EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0214(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 72/10

C/2022/837

ĠU C 72, 14.2.2022, p. 12–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2022/C 72/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI LI MA HIJIEX MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Taleggio”

Nru tal-UE: PDO-IT-0025-AM01 – 3 ta’ Awwissu 2020

DOP (X) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio Tutela Taleggio [“Taleggio” cheese protection association]

Via Roggia Vignola 9

22047 Treviglio (BG)

ITALIA

Email: info@taleggio.it; Posta elettronika ċertifikata: consorziotutelataleggio@legalmail.it.

Il-Consorzio Tutela Taleggio huwa magħmul minn prodotturi tal-ġobon “Taleggio” u huwa awtorizzat biex jissottometti applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u Forestali tal-14 ta’ Ottubru 2013.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar u ppakkjar

Oħrajn: Referenzi għal-leġiżlazzjoni relatata mar-reġistrazzjoni; referenzi għall-korp ta’ spezzjoni miżjuda mal-Ispeċifikazzjoni.

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti).

5.   Emenda/i

Għandu jiġi nnotat li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-DOP “Taleggio” qed tiġi emendata prinċipalment biex l-Ispeċifikazzjoni tiġi organizzata mill-ġdid f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tiġi kkonsolidata f’Dokument Uniku.

It-“Taleggio” ġie rreġistrat bħala DOP fir-Regolament (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Il-prodott ġie rreġistrat fuq il-bażi tad-dokumenti li ġejjin: id-Digriet Presidenzjali tal-15 ta’ Settembru 1988 li jirrikonoxxi d-denominazzjoni ta’ oriġini fl-Italja; dokument ta’ 12-il paġna li fih l-elementi tal-Ispeċifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 4(2)(a) sa (i) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92; u l-iskeda tas-sommarju.

Karatteristiċi tal-prodott

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(b) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ u l-punt 3.2 tad-Dokument Uniku. L-emenda tikkonsisti f’riorganizzazzjoni formali. Ġew stipulati tolleranzi għall-piż tal-ġobon u l-għoli tal-qoxra tal-ġenb. Iddaħħlet sentenza li tispeċifika kif tiġi ttrattata l-qoxra. Żdiedet projbizzjoni fuq il-bejgħ tal-prodott iffriżat.

Verżjoni attwali:

“Id-deskrizzjoni tal-oġġett tal-ikel hija kif ġej:

Ġobon tal-mejda artab ta’ pejst mhux ipproċessat magħmul esklużivament mill-ħalib tal-baqra b’kontenut ta’ xaħam sħiħ.

Il-karatteristiċi analitiċi tal-ġobon ‘Taleggio’ huma kif ġej:

(1)

Forma: blokka rettangolari bi ġnub ta’ daqs ta’ 18 sa 20 cm.

(2)

Qoxra tal-ġenb: dritta, b’daqs ta’ 4-7 cm b’uċuħ u ġnub ċatti ta’ 18-20 cm.

(3)

Piż medju: 1,7 sa 2,2 kg kull ġobna, li jista’ jiżdied jew jonqos għaż-żewġ karatteristiċi skont il-kundizzjonijiet tekniċi waqt l-ipproċessar; fi kwalunkwe każ il-varjazzjoni ma tistax taqbeż l-10 %.

(4)

Qoxra: irqiqa b’sawra ratba u kulur roża naturali (L ≤ 77 a/b ≥ 0.2 fuq il-kulurimetru Tristimulus) b’mikroflora karatteristiċi. Mhu permess l-ebda trattament tal-qoxra.

(5)

Pejst: sawra lixxa li għandha biss ftit toqob żgħar ħafna u mqassmin b’mod irregolari. Il-ġobon ġeneralment ikun iebes iżda jkun aktar artab fil-parti eżatt taħt il-qoxra.

(6)

Kulur tal-pejst: abjad li jagħti fl-isfar lewn it-tiben.

(7)

Togħma: distintiva, kemxejn aromatika.

(8)

Proprjetajiet kimiċi: kontenut minimu ta’ xaħam fil-materja niexfa 48 %; materja niexfa minima 46 %; kontenut massimu ta’ ilma 54 %; massimu ta’ 14-il mg furosina għal kull 100 g ta’ proteina.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Artikolu 2 - Karatteristiċi tal-prodott

Il-ġobon li jgawdi mid-DOP ‘Taleggio’ jrid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin:

(1)

Għamla: blokka rettangolari b’uċuħ ċatti u qoxra tal-ġenb dritta.

(2)

Daqs: wisa’ tal-uċuħ ċatti minn 18 sa 22 cm, għoli tal-qoxra tal-ġenb minn 4 sa 7 cm b’varjazzjonijiet żgħar skont il-kundizzjonijiet tekniċi tal-produzzjoni.

Piż: ivarja minn 1,5 kg sa 2,5 kg kif imkejjel fi tmiem il-perodu ta’ maturazzjoni minimu ta’ 35 jum.

(3)

Hija permessa tolleranza ta’ ± 10 % tal-valuri massimi u minimi għall-għoli tal-qoxra tal-ġenb.

(4)

Qoxra: irqiqa b’sawra ratba u kulur roża naturali (L ≤ 77 a/b ≥ 0.2 fuq il-kulurimetru Tristimulus) b’mikroflora karatteristiċi. Mhu permess l-ebda trattament tal-qoxra ħlief dak bl-ilma u l-melħ.

(5)

Pejst: sawra lixxa li għandha biss ftit toqob żgħar ħafna u mqassmin b’mod irregolari. Il-ġobon ġeneralment ikun iebes iżda jkun aktar artab fil-parti eżatt taħt il-qoxra.

(6)

Kulur tal-pejst: abjad li jagħti fl-isfar lewn it-tiben.

(7)

Togħma: distintiva, ħelwa u aromatika b’togħma bbilanċjata; hemm noti ta’ ħalib u togħma li tibqa’ fil-ħalq ta’ tartuf fil-palat.

(8)

Karatteristiċi kimiċi: kontenut minimu ta’ xaħam fil-materja niexfa ta’ 48 %; materja niexfa minima ta’ 46 %; kontenut massimu ta’ ilma ta’ 54 %; massimu ta’ 14-il mg furosina għal kull 100 g ta’ proteina.

Il-prodott ma jistax jiġi rilaxxat għall-konsum jekk ikun iffriżat jew fil-passat kien ġie ffriżat.”

Raġuni

Id-deskrizzjoni tinkludi l-istess informazzjoni iżda ġiet riorganizzata sabiex issir aktar faċli biex tinqara.

Barra minn hekk, l-Ispeċifikazzjoni attwali tistabbilixxi tolleranza ta’ ±10 % fir-rigward tal-piżijiet minimi u massimi tal-ġobon. Dan ġie inkorporat direttament fil-medda tal-piż billi ġew aġġustati kif xieraq il-valuri minimi u massimi.

Il-verżjoni attwali tgħid li l-valuri “jistgħu jvarjaw ’il fuq jew ’l isfel (kemm għall-piż kif ukoll għall-qoxra tal-ġenb) għaż-żewġ karatteristiċi” mingħajr ma tispeċifika liema karatteristiċi, b’riskju li twassal għal interpretazzjonijiet ambigwi. Għalhekk l-għan tal-verżjoni l-ġdida huwa li tagħmilha ċara li l-karatteristiċi msemmija huma l-għoli tal-qoxra tal-ġenb u l-piż.

Ġie speċifikat li l-qoxra tista’ tiġi ttrattata biss bl-ilma u l-melħ.

Ġew introdotti speċifikazzjonijiet biex jiddefinixxu t-togħma aħjar.

Żdiedet istruzzjoni speċifika li tipprevjeni l-prodott milli jinbiegħ iffriżat.

Żona ġeografika

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(c) tal-Ispeċifikazzjoni u l-punt 4 tad-Dokument Uniku u tikkonsisti f’aġġustament taż-żona ġeografika biex jitqiesu l-bidliet amministrattivi

Verżjoni attwali:

“Fir-rigward tad-definizzjoni taż-żona ġeografika, huwa nnotat li ż-żona li fiha jiġi prodott il-ġobon ‘Taleggio’ tinkludi t-territorji li ġejjin:

It-territorju kollu tal-provinċji ta’ Bergamo, Brescia, Como, Cremona, Milan, Pavia, Novara u Treviso.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Artikolu 3 - Żona ta’ produzzjoni

Iż-żona fejn jiġi prodott, immaturat u maqsum f’porzjonijiet il-ġobon bid-DOP ‘Taleggio’ jikkonsisti fit-territorju amministrattiv sħiħ tal-provinċji ta’ Bergamo, Brescia, Como, Lecco, Cremona, Milan, Lodi, Monza u Brianza, Pavia, Novara, Verbano-Cusio-Ossola u Treviso.”

Raġuni:

Il-konfini taż-żona ġeografika ma jinbidlux. Iż-żona tal-produzzjoni ġiet iddefinita b’kunsiderazzjoni tal-bidliet amministrattivi li seħħew. Il-provinċji amministrattivi ta’ Lecco, Lodi, Monza u Brianza, u Verbano-Cusio-Ossola ġew miżjuda. Dawn ġew stabbiliti wara li ġiet rikonoxxuta d-denominazzjoni ta’ oriġini “Taleggio”. Il-provinċja ta’ Lecco tinkludi muniċipalitajiet li qabel kienu parti minn Bergamo u Como. Il-provinċja ta’ Lodi tinkludi muniċipalitajiet li qabel kienu parti mill-provinċja ta’ Milan. Il-provinċja ta’ Monza u Brianza tinkludi muniċipalitajiet li qabel kienu parti mill-provinċja ta’ Milan u, fl-aħħar nett, il-provinċja ta’ Verbano-Cusio-Ossola qabel kienet parti mill-provinċja ta’ Novara.

Barra minn hekk, ġew iddikjarati b’mod ċar l-operazzjonijiet kollha li jridu jitwettqu fiż-żona ġeografika ddefinita.

Prova tal-oriġini

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(c) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ.

Verżjoni attwali:

“Il-paragrafi li ġejjin tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali relatati mal-verifiki:

Għall-fini li tingħata aktar informazzjoni, nixtiequ nindikaw dawk l-elementi ta’ dan il-punt (c) li juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 ġew issodisfati.

B’mod partikolari, huwa nnotat li hemm żona definita għall-produzzjoni tal-ħalib. Il-bhejjem fl-irziezet li jinsabu f’din iż-żona ddefinita biss huma intitolati li jipprovdu ħalib għall-ipproċessar f’‘Taleggio’.

B’mod partikolari, tinġabar id-data rilevanti kollha fir-rigward tal-produtturi tal-ħalib. Dawn il-produtturi huma identifikati f’listi mfassla kull xahar, li jiġu ffajljati u ttimbrati uffiċjalment.

Dan jagħmilha faċli ħafna li l-ħalib jiġi ttraċċat lura għall-merħla li pproduċietu u r-razzett fejn tinsab. Il-materja prima tiġi ċċekkjata regolarment biex jiġi żgurat li hija adattata f’termini ta’ saħħa u iġjene u li għandha l-karatteristiċi meħtieġa għall-ipproċessar f’ġobon.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Artikolu 4 - Prova tal-oriġini

Il-produtturi huma elenkati f’reġistri ġestiti mill-korp ta’ spezzjoni u huma responsabbli biex jiżguraw, permezz tar-rekords li jżommu li jistgħu jiġu vverifikati mill-korp ta’ spezzjoni, li jkunu jistgħu jagħtu prova tal-oriġini tal-għalf, tal-materja prima u ta’ prodotti li ġejjin miż-żona ta’ oriġini, u jridu jżommu rekords tal-lottijiet li jidħlu u joħorġu u l-korrelazzjoni bejniethom.”

Raġuni

Ir-referenzi skaduti għal-leġiżlazzjoni tħassru fil-verżjoni proposta u din inġiebet f’konformità mal-kliem standard tal-Ispeċifikazzjonijiet kollha.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(h) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ.

Verżjoni attwali:

“Il-marka tal-ġobon ‘Taleggio’, f’konformita mal-Artikolu 5 tad-Digriet Presidenzjali Nru 667 tal-5 ta’ Awwissu 1955, tikkonsisti f’erba’ ċrieki organizzati f’kaxxa. Iċ-ċrieki fihom l-ittri u n-numri li ġejjin:

 

l-ittra T fl-ewwel ċirku (in-naħa ta’ fuq, fuq ix-xellug);

 

l-ittra T fit-tieni ċirku (in-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin);

 

l-ittra T fit-tielet ċirku (in-naħa ta’ isfel, fuq il-lemin);

 

in-numru tal-produttur ta’ ‘Taleggio’ fir-raba’ ċirku (in-naħa ta’ isfel, fuq ix-xellug).

Il-marka hija magħmula minn plastik li jista’ jintuża mal-ikel u hija stampata fuq wiċċ ċatt tal-ġobon wara li jinqaleb għat-tieni darba u qabel it-tmelliħ sabiex il-marka tkun viżibbli b’mod ċar anke meta l-ġobon ikun matur.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Il-logo tad-DOP ‘Taleggio’ huwa stampat fuq wiċċ ċatt tal-ġobon wara li jinqaleb għat-tieni darba u qabel it-tmelliħ sabiex il-marka tkun viżibbli b’mod ċar anke meta l-ġobon ikun matur u għalhekk meta jiġi rilaxxat għall-konsum.

It-timbru huwa magħmul minn plastik li jista’ jintuża mal-ikel u jikkonsisti f’erba’ ċrieki organizzati f’kaxxa. Iċ-ċrieki fihom l-ittri u n-numri li ġejjin (Figura 1):

 

l-ittra T fl-ewwel ċirku (in-naħa ta’ fuq, fuq ix-xellug);

 

l-ittra T fit-tieni ċirku (in-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin);

 

l-ittra T fit-tielet ċirku (in-naħa ta’ isfel, fuq il-lemin);

 

in-numru tal-identifikazzjoni tal-fabbrika tal-ħalib li tipproduċi t-‘Taleggio’ fir-4 ċirku (in-naħa ta’ isfel, fuq ix-xellug).

Image 1

Figura 1”

Raġuni

Ir-referenzi skaduti għal-leġiżlazzjoni tħassru.

It-terminu “marka” ġie sostitwit bil-kelma “logo” għas-simbolu li huwa stampat fuq il-ġobon u bil-kelma “timbru” meta ssir referenza għall-għodda tal-plastik li tirriproduċi l-logo f’riljiev.

It-timbru jitpoġġa fuq wiċċ il-ġobon meta jiddaħħal fil-forma, sabiex il-logo jiġi stampat fuq il-wiċċ ċatt tal-ġobon waqt l-ipproċessar.

Metodu ta’ produzzjoni

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ. Barra minn hekk, żdiedet parti mill-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni ma’ dan l-Artikolu, fejn hija aktar xierqa, u ġiet stipulata fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

Is-sekwenza tal-passi tal-ipproċessar ġiet riformulata u ġew miżjuda xi dettalji.

Verżjoni attwali:

“Fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-metodu tal-kisba tal-ġobon ‘Taleggio’, nistgħu nistqarru li l-metodi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar jinvolvu serje ta’ passi, li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

 

Tħejjija tal-kultura starter

 

Koagulazzjoni tal-ħalib

 

Qsim tal-baqtiet

 

Tqegħid fil-forom

 

Trattament bis-sħana

 

Tidwir fil-forom

 

Tmelliħ

 

Qlib

 

Maturazzjoni”

Din ġiet issostitwita bi:

“Artikolu 5 - Metodu ta’ produzzjoni

Il-ġobon tad-DOP ‘Taleggio’ huwa magħmul mill-ħalib ta’ baqar imrobbija fiż-żona tal-oriġini.

Fuq bażi annwali, mill-inqas 50 % tal-materja niexfa fl-għalf tal-baqar trid tiġi miż-żona tal-oriġini.

L-għalf tal-baqar jikkonsisti minn ċereali, foraġġ niexef u aħdar u silaġġ.

Jista’ jiġi supplimentat minn konċentrati u/jew proteini magħġuna għall-baqar. L-użu ta’ supplimenti minerali u tal-vitamini huwa awtorizzat.”

Biex jiġi żgurat li joperaw b’mod ekonomiku, huwa kruċjali li l-azjendi jkunu jistgħu jiksbu kemm jista’ jkun għalf minn ġol-azjenda, fejn possibbli; madankollu, minħabba l-klima dejjem aktar imprevedibbli (perjodi b’xita qawwija li jittardjaw jew jipprevjenu ż-żrigħ u li jalternaw ma’ perjodi ta’ nixfa qawwija li jnaqqsu l-ħsad), il-livell ta’ produzzjoni f’dawn l-aħħar snin varja ħafna u spiss kien inqas milli mistenni, minħabba l-kwalità ġenetika għolja u d-domandi relattivament kbar tad-dieta tal-bhejjem. Għalhekk il-preferenza hija li jiġi ggarantit li mill-inqas 50 % tal-materja niexfa fl-għalf tal-baqar tiġi miż-żona tal-oriġini; din hija miżura purament ta’ prekawzjoni u tikkonforma mar-regolamenti. Dan il-perċentwal għadu jiggarantixxi li tinżamm ir-rabta bejn id-dieta tal-baqar u l-karatteristiċi tal-ħalib, li jagħmluh adattat għall-produzzjoni tat-‘Taleggio’. Jagħmilha wkoll possibbli li tiġi ppreservata l-mikroflora tal-kirxa tal-bhejjem b’karatteristiċi ġenetiċi għoljin, u b’hekk tinfluwenza l-kwalità tal-materja prima. Il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon ‘Taleggio’ jridu jsiru fiż-żona tal-produzzjoni f’konformità mal-prattiki li ġejjin:

 

Tħejjija tal-kultura starter jew il-ħmira magħżula

 

Koagulazzjoni tal-ħalib

 

Qtugħ tal-baqtiet

 

Tqegħid fil-forom

 

Stampar

 

Trattament bis-sħana

 

Tidwir fil-forom

 

Tmelliħ

 

Qlib

 

Maturazzjoni”

Raġuni

Ġiet miżjuda sentenza introduttorja li tiddefinixxi b’mod aktar ċar l-użu tal-għalf, kif indikat mir-Regolament (UE) Nru 664/2014; dan l-aspett huwa stabbilit fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

Ir-rekwiżit li mill-inqas 50 % tal-għalf irid jiġi miż-żona tal-oriġini xorta jiggarantixxi li tinżamm ir-rabta bejn id-dieta tal-baqar u l-karatteristiċi tal-ħalib. Ma jaffettwax, pereżempju, il-kontenut ta’ xaħam u proteini li jagħmel il-ħalib adattat għall-ipproċessar fit-“Taleggio”.

L-indikazzjoni “ħmira magħżula” u l-fażi ta’ “stampar” ġew miżjuda mad-deskrizzjoni tal-proċess. Dawn diġà kienu inklużi fid-deskrizzjoni, imma ma kienx hemm referenza speċifika għalihom fid-dijagramma sekwenzjali tal-proċess. “Qsim” ġiet sostitwita bi “qtugħ” tal-baqtiet (dawn huma sinonimi).

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ, u l-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

Id-deskrizzjoni tal-materja prima ġiet riorganizzata.

Verżjoni attwali:

“Il-ħalib jista’ jiġi ppasturizzat. It-tames irid ikun tames tal-annimali esklużivament likwidu miksub mill-vitella jew miċ-ċanga tat-trabi, mhux neċessarjament fl-istess proporzjon. Ma jistax jintuża tames miksub minn mikroorganiżmi ġenetikament modifikati. Il-kultura starter għandha tikkonsisti minn Lactobacillus bulgaricus u Streptococcus thermophilus flimkien. Tista’ tintuża kultura starter naturali, li tista’ tinkiseb fl-azjenda jew minn kulturi partikolari.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Il-ħalib jista’ jkun mhux ipproċessat jew ippasturizzat.

Il-kultura starter għandha tikkonsisti minn Lactobacillus delbrueckii bulgaricus u Streptococcus thermophilus flimkien. Tista’ tintuża kultura starter naturali, li tista’ tinkiseb fl-azjenda jew minn kulturi partikolari.

Il-koagulazzjoni trid issir esklużivament b’tames tal-annimali likwidu miksub mill-vitella jew miċ-ċanga tat-trabi, mhux neċessarjament fl-istess proporzjon.

Ma jistax jintuża tames miksub minn mikroorganiżmi ġenetikament modifikati.”

Raġuni

Id-deskrizzjoni tal-materja prima ġiet riorganizzata. Fil-verżjoni attwali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-pasturizzazzjoni tal-ħalib tingħata bħala għażla. Huwa implikat li jekk il-pasturizzazzjoni ma titwettaqx, il-ħalib jista’ jintuża kif inhu. Fil-verżjoni emendata, din il-possibbiltà tal-aħħar, jiġifieri l-użu ta’ ħalib mhux ipproċessat, li kien diġà permess, hija l-għażla ppreferuta.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ. Kull pass huwa deskritt u t-tul ta’ żmien li l-baqtiet jitħallew joqogħdu tneħħa. Huwa propost li l-passi tal-iffurmar u tal-istampar jingħaqdu flimkien.

Verżjoni attwali:

“Il-baqtiet jinqasmu darbtejn. L-ewwel jinqasmu f’biċċiet ħoxnin u jitħallew joqogħdu għal bejn 10 minuti u 15-il minuta sabiex, meta jiġu ffiltrati, isiru eħxen. Imbagħad jinqasmu għat-tieni darba biex jinkisbu biċċiet ta’ ġobon id-daqs tal-ġellewż.

Għal raġunijiet purament tekniċi, il-marka tal-oriġini hija stampata fuq wiċċ ċatt waqt it-trattament bis-sħana, fil-fażi tal-qlib wara li jkunu ġew iffurmati l-baqtiet.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Il-baqtiet jinqatgħu numru ta’ drabi. L-ewwel jinqatgħu ħoxnin u jitħallew joqogħdu sabiex, meta jiġu ffiltrati, isiru eħxen. Imbagħad jinqatgħu biex jinkisbu biċċiet ta’ ġobon id-daqs tal-ġellewż. Il-baqtiet jitpoġġew fil-forom u l-marka tal-oriġini tiġi stampata fuq wiċċ ċatt waqt dan l-istadju tal-iffurmar.”

Raġuni

L-istadji tal-ipproċessar ġew iddefiniti aħjar u qed jiġi propost li titħassar l-indikazzjoni tat-tul ta’ żmien li l-baqtiet jitħallew joqogħdu u n-numru ta’ drabi li jinqasmu, peress li dawn jistgħu jvarjaw skont il-kundizzjonijiet tal-ipproċessar. B’mod partikolari, bis-saħħa kemm tal-iżviluppi teknoloġiċi kif ukoll tat-titjib tal-kulturi starter użati, huma l-produtturi tal-ġobon li, abbażi tal-esperjenza tagħhom, jiddeċiedu dwar it-tul ta’ żmien ottimali li l-baqtiet jeħtieġ li jdumu joqogħdu biex jinkiseb riżultat tajjeb.

Bl-emenda mitluba, l-iffurmar u l-istampar jitwettqu fl-istess ħin: il-baqtiet jitpoġġew fil-forom u l-marka tal-oriġini tiġi stampata fuq wiċċ ċatt waqt dan l-istadju tal-iffurmar, sabiex il-marka tibqa’ viżibbli b’mod aktar ċar fuq il-ġobon. Waqt l-ipproċessar instab li l-marka tal-oriġini tkun aktar stabbli u viżibbli fl-istadju tal-kontroll jekk tiġi stampata waqt l-iffurmar.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ. L-emenda tikkonċerna l-istadju tat-trattament bis-sħana.

Verżjoni attwali:

“It-trattament bis-sħana jista’ jdum minn minimu ta’ 8 sigħat sa massimu ta’ 16-il siegħa. It-temperatura tinżamm bejn madwar 22 °C u 25 °C u l-umdità tinżamm madwar 90 %.”

Din ġiet issostitwita bi:

“It-trattament bis-sħana jista’ jdum minn minimu ta’ 8 sigħat sa massimu ta’ 16-il siegħa. It-temperatura tinżamm bejn madwar 20 °C u 28 °C u l-umdità tinżamm ogħla minn 80 %.”

Raġuni

Il-medda tat-temperatura li fiha jista’ jitwettaq it-trattament bis-sħana żdiedet u l-perċentwal minimu għall-umdità tal-maħżen tbaxxa.

It-trattament bis-sħana kultant iseħħ fi mħażen pjuttost kbar li jinfetħu u jingħalqu ta’ spiss. Għalhekk huwa diffiċli li jinżammu livelli kostanti ta’ temperatura u umdità peress li dawn spiss ikunu influwenzati mill-kundizzjonijiet klimatiċi esterni u mill-umdità fl-oġġetti li jidħlu fil-kamra.

Ta’ min jinnota li din il-bidla ma taffettwax il-karatteristiċi tal-prodott finali.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ. L-emenda tikkonċerna l-istadju tat-tmelliħ.

Verżjoni attwali:

“It-tmelliħ isir fi stat niexef. It-tmelliħ fis-salmura huwa awtorizzat ukoll peress li l-kundizzjonijiet teknoloġiċi evolvew.”

Din ġiet issostitwita bi:

“It-tmelliħ jista’ jsir fi stat niexef u/jew fis-salmura.”

Raġuni

Il-formulazzjoni tas-sentenza dwar it-tmelliħ ġiet issimplifikata.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ. L-emenda tikkonċerna l-istadju tal-maturazzjoni.

Verżjoni attwali:

“L-ambjenti li fihom jiġi mmaturat il-ġobon irid ikollhom umdità naturali jew ikkontrollata ta’ 85-90 % u temperatura ta’ bejn 2 °C u 6 °C.”

Din ġiet issostitwita bi:

“L-ambjenti li fihom jiġi mmaturat il-ġobon irid ikollhom umdità naturali jew ikkontrollata ta’ aktar minn 80 % u temperatura ta’ bejn 1 °C u 6 °C.”

Raġuni

Huwa propost li titbaxxa t-temperatura minima għall-maturazzjoni tal-ġobon u li l-perċentwal minimu tal-umdità jiġi stabbilit b’mod aktar preċiż.

Peress li l-maturazzjoni ssir kemm f’ambjenti naturali (għerien tradizzjonali) kif ukoll fi mħażen li jinfetħu u jingħalqu ta’ spiss, huwa diffiċli li jinżammu livelli kostanti ta’ temperatura u umdità peress li dawn spiss ikunu influwenzati minn kundizzjonijiet klimatiċi esterni, speċjalment matul l-aktar perjodi sħan tas-sena.

Għalhekk jista’ jkun meħtieġ li t-temperatura tal-maħżen titbaxxa bi grad sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-maturazzjoni jibqgħu xierqa; il-kontenut proprju tal-umdità tal-prodott hija marbuta wkoll ma’ varjazzjonijiet staġunali. Il-maturazzjoni f’għerien naturali jew fi mħażen taħt l-art bl-użu tar-riċirkolazzjoni tal-arja tal-muntanji hija influwenzata wkoll minn kundizzjonijiet klimatiċi esterni.

Għalhekk dawn huma bidliet żgħar meħtieġa li ma jaffettwawx il-karatteristiċi tal-prodott finali.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ. Ir-rekwiżit li tintuża ċarruta waqt il-maturazzjoni tneħħa.

Verżjoni attwali:

“Matul il-perjodu ta’ maturazzjoni, li jdum mill-inqas 35 jum, il-ġobon għandu jinqaleb ta’ spiss u jiġi ttrattat b’ċarruta mxarrba bis-salmura sabiex il-qoxra tibqa’ niedja u ratba u titneħħa l-hyphae, li fl-istess ħin tagħti lill-ġobon ‘Taleggio’ dak il-kulur karatteristiku li jiddistingwih.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Matul il-perjodu ta’ maturazzjoni, li jdum mill-inqas 35 jum, il-ġobon għandu jinqaleb ta’ spiss u l-qoxra tiġi ttrattata b’soluzzjoni ta’ ilma u melħ sabiex tibqa’ niedja u ratba u titneħħa l-hyphae, li tagħti lill-ġobon ‘Taleggio’ dak il-kulur karatteristiku li jiddistingwih.”

Raġuni:

Ir-rekwiżit li tintuża ċarruta tneħħa peress li l-bidliet teknoloġiċi matul is-snin għamluha possibbli li jintużaw materjali differenti li jistgħu jiġu ġġestiti b’mod eħfef mill-aspett tal-iġjene, li wassal biex il-produtturi jiffavorixxu s-sostituzzjoni taċ-ċraret bi xkupilji, li huma aktar effettivi għat-tindif tal-qoxra bl-ilma u l-melħ waqt il-proċess tal-maturazzjoni. Dan il-kompitu dejjem jitwettaq minn persunal espert, f’konformità mal-proċess tal-produzzjoni tradizzjonali.

Rabta

L-emenda tikkonċerna l-punt 5 tad-Dokument Uniku u l-Artikoli 4(2)(d) u (f) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ.

Il-paragrafi li qabel kienu jinsabu taħt l-Artikolu 4(2)(d) u (f) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwalment fis-seħħ ġew riveduti u tmexxew, jew tħassru, biex jiġi fformulat artikolu ġdid.

L-Artikolu dwar ir-rabta, li ġie rriformulat u kkoreġut, huwa mogħti hawn taħt.

“Artikolu 6 - Rabta maż-żona ġeografika

Il-kwalitajiet ta’ ‘Taleggio’ huma essenzjalment dovuti għall-ambjent ġeografiku tiegħu, peress li l-ġobon jikseb il-kwalitajiet uniċi u inimitabbli tiegħu mill-fatturi umani u naturali tipiċi taż-żona fejn jiġi prodott, ipproċessat u mmaturat.

L-isem ‘Taleggio’ jirreferi għal żona ġeografika speċifika tal-Lombardija li tinkludi l-widien ta’ Valsassina u Val Taleggio, u li fiha jinsab ir-raħal bl-istess isem.

Il-produzzjoni tal-ġobon infirxet madwar iż-żona ddefinita fil-punt 4 bis-saħħa tal-prattika tat-transumanza, peress li l-annimali u l-bdiewa (‘bergamini’ [rgħajja lokali]) kienu jinżlu mill-muntanji lejn il-pjanura għax-xitwa.

Il-fatturi li juru r-rabta bejn il-kwalità tal-prodott u ż-żona ġeografika tal-oriġini huma fil-biċċa l-kbira marbuta mal-għarfien tal-produtturi u t-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-ġobon, il-kundizzjonijiet partikolari tat-tmelliħ adottati u t-teknika tal-maturazzjoni; huma importanti wkoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi taż-żona, jiġifieri l-klima tagħha, l-għelejjel tal-foraġġ u s-sistema ta’ irrigazzjoni dominanti.

Il-fatturi klimatiċi u agrożootekniċi jinfluwenzaw il-ħalib prodott, li huwa adattat għat-tip speċifiku ta’ produzzjoni u maturazzjoni tal-ġobon, u l-formazzjoni u l-iżvilupp tal-mikroflora tal-ħalib.

Il-kwalità tal-ħalib li għandu jiġi pproċessat hija marbuta mill-qrib maż-żona ta’ oriġini tal-prodott tad-DOP, fejn it-tkabbir tal-foraġġ (ħuxlief, ċereali, għelejjel tal-proteini/żejt, eċċ.) huwa abbundanti bis-saħħa tas-sistema estensiva ta’ irrigazzjoni.

Illum il-ġurnata, il-ġobon għadu jiġi prodott biss bl-użu tal-ħalib, tat-tames u tal-melħ u ma huwiex permess li l-qoxra tiġi ttrattata b’xi mod jew li jiżdiedu addittivi jew aġġuvanti ta’ kwalunkwe tip, f’konformità mat-tekniki tradizzjonali tal-ipproċessar. Barra minn hekk, l-injam għadu jintuża ħafna kemm għat-trasport tal-ġobon ‘Taleggio’ (kaxex) kif ukoll għall-maturazzjoni tiegħu (twavel tal-injam). Dan il-materjal jippermetti li l-ġobon jieħu l-arja u jerħi x-xorrox żejjed, u jippermettilu jimmatura b’mod normali, bl-istess mod kif kien isir aktar minn elf sena ilu.

L-għarfien tradizzjonali tal-produtturi tal-ġobon, mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra tul is-sekli, ma jista’ joħodlu postu xejn: dan l-għarfien huwa kritiku mhux biss fil-fażi tal-ipproċessar tal-ħalib, iżda wkoll fil-fażijiet ta’ wara.

It-tmelliħ isir fi stat niexef u/jew fis-salmura; din hija operazzjoni kritika għas-suċċess ta’ ‘Taleggio’, li tipikament jimmatura b’mod ċentripetali.

Fuq il-wiċċ tal-ġobnijiet ‘Taleggio’ tgħix taħlita ta’ mikroflora naturali li b’mod invarjabbli tgħaqqad Schizomycetes mill-familja ta’ Micrococcaceae ma’ Eumycetes, inklużi Geotrichum candidum, Mucor racemosus, Penicillium frequentans u ħmira tal-ġeneri Torulaspora u Saccharomyces.

Għalhekk il-ġobon jimmatura minħabba l-attività ta’ din il-mikroflora, li ġejja mill-ambjent, kemm fil-fażi tal-produzzjoni (il-fabbrika tal-ġobon) kif ukoll f’dik tal-maturazzjoni (għar jew maħżen), li tagħti lit-‘Taleggio’ l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tipiċi tiegħu, b’mod partikolari l-kulur roża tal-qoxra; is-sawra, li ġeneralment tkun iebsa iżda tkun aktar ratba fil-parti eżatt taħt il-qoxra; u t-togħma, li hija distintiva, ħelwa u aromatika b’togħma bbilanċjata, noti ta’ ħalib u togħma li tibqa’ fil-ħalq ta’ tartuf fil-palat. L-ispeċijiet mikrobiċi indiġeni jintgħażlu fl-ambjent tal-maturazzjoni bis-saħħa tat-temperatura u l-umdità, u l-preżenza tal-prodott innifsu. Il-ġobon jimmatura b’mod ċikliku u jiżviluppa mikroflora fuq il-wiċċ tiegħu li twettaq il-funzjonijiet importanti li ġejjin:

(a)

tagħti l-konsistenza lill-qoxra, li ffurmat inizjalment b’riżultat tat-twebbis naturali tal-ġobon meta jiġi f’kuntatt mal-arja, li joħloq ‘pannu’ mqabbad mal-pejst (Geotrichum u ħmira);

(b)

tipproduċi l-kulur roża tipiku bis-saħħa tal-micrococci;

(c)

tħeġġeġ il-proteolisi, li għaliha prinċipalment huma l-ġeneri Penicillium u Mucor, u sa ċertu punt il-ħmira u l-Micrococcaceae; li huma responsabbli;

(d)

tħeġġeġ il-lipolisi, prinċipalment minħabba l-attività tal-ġeneru Geotrichum u tal-ħmira, minbarra Penicillium u Mucor.

Din l-attività enżimatika kumplessa tal-mikroflora tal-qoxra hija dovuta għall-mudell ċentripetali tal-maturazzjoni, jiġifieri minn barra għal ġewwa.

Il-fażijiet l-oħra tal-ipproċessar, mill-ingredjenti użati (il-ħalib, it-tames u l-kulturi), sat-temperatura u l-umdità, it-tmelliħ u s-‘salinatura’ (il-ħasil bl-ilma u l-melħ), ukoll jikkontribwixxu għall-karatterizzazzjoni tal-ġobon ‘Taleggio’.”

Tikkettar

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(h) u l-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

Verżjoni attwali:

“Peress li ‘Taleggio’ jinbiegħ ukoll fil-pakkett, u b’hekk ikun mgħotti, titpoġġa wkoll marka fuq il-pakkett estern.

Din il-marka (ara l-immaġni mehmuża) għandha bordura interna ħamra, bordura intermedja bajda u bordura esterna ħadra.

Fin-nofs hemm il-logo tal-ġobon ‘Taleggio’, li taħtu jista’ jitqiegħed in-numru tal-kumpanija tal-ippakkjar. L-ippakkjar irid isir biss fiż-żona tal-oriġini, ħalli ż-żona tkun tista’ tiġi identifikata waqt il-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk il-marka msemmija ġiet irreġistrata f’konformità mal-liġi.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Artikolu 8 - Ippakkjar u Tikkettar

Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, l-ippakkjar tal-ġobon tad-DOP ‘Taleggio’ kollu, sħiħ u/jew f’porzjonijiet, irid ikollu fuqu l-isem ‘Taleggio’.

Irid ikollu wkoll il-logo muri hawn taħt fil-Figura 2, li għandu bordura interna ħamra, bordura intermedja bajda u bordura esterna ħadra. L-akronimu CTT jingħata bl-iswed fin-nofs u n-numru assenjat mill-assoċjazzjoni tal-protezzjoni lill-kumpanija li għandha t-trademark jista’ jitqiegħed taħt dan. Il-logo jista’ jiġi stampat ukoll b’kulur wieħed.

Image 2

Figura 2

Dan il-logo jrid ikun segwit b’referenza għar-Regolament relatat mar-reġistrazzjoni tad-DOP ‘Taleggio’, jiġifieri ‘Ir-Regolament (KE) Nru 1107/96’. Il-logo ta’ hawn fuq ġie rreġistrat f’konformità mal-liġi.

Fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiġi ggarantita l-awtentiċità tal-ġobon tad-DOP ‘Taleggio’ ppakkjat minn qabel u maqsum f’porzjonijiet meta jitqiegħed fis-suq, il-qsim f’porzjonijiet u l-ippakkjar sussegwenti għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fl-Artikolu 3.

Għandu jiġi nnotat li l-assoċjazzjoni tal-protezzjoni tidentifika l-membri produtturi b’numri minn 1 sa 299, u membri tal-maturazzjoni tal-ġobon b’numri minn 301 sa 499.”

Ippakkjar

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(h) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

Verżjoni attwali:

“ [...] il-kumpanija tal-ippakkjar. L-ippakkjar irid isir biss fiż-żona tal-oriġini, ħalli ż-żona tkun tista’ tiġi identifikata waqt il-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Artikolu 8 - Ippakkjar u Tikkettar

Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, l-ippakkjar tal-ġobon tad-DOP ‘Taleggio’ kollu, sħiħ u/jew f’porzjonijiet, irid ikollu fuqu l-isem ‘Taleggio’. Irid ikollu wkoll il-logo muri hawn taħt fil-Figura 2, li għandu bordura interna ħamra, bordura intermedja bajda u bordura esterna ħadra. L-akronimu CTT jingħata bl-iswed fin-nofs u n-numru assenjat mill-assoċjazzjoni tal-protezzjoni lill-kumpanija li għandha t-trademark jista’ jitqiegħed taħt dan. Il-logo jista’ jiġi stampat ukoll b’kulur wieħed.

Image 3

Figura 2

Dan il-logo jrid ikun segwit b’referenza għar-Regolament relatat mar-reġistrazzjoni tad-DOP ‘Taleggio’, jiġifieri ‘Ir-Regolament (KE) Nru 1107/96’. Il-logo ta’ hawn fuq ġie rreġistrat f’konformità mal-liġi.

Fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiġi ggarantita l-awtentiċità tal-ġobon tad-DOP ‘Taleggio’ ppakkjat minn qabel u maqsum f’porzjonijiet meta jitqiegħed fis-suq, il-qsim f’porzjonijiet u l-ippakkjar sussegwenti għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fl-Artikolu 3.

Għandu jiġi nnotat li l-assoċjazzjoni tal-protezzjoni tidentifika l-membri produtturi b’numri minn 1 sa 299, u membri tal-maturazzjoni tal-ġobon b’numri minn 301 sa 499.”

Raġuni:

L-ewwel parti, li tirrigwarda l-marka, ġiet abbozzata mill-ġdid għal aktar ċarezza.

Fir-rigward tal-qsim f’porzjonijiet, ir-regoli fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, li kienu awtorizzati meta ġiet irreġistrata d-DOP, għandhom jibqgħu l-istess.

Fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiġi ggarantita l-awtentiċità tal-ġobon tad-DOP “Taleggio” ppakkjat minn qabel u maqsum f’porzjonijiet meta jitqiegħed fis-suq, il-qsim f’porzjonijiet u l-ippakkjar sussegwenti għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita. Dan biex jiggarantixxi li d-DOP “Taleggio” tkun ġenwina, peress li l-qsim f’porzjonijiet u l-ippakkjar sussegwenti jfissru li l-marki stampati fuq il-ġobon sħiħ li jidentifikawh bħala tad-DOP “Taleggio” ma jibqgħux jidhru.

Ġie deċiż li titħassar il-parti relatata mal-ippakkjar ta’ ġobnijiet sħaħ u r-referenza għall-bejgħ bl-imnut (għal barra), peress li dawn diġà huma rregolati minn regoli obbligatorji u huma attivitajiet soġġetti għal sorveljanza mill-assoċjazzjoni tal-protezzjoni li ma humiex koperti mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Tħassret is-sentenza li ġejja: “Minbarra l-membri tagħha, dawk li huma awtorizzati jippakkjaw il-ġobon li huma rreġistrati mal-assoċjazzjoni tal-protezzjoni wkoll jistgħu jippakkjaw il-ġobon tad-DOP ‘Taleggio’. Madankollu, jekk ikunu jinsabu barra miż-żona tal-oriġini, jistgħu jippakkjaw biss ġobnijiet ‘Taleggio’ sħaħ.”

Oħrajn

Referenzi għal-leġiżlazzjoni relatata mar-reġistrazzjoni

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(a) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li fl-Ispeċifikazzjoni l-ġdida jsir l-Artikolu 1, u jiżdied skont il-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

Verżjoni attwali:

“L-isem tal-oġġett tal-ikel kopert mid-denominazzjoni ta’ oriġini huwa ‘Taleggio’. Dan ġie rikonoxxut mid-Digriet Presidenzjali tal-15 ta’ Settembru 1988.”

Din ġiet issostitwita bi:

“Artikolu 1 - Isem

Id-denominazzjoni ‘Taleggio’ DOP hija assenjata esklużivament lil ġobon tal-mejda artab ta’ pejst mhux ipproċessat magħmul esklużivament mill-ħalib tal-baqra b’kontenut ta’ xaħam sħiħ mhux ipproċessat jew ippasturizzat li jissodisfa l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.”

Raġuni

Il-formulazzjoni l-ġdida tippermetti li jitneħħew ir-referenzi skaduti għal-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-prodott tat-“Taleggio” li attwalment tinsab fl-Artikolu 4(2)(b) ġiet miżjuda u sar espliċitu li l-ħalib jista’ jkun mhux ipproċessat jew ippasturizzat, kif diġà huwa ddikjarat fl-Artikolu 4(2)(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali.

Kontrolli

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(2)(i) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ

L-Artikolu dwar il-kontrolli nkiteb mill-ġdid u ġie riformulat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

L-Artikolu dwar il-kontrolli huwa mogħti hawn taħt:

“Artikolu 7 - Monitoraġġ

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott titwettaq mill-korp ta’ kontroll awtorizzat qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.

Il-kontrolli dwar il-konformità tad-DOP ‘Taleggio’ mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jitwettqu minn Certiprodop S.r.l. - Uffiċċju rreġistrat: Via del Macello 26, Crema - Uffiċċji amministrattivi: Via del commercio 29, 26013 Crema (CR) - Telefown: 0373/259662 - Fax: 0373/253530 - Email: info@certiprodop.it”.

DOKUMENT UNIKU

Taleggio

Nru tal-UE: PDO-IT-0025-AM01 – 3 ta’ Awwissu 2020

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem(Ismijiet) [tad-DPO jew tal-IĠP]

“Taleggio”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip tal-prodott [bħal f’Anness XI]

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Id-denominazzjoni “Taleggio” DOP hija assenjata esklużivament lil ġobon tal-mejda artab ta’ pejst mhux ipproċessat magħmul esklużivament mill-ħalib tal-baqra b’kontenut ta’ xaħam sħiħ mhux ipproċessat jew ippasturizzat, minn baqar imrobbija fiż-żona ġeografika tal-oriġini, tames, melħ u kulturi starter lattiċi, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti elenkati hawn taħt.

Il-ġobon li jgwadi mid-DOP “Taleggio” jrid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin:

Għamla: blokka rettangolari b’uċuħ ċatti u qoxra tal-ġenb dritta.

Daqs: wisa’ tal-uċuħ ċatti minn 18 sa 22 cm, għoli tal-qoxra tal-ġenb minn 4 sa 7 cm b’varjazzjonijiet żgħar skont il-kundizzjonijiet tekniċi tal-produzzjoni.

Piż: ivarja minn 1,5 kg sa 2,5 kg kif imkejjel fi tmiem il-perodu ta’ maturazzjoni minimu ta’ 35 jum.

Hija permessa tolleranza ta’ ± 10 % tal-valuri massimi u minimi għall-għoli tal-qoxra tal-ġenb.

Qoxra: irqiqa b’sawra ratba u kulur roża naturali (L ≤ 77 a/b ≥ 0,2 fuq il-kulurimetru Tristimulus) b’mikroflora karatteristiċi. Mhu permess l-ebda trattament tal-qoxra ħlief dak bl-ilma u l-melħ.

Pejst: sawra lixxa li għandha biss ftit toqob żgħar ħafna u mqassmin b’mod irregolari. Il-ġobon ġeneralment ikun iebes iżda jkun aktar artab fil-parti eżatt taħt il-qoxra.

Kulur tal-pejst: abjad li jagħti fl-isfar lewn it-tiben.

Togħma: distintiva, ħelwa u aromatika b’togħma bbilanċjata; hemm noti ta’ ħalib u togħma li tibqa’ fil-ħalq ta’ tartuf fil-palat.

Karatteristiċi kimiċi: kontenut minimu ta’ xaħam fil-materja niexfa ta’ 48 %; materja niexfa minima ta’ 46 %; kontenut massimu ta’ ilma ta’ 54 %; massimu ta’ 14 mg furosina għal kull 100 g ta’ proteina.

Il-prodott ma jistax jiġi rilaxxat għall-konsum jekk ikun iffriżat jew fil-passat kien ġie ffriżat.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Fuq bażi annwali, mill-inqas 50 % tal-materja niexfa fl-għalf tal-baqar trid tiġi miż-żona tal-oriġini. L-għalf tal-baqar jikkonsisti minn ċereali, foraġġ niexef u aħdar u silaġġ. Jista’ jiġi supplimentat minn konċentrati u/jew proteini magħġuna għall-baqar. L-użu ta’ supplimenti minerali u tal-vitamini huwa awtorizzat.

Biex jiġi żgurat li joperaw b’mod ekonomiku, huwa kruċjali li l-azjendi jkunu jistgħu jiksbu kemm jista’ jkun għalf minn ġol-azjenda, fejn possibbli; madankollu, minħabba l-klima dejjem aktar imprevedibbli (perjodi b’xita qawwija li jittardjaw jew jipprevjenu ż-żrigħ u li jalternaw ma’ perjodi ta’ nixfa qawwija li jnaqqsu l-ħsad), il-livell ta’ produzzjoni f’dawn l-aħħar snin varja ħafna u spiss kien inqas milli mistenni, minħabba l-kwalità ġenetika għolja u d-domandi relattivament kbar tad-dieta tal-bhejjem. Għalhekk il-preferenza hija li jiġi ggarantit li mill-inqas 50 % tal-materja niexfa fl-għalf tal-baqar tiġi miż-żona tal-oriġini; din hija miżura purament ta’ prekawzjoni u tikkonforma mar-regolamenti.

Dan il-perċentwal għadu jiggarantixxi li tinżamm ir-rabta bejn id-dieta tal-baqar u l-karatteristiċi tal-ħalib, li jagħmluh adattat għall-produzzjoni tat-“Taleggio”. Jagħmilha wkoll possibbli li tiġi ppreservata l-mikroflora tal-kirxa tal-bhejjem b’karatteristiċi ġenetiċi għoljin, u b’hekk tinfluwenza l-kwalità tal-materja prima.

Il-ġobon tad-DOP “Taleggio” huwa magħmul minn ħalib tal-baqra mhux ipproċessata jew ippasturizzat, tames, melħ u kulturi starter lattiċi.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-fażijiet kollha fil-proċess tal-produzzjoni, mit-trobbija tal-baqar sal-ħlib, il-produzzjoni tal-ġobon u l-maturazzjoni, iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiġi ggarantita l-awtentiċità tal-ġobon tad-DOP “Taleggio” ppakkjat minn qabel u maqsum f’porzjonijiet meta jitqiegħed fis-suq, il-qsim f’porzjonijiet u l-ippakkjar sussegwenti għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.

Għandu jiġi nnotat li l-assoċjazzjoni tal-protezzjoni tidentifika l-membri produtturi b’numri minn 1 sa 299, u membri tal-maturazzjoni tal-ġobon b’numri minn 301 sa 499.

Dan huwa meħtieġ minħabba li l-marki li jidentifikaw ġobon sħiħ bħala tad-DOP “Taleggio” jintilfu jew ma jibqgħux jidhru fuq il-ġobon maqtugħ f’porzjonijiet, għalhekk l-oriġini tal-prodott ippakkjat minn qabel trid tiġi ggarantita.

Il-porzjonijiet tal-ġobon bid-DOP “Taleggio” jistgħu jiġu ppakkjati barra miż-żona tal-oriġini biss fil-post tal-bejgħ bl-imnut u fuq talba tal-konsumatur (bil-porzjon), jew, anke fil-post tal-bejgħ bl-imnut, il-porzjonijiet tal-ġobon jistgħu jiġu ppakkjati għall-bejgħ dirett (għal barra).

Fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiġi ggarantita l-awtentiċità tal-ġobon tad-DOP “Taleggio” ppakkjat minn qabel u maqsum f’porzjonijiet meta jitqiegħed fis-suq, il-qsim f’porzjonijiet u l-ippakkjar sussegwenti għandhom isiru fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Meta jitqiegħdu fis-suq, il-ġobnijiet sħaħ tad-DOP “Taleggio” jrid ikollhom il-marka tal-oriġini.

Il-logo tad-DOP “Taleggio” huwa stampat fuq wiċċ ċatt tal-ġobon wara li jinqaleb għat-tieni darba u qabel it-tmelliħ sabiex il-marka tkun viżibbli b’mod ċar anke meta l-ġobon ikun matur u għalhekk meta jiġi rilaxxat għall-konsum.

It-timbru huwa magħmul minn plastik li jista’ jintuża mal-ikel u jikkonsisti f’erba’ ċrieki organizzati f’kaxxa. Iċ-ċrieki fihom l-ittri u n-numri li ġejjin (Figura 1):

 

l-ittra T fl-ewwel ċirku (in-naħa ta’ fuq, fuq ix-xellug);

 

l-ittra T fit-tieni ċirku (in-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin);

 

l-ittra T fit-tielet ċirku (in-naħa ta’ isfel, fuq il-lemin);

 

in-numru tal-identifikazzjoni tal-fabbrika tal-ħalib li tipproduċi t-“Taleggio” fir-raba’ ċirku (in-naħa ta’ isfel, fuq ix-xellug).

Image 4

Figura 1

Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, l-ippakkjar tal-ġobon tad-DOP “Taleggio” kollu, sħiħ u/jew f’porzjonijiet, irid ikollu fuqu l-isem “Taleggio”.

Irid ikollu wkoll il-logo muri hawn taħt fil-Figura 2, li għandu bordura interna ħamra, bordura intermedja bajda u bordura esterna ħadra. L-akronimu CTT jingħata bl-iswed fin-nofs u n-numru assenjat mill-assoċjazzjoni tal-protezzjoni lill-kumpanija li għandha t-trademark jista’ jitqiegħed taħt dan. Il-logo jista’ jiġi stampat ukoll b’kulur wieħed.

Image 5

Figura 2

Dan il-logo jrid ikun segwit b’referenza għar-Regolament relatat mar-reġistrazzjoni tad-DOP “Taleggio”, jiġifieri “Ir-Regolament (KE) Nru 1107/96”. Il-logo ta’ hawn fuq ġie rreġistrat f’konformità mal-liġi.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona fejn jiġi prodott, immaturat u maqsum f’porzjonijiet il-ġobon bid-DOP “Taleggio” jikkonsisti fit-territorju amministrattiv sħiħ tal-provinċji ta’ Bergamo, Brescia, Como, Lecco, Cremona, Milan, Lodi, Monza u Brianza, Pavia, Novara, Verbano-Cusio-Ossola u Treviso.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-kwalitajiet ta’ “Taleggio” huma essenzjalment dovuti għall-ambjent ġeografiku tiegħu, peress li l-ġobon jikseb il-kwalitajiet uniċi u inimitabbli tiegħu mill-fatturi umani u naturali tipiċi taż-żona fejn jiġi prodott, ipproċessat u mmaturat.

L-isem “Taleggio” jirreferi għal żona ġeografika speċifika tal-Lombardija li tinkludi l-widien ta’ Valsassina u Val Taleggio, u li fiha jinsab ir-raħal bl-istess isem.

Il-produzzjoni tal-ġobon infirxet madwar iż-żona ddefinita fil-punt 4 bis-saħħa tal-prattika tat-transumanza, peress li l-annimali u l-bdiewa (“bergamini” [rgħajja lokali]) kienu jinżlu mill-muntanji lejn il-pjanura għax-xitwa.

Il-fatturi li juru r-rabta bejn il-kwalità tal-prodott u ż-żona ġeografika tal-oriġini huma fil-biċċa l-kbira marbuta mal-għarfien tal-produtturi u t-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-ġobon, il-kundizzjonijiet partikolari tat-tmelliħ adottati u t-teknika tal-maturazzjoni; huma importanti wkoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi taż-żona, jiġifieri l-klima tagħha, l-għelejjel tal-foraġġ u s-sistema ta’ irrigazzjoni dominanti.

Il-fatturi klimatiċi u agrożootekniċi jinfluwenzaw il-ħalib prodott, li huwa adattat għat-tip speċifiku ta’ produzzjoni u maturazzjoni tal-ġobon, u l-formazzjoni u l-iżvilupp tal-mikroflora tal-ħalib.

Il-kwalità tal-ħalib li għandu jiġi pproċessat hija marbuta mill-qrib maż-żona ta’ oriġini tal-prodott tad-DOP, fejn it-tkabbir tal-foraġġ (ħuxlief, ċereali, għelejjel tal-proteini/żejt, eċċ.) huwa abbundanti bis-saħħa tas-sistema estensiva ta’ irrigazzjoni.

Illum il-ġurnata, il-ġobon għadu jiġi prodott biss bl-użu tal-ħalib, tat-tames u tal-melħ u ma huwiex permess li l-qoxra tiġi ttrattata b’xi mod jew li jiżdiedu addittivi jew aġġuvanti ta’ kwalunkwe tip, f’konformità mat-tekniki tradizzjonali tal-ipproċessar. Barra minn hekk, l-injam għadu jintuża ħafna kemm għat-trasport tal-ġobon “Taleggio” (kaxex) kif ukoll għall-maturazzjoni tiegħu (twavel tal-injam). Dan il-materjal jippermetti li l-ġobon jieħu l-arja u jerħi x-xorrox żejjed, u jippermettilu jimmatura b’mod normali, bl-istess mod kif kien isir aktar minn elf sena ilu.

L-għarfien tradizzjonali tal-produtturi tal-ġobon, mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra tul is-sekli, ma jista’ joħodlu postu xejn: dan l-għarfien huwa kritiku mhux biss fil-fażi tal-ipproċessar tal-ħalib, iżda wkoll fil-fażijiet ta’ wara.

It-tmelliħ isir fi stat niexef u/jew fis-salmura; din hija operazzjoni kritika għas-suċċess ta’ “Taleggio”, li tipikament jimmatura b’mod ċentripetali.

Fuq il-wiċċ tal-ġobnijiet “Taleggio” tgħix taħlita ta’ mikroflora naturali li b’mod invarjabbli tgħaqqad Schizomycetes mill-familja ta’ Micrococcaceae ma’ Eumycetes, inklużi Geotrichum candidum, Mucor racemosus, Penicillium frequentans u ħmira tal-ġeneri Torulaspora u Saccharomyces.

Għalhekk il-ġobon jimmatura minħabba l-attività ta’ din il-mikroflora, li ġejja mill-ambjent, kemm fil-fażi tal-produzzjoni (il-fabbrika tal-ġobon) kif ukoll f’dik tal-maturazzjoni (għar jew maħżen), li tagħti lit-“Taleggio” l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tipiċi tiegħu, b’mod partikolari l-kulur roża tal-qoxra; is-sawra, li ġeneralment tkun iebsa iżda tkun aktar ratba fil-parti eżatt taħt il-qoxra; u t-togħma, li hija distintiva, ħelwa u aromatika b’togħma bbilanċjata, noti ta’ ħalib u togħma li tibqa’ fil-ħalq ta’ tartuf fil-palat. L-ispeċijiet mikrobiċi indiġeni jintgħażlu fl-ambjent tal-maturazzjoni bis-saħħa tat-temperatura u l-umdità, u l-preżenza tal-prodott innifsu. Il-ġobon jimmatura b’mod ċikliku u jiżviluppa mikroflora fuq il-wiċċ tiegħu li twettaq il-funzjonijiet importanti li ġejjin:

(a)

tagħti l-konsistenza lill-qoxra, li ffurmat inizjalment b’riżultat tat-twebbis naturali tal-ġobon meta jiġi f’kuntatt mal-arja, li joħloq “pannu” mqabbad mal-pejst (Geotrichum u ħmira);

(b)

tipproduċi l-kulur roża tipiku bis-saħħa tal-micrococci;

(c)

tħeġġeġ il-proteolisi, li għaliha prinċipalment huma l-ġeneri Penicillium u Mucor, u sa ċertu punt il-ħmira u l-Micrococcaceae; li huma responsabbli;

(d)

tħeġġeġ il-lipolisi, prinċipalment minħabba l-attività tal-ġeneru Geotrichum u tal-ħmira, minbarra Penicillium u Mucor.

Din l-attività enżimatika kumplessa tal-mikroflora tal-qoxra hija dovuta għall-mudell ċentripetali tal-maturazzjoni, jiġifieri minn barra għal ġewwa.

Il-fażijiet l-oħra tal-ipproċessar, mill-ingredjenti użati (il-ħalib, it-tames u l-kulturi), sat-temperatura u l-umdità, it-tmelliħ u s-“salinatura” (il-ħasil bl-ilma u l-melħ), ukoll jikkontribwixxu għall-karatterizzazzjoni tal-ġobon “Taleggio”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test konsolidat tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew inkella:

billi żżur direttament il-paġna ewlenija tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top