EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007D0437
2007/437/EC: Commission Decision of 19 June 2007 concerning the non-inclusion of haloxyfop-R in Annex I to Council Directive 91/414/EEC and the withdrawal of authorisations for plant protection products containing that substance (notified under document number C(2007) 2548) (Text with EEA relevance)
2007/437/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Ġunju 2007 rigward in-noninklużjoni tal- haloxyfop-R fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2548) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2007/437/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Ġunju 2007 rigward in-noninklużjoni tal- haloxyfop-R fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2548) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
OJ L 163, 23.6.2007, p. 22–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 004 P. 280 - 281
In force
23.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 163/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-19 ta’ Ġunju 2007
rigward in-noninklużjoni tal-haloxyfop-R fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2548)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2007/437/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipola li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ tnax-il sena min-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva li diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawn is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati bil-mod fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma. |
(2) |
Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 703/2001 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-haloxyfop-R. |
(3) |
Għall-haloxyfop-R l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew evalwati skond id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 703/2001 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri li jaġixxu bħala rapporteur li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurezza ta’ l-Ikel (EFSA) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għall-haloxyfop-R l-Istat Membru li aġixxa bħala rapporteur kien id-Danimarka u kull tagħrif rilevanti tressaq fil-21 ta’ Novembru 2003. |
(4) |
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għadda minn reviżjoni esperta mill-Istati Membri u l-EFSA u ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2006 fil-format tal-Konklużjoni ta’ l-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni esperta ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva haloxyfop-R (4). Dan ir-rapport għadda minn reviżjoni mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ġie ffinalizzat fl-24 ta’ Novembru 2006 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-haloxyfop-R. |
(5) |
Matul l-evalwazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. L-evalwazzjoni tar-riskju għall-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ma setgħetx tiġi konkluża. B’mod partikolari nstab li l-użu tal-haloxyfop-R, fix-xenarji ppreżentati min-notifikant, wassal għall-apparenza ta’ numru ta’ metaboliti li huma persistenti u li jistgħu faċilment jgħaddu fl-ilma minerali, b’effetti li jistgħu jkunu negattivi fuq l-ilma għax-xorb. Dan qajjem tħassib li ma setax jiġi solvut fuq il-bażi tad-data ppreżentata min-notifikant qabel l-iskadenzi. B’żieda ma’ dan, ibbażat fuq id-data disponibbli, jibqa’ t-tħassib fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju għall-mammiferi. B’konsegwenza ta’ dan, ma kienx possibbli li jiġi konkluż fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli li l-haloxyfop-R tissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. |
(6) |
Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni esperta u dwar jekk hux beħsiebu jappoġġja iktar is-sustanza jew le. In-notifikant ippreżenta l-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa, it-tħassib imsemmi hawn fuq baqa’ mhux solvut, u evalwazzjonijiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif ippreżentat u evalwat matul il-laqgħat ta’ esperti ta’ l-EFSA ma wrewx li huwa mistenni li, fil-kondizzjonijiet ta’ użu proposti, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-haloxyfop-R jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE. |
(7) |
Għalhekk, il-haloxyfon-R ma għandhiex tkun inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. |
(8) |
Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-haloxyfop-R jiġu rtirati fi żmien il-perjodu preskritt u ma jiġġeddux, kif ukoll biex ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida għal dawn il-prodotti. |
(9) |
Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti minn Stat Membru għat-tneħħija, il-ħżin, it-tpoġġija fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-haloxyfop-R, għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar sabiex il-ħażniet eżistenti jkunu jistgħu jintużaw fi staġun ta’ tkabbir ieħor. |
(10) |
Din id-deċizjoni ma tippreġudikax il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-haloxyfop-R skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 (2) tad-Direttiva 91/414/KEE fid-dawl tal-possibilità ta’ inklużjoni fl-Anness I tagħha |
(11) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-haloxyfop-R ma għandhiex tiġi inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) |
awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-haloxyfop-R jiġu rtirati sad-19 ta’ Diċembru 2007; |
(b) |
l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-haloxyfop-R ma tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 3
Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2008.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Ġunju 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/31/KE (ĠU L 140, 1.6.2007, p. 44).
(2) ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).
(4) EFSA Scientific Report (2006) 87, 1-96, Conclusion regarding the peer review of pesticide risk assessment of haloxyfop-R.