EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2005:289:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 289, 03 ta' Novembru 2005


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 48
3 ta' Novembru 2005


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass naturali ( 3 )

1

 

*

Id-Deċiżjoni Nru 1776/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/819/KE dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME) (2001—2005) ( 3 )

14

 

*

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika

15

 

 

II   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal waqfiet qosra uniformi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Komunità bil-għan li jagħmlu riċerka xjentifika

23

 

 

Il-Kunsill

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 2005 sabiex tiġi faċilitata l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex iwettqu riċerka xjentifika fil-Komunità Ewropea

26

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 289.

 

(2)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 289.

 

(3)   Test b'relevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

3.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 1775/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Settembru 2005

dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass naturali

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (3) għamlet kontribut sinifikanti għall-ħolqien ta' suq intern tal-gass. Issa jeħtieġ li jiġu mwettqa bidliet strutturali fil-kwadru regolatorju sabiex jiġu megħluba l-barrieri li baqa' għat-twettiq tas-suq intern b'mod partikolari dwar il-kummerċ tal-gass. Jinħtieġu regoli tekniċi addizzjonali, b'mod partikolari dwar is-servizzi ta' aċċess għal terzi, il-prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità, il-proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni u r-rekwiżiti ta' trasparenza.

(2)

L-esperjenza miksuba fl-implementazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-ewwel sett ta' Linji Gwida għall-Prattika Tajba, adottat mill-Forum Regolatorju Ewropew dwar il-Gass (il-Forum) fl-2002, turi li sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni sħiħa tar-regoli stabbiliti fil-Linji Gwida fl-Istati Membri kollha, u sabiex tiġi pprovduta garanzija minima għal kondizzjonijiet ugwali ta' aċċess għas-suq fil-prattika, jeħtieġ li jiġi pprovdut li dawn isiru nfurzabbli legalment.

(3)

Sett ieħor ta' regoli komuni, intitolat “it-Tieni Linji Gwida għall-Prattika Tajba” ġie adottat fil-laqgħa tal-Forum fl-24-25 ta' Settembru 2003 u l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi, fuq il-bażi ta' dawk il-Linji Gwida, prinċipji u regoli bażiċi dwar l-aċċess għan-netwerk u s-servizzi ta' aċċess għal terzi, l-immaniġġar tal-konġestjoni, it-trasparenza, il-bilanċjament u l-kummerċ ta' drittijiet tal-kapaċità.

(4)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/55/KE jippermetti operatur ta' sistema kombinata ta' trasmissjoni u distribuzzjoni. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament ma jeħtiġux tibdil ta' l-organizzazzjoni tas-sistema nazzjonali ta' trasmissjoni u distribuzzjoni li huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/55/KE u b'mod partikolari ma' l-Artikolu 15 tagħha.

(5)

Il-pipelines ta' pressjoni għolja li jqabbdu d-distributuri lokali man-netwerk tal-gass li mhumiex użati primarjament fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(6)

Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kriterji skond liema jkunu determinati tariffi għall-aċċess għan-netwerk, sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u mal-ħtiġijiet ta' suq intern li jiffunzjona korrettament u li jittieħed kont bis-sħiħ tal-bżonn ta' l-integrità tas-sistema u li jiġu riflessi l-ispejjeż magħmula, sakemm dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti, filwaqt li jinkludu qligħ xieraq mill-investimenti, u fejn xieraq, b'kont meħud tal-benchmarking tat-tariffi mill-awtoritajiet regolatorji.

(7)

Fil-kalkolu tat-tariffi għall-aċċess għan-netwerks huwa importanti li jittieħed kont ta' l-ispejjeż fattwalment magħmula, sakemm dawn l-ispejjeż jaqblu ma dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti, kif ukoll tal-ħtieġa li jiġi provdut qligħ xieraq fuq l-investimenti u inċentivi sabiex jinbnew infrastrutturi ġodda. F'dan ir-rigward, u b'mod partikolari jekk teżisti kompetizzjoni effettiva ta' pipeline ma' pipeline, il-benchmarking ta' tariffi mill-awtoritajiet regolatorji tkun konsiderazzjoni rilevanti.

(8)

L-użu ta' arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal ma huma rkantijiet, sabiex jiġu determinati t-tariffi, għandu jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2003/55/KE.

(9)

Sett minimu komuni ta' servizzi ta' aċċess għal terzi huwa meħtieġ sabiex jiġi provdut standard minimu ta' aċċess fil-prattika fil-Komunità kollha, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta' aċċess għal terzi ikunu suffiċjentement kompatibbli u sabiex jippermettu li jiġu sfruttati l-benefiċċji li jirriżultaw minn suq intern tal-gass li jiffunzjona korrettament.

(10)

Ir-referenzi għall-kuntratti armonizzati ta' trasport fil-kuntest ta' aċċess non-diskriminatorju għan-netwerk ta' operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma jfissrux li t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratti ta' trasport ta' operatur partikolari tas-sistema fi Stat Membru għandhom ikunu l-istess bħal dawk ta' operatur ieħor tas-sistema ta' trasmissjoni f'dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor, sakemm ma jiġux stabbiliti rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu mill-kuntratti kollha ta' trasport.

(11)

L-immaniġġar tal-konġestjoni kontrattwali ta' netwerks hija kwistjoni importanti fit-tkomplija tas-suq intern tal-gass. Jeħtieġ li jiġu żviluppati regoli komuni li jibbilanċaw il-ħtieġa li tinħeles kapaċità mhux użata skond il-prinċipju use-it-or-lose-it mad-drittijiet tad-detenturi tal-kapaċità li jużawha meta dan ikun meħtieġ, filwaqt li fl-istess ħin tiġi msaħħa l-likwidità tal-kapaċità.

(12)

Minkejja li l-konġestjoni fiżika tan-netwerks fil-preżent rarament hija problema fil-Komunità, tista' ssir problema fil-futur. Huwa għalhekk importanti li jiġi provdut il-prinċipju bażiku għall-allokazzjoni tal-kapaċità staġnata f'tali ċirkostanzi.

(13)

Sabiex l-utenti tan-netwerk jiksbu aċċess effettiv għal netwerks tal-gass għandhom bżonn ta' informazzjoni b'mod partikolari dwar rekwiżiti tekniċi u kapaċità disponibbli sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw opportunitajiet ta' negozju li jiżviluppaw fil-kwadru tas-suq intern. Huma meħtieġa standards minimi komuni dwar tali trasparenza. Il-pubblikazzjoni ta' tali informazzjoni tista' ssir b'mezzi differenti, inklużi mezzi elettroniċi.

(14)

Is-sistemi non-diskriminatorji u trasparenti ta' bilanċjament għall-gass, imħaddma minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, huma mekkaniżmi importanti, b'mod partikolari għal suġġetti ġodda li jidħlu fis-suq li jistgħu jkollhom iktar diffikultà minn kumpanniji diġà stabbiliti f'suq rilevanti sabiex jibbilanċaw il-portafoll ġenerali tal-bejgħ tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni joperaw tali mekkaniżmi b'mod li jkun kompatibbli ma' kondizzjonijiet ta' aċċess għan-netwerk li jkunu trasparenti, effettivi u non-diskriminatorji.

(15)

L-iskambju tad-drittijiet primarji ta' kapaċità huwa parti importanti fl-iżvilupp ta' suq kompetittiv u fil-ħolqien ta' likwidità. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi regoli bażilari għal din il-materja.

(16)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li impriżi li jkunu qegħdin jiksbu drittijiet tal-kapaċità jkunu jistgħu jbigħuhom lil impriżi oħra liċenzjati sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' likwidità fis-suq tal-kapaċità. Dan l-approċċ, madankollu, ma jeskludix sistema li fiha kapaċita' mhux użata għal perjodu partikolari, determinat fuq livell nazzjonali, tkun disponibbli mill-ġdid għas-suq fuq bażi kostanti.

(17)

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw konformità mar-regoli li jinsabu f'dan ir-Regolament u l-Linji Gwida adottati bħala riżultat tiegħu.

(18)

Fil-Linji Gwida annessi ma' dan ir-Regolament, hemm definiti regoli dettaljati speċifiċi ta' implementazzjoni, fuq il-bażi tat-tieni Linji Gwida għall-Prattika Tajba. Fejn ikun xieraq, dawn ir-regoli għandhom jiżviluppaw tul iż-żmien, filwaqt li jittieħed kont tad-differenzi bejn is-sistema nazzjonali tal-gass.

(19)

Meta tipproponi l-emendament tal-Linji Gwida stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsultazzjoni minn qabel mal-partijiet kollha rilevanti konċernati mill-Linji Gwida, rappreżentati mill-organizazzjonijiet professjonali, u ma' l-Istati Membri fil-Forum u għandha titlob il-kontribut tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass.

(20)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikollhom l-obbligu jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni rilevanti. Tali informazzjoni għandha tiġi trattata b'mod kunfidenzjali mill-Kummissjoni.

(21)

Dan ir-Regolament u l-Linji Gwida adottati skond dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni.

(22)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4).

(23)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, prinċipalment li jiġu stabbiliti regoli ġusti għall-kondizzjonijiet għall-aċċess għas-sistema ta' trasmissjoni tal-gass naturali, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jimmira sabiex jistabbilixxi regoli non-diskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta' aċċess għas-sistema ta' trasmissjoni tal-gass naturali filwaqt li jieħu kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq nazzjonali u reġjonali bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-gass.

Dan l-objettiv għandu jinkludi d-definizzjoni ta' prinċipji armonizzati għat-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu l-bażi tal-kalkolu tagħhom, għal aċċess għan-netwerk, għall-istabbiliment ta' servizzi għall-aċċess ta' terzi u d-definizzjoni ta' prinċipji armonizzati għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-immaniġgar tal-konġestjoni, għad-determinazzjoni ta' rekwiżiti ta' trasparenza, għar-regoli ta' bilanċjament u ħlasijiet ta' żbilanċ, u għall-faċilitazzjoni ta' l-iskambju tal-kapaċità.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu organu jew korp stabbilit b'mod konformi mad-Direttiva 2003/55/KE bil-għan tat-twettiq ta' waħda jew aktar mill-funzjonijiet tipikament attribwiti lill-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni, li għandu jkun suġġett għar-rekwiżi ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“trasmissjoni” tfisser it-trasport ta' gass naturali permezz ta' netwerk, li prinċipalment fih pipelines ta' pressjoni għolja, li hu divers minn netwerk upstream pipeline u divers mill-parti ta' pipelines ta' pressjoni għolja użati primarjament fil-kuntest ta' distribuzzjoni lokali ta' gass naturali, bil-ħsieb li jiġi konsenjat lill-klijent, iżda ma jinkludix il-fornitura;

2)

“kuntratt ta' trasport” tfisser kuntratt li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni ikun ikkonkluda ma' utent tan-netwerk bil-ħsieb li titwettaq trasmissjoni;

3)

“kapaċità” tfisser il-fluss massimu, espress f'metri kubi normali għal kull unità ta' ħin jew f'unità ta' enerġija għal kull unità ta' ħin, li għalih ikun intitolat l-utent tan-netwerk skond id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' trasport;

4)

“kapaċità mhux użata” tfisser kapaċità kostanti li utent tan-netwerk ikun akkwista b'kuntratt ta' trasport iżda li l-utent ma jkunx innomina sa l-iskadenza speċifikata fil-kuntratt;

5)

“l-immaniġġar tal-konġestjoni” tfisser l-immaniġġar tal-portafoll tal-kapaċità ta' l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni bil-ħsieb ta' l-aqwa u l-iżjed użu tal-kapaċità teknika u tal-perċezzjoni fil-ħin ta' konġestjoni futura u ta' punti ta' saturazzjoni;

6)

“suq sekondarju” tfisser is-suq ta' l-iskambju tal-kapaċità għajr fuq is-suq primarju;

7)

“nominazzjoni” tfisser in-notifika preliminari mill-utent tan-netwerk lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni tal-fluss effettiv li huwa jkun jixtieq jitfa' fis-sistema jew jieħu minnha;

8)

“nominazzjoni mill-ġdid” tfisser in-notifika sussegwenti ta' nominazzjoni li tkun ġiet korretta;

9)

“integrità tas-sistema” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni fir-rigward ta' netwerk ta' trasmissjoni li tinkludi l-faċilitajiet meħtieġa ta' trasmissjoni li fihom il-pressjoni u l-kwalità tal-gass naturali jibqgħu fil-limiti minimi u massimi stabbiliti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, sabiex b'hekk it-trasmissjoni ta' gass naturali tkun garantita mil-lat tekniku;

10)

“perjodu ta' bilanċjament” tfisser il-perjodu li fih it-teħid ta' ammont ta' gass naturali, espress f'unitajiet ta' enerġija, għandu jiġi kkumpensat minn kull utent tan-netwerk permezz tat-tfigħ ta' l-istess ammont ta' gass naturali fin-netwerk ta' trasmissjoni skond il-kuntratt ta' trasport jew il-kodiċi tan-netwerk;

11)

“utent tan-netwerk” tfisser klijent jew klijent potenzjali ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, u l-operaturi nnifishom tas-sistema ta' trasmissjoni sa fejn ikunu meħtieġa li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tat-trasmissjoni;

12)

“servizzi interrompibbli” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni fir-rigward ta' kapaċità interrompibbli;

13)

“kapaċità interrompibbli” tfisser kapaċità ta' trasmissjoni ta' gass li tista' tiġi interrotta mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-kuntratt ta' trasport;

14)

“servizzi għal perjodu fit-tul” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għal perjodu ta' sena jew iktar;

15)

“servizzi għal perjodu qasir” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għal perjodu ta' inqas minn sena;

16)

“kapaċità kostanti” tfisser kapaċità ta' trasmissjoni ta' gass kontrattwalment garantita mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni bħala waħda mhux interrompibbli;

17)

“servizzi kostanti” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni fir-rigward ta' kapaċità kostanti;

18)

“kapaċità teknika” tfisser il-kapaċità kostanti massima li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jista' joffri lill-utenti tan-netwerk, b'kont meħud ta' l-integrità tas-sistema u tar-rekwiżiti operattivi tan-netwerk ta' trasmissjoni;

19)

“kapaċità kontrattata” tfisser kapaċità li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jkun alloka lil utent tan-netwerk permezz ta' kuntratt ta' trasport;

20)

“kapaċità disponibbli” tfisser il-parti mill-kapaċità teknika li ma tkunx allokata u li tkun għadha disponibbli għas-sistema f'dak il-mument;

21)

“konġestjoni kontrattwali” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell tad-domanda għall-kapaċità kostanti jaqbeż il-kapaċità teknika;

22)

“suq primarju” tfisser is-suq tal-kapaċità skambjata direttament mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

23)

“konġestjoni fiżika” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell tad-domanda għall-provvista effettiva f'xi ħin partikolari jaqbeż il-kapaċità teknika.

2.   Id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/55/KE li huma rilevanti għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll bl-eċċezzjoni tad-definizzjoni ta' trasmissjoni fil-punt 3 ta' dak l-Artikolu.

L-Artikolu 3

Tariffi għal aċċess għan-netwerks

1.   It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, applikati minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u approvati mill-awtoritajiet regolatorji skond l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2003/55/KE, kif ukoll it-tariffi pubblikati skond l-Artikolu 18(1) ta' dik id-Direttiva, għandhom ikunu trasparenti, jieħdu kont tal-ħtieġa ta' l-integrità tas-sistema u t-titjib tagħha u jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmula, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti filwaqt li jinkludu qligħ xieraq fuq l-investimenti, u fejn ikun il-każ b'kont meħud tal-benchmarking ta' tariffi mill-awtoritajiet regolatorji. It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, għandhom jiġu applikati b'mod non-diskriminatorju.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-tariffi jistgħu jiġu determinati wkoll permezz ta' arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal irkantijiet, sakemm tali arranġamenti u d-dħul li jirriżulta minnhom ikunu approvati mill-awtorità regolatorja.

It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ effiċjenti tal-gass u l-kompetizzjoni, filwaqt li jevitaw sussidji inkroċjati bejn utenti tan-netwerk u jipprovdu inċentivi għal investiment u jżommu jew joħolqu l-interoperabbiltà tan-netwerks ta' trasmissjoni.

2.   It-tariffi għal aċċess għan-netwerk ma għandhomx jirrestrinġu l-likwidità tas-suq u lanqas iġibu distorsjoni fil-kummerċ transkonfinali bejn sistema ta' trasmissjoni differenti. Fejn id-differenzi fl-istrutturi tat-tariffi jew fil-mekkaniżmi ta' bilanċjament ifixklu l-kummerċ bejn sistema ta' trasmissjoni, u minkejja l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2003/55/KE, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom, f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ifittxu b'mod attiv il-konverġenza ta' l-istrutturi ta' tariffi u tal-prinċipji ta' ħlas anke fir-rigward tal-bilanċjament.

L-Artikolu 4

Servizzi ta' Aċċess għal Terzi

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom:

(a)

jiżguraw li joffru servizzi fuq bażi non-diskriminatorja lill-utenti kollha tan-netwerk. B'mod partikolari, fejn operatur tas-sistema ta' trasmissjoni joffri l-istess servizz lil klijenti differenti, għandu jagħmel dan skond termini u kondizzjonijiet kontrattwali ekwivalenti, jew billi juża kuntratti ta' trasport armonizzati jew kodiċi komuni tan-netwerk approvati mill-awtorità kompetenti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/55/KE;

(b)

jipprovdu servizzi ta' aċċess, lill-terzi, li jkunu kemm kostanti kif ukoll interrompibbli. Il-prezz tal-kapaċità interrompibbli għandha tirrifletti l-probabbiltà ta' l-interruzzjoni;

(ċ)

joffru lill-utenti tan-netwerk servizzi kemm għal perjodu fit-tul kif ukoll għal perjodu qasir.

2.   Il-kuntratti ta' trasport iffirmati b'dati ta' bidu li mhumiex standard jew għal żmien iqsar minn dak ta' kuntratt standard ta' trasport annwali ma għandhomx jirriżultaw f'tariffi li jkunu arbitrarjament ogħla jew iktar baxxi li ma jirriflettux il-valur fis-suq tas-servizz, skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

3.   Fejn ikun il-każ, jistgħu jingħataw servizzi ta' aċċess għal terzi suġġett għal garanziji adegwati minn utenti tan-netwerk fir-rigward ta' l-affidabbiltà finanzjarja ta' tali utenti. Tali garanziji ma għandhomx jikkostitwixxu barrieri żejda għad-dħul fis-suq u għandhom ikunu non-diskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

L-Artikolu 5

Prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità u proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni

1.   Il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(3) għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq, b'kont meħud ta' l-integrità tas-sistema u l-operazzjoni effiċjenti tan-netwerk.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jimplementaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu non-diskriminatorji u trasparenti, li għandhom:

(a)

jipprovdu sinjali ekonomiċi adegwati għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f'infrastruttura ġdida;

(b)

ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq inklużi swieq spot u punti fokali ta' kummerċ filwaqt li jkunu flessibbli u kapaċi jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jevolvu fis-suq;

(ċ)

ikunu kompatibbli mas-sistema ta' l-Istati Membri ta' aċċess għan-netwerk.

3.   Meta l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jikkonkludu kuntratti ġodda ta' trasport jew jinnegozjaw mill-ġdid kuntratti eżistenti ta' trasport, dawn il-kuntratti għandhom jieħdu kont tal-prinċipji segwenti:

(a)

fl-eventwalità ta' konġestjoni kontrattwali, l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għandu joffri l-kapaċità mhux użata fis-suq primarju għall-inqas fuq bażi interrrompibbli u ta' jum bil-quddiem,

(b)

utenti tan-netwerk li jixtiequ jbigħu mill-ġdid jew jissullokaw il-kapaċità kontrattata mhux użata fis-suq sekondarju għandhom ikunu intitolati li jagħmlu dan. L-Istati Membri jistgħu jesiġu notifikazzjoni jew informazzjoni dwar l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni mill-utenti tan-netwerk.

4.   Meta kapaċità kontrattata taħt kuntratti eżistenti ta' trasport tibqa' mhux użata u sseħħ konġestjoni kontrattwali, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom japplikaw il-paragrafu 3 sakemm dan ma jiksirx ir-rekwiżiti tal-kuntratti eżistenti ta' trasport. Fejn dan imur kontra l-kuntratti eżistenti ta' trasport, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom, wara konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti, jippreżentaw talba lill-utent tan-netwerk għall-użu fis-suq sekondarju tal-kapaċità mhux użata skond il-paragrafu 3.

5.   Jekk eventwalment teżisti konġestjoni fiżika, għandhom jiġu applikati mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jew, skond il-każ, mill-awtoritajiet regolatorji mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu trasparenti u non-diskriminatorji.

L-Artikolu 6

Rekwiżiti ta' trasparenza

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar is-servizzi li huma joffru u l-kondizzjonijiet rilevanti applikati, flimkien ma' l-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-netwerk sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess effettiv għan-netwerk.

2.   Sabiex jiġu żgurati tariffi trasparenti, oġġettivi u non-diskriminatorji u sabiex jiġi faċilitat l-użu effiċjenti tan-netwerk tal-gass, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jippubblikaw informazzjoni raġonevolment u suffiċjentement dettaljata dwar id-derivazzjoni, il-metodoloġija u l-istruttura tat-tariffi.

3.   Għas-servizzi provduti, kull operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għandu jippubblika informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tekniċi, kontrattati u disponibbli fuq bażi numerika għall-punti kollha rilevanti inklużi l-punti ta' dħul u ta' ħruġ fuq bażi regolari u rotattiva b'mod standardizzat għall-użu faċli mill-utenti.

4.   Il-punti rilevanti ta' sistema ta' trasmissjoni li dwarhom għandha tiġi pubblikata l-informazzjoni għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti wara konsultazzjoni ma' l-utenti tan-netwerk.

5.   Meta operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jikkonsidra ruħu mhux intitolat, minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità, li jippubblika d-data kollha rekwiżita, għandu jfittex l-awtorizzazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti sabiex jillimita l-pubblikazzjoni fir-rigward tal-punt jew punti in kwistjoni.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni fuq bażi ta' każ b'każ, b'kont meħud partikolarment tal-ħtieġa li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità kummerċjali leġittima u ta' l-għan li jinħoloq suq intern tal-gass kompetittiv. Jekk tiġi mogħtija l-awtorizzazzjoni, il-kapaċità disponibbli għandha tiġi ppubblikata mingħajr ma tiġi indikata d-data numerika li tikser il-prinċipju ta' kunfidenzjalità.

L-ebda awtorizzazzjoni bħal din kif imsemmija f'dan il-paragrafu ma għandha tingħata fejn tlitt utenti tan-netwerk jew iżjed ikunu kkuntrattaw għall-kapaċità fl-istess punt.

6.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom dejjem jiżvelaw l-informazzjoni rekwiżita minn dan ir-Regolament b'mod loġiku, kwantifikabbilment ċar u faċilment aċċessibli u fuq bażi non-diskriminatorja.

L-Artikolu 7

Regoli ta' bilanċjament u ħlasijiet ta' żbilanċ

1.   Għandhom jiġu mfassla regoli ta' bilanċjament b'mod ġust, non-diskriminatorju u trasparenti u għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi. Ir-regoli ta' bilanċjament għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet ġenwini tas-sistema b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

2.   Fil-każ ta' sistema ta' bilanċjament li ma jkunux ibbażati fuq is-suq, il-livelli ta' tolleranza għandhom jiġu mfassla b'mod li jirrifletti l-varjazzjonijiet staġjonali jew li jirriżulta f'livell ta' tolleranza ogħla minn dak li jirriżulta mill-varjazzjonijiet staġjonali, u li jirrifletti l-kapaċitajiet tekniċi attwali tas-sistema ta' trasmissjoni. Il-livelli ta' tolleranza għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet ġenwini tas-sistema b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

3.   Sa fejn ikun possibbli, il-ħlasijiet ta' żbilanċ għandhom jirriflettu l-ispejjeż, filwaqt li jipprovdu inċentivi adegwati lill-utenti tan-netwerk sabiex jibbilanċjaw il-gass li jitfgħu (l-input) u l-gass li jieħdu (l-offtake). Għandhom jevitaw is-sussidjar inkroċjat bejn l-utenti tan-netwerk u ma għandhomx jostakolaw id-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq.

Kwalunkwe metodoloġija ta' kalkolu għal ħlasijiet ta' żbilanċ kif ukoll it-tariffi finali għandhom jiġu pubblikati mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni skond il-każ.

4.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jistgħu jimponu ħlasijiet ta' penali fuq utenti tan-netwerk li t-tfigħ (l-input) tagħhom fis-sistema u t-teħid (l-offtake) tagħhom mis-sistema ta' trasmissjoni ma jkunux f'bilanċ skond ir-regoli ta' bilanċjament imsemmija fil-paragrafu 1.

5.   Il-ħlasijiet ta' penali li jeċċedu l-ispejjeż ta' bilanċjament effettivament magħmula, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti, għandhom jiġu kunsidrati meta jiġu kalkolati t-tariffi, b'mod li ma jnaqqasx l-interess fil-bilanċjament u għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti.

6.   Sabiex ikun possibli għall-utenti tan-netwerk li jieħdu azzjoni korrettiva tempestivament, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jipprovdu informazzjoni on-line li tkun suffiċjenti, f'waqtha u affidabbli dwar l-istatus tal-bilanċjament ta' l-utenti tan-netwerk. Il-livell ta' informazzjoni provduta għandu jirrifletti l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni. Fejn ikunu imposti, il-ħlasijiet għall-provvista ta' tali informazzjoni għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti u għandhom jiġu pubblikati mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jaħdmu sabiex jarmonizzaw ir-reġimi ta' bilanċjament u sabiex jirrazzjonalizzaw l-istrutturi u l-livelli ta' ħlasijiet ta' bilanċjament sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ tal-gass.

L-Artikolu 8

Skambju ta' drittijiet tal-kapaċità

Kull operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għandu jieħu passi raġonevoli sabiex jippermetti l-iskambju liberu ta' drittijiet tal-kapaċità u sabiex jiffaċilita tali skambju. Kull operatur konċernat għandu jiżviluppa kuntratti armonizzati ta' trasport u proċeduri dwar is-suq primarju sabiex jiġi faċilitat l-iskambju sekondarju tal-kapaċità u jiġi rikonoxxut it-trasferiment tad-drittijiet primarji tal-kapaċità meta jiġi notifikat minn utenti tan-netwerk. Il-kuntratti armonizzati ta' trasport u l-proċeduri għandhom jiġu notifikati lill-awtoritajiet regolatorji.

L-Artikolu 9

Linji Gwida

1.   Fejn ikun il-każ, il-Linji Gwida li jipprovdu l-grad minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw:

(a)

id-dettalji ta' servizzi ta' aċċess għal terzi inklużi n-natura, it-tul ta' żmien u rekwiżiti oħra ta' dawn is-servizzi, skond l-Artikolu 4;

(b)

id-dettalji dwar il-prinċipji bażilari għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità u dwar l-applikazzjoni ta' proċeduri ta' l-immaniġġar ta' konġestjoni f'każ ta' konġestjoni kontrattwali, skond l-Artikolu 5;

(ċ)

id-dettalji dwar id-definizzjoni ta' l-informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema u d-definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta' trasparenza, inklużi l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti kollha rilevanti u l-iskeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni, skond l-Artikolu 6.

2.   Il-Linji Gwida dwar il-kwistjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 huma stabbiliti fl-Anness. Jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni; dan għandu jsir skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

3.   L-applikazzjoni u l-emendament tal-Linji Gwida adottati skond dan ir-Regolament għandhom jirriflettu d-differenzi eżistenti bejn is-sistema tal-gass nazzjonali, u għalhekk ma għandhomx jeħtieġu termini u kondizzjonijiet uniformi u dettaljati ta' aċċess għal terzi fil-livell Komunitarju. Jistgħu, madankollu, jistabbilixxu rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu sabiex jinkisbu kondizzjonijiet trasparenti u non-diskriminatorji għal aċċess għan-netwerk li jkunu meħtieġa għal suq intern tal-gass, li jistgħu mbagħad jiġu applikati fid-dawl ta' differenzi bejn is-sistema tal-gass nazzjonali.

L-Artikolu 10

Awtoritajiet regolatorji

Fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skond dan ir-Regolament, l-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri stabbiliti skond l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/55/KE għandhom jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament u l-Linji Gwida adottati skond l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament.

Fejn ikun il-każ, huma għandhom jikkoperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni.

L-Artikolu 11

Provvista ta' informazzjoni

L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq it-talba tagħha, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet ta' l-Artikolu 9.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli li fih għandha tiġi provduta l-informazzjoni, b'kont meħud tal-komplessità ta' l-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li biha tkun meħtieġa l-informazzjoni.

L-Artikolu 12

Id-dritt ta' Stati Membri li jintroduċu miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu miżuri li jikkontjenu dispożizzjonijiet iktar dettaljati minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament u l-Linji Gwida msemmija fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 13

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implementati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

2.   Il-penali previsti skond il-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

L-Artikolu 14

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/55/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

L-Artikolu 15

Rapport tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fir-rapport tagħha skond l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2003/55/KE, il-Kummissjoni għandha tirraporta wkoll dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari r-rapport għandu jeżamina sa liema punt ir-Regolament irnexxielu jiżgura kondizzjonijiet għal aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass li ma jkunux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż sabiex jikkontribwixxu għall-għażla għall-klijent f'suq intern li jiffunzjona korrettament u għas-sigurtà tal-fornitura għal perijodu fit-tul. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti u/jew rakkomandazzjonijiet adegwati.

L-Artikolu 16

Derogi u eżenzjonijiet

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

sistemi ta' trasmissjoni ta' gass naturali li jinsabu fi Stati Membri sakemm jibqgħu fis-seħħ id-derogi mogħtija taħt l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2003/55/KE; Stati Membri li ġew mogħtija derogi taħt l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2003/55/KE jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni għal deroga temporanja mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għal perijodu ta' mhux aktar minn sentejn mid-data li fiha tiskadi d-deroga msemmija f'dan il-punt;

(b)

interkonnetturi bejn Stati Membri u żidiet sinifikattivi tal-kapaċità f'infrastrutturi eżistenti u modifiki ta' tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta' sorsi ġodda ta' fornitura ta' gass kif imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2003/55/KE li jkunu eżentati mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 18, 19, 20 u 25(2), (3) u (4) ta' dik id-Direttiva sakemm ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet imsemmija f'dan is-subparagrafu; jew

(ċ)

sistema ta' trasmissjoni ta' gass naturali li ġew mogħtija derogi taħt l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/55/KE.

L-Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2006 bl-eċċezzjoni tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 9(2), li għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar it-28 ta' Settembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  ĠU C 241, tat-28.9.2004, p. 31.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 2004 (ĠU C 104 E, tat-30.4.2004, p. 306), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Novembru 2004 (ĠU C 25 E, ta' l-1.2.2005, p. 44), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2005 (għadha mhijiex ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2005.

(3)  ĠU L 176, tal-15.7.2003, p. 57.

(4)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.


L-ANNESS

LINJI GWIDA DWAR

1.

Servizzi ta' aċċess għal terzi

2.

Prinċipji bażilari għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità, għall-proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni u għall-applikazzjoni tagħhom f'każ ta' konġestjoni kontrattwali, u

3.

Definizzjoni ta' l-informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema, definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta' trasparenza u informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti kollha rilevanti u skeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni

1.   Servizzi ta' aċċess għal terzi

(1)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom joffru servizzi kostanti u interrompibbli għal perijodu minimu ta' jum.

(2)

Il-kuntratti ta' trasport armonizzati u l-kodiċi komuni tan-netwerk għandhom jiġu mfassla b'mod li jiffaċilita l-iskambju u l-użu mill-ġdid tal-kapaċità kontrattata minn utenti tan-netwerk mingħajr ma jiġi mfixkel ir-rilaxx tal-kapaċità.

(3)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jiżviluppaw kodiċi tan-netwerk u kuntratti armonizzati wara konsultazzjoni adegwata ma' l-utenti tan-netwerk.

(4)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jimplementaw proċeduri standardizzati ta' nominazzjoni u nominazzjoni mill-ġdid. Dawn għandhom jiżviluppaw sistema ta' informazzjoni u mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi sabiex jipprovdu data adegwata lill-utenti tan-netwerk u sabiex jissimplifikaw it-transazzjonijiet, bħan-nominazzjonijiet, il-kontrattazzjoni tal-kapaċità u t-trasferiment ta' drittijiet tal-kapaċità bejn l-utenti tan-netwerk.

(5)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jarmonizzaw il-proċeduri ta' rikjesti formalizzati u l-perijodi sa meta jingħata rispons skond l-aħjar prattika fl-industrija bil-għan li jiġu minimizzati l-perjiodi sa meta jingħata rispons. Għandhom jipprovdu għal sistema online ta' prenotazzjoni u ta' konferma tal-kapaċità, proċeduri ta' nominazzjonijiet u nominazzjonijiet mill-ġdid sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006 wara konsultazzjoni ma' l-utenti tan-netwerks rilevanti.

(6)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma għandhomx, separatament, jesiġu ħlas minn utenti tan-netwerk għal talbiet għal informazzjoni u transazzjonijiet assoċjati mal-kuntratti tagħhom ta' trasport u li jiġu mwettqa skond regoli u proċeduri standard.

(7)

Għal talbiet għal informazzjoni li jeħtieġu spiżi straordinarji jew eċċessivi, bħal ma huma studji ta' fattibbiltà, jista' jintalab ħlas separat, sakemm il-ħlasijiet jistgħu jiġu adegwatament sostanzjati.

(8)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jikkoperaw ma' operaturi oħra ta' sistema ta' trasmissjoni fil-kordinazzjoni tal-manutenzjoni tan-netwerks rispettivi tagħhom sabiex jimminimizzaw kull interruzzjoni tas-servizzi ta' trasmissjoni għall-utenti tan-netwerk u għall-operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni f'żoni oħra u sabiex jiġu żgurati benefiċċji ugwali fir-rigward tas-sigurtà tal-fornitura anke fir-rigward ta' tranżitu.

(9)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw għall-inqas darba fis-sena, skadenza pre-determinata, il-perijodi kollha ta' manutenzjoni previsti li jistgħu jolqtu d-drittijiet ta' l-utenti tan-netwerk derivanti minn kuntratti ta' trasport u l-informazzjoni operattiva korrispondenti b'avviż adegwat minn qabel. Dan għandu jinkludi l-pubblikazzjoni f'waqtha u fuq bażi rapida u non-diskriminatorja ta' kwalunkwe tibdil fil-perijodi ta' manutenzjoni previsti, u n-notifika ta' manutenzjoni mhux prevista, hekk kif dik l-informazzjoni issir disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni. Matul perijodi ta' manutenzjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw regolarment informazzjoni aġġornata dwar id-dettalji, it-tul ta' żmien antiċipat u l-effetti tal-manutenzjoni.

(10)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom iżommu reġistru ta' kuljum dwar il-manutenzjoni effettiva u l-interruzzjonijiet tal-fluss li jkunu seħħu u jqegħduh għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità kompetenti. Għandha wkoll titqiegħed, meta mitluba, informazzjoni għad-dispożizzjoni ta' dawk milquta minn kwalunkwe interruzzjoni.

2.   Prinċipji bażilari għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità, għall-proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni u għall-applikazzjoni tagħhom f'każ ta' konġestjoni kontrattwali

2.1.   PRINĊIPJI BAŻILARI GĦALL-MEKKANIŻMI TA' ALLOKAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ U GĦALL-PROĊEDURI TA' L-IMMANIĠĠAR TAL-KONĠESTJONI

(1)

Il-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità u l-proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u l-fluwidità ta' l-iskambji tal-kapaċità u għandhom ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq, inklużi s-swieq spot u l-punti fokali ta' kummerċ. Għandhom ikunu flessibli u kapaċi jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jevolvu fis-suq.

(2)

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom jieħdu kont ta' l-integrità tas-sistema konċernata kif ukoll tas-sigurtà tal-fornitura.

(3)

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri la għandhom ifixklu d-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq u lanqas għandhom joħolqu barrieri żejda għad-dħul fis-suq. Ma għandhomx jimpedixxu l-parteċipanti fis-suq, inklużi suġġetti ġodda u kumpanniji b'sehem żgħir fis-suq, milli jikkompetu b'mod effettiv.

(4)

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom jipprovdu sinjali ekonomiċi adegwati għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u għandhom jiffaċilitaw l-investiment f'infrastruttura ġdida.

(5)

L-utenti tan-netwerk għandhom jiġu avżati dwar iċ-ċirkostanzi li jistgħu jolqtu d-disponibbiltà tal-kapaċità kontrattata. L-informazzjoni dwar interruzzjonijiet għandha tirrifletti l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

(6)

F'każ li, għal raġunijiet konnessi ma' l-integrità tas-sistema, jinqalgħu diffikultajiet fit-twettiq ta' l-obbligi kontrattwali ta' provvista, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom javżaw lill-utenti tan-netwerk u jfittxu mingħajr dewmien soluzzjoni non-diskriminatorja.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jikkonsultaw ma' l-utenti tan-netwerk dwar proċeduri qabel l-implementazzjoni tagħhom u jiftiehmu dwarhom ma' l-awtorità regolatorja.

2.2.   PROĊEDURI TA' L-IMMANIĠĠAR TA' KONĠESTJONI F'KAŻ TA' KONĠESTJONI KONTRATTWALI

(1)

Fl-eventwalità li l-kapaċità kontrattata ma tintużax, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu disponibbli din il-kapaċità fis-suq primarju fuq bażi interrompibbli permezz ta' kuntratti ta' perijodi diversi, sakemm din il-kapaċita' ma tkunx offruta mill-utent rilevanti tan-netwerk fis-suq sekondarju bi prezz raġonevoli.

(2)

Id-dħul mir-rilaxx tal-kapaċità interrompibbli għandu jinqasam skond regoli stabbiliti jew approvati mill-awtorità regolatorja kompetenti. Dawn ir-regoli għandhom ikunu kompatibbli mar-rekwiżit ta' l-użu effettiv u effiċjenti tas-sistema.

(3)

Jista' jiġi determinat prezz raġonevoli għall-kapaċità interrompibbli rilaxxata mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi prevalenti.

(4)

Fejn ikun il-każ, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli sabiex joffru lis-suq għall-inqas partijiet mill-kapaċità mhux użata bħala kapaċità kostanti.

3.   Definizzjoni ta' l-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema, definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta' trasparenza u informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti kollha rilevanti u skeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni

3.1.   Definizzjoni ta' l-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom għall-inqas jippubblikaw l-informazzjoni segwenti dwar is-sistema u s-servizzi tagħhom:

(a)

deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tas-servizzi differenti offruti u l-ħlas għalihom;

(b)

it-tipi differenti ta' kuntratti ta' trasport disponibbli għal dawn is-servizzi u, skond kif ikun applikabbli, il-kodiċi tan-netwerk u/jew il-kondizzjonijiet standard li jiddefinixxu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' l-utenti kollha tan-netwerk inklużi kuntratti armonizzati ta' trasport u dokumenti rilevanti oħra;

(ċ)

il-proċeduri armonizzati applikati għall-użu tas-sistema ta' trasmissjoni, inkluża d-definizzjoni ta' termini prinċipali;

(d)

dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, l-immaniġġar tal-konġestjoni u l-proċeduri kontra l-ħżin u dwar l-użu mill-ġdid;

(e)

ir-regoli applikabbli għall-iskambju tal-kapaċità fis-suq sekondarju vis-à-vis l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

(f)

fejn ikun applikabbli, il-livelli ta' flessibilità u tolleranza inklużi fit-trasport u servizzi oħra mingħajr ħlas separat, kif ukoll kwalunkwe flessibbiltà offruta flimkien ma' dan u l-ħlasijiet korrispondenti;

(g)

deskrizzjoni dettaljata tas-sistema tal-gass ta' l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni li tindika l-punti rilevanti kollha ta' interkonnessjoni tas-sistema tiegħu ma' dawk ta' operaturi ta' sistema oħra ta' trasmissjoni u/jew infrastrutturi tal-gass bħall-gass naturali likwefatt (LNG) u infrastrutturi meħtieġa għall-provvista ta' servizzi anċillari kif previst fl-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2003/55/KE;

(h)

informazzjoni dwar il-kwalità tal-gass u r-rekwiżiti ta' pressjoni;

(i)

ir-regoli applikabbli għal konnessjoni mas-sistema mħaddma mill-operatur tas-sistema tat-trasport;

(j)

kwalunkwe informazzjoni, f'waqtha, dwar tibdiliet proposti u/jew tibdiliet effettivi fis-servizzi jew kondizzjonijiet, inklużi l-elementi elenkati fil-punti (a) sa (i).

3.2.   DEFINIZZJONI TAL-PUNTI KOLLHA RILEVANTI GĦAR-REKWIŻITI TA' TRASPARENZA

Il-punti rilevanti għandhom jinkludu għall-inqas:

(a)

il-punti kollha ta' dħul f'netwerk imħaddem minn operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

(b)

il-punti ta' ħruġ l-aktar importanti u ż-żoni ta' ħruġ li jkopru għall-inqas 50 % tal-kapaċità totali ta' ħruġ tan-netwerk ta' operatur partikolari ta' sistema ta' trasmissjoni, inklużi l-punti kollha ta' ħruġ jew iż-żoni ta' ħruġ li jkopru iktar minn 2 % tal-kapaċita totali ta' ħruġ tan-netwerk;

(ċ)

il-punti kollha ta' konnessjoni bejn netwerks differenti ta' operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni;

(d)

il-punti kollha li jikkonnettu n-netwerk ta' operatur ta' sistema ta' trasmissjoni ma' terminal LNG;

(e)

il-punti kollha essenzjali fin-netwerk ta' operatur partikolari ta' sistema ta' trasmissjoni inklużi l-punti ta' konnessjoni mal-punti fokali tal-gass, filwaqt li jkunu kunsidrati essenzjali l-punti kollha li fir-rigward tagħhom, mill-esperjenza, teżisti l-probabbiltà li jkunu suġġetti għal konġestjoni fiżika;

(f)

il-punti kollha li jikkonnettu n-netwerk ta' operatur partikolari tas-sistema ta' trasmissjoni ma' infrastruttura meħtieġa għall-provvista ta' servizzi anċillari kif previst mill-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2003/55/KE.

3.3.   INFORMAZZJONI LI L-PUBBLIKAZZJONI TAGĦHA TKUN MEĦTIEĠA FIL-PUNTI KOLLHA RILEVANTI U SKEDA KALENDARJA TAL-PUBBLIKAZZJONI TA' DIN L-INFORMAZZJONI

(1)

Fil-punti kollha rilevanti, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw l-informazzjoni segwenti dwar is-sitwazzjoni tal-kapaċità, sa matul perijodi ta' kuljum, fuq l-Internet fuq bażi perjodika/rotattiva u b'mod standardizzat għall-użu faċli mill-utenti:

(a)

il-kapaċità teknika massima għall-flussi fiż-żewġ direzzjonijiet,

(b)

il-kapaċità totali kontrattata u interrompibbli,

(ċ)

il-kapaċità disponibbli.

(2)

Għall-punti kollha rilevanti, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw il-kapaċitajiet disponibbli għal perijodu ta' mill-inqas 18-il xahar minn qabel u għandhom jaġġornaw din l-informazzjoni għall-inqas kull xahar jew iktar frekwentement, jekk issir disponibbli informazzjoni ġdida.

(3)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw aġġornamenti ta' kuljum dwar id-disponibbiltà ta' servizzi għal perijodu qasir (minn jum qabel u minn ġimgħa qabel) ibbażati, inter alia, fuq nominazzjonijiet, impenji kontrattwali fis-seħħ u previżjonijiet regolari għall-perijodu fit-tul ta' kapaċitajiet disponibbli fuq bażi annwali sa 10 snin għall-punti kollha rilevanti.

(4)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw, fuq bazi rotattiva, ir-rati minimi u massimi għall-użu ta' kull xahar ta' kapaċità u l-flussi medji annwali fil-punti kollha rilevanti għall-aħħar tliet snin.

(5)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom iżommu reġistru ta' kuljum ta' flussi aggregati effettivi għal mill-inqas tliet xhur.

(6)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom iżommu records effettivi tal-kuntratti kollha tal-kapaċità u l-informazzjoni l-oħra kollha rilevanti fir-rigward tal-kalkolu u l-għoti ta' l-aċċess għal kapaċitajiet disponibbli, li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikollhom aċċess sabiex iwettqu d-doveri tagħhom.

(7)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jipprovdu strumenti għall-użu faċli mill-utenti għall-kalkolu ta' tariffi għas-servizzi disponibbli u għall-verifika online tal-kapaċità disponibbli.

(8)

Fejn l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma jkunux f'pożizzjoni li jippubblikaw informazzjoni skond il-paragrafi 1, 3 u 7, huma għandhom jikkonsultaw ma' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom u jistabbilixxu Pjan ta' Azzjoni għall-implementazzjoni kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006.


3.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

14


ID-DEĊIŻJONI Nru 1776/2005/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Settembru 2005

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/819/KE dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME) (2001 — 2005)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Huwa indispensabbli li tiġi żgurata l-kontinwità tas-sostenn tal-Komunità għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

(2)

Huwa għalhekk xieraq li l-perjodu ta' validità tad-Deċiżjoni 2000/819/KE (3) jiġi estiż b'sena oħra sal-31 ta' Diċembru 2006 u li jiżdied l-ammont ta' referenza finanzjarja b'EUR 88,5 miljun.

(3)

Id-Deċiżjoni 2000/819/KE għandha tiġi emendata kif jeħtieġ.

(4)

Il-Kumitat tar-Reġjuni ġie konsultat iżda ma tax opinjoni,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

L-Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2000/819/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

fl-Artikolu 7(1), l-ammont ta' referenza finanzjarja ta' “EUR 450 miljun” għandu jiġi sostitwit b' “EUR 538 500 000”.

2)

fl-Artikolu 8, id-data tal-31 ta' Diċembru 2005 għandha tiġi sostitwita b'dik tal-31 ta' Diċembru 2006.

L-Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, 28 ta' Settembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  Opinjoni mogħtija fid-9 ta' Marzu 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2005.

(3)  ĠU L 333, tad-29.12.2000, p. 84. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni Nru 593/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, tas-16.8.2004, p. 3).


3.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

15


ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2005/71/KE

tat-12 ta' Ottubru 2005

dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3)(a) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Billi:

1.

Bil-ħsieb li l-politika Ewropea dwar ir-riċerka tiġi kkonsolidata u mogħtija struttura, il-Kummissjoni ħasset il-ħtieġa f'Jannar ta' l-2000 li titwaqqaf Żona Ewropea għar-Riċerka bħala l-fus ta' l-azzjoni futura tal-Komunità f'dan il-qasam.

2.

Ma' l-approvazzjoni tiegħu taż-Żona Ewropea għar-Riċerka, il-Kunsill Ewropew ta' Liżbona f'Marzu tas-sena 2000 iddikjara bħala għan tal-Komunità li l-ekonomija tkun imsejsa fuq konoxxenza iktar kompetittiva u dinamika fid-dinja sa l-2010.

3.

Il-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija tirrikjedi mobbiltà ikbar ta' riċerkaturi, ħaġa li ġiet rikonoxxuta mis-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea (4) meta din fetħet il-programmi tagħha iktar għar-riċerkaturi ta' pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.

4.

In-numru ta' riċerkaturi li l-Komunità sejra jkollha bżonn sa l-2010 sabiex tilħaq il-mira stabbilita mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona f'Marzu tas-sena 2000 li tinvesti 3 % tal-PGD fir-riċerka huwa stmat bħala 700 000. Din il-mira għandha tintlaħaq permezz ta' sensiela ta' miżuri li jorbtu ma' xulxin, bħat-tisħiħ ta' l-attrazzjoni tal-karrieri xjentifiċi għaż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka xjentifika, it-tkabbir ta' l-opportunitajiet għat-taħriġ u l-mobbiltà fir-riċerka, it-titjib tal-prospetti ta' karrieri għar-riċerkaturi fi ħdan il-Komunità u l-ftuħ tal-Komunità għal ċittadini minn pajjiżi terzi li jistgħu jitħallew jidħlu għall-finijiet ta' riċerka.

5.

Din id-Direttiva għanha l-ħsieb li tikkontribwixxi għall-kisba ta' dawn l-għanijiet billi jitkattru l-ammissjonijiet u l-mobbiltà, għall-finijiet ta' riċerka, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal waqfiet ta' iktar minn tliet xhur, sabiex il-Komunità ssir iktar attraenti għar-riċerkaturi minn madwar id-dinja u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru internazzjonali għar-riċerka.

6.

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex tinkoraġġixxi xi effluss ta' mħuħ minn pajjiżi emerġenti jew li qegħdin jiżviluppaw. Għandhom jittieħdu miżuri ta' appoġġ li jsostnu l-integrazzjoni mill-ġdid ta' riċerkaturi fil-pajjiżi ta' l-oriġini tagħhom kif ukoll il-moviment ta' riċerkaturi fi sħubija mal-pajjiżi ta' l-oriġini bil-ħsieb li titwaqqaf politika ta' migrazzjoni komprensiva.

7.

Huwa importanti wkoll, għall-kisba ta' l-għanijiet tal-proċess ta' Liżbona, it-tkattir tal-mobbiltà fi ħdan l-Unjoni ta' riċerkaturi li huma ċittadini ta' l-UE, partikolarment riċerkaturi li ġejjin mill-Istati li saru Membri fl-2004, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika.

8.

Minħabba t-trasparenza imposta mill-bidliet fl-ekonomija dinjija u l-ħtiġijiet eventwali sabiex tintlaħaq il-mira ta' 3 % tal-PGD għall-investiment fir-riċerka, għandhom jiġu definiti fuq linji ġenerali r-riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu potenzjalment eliġibbli taħt din id-Direttiva skond il-kwalifiki tagħhom u l-proġett ta' riċerka li għalih ikunu qed jaħsbu li jwettqu.

9.

Billi l-isforz li għandu jsir sabiex tintlaħaq l-imsemmija mira ta' 3 % jikkonċerna l-aktar lis-settur privat, li għandu għalhekk jirrekluta iżjed riċerkaturi fis-snin li ġejjin, l-organizzazzjonijiet għar-riċerka li potenzjalment ikunu eliġibbli taħt din id-Direttiva jappartjenu għassetturi kemm pubbliċi u privati.

10.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-iżjed informazzjoni komprensiva possibbli, li tinżamm aġġornata b'mod regolari, tkun disponibbli għall-pubbliku, b'mod partikolari permezz ta' l-internet, dwar l-organizzazzjonijiet għar-riċerka, approvati taħt din id-Direttiva, li magħhom ir-riċerkaturi jistgħu jikkonkludu ftehim ta' akkoljenza, u dwar il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għad-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu għall-finijiet tar-riċerka, kif adottati taħt din id-Direttiva.

11.

Huwa xieraq li teħfief l-ammissjoni ta' riċerkaturi billi titwaqqaf proċedura ta' ammissjoni li ma tiddependix fuq ir-relazzjoni legali ma' l-organizzazzjoni għar-riċerka ospitanti u ma jkunx meħtieġ iktar permess tax-xogħol minbarra l-permess ta' residenza. L-Istati Membri jistgħu japplikaw regoli simili għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jitolbu l-ammissjoni għall-finijiet ta' xogħol bħala għalliema fi stabbiliment ta' edukazzjoni għolja skond il-liġi jew il-prattika amministrattiva nazzjonali, fil-kuntest ta' proġett għar-riċerka.

12.

Fl-istess waqt, għandhom jinżammu l-modi ta' ammissjoni tradizzjonali (bħall-impjiegi u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol), speċjalment għal studenti dottorali li jwettqu riċerka bħala studenti, li għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' studji, skambju ta' studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju (5).

13.

Il-proċedura speċifika għar-riċerkaturi hija bbażata fuq il-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet għar-riċerka u l-awtoritajiet ta' l-immigrazzjoni fl-Istati Membri: hija tagħti lil ta' l-ewwel irwol ċentrali fil-proċedura ta' ammissjoni bil-ħsieb li jeħfiefu u jitħaffu d-dħul u r-residenza ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi fil-Komunità waqt li jiġu preservati l-prerogattivi ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll ta' l-immigrazzjoni.

14.

L-organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati minn qabel mill-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiffirmaw ftehim ta' akkoljenza ma' ċittadin ta' pajjiż terz għall-finijiet tat-twettiq ta' proġett ta' riċerka. L-Istati Membri joħorġu permess ta' residenza abbażi tal-ftehim ta' akkoljenza jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza.

15.

Sabiex il-Komunità tkun iktar attraenti għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi, għandhom jingħataw tul il-perjodu tal-waqfa tagħhom, l-istess drittijiet soċjali u ekonomiċi bħal dawk ta' ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti f'numru ta' oqsma u l-possibbiltà li jgħallmu fi stabbilimenti ta' edukazzjoni għolja.

16.

Din id-Direttiva tinvolvi titjib ulterjuri importanti ħafna fil-qasam tas-sigurtà soċjali billi l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni japplika wkoll b'mod dirett għal persuni li deħlin fi Stat Membru direttament minn pajjiż terz. Minkejja dan, din id-Direttiva m'għandhiex tagħti iżjed drittijiet minn dawk diġà previsti fil-liġi Komunitarja eżistenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom elementi transkonfinali bejn Stati Membri. Barra minn hekk, din id-Direttiva m'għandhiex tagħti drittijiet fir-rigward ta' sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-ambitu ta' applikazzjoni tal-liġi Komunitarja bħal, per eżempju, membri tal-familja li jirrisjedu f'pajjiż terz.

17.

Huwa importanti li titħeġġeġ il-mobbiltà ta' ċittadini ta' pajjiż terz ammessi għall-finijiet ta' twettiq ta' riċerka xjentifika bħala mezz ta' żvilupp u konsolidament ta' kuntatti u retikolati bejn l-imsieħba u ta' twaqqif ta' l-irwol taż-Żona Ewropea għar-Riċerka (ERA) fuq livell dinji. Ir-riċerkaturi għandhom ikunu jistgħu igawdu mill-mobbiltà taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva. Il-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-mobbiltà taħt din id-Direttiva ma għandhomx jolqtu r-regoli li attwalment jirregolaw ir-rikonoxximent tal-validità tad-dokumenti ta' l-ivjaġġar.

18.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-bżonn li tiġi aġevolata u sostnuta l-preservazzjoni ta' l-unità tal-familja tar-riċerkatur, skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2005 sabiex teħfief l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex iwettqu riċerka xjentifika fil-Komunità Ewropea (6).

19.

Sabiex tiġi preservata l-unità tal-familja u ssir possibbli l-mobbiltà, il-membri tal-familja għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mar-riċerkatur fi Stat Membru ieħor taħt il-kondizzjonijiet determinati mil-liġi nazzjonali ta' tali Stat Membru, inklużi l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn ftehim bilaterali jew multilaterali.

20.

Id-detenturi ta' permessi ta' residenza għandhom jitħallew jippreżentaw applikazzjoni għall-ammissjoni waqt li jibqgħu fuq it-territorju ta' l-Istat Membru konċernat.

21.

L-Istati Membri għanu jkollhom il-jedd li jesiġu mill-applikanti l-ispejjeż għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal permessi ta' residenza.

22.

Din id-Direttiva m'għandha fl-ebda ċirkustanza tolqot l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz (7).

23.

L-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-introduzzjoni ta' proċedura speċjali ta' ammissjoni u l-adozzjoni ta' kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza applikabbli għal ċittadini ta' pajjiżi terzi għal waqfiet ta' iktar minn tliet xhur fl-Istati Membri għall-finijiet tat-twettiq ta' proġett ta' riċerka taħt ftehim ta' akkoljenza ma' xi organizzazzjoni ta' riċerka, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, speċjalment fir-rigward tal-kisba tal-mobbiltà bejn l-Istati Membri, u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar mill-Komunità. Il-Komunità għalhekk għandha l-jedd li tieħu miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà mwaqqaf fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

24.

L-Istati Membri għandhom jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħra, sħubija f'xi minoranza nazzjonali, fortuna, twelid, diżabbiltajiet, età jew orjentazzjoni sesswali.

25.

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikulari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

26.

Konformement mal-paragrafu 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri ser ikunu mħeġġa jfasslu u jagħmlu pubbliċi, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, l-iskedi tagħhom li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni.

27.

Konformement ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, l-Irlanda, permezz ta' ittra ta' l-1 ta' Lulju 2004, għarraf ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

28.

Konformement ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, ir-Renju Unit ma jipparteċipax fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhuwiex marbut jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

29.

Konformement ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għalhekk mhijiex marbuta jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Il-Fini

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-ammissjoni ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi fl-Istati Membri għal iktar minn tliet xhur għall-finijiet tat-twettiq ta' proġett ta' riċerka taħt ftehim ta' akkoljenza ma' organizzazzjoni ta' riċerka.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)

“ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin ta' l-Unjoni fis-sens ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

(b)

“riċerka” tfisser xogħol kreattiv eżegwit fuq bażi sistematika sabiex jiżdied l-għarfien, inkluża l-konoxxenza dwar il-bniedem, il-kultura u s-soċjetà, u l-użu ta' dan l-għarfien sabiex jiġu żviluppati applikazzjonijiet ġodda;

(ċ)

“organizzazzjoni ta' riċerka” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata li twettaq riċerka u li ġiet approvata għall-finijiet ta' din id-Direttiva minn Stat Membru skond il-liġi u l-prattika amministrattiva ta' dan ta' l-aħħar;

(d)

“riċerkatur” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li jkollu kwalifika ta' edukazzjoni għolja adegwata, li tagħti aċċess għal programmi dottorali, li jiġi magħżul minn organizzazzjoni ta' riċerka għat-twettiq ta' proġett ta' riċerka li għalih tkun normalment meħtieġa il-kwalifika msemmija fuq;

(e)

“permess ta' residenza” tfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni li tindika fuqha stess it-terminu “riċerkatur” maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, li tippermetti lil ċittadin ta' stat terz jibqa' legalment fit-territorju tiegħu, skond l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

L-Artikolu 3

Ambitu ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw sabiex jiġu ammessi fit-territorju ta' Stat Membru għall-fini li jwettqu proġett ta' riċerka.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqgħodu fi Stat Membru bħala applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew taħt skemi ta' protezzjoni temporanji;

(b)

ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw sabiex jirrisjedu fi Stat Membru bħala studenti fis-sens tad-Direttiva 2004/114/KE sabiex iwettqu riċerka li twassal għal dottorat;

(ċ)

ċittadini ta' pajjiżi terzi li t-tkeċċija tagħhom ġiet sospiża għal raġunijiet ta' fatt jew ta' liġi;

(d)

riċerkaturi sekondati minn organizzazzjoni ta' riċerka għal organizzazzjoni ta' riċerka oħra fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 4

Dispożizzjonijiet iktar favorevoli

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli ta':

(a)

kull ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż bejn il-Komunità jew bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u wieħed jew iktar pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra;

(b)

kull ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż bejn wieħed jew iżjed Stati Membri u wieħed jew iżjed pajjiżi terzi.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tolqot il-jedd ta' Stati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal persuni li għalihom hija tapplika.

IL-KAPITOLU II

ORGANIZZAZZJONIJIET TA' RIĊERKA

L-Artikolu 5

Approvazzjoni

1.   Kwalunkwe organizzazzjoni ta' riċerka li tixtieq tospita riċerkatur taħt il-proċedura ta' ammissjoni stabbilita f'din id-Direttiva għandha l-ewwel tiġi approvata għal dak il-għan mill-Istat Membru konċernat.

2.   L-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka għandha tikkonforma mal-proċeduri stabbiliti fil-liġi jew prattika amministrattiva nazzjonali ta' l-Istati Membri. L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni li jsiru minn organizzazzjonijiet kemm pubbliċi kif ukoll privati għandhom isiru skond dawk il-proċeduri u għandhom ikunu bbażati fuq il-kompiti statutorji jew finijiet korporattivi tagħhom, skond il-każ, u fuq il-prova li jwettqu riċerka.

L-approvazzjoni mogħtija lil organizzazzjoni ta' riċerka għandha tkun għal perjodu minimu ta' ħames snin. F'każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu jagħtu approvazzjoni għal perjodu iqsar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu, skond il-liġi nazzjonali, l-impenn bil-miktub ta' l-organizzazzjoni ta' riċerka li f'każijiet fejn riċerkatur jibqa' llegalment fit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat, l-organizzazzjoni msemmija tkun responsabbli għar-rimbors ta' l-ispejjeż relatati mas-soġġorn u r-ritorn tiegħu li jkunu tħallsu mill-fondi pubbliċi. Ir-responsabbiltà finanzjarja ta' l-organizzazzjoni ta' riċerka għandha tintemm l-iktar tard 6 xhur wara t-terminazzjoni tal-ftehim ta' akkoljenza.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li, fi żmien xahrejn mid-data ta' l-iskadenza tal-ftehim konċernat ta' akkoljenza, l-organizzazzjoni approvata għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, magħżula għal dak il-għan mill-Istati Membri, konferma li x-xogħol ġie mwettaq għal kull wieħed mill-proġetti ta' riċerka li fir-rigward tagħhom ġie ffirmat ftehim ta' akkoljenza skond l-Artikolu 6.

5.   L-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru għandhom jippubblikaw u jaġġornaw regolarment elenki ta' l-organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom il-konsegwenzi ta' l-irtirar ta' l-approvazzjoni jew tar-rifjut li tiġi mġedda l-approvazzjoni għal kull ftehim ta' akkoljenza eżistenti, konkluż skond l-Artikolu 6, kif ukoll il-konsegwenzi għall-permessi ta' residenza tar-riċerkaturi konċernati.

7.   L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom il-konsegwenzi ta' l-irtirar ta' l-approvazzjoni jew tar-rifjut li tiġi mġedda l-approvazzjoni għal kull ftehim ta' akkoljenza eżistenti, konkluż skond l-Artikolu 6, kif ukoll il-konsegwenzi għall-permessi ta' residenza tar-riċerkaturi konċernati.

L-Artikolu 6

Ftehim ta' akkoljenza

1.   Organizzazzjoni ta' riċerka li tixtieq tospita riċerkatur għandha tiffirma ftehim ta' akkoljenza ma' dan ta' l-aħħar li permezz tiegħu r-riċerkatur jimpenja ruħu li jlesti l-proġett ta' riċerka u l-organizzazzjoni timpenja ruħha li tospita r-riċerkatur għal dak l-għan mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7.

2.   Organizzazzjonijiet ta' riċerka jistgħu jiffirmaw ftehim ta' akkoljenza biss jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proġett ta' riċerka jkun ġie aċċettat mill-awtoritajiet rilevanti ta' l-organizzazzjoni, wara li ssir verifika ta' dawn li ġejjin:

(i)

il-fini u d-dewmien tar-riċerka, u d-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex titwettaq;

(ii)

il-kwalifiki tar-riċerkatur fid-dawl ta' l-għanijiet tar-riċerka, kif ċertifikati minn kopja awtentikata tal-kwalifika tiegħu/tagħha skond l-Artikolu 2(d);

(b)

tul il-waqfa tiegħu, ir-riċerkatur ikollu riżorsi suffiċjenti kull xahar sabiex ilaħħaq ma' l-ispejjeż tiegħu, inklużi l-ispejjeż tar-ritorn, skond l-ammont minimu ppubblikat għal dak l-għan mill-Istat Membru, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' assistenza soċjali ta' l-Istat Membru;

(ċ)

tul il-waqfa tiegħu, ir-riċerkatur ikun kopert minn assigurazzjoni għall-mard u r-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru konċernat.

(d)

il-ftehim ta' akkoljenza jispeċifika r-relazzjoni legali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkaturi.

3.   Ladarba jiġi ffirmat il-ftehim ta' akkoljenza, l-organizzazzjoni ta' riċerka tista' tiġi mitluba, skond il-liġi nazzjonali, li tipprovdi r-riċerkatur b'dikjarazzjoni individwali li r-responsabbilità finanzjarja għall-ispejjeż fis-sens ta' l-Artikolu 5(3) ġiet assunta.

4.   Il-ftehim ta' akkoljenza għandu jiskadi awtomatikament meta r-riċerkatur ma jiġix ammess jew meta r-relazzjoni legali bejn ir-riċerkatur u l-organizzazzjoni ta' riċerka tiġi terminata.

5.   L-organizzazzjonijiet ta' riċerka għandhom minnufih jinfurmaw l-awtorità magħżula għal dak l-għan mill-Istati Membri bi kwalunkwe avveniment li x'aktarx jimpedixxi l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' akkoljenza.

IL-KAPITOLU III

AMMISSJONI TA' RIĊERKATURI

L-Artikolu 7

Kondizzjonijiet għall-ammissjoni

1.   Ċittadin ta' pajjiż terz li japplika sabiex jiġi ammess għall-finijiet stabbiliti f'din id-Direttiva għandu:

(a)

jippreżenta dokument ta' l-ivjaġġar validu, kif determinat mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-perjodu ta' validità tad-dokument ta' l-ivjaġġar ikopri mill-inqas id-dewmien tal-permess ta' residenza,

(b)

jippreżenta ftehim ta' akkoljenza ffirmat minn organizzazzjoni ta' riċerka skond l-Artikolu 6(2), u

(ċ)

fejn ikun il-każ, jippreżenta dikjarazzjoni ta' responsabbiltà finanzjarja maħruġa mill-organizzazzjoni ta' riċerka skond l-Artikolu 6(3), u

(d)

ma jkunx kunsidrat bħala theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika.

L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-kondizzjonijiet kollha msemmija fi (a), (b), (ċ) u (d) ikunu sodisfatti.

2.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw ukoll it-termini li fuqhom ġie bbażat u konkluż il-ftehim ta' akkoljenza.

3.   Ladarba l-verifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġu konklużi b'mod pożittiv, ir-riċerkaturi għandhom jiġu ammessi fit-territorju ta' l-Istati Membri sabiex jeżegwixxu l-ftehim ta' akkoljenza.

L-Artikolu 8

Dewmien tal-permess ta' residenza

L-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta' residenza għal perjodu ta' mill-inqas sena u jġedduh jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 ikunu għadhom sodisfatti. Jekk il-proġett ta' riċerka ikun programmat li jdum inqas minn sena, il-permess ta' residenza għandhu jinħareġ għad-dewmien tal-proġett.

L-Artikolu 9

Membri tal-familja

1.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħti permess ta' residenza lill-membri tal-familja ta' riċerkatur, id-dewmien tal-validità tal-permess ta' residenza tagħhom għandu jkun l-istess bħal dak tal-permess ta' residenza maħruġ għar-riċerkatur safejn il-perjodu ta' validità tad-dokumenti ta' l-ivjaġġar tagħhom jippermetti. F'każijiet debitament ġustifikati, id-dewmien tal-permess ta' residenza tal-membru tal-familja tar-riċerkatur jista' jiqsar.

2.   Il-ħruġ ta' permess ta' residenza għall-membri tal-familja tar-riċerkatur ammessi fi Stat Membri ma għandux ikun suġġett għar-rekwiżit ta' perjodu minimu ta' residenza tar-riċerkatur.

L-Artikolu 10

Irtirar jew rifjut ta' tiġdid ta' permess ta' residenza

1.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza maħruġ abbażi ta' din id-Direttiva meta dan ġie miksub b'mod qarrieqi jew kull fejn jidher li d-detentur ma ssodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza previsti fl-Artikoli 6 u 7 jew qiegħed jirrisjedi għal finijiet differenti minn dawk li għalihom kien awtorizzat jirrisjedi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza għal raġunijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika.

IL-KAPITOLU IV

DRITTIJIET TA' RIĊERKATURI

L-Artikolu 11

Tagħlim

1.   Ir-riċerkaturi ammessi taħt din id-Direttiva jistgħu jgħallmu konformement mal-liġi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu numru massimu ta' sigħat jew ta' ġranet għall-attività ta' għalliem.

L-Artikolu 12

Trattament ugwali

Id-detenturi ta' permess ta' residenza għandhom il-jedd ta' l-istess trattament maċ-ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta':

(a)

rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra konformi mal-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(b)

kondizzjonijiet ta' xogħol, inklużi dawk tal-paga u tat-tkeċċija;

(ċ)

fergħat tas-sigurtà soċjali kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (8). Id-dispożizzjonijiet speċjali fl-Anness mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 ta' l-14 ta' Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet biss għar-raġuni taċ-ċittadinanza tagħhom (9) għandhom japplikaw skond il-każ;

(d)

benefiċċji tat-taxxa;

(e)

aċċess għal beni u servizzi, u l-fornitura ta' beni u ta' servizzi disponibbli għall-pubbliku.

L-Artikolu 13

Mobbiltà bejn Stati Membri

1.   Ċittadin ta' pajjiż terz li ġie ammess bħala riċerkatur taħt din id-Direttiva għandu jitħalla jwettaq parti mir-riċerka tiegħu fi Stat Membru ieħor taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Jekk ir-riċerkatur jibqa' fi Stat Membru ieħor għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur, ir-riċerka tista' tiġi mwettqa abbażi tal-ftehim ta' akkoljenza konkluż fl-ewwel Stat Membru, sakemm huwa jkollu riżorsi suffiċjenti fl-Istat Membru l-ieħor u ma jkunx kunsidrat bħala theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika fit-tieni Stat Membru.

3.   Jekk ir-riċerkatur jibqa' fi Stat Membru ieħor għal iżjed minn tliet xhur, l-Istati Membri jistgħu jesiġu ftehim ta' akkoljenza ġdid għat-twettiq tar-riċerka f'dak l-Istat Membru. Fi kwalunkwe każ, il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 għandhom ikunu sodisfatti fir-rigward ta' l-Istat Membru konċernat.

4.   Fejn il-liġi rilevanti tipprovdi għar-rekwiżit ta' viża jew ta' permess ta' residenza, għall-eżerċizzju tal-mobbiltà, tali viża jew permess għandhom jingħataw minnufih f'perjodu li ma jfixkilx il-prosegwiment tar-riċerka, waqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti żmien biżżejjed sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet.

5.   L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu li r-riċerkatur iħalli t-territorju tagħhom sabiex jippreżenta applikazzjonijiet għall-viżi jew għall-permessi ta' residenza.

IL-KAPITOLU V:

PROĊEDURA U TRASPARENZA

L-Artikolu 14

Applikazzjonijiet għall-ammissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għal permessi ta' residenza għandhomx jiġu magħmula mir-riċerkatur jew mill-organizzazzjoni ta' riċerka konċernata.

2.   L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata u eżaminata meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat ikun qiegħed jirrisjedi barra t-territorju ta' l-Istati Membri li fihom huwa jixtieq li jiġi ammess.

3.   L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, applikazzjoni preżentata meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat ikun diġà jinsab fit-territorju tagħhom.

4.   L-Istat Membru konċernat għandu jagħti liċ-ċittadin ta' pajjiż terz li ppreżenta applikazzjoni u li jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' l-Artikoli 6 u 7 kull faċilità sabiex jikseb il-viżi meħtieġa.

L-Artikolu 15

Salvagwardji proċedurali

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompleta mill-iktar fis possibbli u, fejn ikun opportun, jipprovdu għal proċeduri aċċelerati.

2.   Jekk l-informazzjoni provduta bħala appoġġ ta' l-applikazzjoni mhix adegwata, tista' tiġi sospiża l-kunsiderazzjoni ta' l-applikazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw l-applikant dwar kull informazzjoni ulterjuri li jkunu jeħtieġu.

3.   Kull deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal permess ta' residenza għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat skond il-proċeduri ta' notifika taħt il-liġi nazzjonali rilevanti. In-notifika għandha tispeċifika l-proċeduri li jkunu disponibbli sabiex jintalab rimedju u l-limitu ta' żmien sabiex tittieħed l-azzjoni.

4.   Fejn tiġi rifjutata applikazzjoni, jew fejn jiġi rtirat permess ta' residenza, maħruġ konformement ma' din id-Direttiva, il-persuna konċernata għandha l-jedd ta' rikors ta' impunjazzjoni legali quddiem l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru konċernat.

IL-KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 16

Rapporti

Perjodikament, u l-ewwel darba mhux iktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi kwalunkwe emenda li tkun meħtieġa.

L-Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sat-12 ta' Ottubru 2007.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 18

Bħala deroga mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati joħorġu permessi skond din id-Direttiva fil-forma ta' permess ta' residenza għal perjodu sal-massimu ta' sentejn wara d-data msemmija fl-Artikolu 17(1).

L-Artikolu 19

Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jolqot il-jedd ta' l-Irlanda li żżomm l-arranġamenti relattivi għaż-Żona ta' Moviment Komuni msemmija fil-Protokoll, anness permezz tat-Trattat ta' Amsterdam mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, dwar l-applikazzjoni ta' ċerti aspetti ta' l-Artikolu 14 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda.

L-Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 21

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, nhar it-12 ta' Ottubru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  Opinjoni mogħtija fit-12 ta' April 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 120, ta' l-20.5.2005, p. 60.

(3)  ĠU C 71, tat-22.3.2005, p. 6.

(4)  Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tikkonċerna s-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta' riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea għar-Riċerka u l-innovazzjoni (mill-2002 sa l-2006) (ĠU L 232, tad-29.8.2002, p. 1), Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE) (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 7).

(5)  ĠU L 375, tat-23.12.2004, p. 12.

(6)  Ara paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  ĠU L 157, tal-15.6.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU L 117, ta' l-4.5.2005, p. 1).

(9)  ĠU L 124, ta' l-20.5.2003, p. 1.


II Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

3.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

23


RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Settembru 2005

biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal waqfiet qosra uniformi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Komunità bil-għan li jagħmlu riċerka xjentifika

(2005/761/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(ii) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Bil-għan li tiġi konsolidata u ristrutturata l-politika Ewropea dwar ir-riċerka, il-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' Jannar 2000 bit-titolu “Lejn Żona Ewropea ta' Riċerka” li kien jeħtieġ li tinħoloq żona Ewropea ta' riċerka bħala ċ-ċentru ta' azzjoni futura mill-Komunità f'dan il-qasam.

(2)

Fil-laqgħa tiegħu f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew, filwaqt li endorsja ż-Żona Ewropea ta' Riċerka, stabbilixxa għall-Komunità l-mira li ssir l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien l-iktar kompetittiva u dinamika fid-dinja sas-sena 2010.

(3)

Il-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija titlob mobilità akbar għal riċerkaturi, ħaġa li ġiet rikonoxxuta mis-Sitt Programm Kwadru tal-Komunità għar-Riċerka (4) meta fetaħ iktar il-programmi tiegħu għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi.

(4)

In-numru ta' riċerkaturi li l-Komunità jkollha bżonn biex tilħaq l-objettiv stabbilit mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f'Barċellona fil-15 u s-16 ta' Marzu 2002 li jiġi investit 3 % tal-GDP fir-riċerka huwa kkalkulat li jkun 700 000. Jeħtieġ li dan l-objettiv jintlaħaq permezz ta' sensiela ta' miżuri konverġenti, per eżempju, billi karrieri fix-xjenza jsiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ, billi jiġi promoss l-involviment tan-nisa fir-riċerka xjentifika, billi jiżdiedu l-opportunitajiet għal taħriġ u mobbiltà fir-riċerka, billi jittejbu l-prospetti għall-karrieri ta' riċerkaturi fil-Komunità u billi l-Komunità tinfetaħ għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jitħallew jidħlu u jivvjaġġaw fiżżona komuni għal skopijiet ta' riċerka.

(5)

Sabiex ikunu iktar kompetitivi u attraenti fuq livell internazzjonali, Stati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiffaċilitaw id-dħul u l-moviment ta' riċerkaturi fi ħdan il-Komunità għal perijodi qosra.

(6)

Għal waqfiet qosra, Stati Membri għandhom jintrabtu li jikkunsidraw riċerkaturi minn pajjiżi terzi soġġetti għal ħtieġa ta' viża taħt ir-Regolament (KE) Nru. 539/2001 (5) bħala persuni li qed jaġixxu in bona fide u jestendu għalihom il-vantaġġi previsti fl-acquis communautaire għall-iskop ta' proċeduri biex jinħarġu viżi għal waqfiet qosra.

(7)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki sabiex jittejbu l-proċeduri biex jinħarġu viżi għal waqfiet qosra għal riċerkaturi.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji stabbiliti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(9)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u mhix affetwata minnha. Minħabba li din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV Parti Tlieta, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, d-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu adottaw din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(10)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispozzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (6); għalhekk r-Renju Unit mhux se jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux affetwat minnha.

(11)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispozzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (7); għalhekk l-Irlanda mhix se tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix affetwata minnha.

(12)

Fir-rigward ta' l-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (8), li jaqa' fil-qasam msemmi fil-punt B ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim (9).

(13)

Fir-rigward ta' l-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen skond it-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni ta' l-Iżvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni ta' l-Iżvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqa' fil-qasam msemmi tal-Artikolu 1, Punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE meta moqri flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE (10) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE (11) dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea u dwar l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew inkella relatat miegħu, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija wkoll intiża li tipprovdi formula flessibbli għal riċerkaturi li jixtiequ jżommu rabta professjonali ma' xi organizzazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom (per eżempju, billi kull semestru jagħmlu sa tliet xhur f'organizzazzjoni ospitanti ta' riċerka Ewropea li tkun fiż-żona komuni waqt li għall-bqija taż-żmien ikomplu jaħdmu fl-organizzazzjoni ta' riċerka ta' l-oriġini).

B'DAN JIRRAKKOMANDAW LILL-ISTATI MEMBRI:

1.

li jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi billi jieħdu impenn li jħaffu l-eżami ta' applikazzjonijiet ta' viżi minn riċerkaturi minn pajjiżi terzi soġġetti għal ħtieġa ta' viża taħt ir-Regolament (KE) Nru 539/2001;

2.

li jippromwovu l-mobilità internazzjonali ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jeħtieġu jivvjaġġaw ta' spiss fl-Unjoni Ewropea billi jinħarġu għalihom viżi għal dħul multiplu. Għad-determinazzjoni tal-perijodu ta' validità tal-viżi, jeħtieġ li l-Istati Membri jqisu d-dewmien tal-programmi ta' riċerka li r-riċerkaturi jieħdu sehem fihom;

3.

li jieħdu impenn li tiġi faċilitata l-adozzjoni ta' approċċ armonizzat lejn l-evidenza ta' sostenn li r-riċerkaturi huma meħtieġa li jdaħħlu fl-applikazzjoni tal-viża tagħhom. Huma għandhom jikkonsultaw l-organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati dwar din il-kwistjoni;

4.

li jinkoraġġixxu l-ħruġ ta' viżi mingħajr miżati amministrattivi għal riċerkaturi, skond ir-regoli stabbiliti fl-acquis communautaire;

5.

li jqisu l-għan li jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta' viżi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi meta jkunu qed jaħdmu f'koperazzjoni konsulari lokali, sabiex jiġi promoss l-iskambju ta' l-aħjar prattiki;

6.

li jieħdu impenn li jagħtu lill-Kummissjoni, sat-28 ta' Settembru 2006, informazzjoni dwar l-aħjar prattiki adottati biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta' viżi uniformi għal riċerkaturi, sabiex din tkun tista' tivvaluta l-progress li jkun sar. Filwaqt li jiġi kkunsidrat jekk ġietx adottata jew le d-direttiva dwar proċedura speċifika biex ċittadini ta' pajjiżi terzi jitħallew jidħlu għall-iskopijiet ta' riċerka xjentifika (12), kif ukoll ir-riżultat ta' l-evalwazzjoni, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-possibiltà li d-dispożizzjonijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni jiġu nkorporati fi strument xieraq li jorbot legalment.

Magħmul fi Strasburgu, it-28 ta' Settembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  ĠU C 120, ta' l-20.5.2005, p. 60.

(2)  ĠU C 71, tat-22.3.2005, p. 6.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2005.

(4)  Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar is-Sitt Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni, li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Riċerka u għall-innovazzjoni (2002 sa 2006) (ĠU L 232, tad-29.8.2002, p. 1). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru. 786/2004/KE (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 7).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (ĠU L 81, tal-21.3.2001, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 851/2005 (ĠU L 141, ta' l-4.6.2005, p. 3).

(6)  ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

(7)  ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

(9)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

(10)  ĠU L 368, tal-15.12.2004, p. 26.

(11)  ĠU L 370, tas-17.12.2004, p. 78.

(12)  Nota għall-ĠU: ara dok. 16188/04.


Il-Kunsill

3.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

26


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ottubru 2005

sabiex tiġi faċilitata l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex iwettqu riċerka xjentifika fil-Komunità Ewropea

(2005/762/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 63 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Billi:

(1)

Bil-għan li tiġi kkonsolidata u strutturata l-politika Ewropea dwar ir-riċerka, il-Kummissjoni ħasset il-ħtieġa f’Jannar 2000 li tiġi stabbilita Żona Ewropea ta’ Riċerka bħala l-fus ta’ l-azzjoni futura tal-Komunità f’dan il-qasam.

(2)

Ma’ l-approvazzjoni tiegħu taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka, il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona f’Marzu 2000 iffissa bħala għan tal-Komunità li ssir l-ekonomija msejsa fuq il-konoxxenza l-iktar kompetittiva u dinamika fid-dinja sa l-2010.

(3)

Il-globalizzazzjoni ta’ l-ekonomija tirrikjedi mobilità ikbar ta’ riċerkaturi, ħaġa li ġiet rikonoxxuta mis-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea (4) meta din fetħet il-programmi tagħha iktar għar-riċerkaturi ta’ pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.

(4)

In-numru ta’ riċerkaturi li l-Komunità sejra jkollha bżonn sa l-2010 sabiex tilħaq il-mira stabbilita mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona f’Marzu 2000 li tinvesti 3 % tal-GDP fir-riċerka huwa stmat bħala 700 000. Din il-mira għandha tiġi milħuqa permezz ta’ sensiela ta’ miżuri li jorbtu ma’ xulxin, bħat-tisħiħ ta’ l-attrazzjoni tal-karrieri xjentifiċi għaż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka xjentifika, it-tkabbir ta’ l-opportunitajiet għat-taħriġ u l-mobbiltà fir-riċerka, it-titjib tal-prospetti ta’ karrieri għar-riċerkaturi fi ħdan il-Komunità u l-ftuħ tal-Komunità għal ċittadini minn pajjiżi terzi li jistgħu jitħallew jidħlu għall-finijiet ta’ riċerka.

(5)

Sa meta tiġi adottata Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (5), din ir-Rakkomandazzjoni issejjaħ lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw minn issa l-ammissjoni ta’ tali individwi.

(6)

Minħabba n-nuqqas ta’ riċerkaturi fil-Komunità u l-bżonn li tiġi ffaċilitata l-ammissjoni tagħhom, għandhom jittieħdu passi għall-promozzjoni ta’ l-aċċess għal karigi ta’ riċerka fis-suq tax-xogħol, per eżempju billi jitneħħew ir-rekwiżiti ta’ permessi tax-xogħol.

(7)

Sabiex ikunu kompetittivi u attraenti fil-livell internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri tagħhom għall-ħruġ u t-tiġdid tal-viżi u l-permessi ta’ residenza għar-riċerkaturi.

(8)

L-implimentazzjoni tad-Direttiva m’għandhiex tinkoraġġixxi xi effluss ta’ mħuħ minn pajjiżi emerġenti jew li qegħdin jiżviluppaw. Għandhom jittieħdu f’dawn il-każijiet miżuri ta’ appoġġ li jinkoraġġixxu l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ riċerkaturi fil-pajjiżi ta’ l-oriġini tagħhom u li jippromovu l-mobbiltà fost ir-riċerkaturi fi sħubija mal-pajjiżi ta’ l-oriġini bil-ħsieb li tiġi stabbilita politika ta’ migrazzjoni komprensiva. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jistabbilixxu bilanċ bejn ir-riċeviment ta’ riċerkaturi minn pajjiżi terzi u l-istima tal-ħtiġijiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom fil-qasam tar-riċerka. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jieħdu kont ukoll tas-sitwazzjoni personali tar-riċerkaturi b’mod partikolari fejn il-persuna konċernata ikollha relazzjoni kuntrattwali ma’ xi organizzazzjoni ta’ riċerka fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

(9)

Billi l-kwistjonijiet relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja huma fattur kruċjali fid-deċiżjonijiet tar-riċerkaturi li jagħżlu l-Komunità bħala l-lok tar-riċerka tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja tar-riċerkaturi, per eżempju fir-rigward ta’ l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-possibbiltà għall-membri tal-familja li japplikaw għalih meta jkunu legalment preżenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat.

(10)

Fid-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-permess ta’ residenza li jinħareġ lill-membri tal-familja, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk il-persuna konċernata għandhiex tlesti l-curriculum skolastiku tagħha jew le.

(11)

Għandhom jiġu mħeġġa l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aqwa prattiċi sabiex jittejbu l-proċeduri ta’ ammissjoni għar-riċerkaturi. Din ir-rakkomandazzjoni tidentifika wkoll bħala fatturi li jikkontribwixxu għat-titjib il-kuntatti bejn l-awtoritajiet kompetenti u r-rettikolazzjoni. B’mod partikolari, il-“Web Portal Pan-Ewropew għall-Mobbiltà tar-Riċerkaturi” u l-istrumenti ekwivalenti nazzjonali jikkostitwixxu fonti importanti ta’ informazzjoni għar-riċerkaturi.

(12)

Skond l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, l-Istati Membri ta’ dak iż-żmien għandhom, matul kull perjodu li fih jiġu applikati miżuri nazzjonali jew dawk li jirriżultaw minn ftehim bilaterali, jagħtu preferenza lil ħaddiema li jkunu ċittadini ta’ l-Istati Membri vis-à-vis ħaddiema li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

(13)

Ħaddiema emigranti Ċeki, Ċiprijotti, Estoni, Ungeriżi, Latvjani, Litwani, Maltin, Pollakki, Slovakki u Sloveni u l-familji tagħhom li jkunu legalment residenti u li jaħdmu fi Stat Membru ieħor jew ħaddiema emigranti minn Stati Membri oħra u l-familji tagħhom li legalment jirrisjedu u jaħdmu fir-Repubblika Ċeka, f’Ċipru, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Latvja, fil-Litwanja, f’Malta, fil-Polonja, fis-Slovakkja u fis-Slovenja m’għandhomx jiġu trattati b’manjiera iżjed restrittiva minn dawk minn pajjiżi terzi li jkunu residenti u jaħdmu f’dak l-Istat Membru jew fir-Repubblika Ċeka, f’Ċipru, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Latvja, fil-Litwanja, f’Malta, fil-Polonja, fis-Slovakkja u fis-Slovenja rispettivament.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti, b’mod partikolari, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(15)

Konformement ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, l-Irlanda, permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, innotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(16)

Konformement ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, ir-Renju Unit ma jipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tagħha ma japplikawx għalih.

(17)

Konformement ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u l-proviżjonijiet ma japplikawx għaliha,

JIRRAKKOMANDA LILL-ISTATI MEMBRI:

1)

fil-qasam ta’ l-ammissjoni għall-iskop tat-twettiq tar-riċerka:

(a)

l-inkoraġġiment ta’ l-ammissjoni ta’ riċerkaturi fil-Komunità, billi jiġu pprovduti b’kondizzjonijiet favorevoli għat-twettiq tar-riċerka, preferibbilment billi jiġu eżentati mir-rekwiżiti ta’ permessi ta’ xogħol, jew alternattivament billi jiġu pprovduti b’permessi ta’ xogħol maħruġa awtomatikament jew permezz ta’ proċeduri aċċelerati;

(b)

l-astensjoni mill-użu ta’ kwoti li jirrestrinġu l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal postijiet ta’ riċerka;

(ċ)

il-garanzija għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-possibbiltà li jaħdmu bħala riċerkaturi, inkluża l-possibbiltà fejn xieraq ta’ l-estensjoni jew it-tiġdid tal-permessi tax-xogħol;

2)

fil-qasam tal-permessi ta’ residenza:

(a)

il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza malajr kemm jista’ jkun bħala risposta għal talbiet minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ riċerka, u l-faċilitazzjoni ta’ proċeduri aċċelerati;

(b)

il-garanzija lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jaħdmu bħala riċerkaturi li l-permessi ta’ residenza tagħhom jiġu mġedda;

(ċ)

l-involviment gradwali ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-proċedura ta’ ammissjoni għal riċerkaturi;

3)

fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja, sabiex tiġi faċilitata u sostnuta r-riunifikazzjoni ta’ membri tal-familja, billi dawn jiġu pprovduti b’kondizzjonijiet u proċeduri favorevoli u attraenti;

4)

fil-qasam tal-koperazzjoni operazzjonali:

(a)

il-faċilitazzjoni ta’ l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti għal riċerkaturi u l-promozzjoni tad-disponibbiltà tagħha fil-fonti rilevanti kollha ta’ informazzjoni;

(b)

il-promozzjoni ta’ rettikolati ta’ persuni li jistgħu jiġu kkuntattjati fi ħdan l-amministrazzjonijiet kompetenti;

(ċ)

l-inkoraġġiment ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka sabiex jiżviluppaw tali rettikolati;

(d)

li l-Kummissjoni tiġi nformata dwar il-miżuri adottati sabiex tiġi faċilitata l-ammissjoni ta’ riċerkaturi minn pajjiżi terzi.

Magħmula fil-Lessuemburgu, nhar it-12 ta; Ottubru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  Opinjoni mogħtija fit-12 ta’ April 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 120, ta’ l-20.5.2005, p. 60.

(3)  ĠU C 71, tat-22.3.2005, p. 6.

(4)  Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tikkonċerna s-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (mill-2002 sa l-2006) (ĠU L 232, tad-29.8.2002, p. 1). Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE) (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 7).

(5)  Ara paġna 15 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top