOR għandha tgawdi d-dritt għal komunikazzjoni bla restrizzjonijiet bir-radju (inkluż radju satellitari, mobbli jew ta’ l-idejn), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-fax u b’mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tinstalla t-tagħmir meħtieġ għaż-żamma ta’ tali komunikazzjonijiet fi ħdan u bejn il-faċilitajiet ta’ l-EUFOR, inkluż it-tqegħid ta’ cables u linji fissi għall-fini ta’ l-operazzjoni.
3. Fil-faċilitajiet tagħha stess l-EUFOR tista’ tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex titwassal il-posta indirizzata lil jew mill-EUFOR u/jew il-persunal ta’ l-EUFOR f’kollaborazzjoni, jekk il-kmandant tal-forza ta’ l-UE jqis li dan hu meħtieġ, ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ospitanti.
Artikolu 15
Talba għall-indennizz għal mewt, korriment, ħsara jew telf
1. L-EUFOR u l-persunal ta’ l-EUFOR m’għandhom ikunu responsabbli għal ebda ħsara jew telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern relatati ma’ ħtiġijiet operattivi jew ikkawżati minn attivitajiet marbuta ma’ tfixkil ċivili jew mal-protezzjoni ta’ l-EUFOR.
2. Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja, it-talbiet għal indennizz għal ħsara jew telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern mhux koperti mill-paragrafu 1, kif ukoll talbiet għal indennizz fuq mewt jew korriment ta’ persuni u għal ħsara jew telf ta’ proprjetà ta’ l-EUFOR, għandhom jitressqu lill-EUFOR permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ospitanti, safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi mill-Istat ospitanti, jew lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ospitanti, safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa mill-EUFOR.
3. Fejn ma tistax tinstab soluzzjoni amikevoli, it-talba għandha tintbagħat lil kummissjoni ta’ indennizz magħmula fuq bażi indaqs minn rappreżentanti ta’ l-EUFOR u rappreżentanti ta’ l-Istat ospitanti. Id-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għandu jintlaħaq bi qbil komuni.
4. Fejn ma tistax tintlaħaq soluzzjoni fil-kummissjoni ta’ indennizz, it-tilwima għandha:
(a) |
għal talbiet ta’ 40 000 EUR jew inqas, tiġi riżolta b’mezzi diplomatiċi bejn l-Istat ospitanti u r-rappreżentanti ta’ l-UE; |
(b) |
għal talbiet ’il fuq mill-ammont imsemmi fil-punt a), titressaq quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom ikunu jorbtu. |
5. It-tribunal ta’ l-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tlitt arbitri, li wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat ospitanti, ieħor ikun maħtur mill-EUFOR u t-tielet wieħed ikun maħtur b’mod konġunt mill-Istat ospitanti u l-EUFOR. Jekk waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn jew jekk ma jistax jintlaħaq qbil bejn l-Istat ospitanti u l-EUFOR dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru in kwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
6. Għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn l-EUFOR u l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istat ospitanti sabiex jiġu determinati t-termini tar-referenza tal-kummissjoni ta’ indennizz u tat-tribunal, il-proċedura applikabbli fi ħdan dawn l-organi u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet.
Artikolu 16
Kollegamenti ta’ kooperazzjoni u tilwim
1. It-tilwim kollu li jirriżulta b’rabta ma’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi eżaminat b’mod konġunt mir-rappreżentanti ta’ l-EUFOR u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ospitanti.
2. F’nuqqas ta’ kwalunkwe deċiżjoni minn qabel, it-tilwim fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi deċiż bejn l-Istati ospitanti u rappreżentanti ta’ l-UE b’mezzi diplomatiċi.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet oħra
1. Kull meta dan il-Ftehim jirriferi għall-immunitajiet, privileġġi u drittijiet ta’ l-EUFOR u tal-persunal ta’ l-EUFOR, il-Gvern ta’ l-Istat ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implementazzjoni u l-konformità magħhom min-naħa ta’ l-awtoritajiet lokali xierqa ta’ l-Istat ospitanti.
2. Xejn f’dan il-Ftehim ma huwa intiż jew għandu jiftiehem li jikkostitwixxi deroga minn kwalunkwe dritt li minnu jgawdi, skond xi ftehim ieħor, Stat Membru ta’ l-UE jew kwalunkwe Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUFOR.
Artikolu 18
Arranġamenti implimentattivi
Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE u l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istat ospitanti.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum meta jiġi ffirmat u għandu jibqa’ fis-seħħ sad-data tat-tluq ta’ l-aħħar element ta’ l-EUFOR u ta’ l-aħħar persunal ta’ l-EUFOR, kif notifikat mill-EUFOR.
2. Minkejja l-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 4(7), 5(1-3), 5(6), 5(7), 6(1), 6(3), 6(4), 6(6), 6(8-10), 10(2), 11, 13(1), 13(2) u 15 għandhom jitqiesu bħala applikabbli mid-data ta’ l-iskjerament ta’ l-ewwel membru tal-persunal ta’ l-EUFOR jekk dik id-data kienet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.
4. It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandhiex tolqot id-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim qabel tali terminazzjoni.
Magħmul f’Bangui, is-16 ta’ April 2008 f’erba’ eżemplari oriġinali bil-lingwa Franċiża
Għall-Unjoni Ewropea
Għar-Repubblika Ċentru-Afrikana