EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE2368

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nitgħallmu mill-imgħoddi sabiex jiġu evitati politiki ta’ awsterità severi fl-UE” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2017/02368

OJ C 227, 28.6.2018, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nitgħallmu mill-imgħoddi sabiex jiġu evitati politiki ta’ awsterità severi fl-UE”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 227/01)

Relatur:

José LEIRIÃO

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21.1.2016

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

29.1.2018

Adottata fis-sessjoni plenarja

14.2.2018

Sessjoni plenarja Nru

532

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

177/26/18

Introduzzjoni

Il-kontenut tal-Opinjoni fih il-kontribut tar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali li huma membri tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali ta’ tliet Stati Membri (il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall) tul sensiela ta’ missjonijiet tal-KESE f’dawn l-Istati Membri. L-għan kien li jkunu magħrufa u li jinġabru l-fehmiet tal-persuni li qed jagħtu xhieda tal-effetti negattivi fuq id-dimensjoni soċjali, is-settur tan-negozju u d-djalogu soċjali u ċivili tal-politiki ta’ awsterità imposti mit-Trojka, u jgħixuhom.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-ewwel lezzjoni mill-kriżi kienet li ż-żona tal-euro ma kinitx mgħammra biex tittratta l-kriżi finanazjarja. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għan tal-Kummissjoni biex tirriforma l-euro f’aspetti ewlenin permezz tal-abbandun tal-politiki ta’ awsterità u l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-KESE huwa tal-fehma li dawn huma l-prerekwiżiti għal koalizzjoni Ewropea fuq skala kbira li tkompli bil-bini mill-ġdid ta’ “destin komuni Ewropew” u bil-għan li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-Ewropej kollha.

1.2.

Il-mod li bih tfasslu l-programmi ta’ aġġustament wassal għal għadd ta’ inkonsistenzi f’livelli diffferenti, pereżempju: il-koordinazzjoni u r-rabta bejn it-tliet imsieħba tat-Trojka (FMI, UE, BĊE) fl-ippjanar, l-iskala u l-antiċipazzjoni tar-riskji potenzjali li nibtu mill-kriżi; it-tagħlimiet li nsiltu mill-kriżijiet preċedenti li ma ġewx ikkunsidrati dejjem jew ma kinux applikabbli fiż-żona l-ġdida ta’ munita unika; u kien hemm ċertu żbilanċ bejn il-mekkaniżmi tal-FMI u l-istrumenti ta’ politika makroekonomika taż-żona tal-euro. Il-KESE, filwaqt li jieħu nota tal-kompetenza tal-FMI, jirrakkomanda li, f’sitwazzjonijiet futuri ta’ kriżi li jolqtu kwalunkwe Stat Membru tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu l-uniċi korpi responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament. Jekk ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti sħubijiet ma’ istituzzjonijiet esterni biex tiġi indirizzata l-kriżi, l-Unjoni Ewropea u ż-żona tal-euro għandhom jieħdu t-tmexxija f’idejhom u għandhom jaġixxu b’konformità mal-“valuri Ewropej”, permezz tat-tisħiħ tad-djalogu soċjali u d-drittijiet ċivili u soċjali fis-seħħ fl-UE. Jeħtieġ li l-kriżijiet futuri jiġu ġestiti b’mod li jinstab bilanċ akbar u aħjar bejn l-għanijiet fiskali u soċjali u jsiru sforzi biex ikun hemm titjib kwalitattiv fis-settur tan-negozju.

1.3.

Il-kriżi u l-programmi ta’ aġġustament applikati fit-tliet Stati Membri wasslu għal sitwazzjoni ekonomika, finanzjarja u soċjali li, f’ċerti każijiet, bagħtu lura ‘l-pajjiżi 20 sena, u dan ikkawża ħsara permanenti — jew ħsara li tista’ tiġi rkuprata biss fuq perjodu twil ħafna ta’ żmien — fil-fatturi produttivi tagħhom u fil-funzjonament tas-suq tax-xogħol. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal “programmi komplementari ta’ rkupru ekonomiku u soċjali”, li għandhom jiġu implimentati fl-istess waqt jew fi tmiem ta’ programm ta’ aġġustament, sabiex jiġi żgurat b’mod rapidu r-ritorn għall-iżjed livell kompetittiv li jwassal għall-proċess ta’ konverġenza.

1.4.

Il-Kummissjoni għandha tiffoka mill-ġdid fuq il-valuri Ewropej ta’ solidarjetà u tadotta miżuri straordinarji immedjati ta’ għajnuna għall-iżjed persuni żvantaġġati li qed jgħixu f’faqar estrem u mingħajr ikel, abitazzjoni, għajnuna medika u l-possibbiltà li jinkisbu l-mediċini. Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ programm speċifiku għall-irkupru soċjali li għandu jiġi applikat fil-pajjiżi li huma jew kienu soġġetti għall-applikazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament. Dan il-programm ta’ appoġġ għandu jsegwi l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li ġew adottati dan l-aħħar mill-Unjoni Ewropea u applikati fit-tliet Stati Membri inkwistjoni.

1.5.

L-implimentazzjoni tal-politiki ta’ awsterità żiedet b’mod drammatiku l-għadd ta’ persuni foqra (kemm jekk huma ħaddiema, persuni qiegħda jew dawk kategorizzati bħala inattivi jew mingħajr dar). Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal b’mod urġenti “strateġija Ewropea għall-qerda tal-faqar fl-UE u l-integrazzjoni tal-persuni mingħajr dar” bl-appoġġ dovut permezz ta’ fondi mhux biss iddedikati għall-bini ta’ abitazzjoni adegwata ta’ akkoljenza iżda wkoll għal programmi ta’ taħriġ speċifiku orjentati lejn il-ksib ta’ ħiliet li jirriflettu l-opportunitajiet ta’ impjieg fis-settur pubbliku (muniċipalitajiet) jew dak privat. Huwa kruċjali wkoll li jiġi żviluppat pjan flimkien mal-Istati Membri għall-irkupru ta’ intrapriżi u individwi li għandhom dejn eċċessiv, fid-dawl tal-fatt li mhuwiex possibbli għalihom li jħallsu lura s-self, u b’hekk tiġi evitata l-insolvenza tagħhom u l-konfiska ta’ darhom.

1.6.

Fiż-żona tal-euro, ir-regoli tal-PST, l-EDP u l-Patt Fiskali, u l-politiki ta’ awsterità li dawn wasslu għalihom, qed jippenalizzaw b’mod serju lill-pajjiżi li għadhom affettwati mill-kriżi, peress li dawn ixekklu l-espansjoni tal-investiment pubbliku u l-appoġġ għall-ħolqien tal-impjieg fis-settur privat, u dawn il-pajjiżi jkunu soġġetti għal sanzjonijiet u penali severi jekk ma jikkonformawx mar-regoli. Din is-sitwazzjoni ħarġet iżjed fid-dieher l-inugwaljanza fl-Ewropa, peress li l-pajjiżi l-foqra qed jiftaqru dejjem aktar, u jingħalqu f’“ċirku vizzjuż” fid-dawl ta’ dawn ir-restrizzjonijiet. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi riformat it-Trattat ta’ Lisbona, biex tiġi affermata l-importanza tal-politiki tal-kooperazzjoni u t-tkabbir ekonomiku u tas-solidarjetà bħala alternattivi ġenwini għall-politiki restrittivi ta’ awsterità. Il-KESE jipproponi wkoll li jiġi eżaminat jekk ir-“regola tad-deheb tal-investiment pubbliku” tistax tkun għodda adegwata bil-għan li jitħeġġeġ l-investiment pubbliku fiż-żona tal-euro u jiġu żgurati mhux biss it-tkabbir, il-ħolqien tal-impjieg, l-intraprenditorija, u l-ħiliet ġodda meħtieġa għall-futur tax-xogħol iżda wkoll għall-“ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet”, u b’hekk tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u t-tqassim ġust tal-piż tat-taxxi mhux biss fost il-ġenerazzjonijiet differenti iżda wkoll fost il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi differenti, b’mod li ħadd ma jkollu jerfa’ piż żejjed fil-konfront ta’ xi ħadd ieħor.

1.7.

F’dawn l-aħħar sentejn kien hemm titjib fir-rata tal-qgħad fl-UE inġenerali u speċjalment fl-Istati Membri soġġetti għall-programmi ta’ aġġustament. Huwa importanti li, f’dan il-każ, jiġi enfasizzat li dan huwa dovut mhux biss għat-tkabbir ekonomiku iżda wkoll għall-mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema li emigraw u għaż-żieda rapida fl-impożizzjoni tax-xogħol part-time. Madankollu, għadhom qed jiżdiedu r-rati tal-faqar u tal-privazzjoni materjali fil-livelli differenti minħabba l-pagi iżjed baxxi u n-natura prekarja tal-impjiegi ġodda. Għalhekk, minkejja li nħolqu iżjed impjiegi f’attivitajiet marbutin mat-turiżmu u f’oqsma relatati bi kwalifiki baxxi, dan ma wassalx għal żieda la fil-kompetittività u lanqas f’valur miżjud. Il-KESE jirrakkomanda li jsiru disponibbli fondi speċifiċi biex jintużaw għall-ħolqien tal-impjieg fis-servizzi tas-saħħa u s-setturi li jintlaqtu l-iżjed mill-emigrazzjoni (xjenza, programmazzjoni, teknoloġiji ġodda, inġinerija u mediċina) biex l-emigranti jitħeġġu jmorru lura fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

1.8.

Id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali (IA) qed joħolqu tibdil kbir fl-ekonomija, is-suq tax-xogħol, inklużi forom ġodda ta’ xogħol, fil-ħiliet u fis-soċjetà, u qed joħolqu sfidi għall-istrutturi tagħha, inklużi l-istabbilizzaturi awtomatiċi u, għaldaqstant, qed iżidu għadd mhux prevedibbli ta’ persuni esklużi ma’ dawk diġà eżistenti. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu eżaminati l-ideat attwali sabiex tinħoloq “skema ta’ assigurazzjoni Ewropea bażika u universali kontra l-qgħad”. Barra minn hekk, għandha tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà li jiġu stabbiliti standards minimi madwar l-UE kollha għall-iskemi tal-qgħad nazzjonali biex tiġi indirizzata b’mod effettiv l-isfida u tiġi żgurata protezzjoni soċjali deċenti għal kulħadd, li tkun disponibbli tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom (15-il-65 sena). Fir-rigward tal-kwistjoni tal-qerda tal-faqar, il-Kummissjoni għandha toħloq ukoll “dħul minimu li jiggarantixxi l-għajxien”, billi tadotta approċċ u impenn Ewropej biex “ħadd ma jitħalla barra”.

1.9.

Il-programmi ta’ aġġustament tal-ġejjieni għandhom jirriflettu l-aspetti u l-interessi kollha li joħorġu mid-djalogi soċjali u ċivili bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni toħloq “mudelli ekonometriċi b’wiċċ uman”, li jinkludu parametri għall-protezzjoni tad-dimensjoni soċjali u appoġġ għall-intrapriżi, b’mod li jintlaħaq għan doppju: il-benessri soċjali u t-tiġdid tal-kwalità fis-settur tan-negozju b’mod sostnut. L-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu inklużi fil-bord tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm, fuq l-istess livell bħar-rappreżentanti tal-UE, il-BĊE u korpi oħrajn, sabiex isir użu siewi mir-rwol kostruttiv tas-soċjetà ċivili u jiġi żgurat li l-mudell ekonomiku u soċjali ma jiġix kompromess, kif ġara fil-każijiet li qed jiġu analizzati. L-istituzzjonijiet kollha li jiżviluppaw, jissorveljaw u jivvalutaw il-programmi ta’ aġġustament għandhom ikunu suġġetti għal kontroll demokratiku (eż. il-Parlament nazzjonali). Il-valutazzjoni u l-kontroll għandhom isiru kull sitt xhur jew f’perjodu meqjus bħala adatt, sabiex tiġi evitata ħsara irreparabbli u biex il-korrezzjonijiet isiru fi żmien xieraq. Is-sensiela ta’ indikaturi ta’ segwitu makroekonomiku għandhom ikunu kkomplementati minn tabella ta’ valutazzjoni soċjali “lil hinn mill-PDG”, li għandha tiġi aġġornata b’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.10.

Id-dejn pubbliku tat-tliet Stati Membri żdied b’mod astronomiku u l-ammonti tal-imgħax pagabbli huma impediment għall-investiment pubbliku, u jimblukkaw l-iżvilupp ekonomiku u jnaqqsu l-investiment fil-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-pensjonijiet, il-benefiċċji tal-qgħad u l-appoġġ lil dawk li huma l-iktar żvantaġġati u marġinalizzati. Dawn l-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, għad għandhom dejn kbir, u s-sitwazzjoni sejra għall-agħar minħabba l-ispekulazzjoni fis-swieq finanzjarji. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tpoġġi dil-kwistjoni fil-quċċata tal-aġenda u tagħti segwitu għall-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-mutwalizzazzjoni ta’ dejn u s-sigurtajiet tad-dejn u t-titoli tad-dejn bl-euro (Grupp Espert tal-Kummissjoni Ewropea fuq Fond Ewropew ta’ Tifdija u l-Eurobills), maħtur mill-Kummissjoni f’Lulju 2013. Il-KESE jifraħ ukoll lill-BĊE għall-programm ta’ tnaqqis kwantitattiv TIEGĦU li permezz tiegħu jikseb id-dejn pubbliku tal-Istati Membri, li għen b’mod sostanzjali u deċiżiv fl-irkupru ekonomiku u l-ġestjoni tad-dejn pubbliku tal-Istati Membri soġġetti għal programmi ta’ aġġustament.

1.11.

Huwa u jersaq lejn 60 sena ta’ ħajja, il-proġett Ewropew qed jiffaċċja sfidi serji, li jqajmu dubji dwar il-futur tiegħu, inklużi l-konsegwenzi tal-Brexit. Waħda mir-raġunijiet għad-divorzju bejn is-soċjetà ċivili u l-istrutturi ta’ governanza tal-Kummissjoni hi li l-Unjoni Ewropea ma ssodisfatx l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tal-konverġenza ekonomika u t-tkabbir inklużiv. Għalkemm dan l-aħħar sar xi tkabbir li jidher li ser jibqa’ magħna, iż-żona tal-euro b’mod globali tilfet għaxar snin, u kien biss fl-2015 li l-PGD laħaq il-livelli ta’ qabel il-kriżi fl-2008. Il-KESE jemmen li tinħtieġ inizjattiva prammatika u ambizzjuża għar-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja sabiex issir aktar reżiljenti u tibbenefika ċ-ċittadini. Riforma bħal din timplika koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika u riforma li b’mod intelliġenti tikkombina kemm l-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana li hija iżjed ibbażata fir-regoli kompetittivi tas-suq u n-Nofsinhar tal-Ewropa bbażata fuq iżjed solidarjetà, il-kondiviżjoni tar-riskji u l-integrazzjoni, kif ukoll il-fatt li l-Unjoni Ewropea ma tistax tonqos milli turi solidarjetà komuni, speċjalment f’sitwazzjonijiet estremi, bħalma huma l-faqar u l-inugwaljanza fid-dħul u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, u lanqas ma tista’ tippersisti bl-idea li kull Stat Membru jaġixxi kif jidhirlu.

1.12.

L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kellhom influwenza deċiżiva meta faqqgħet b’mod daqstant vjolenti l-kriżi tad-dejn sovran. Nistgħu niddubitaw il-kredibbiltà tagħha fid-dawl tal-fatt li sal-mument li fih, fl-2008, fil-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-Istati Uniti, il-bank Lehman Brothers iddikjara l-falliment tiegħu, dan kien jirċievi b’mod regolari l-ogħla klassifikazzjoni tal-aġenzija. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tħabrek biex tipproponi l-ħolqien ta’ korp indipendenti internazzjonali inkarigat mill-valutazzjoni tal-kredibbiltà u l-imparzjalità tal-valutazzjonijiet imwettqa. Hija għandha wkoll tippromovi l-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu.

1.13.

Il-KESE jirrakkomanda li l-kriżijiet futuri fl-Unjoni Ewropea jiġu ġestiti b’mod li jinstab bilanċ aħjar bejn l-għanijiet fiskali u soċjali, u għandu jittieħed approċċ fil-konfront tal-iżbilanċi li ma jkunx sempliċement makroekonomiku, iżda għandhom jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra, bħall-inugwaljanza fid-dħul u l-ġid, it-tnaqqis tal-faqar, settur b’saħħtu u kompetittiv tan-negozju, tkabbir u impjieg inklużivi, it-tibdil fil-klima, il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol u l-korruzzjoni. Jeħtieġ li naħsbu u naġixxu abbażi tal-prinċipju li “ċ-ċittadini u kif jgħixu ħajjithom jieħdu preċedenza fuq id-defiċits”.

2.   Introduzzjoni ġenerali

2.1.

Il-kriżi finanzjarja li faqqgħet fil-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall kienet il-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja li bdiet fl-Istati Uniti u li kienet aggravata minħabba l-aċċess ta’ dawn il-pajjiżi għaż-żona tal-euro, li wassal għal boom ekonomiku bla rażan minħabba l-illaxkar fil-kontroll tal-infiq pubbliku u tal-banek, flimkien mal-fatt li l-intrapriżi pubbliċi komplew jiksbu self bil-garanzija tal-Istat, li wassal għal żieda konsiderevoli fl-infiq pubbliku. Ir-riżultati kienu jvarjaw minn tkabbir rapidu u mhux ikkontrollat tad-defiċits baġitarji, sal-effett negattiv fuq il-bilanċi kummerċjali u l-bilanċ tal-ħlasijiet.

2.2.

Il-liberalizzazzjoni finanzjarja u t-tkabbir mhux ikkontrollat ta’ kreditu bankarju, xprunati minn prattiki aggressivi ta’ bejgħ min-naħa tal-banek wasslu għal dejn eċċessiv tal-familji u tal-SMEs, li mbagħad ma setgħux iħallsu d-dejn tagħhom, u tas-settur bankarju, li żied l-indeboliment tas-self minħabba l-ispekulazzjoni, u dan ipperikola l-funzjonament kif imiss tas-sistema bankarja. Il-gvernijiet komplew isegwu politika fiskali proċiklika, liema aġir wassal għal deterjorament perikoluż tad-defiċit baġitarju u tad-dejn sovran, u t-tliet Stati Membri inkwistjoni b’hekk saru vulnerabbli ħafna għall-ispekulazzjoni fuq is-self tal-investituri internazzjonali. Dawn il-prattiki ħżiena wasslu biex it-taxxi mħallsa miċ-ċittadini ġew użati biex jiġi evitat li l-banek kbar jiddikjaraw falliment u, b’hekk, kompla jiżdied id-dejn sovran.

2.3.

Il-kriżi globali li bdiet fl-2007-2008 kixfet id-dgħufijiet ta’ munita fiż-żgħurija tagħha u laqtet b’mod sever iż-żona tal-euro (mit-tielet kwart tas-sena 2011 sal-ewwel kwart tas-sena 2013). Għalkemm l-ewwel Stati Membri milquta ma kinux parti miż-żona tal-euro, il-verità hi li, meta ġew perċeputi vulnerabbiltajiet f’uħud mill-pajjiżi taż-żona tal-euro, it-taqlib kien sinifikanti. L-Istati Membri milquta kellhom jieħdu deċiżjonijiet iebsa u jużaw il-flus tal-kontribwenti sabiex isostnu lill-banek finanzjarjament u jevitaw il-kollass tagħhom. Il-banek kellhom diffikultajiet wara li nfaqgħu l-hekk imsejħa bżieżaq finanzjarji u immobiljari, li kienu akkumulaw u kibru fid-daqs fis-snin preċedenti. Flimkien ma’ taħlita ta’ tnaqqis fid-dħul u spejjeż għoljin minħabba r-“reċessjoni l-kbira”, il-livelli tad-dejn pubbliku fl-UE żdiedu b’mod sinifikanti, minn medja ta’ 70 % għal medja ta’ 92 % tal-PDG fl-2014 (1).

2.4.

Sadanittant, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu taw lill-Greċja, lill-Irlanda u lill-Portugall valutazzjoni ta’ “junk”, li wasslet biex l-investituri internazzjonali jgħollu r-rati tal-imgħax għal livelli li jagħmluha impossibbli li dawn l-Istati Membri jiffinanzjaw id-defiċits baġitarji tagħhom fis-swieq finanzjarji. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ “falliment” huma talbu lill-Kummissjoni Ewropea għal self b’rati tal-imgħax iżjed affordabbli sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom li jkopru mill-inqas il-pagi taċ-ċivil u l-benefiċċji soċjali. Il-Kummissjoni talbet l-għajnuna tal-FMI, fid-dawl tal-esperjenza estensiva tiegħu f’dan il-qasam, fil-ħolqien ta’ konsorzju (Trojka), li jinvolvi lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-FMI. Huma sellfu lill-Istati Membri l-ammonti meħtieġa biex jevitaw l-inadempjenza, li min-naħa tagħha kienet timplika l-aċċettazzjoni tal-“programmi ta’ aġġustament ekonomiku, finanzjarju u fiskali”, li kellhom l-għanijiet ġenerali li ġejjin:

riformi strutturali sabiex tingħata spinta lit-tkabbir potenzjali, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-kompetittività u tad-defiċit strutturali (ta’ min jinnota li matul dan il-perjodu u minħabba fih, il-qgħad żdied b’mod esponenzjali flimkien mal-kollass u l-insolvenza ta’ eluf ta’ intrapriżi u l-insolvenza, id-djalogu soċjali ġie sospiż u l-liġijiet tax-xogħol ġew riveduti, għad-detriment tal-forza tax-xogħol), il-konsolidazzjoni fiskali permezz ta’ miżuri strutturali u kontroll baġitarju aħjar u aktar effettiv;

it-tnaqqis fl-ingranaġġ tas-settur finanzjarju u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek;

ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek saret billi l-Istati Membri involuti aġixxew bħala garanzija u refgħu r-responsabbiltà, u b’hekk ikkontribwixxew għat-tkabbir esponenzjali tad-dejn sovran.

2.5.

Dawn il-miżuri, magħrufa bħala “miżuri ta’ awsterità”, kellhom impatt devastanti fuq in-nies li diġà kienu qed jiġġieldu ż-żieda fil-qgħad u livelli għoljin ta’ dejn, u wkoll fuq in-negozji, speċjalment l-SMEs li ġew affettwati b’mod negattiv min-nuqqas ta’ kreditu bankarju u tnaqqis sinifikanti ħafna tal-attività ekonomika. It-Trojka wriet indifferenza totali għall-konsegwenzi drammatiċi tal-politiki tagħha fuq id-dimensjoni soċjali u l-istruttura korporattiva, u l-iżjed li ntlaqtu kienu l-SMEs.

2.6.

Il-KESE jirrikonoxxi li d-dimensjoni tal-kriżi fil-fatt ippreżentat sfidi kbar għas-sistema ekonomika, soċjali u saħansitra dik politika tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, u tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika (UME) b’mod partikolari. Għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-kriżi deher biċ-ċar li mhux biżżejjed li titqies biss id-dimensjoni kwantitattiva tat-tkabbir ekonomiku ta’ Stat Membru, iżda kien jeħtieġ li tiġi vvalutata wkoll il-kwalità tal-istess tkabbir, jiġifieri li jiġu identifikati l-fatturi makroekonomiċi li jistgħu jirfdu jew le s-sostenibbiltà ta’ dan il-proċess (2). Kieku dan it-tip ta’ kontroll sar b’mod effettiv, ċertament li l-kriżi ma kienitx tkun fuq l-iskala katastrofika li kellha f’dawk l-Istati Membri.

3.   Deskrizzjoni fil-qosor tal-avvenimenti li wasslu għall-intervent tat-Trojka fil-Portugall

3.1.

Meta kien għad kellha livelli għoljin ta’ tariffi u dazji doganali u l-munita proprja tagħha, li kienet tippermetti d-devalwazzjoni, id-defiċit kummerċjali tal-ekonomija Portugiża bejn l-1974 u l-1995 kien ta’ medja ta’ 9,1 % tal-PDG, u mill-1996 sal-2010, il-perjodu li matulu ġie adottat l-euro, id-defiċit kummerċjali medju kien ta’ 8,5 % tal-PDG. Fid-dawl ta’ dan, ma nistgħux nagħtu t-tort lill-euro għat-telf tal-kompetittività.

3.2.

Għaldaqstant, ir-raġuni prinċipali għaliex il-Portugall qed tiffaċċja kriżi ta’ dejn pubbliku mhuwiex għaliex is-settur tal-esportazzjoni tilef il-kompetittività, iżda minħabba li l-adozzjoni tal-euro involviet it-tneħħija tal-istabilizzaturi awtomatiċi, li għenu biex jinżammu livelli aċċettabbli ta’ dejn estern nett u jżommu d-defiċit baġitarju taħt kontroll. L-ispjegazzjoni tal-kawżi tal-kriżi Portugiża wasslet għal approċċ differenti dwar kif l-aħjar tiġi indirizzata din il-kriżi — differenti ħafna minn dik adottata mit-Trojka (3).

3.3.

Il-pakkett finanzjarju ta’ EUR 78 biljun (madwar 45 % tal-PDG) kopra l-perjodu mill-2011 sal-2014 u ġab miegħu l-wegħda li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, u dik taż-żona tal-euro u tal-Unjoni Ewropea. Il-programm kien jinkludi 222 miżura, li kellhom impatt fuq diversi setturi u, tul il-perjodu li kien fis-seħħ, twettqu għadd ta’ reviżjonijiet, li introduċew miżuri ta’ awsterità saħansitra aktar severi. Dawn il-miżuri tqiesu bħala pjan komprensiv għal riforma mill-qiegħ tal-pajjiż (4).

4.   Deskrizzjoni fil-qosor tal-avvenimenti li wasslu għall-intervent tat-Trojka fl-Irlanda

4.1.

Meta l-Irlanda ssieħbet fl-UE, id-dħul medju kien ta’ 63 % tal-medja tal-UE u wara xi snin laħqet il-125 % tal-medja tal-UE, jiġifieri ogħla mill-medja Ewropea. Minkejja l-kriżi, din is-sitwazzjoni għadha l-istess sal-lum. Il-qofol tat-tkabbir ekonomiku seħħ bejn l-1994 u l-2000, f’liema snin il-PDG żdied b’medja ta’ 9,1 % fis-sena. Madankollu, matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2010, il-PDG waqa’ bi 13 % fis-sena. Id-domanda domestika qabdet in-niżla sa mill-bidu tal-2008. Il-politika tal-awsterità wara l-programm ta’ aġġustament finanzjarju wasslet għat-telf ta’ deċennju sħiħ (5).

4.2.

Fl-ewwel snin tal-euro u sal-2007/2008, l-Irlanda esperjenzat boom qawwi fil-proprjetà u l-prezzijiet tal-proprjetà żdiedu b’mod sostanzjali. L-espansjoni tal-kreditu kienet ikkonċentrata ħafna fil-kreditu immobiljari spekulattiv. Meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja u ntemmet iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà immobbli, id-dħul mit-taxxa naqas b’mod drammatiku peress li kienu marbuta ħafna mal-espansjoni tal-proprjetà immobbli. Ir-riżultat kien żieda konsiderevoli fid-defiċit, li fl-istess ħin affettwa b’mod negattiv is-sistema finanzjarja, u kkollassaw il-prezzijiet tal-ishma tal-akbar banek Irlandiżi (6).

4.3.

Fil-21 ta’ Novembru 2010, l-Irlanda saret it-tieni pajjiż fiż-żona tal-euro li talbet assistenza finanzjarja. Il-programm kien jikkonsisti f’self ta’ EUR 85 biljun, li minnhom EUR 35 biljun kienu previsti fis-sistema finanzjarja (7). Fl-14 ta’ Novembru 2013, il-Grupp tal-Euro kkonkluda li l-programm ta’ aġġustament ekonomiku kien irnexxa u li, għaldaqstant, l-Irlanda setgħet toħroġ mill-programm fi tmiem is-sena.

5.   Deskrizzjoni fil-qosor tal-avvenimenti li wasslu għall-intervent tat-Trojka fil-Greċja

5.1.

Mill-2001 sal-2007 l-ekonomija Griega, wara dik Irlandiża, kellha l-ogħla tkabbir fiż-żona tal-euro, b’medja ta’ tkabbir tal-PGD ta’ 3,6 % bejn l-1994 u l-2008. Iżda, tul dan il-perjodu ta’ tkabbir konsekuttiv, l-iżbilanċi makroekonomiċi endemiċi u n-nuqqasijiet strutturali ġew aggravati mid-dgħufija tas-sistema politika fil-livell nazzjonali u Ewropew.

5.2.

Ir-rata tat-tfaddil nazzjonali naqset b’madwar 32 punt perċentwali matul il-perjodu 1974–2009, u dan ikkontribwixxa għad-defiċit tal-kontijiet kurrenti u għall-intensifikazzjoni tad-dejn estern kroniku. L-infiq pubbliku mhux ikkontrollat, flimkien man-nuqqas li jiġi żgurat dħul adegwat mit-taxxi, wasslu għal akkumulazzjoni ta’ dejn pubbliku (8).

5.3.

F’Awwissu 2015, intlaħaq qbil li t-tielet Programm ta’ Stabbiltà permezz ta’ suppliment tal-Memorandum ta’ Qbil li speċifika fid-dettall il-kundizzjonijiet tal-politika meħtieġa, inkluża valutazzjoni tal-impatt soċjali, bħala mod kif isir kontribut għall-proċess ta’ negozjar min-naħa tal-Kummissjoni, u wkoll bħala manwal ta’ gwida u monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Dan wara l-insistenza u l-linji gwida tal-President Jean-Claude Juncker fl-2014, li “fil-futur, kull programm ta’ appoġġ u riforma jgħaddi mhux biss minn valutazzjoni fiskali u tas-sostenibbiltà; iżda wkoll minn valutazzjoni tal-impatt soċjali”, li kellu l-għan ukoll li jiġi żgurat li “[l-]effetti soċjali tar-riformi strutturali [..] jiġu diskussi fil-pubbliku”. Il-Kummissjoni hija konxja bis-sħiħ tal-kundizzjonijiet soċjali fil-Greċja u tqis it-titjib tagħhom bħala essenzjali biex jinkisbu t-tkabbir sostenibbli u inklużiv (9).

5.4.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2017, ingħata self addizzjonali lill-Greċja biex jgħin fl-irkupru ekonomiku, finanzjarju u soċjali.

6.   Ir-riżultati makroekonomiċi, soċjali u finanzjarji miksuba mill-programm ta’ aġġustament.

6.1.

B’mod ġenerali, jista’ jingħad li l-uniku suċċess li jista’ jiġi attribwit lill-programmi ta’ aġġustament kien il-possibbiltà li l-Istati Membri (l-Irlanda u l-Portugall) joħorġu mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u jerġgħu jiksbu aċċess għas-swieq finanzjarji f’kundizzjonijiet aċċettabbli ta’ finanzjament. It-tnaqqis tad-defiċit baġitarju u ż-żieda fl-esportazzjonijiet ikkontribwixxew għat-titjib tal-bilanċ tal-kont kurrenti estern (merkanzija, servizzi u kapital), it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg, li lkoll urew titjib mill-2014 ’l hawn. L-indikaturi kollha li jifdal għad għandhom effetti drammatiċi fuq il-benessri soċjali u fuq l-iżvalutazzjoni tal-fatturi ekonomiċi, li ser ikomplu fuq perjodu twil ħafna ta’ żmien. Xi wħud mid-danni kkawżati ser ikunu permanenti, bħall-eżodu tal-imħuħ ta’ persuni bi kwalifiki għoljin, b’impatt negattiv fuq it-tkabbir potenzjali fl-innovazzjoni u l-iżvilupp fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom; iż-żieda massiva fil-faqar u fl-inugwaljanza fid-dħul, fl-aċċess għal kura tas-saħħa bażika u fil-benessri ġenerali tal-persuni (10).

7.   Il-lezzjonijiet li nitgħallmu li għandhom iwasslu għal tibdil u innovazzjoni fil-politiki Ewropej

7.1.

L-Unjoni Ewropea — u ż-żona tal-euro — taw xhieda li kienu kompletament mhux preparati biex jindirizzaw kriżi finanzjarja fl-Istati Membri tagħhom, liema fatt wassalhom biex jadottaw bis-sħiħ il-proposti tal-FMI, minflok jadattawhom għall-valuri u l-istandards komuni tas-solidarjetà Ewropea. Fil-każ tal-Greċja, l-Unjoni Ewropea tilfet żmien prezzjuż qabel ma rreaġixxiet għall-problema u s-suġġerimenti inizjali tagħha la kienu ċari u lanqas definittivi — pereżempju, l-ammont totali meħtieġ ta’ self kien emendat diversi drabi minħabba d-dubji tal-Kummissjoni, liema fatt għamel possibbli l-ispekulazzjoni tas-swieq u wassal għad-deterjorament tas-sitwazzjoni li diġà kienet imwiegħra.

7.2.

Il-programmi ta’ aġġustament ekonomiku, finanzjarju u fiskali applikati fil-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall ġew żviluppati mill-FMI u parzjalment kienu jirriflettu l-istess loġika segwita mill-FMI fil-perjodi ta’ kriżi tat-tmeninijiet fl-Afrika u tad-disgħinijiet f’ċerti pajjiżi Asjatiċi. F’dawn il-każijiet, l-iżvalutazzjoni tal-munita permezz tal-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju qdiet rwol effettiv biex jinżamm it-tkabbir u jittaffa l-bilanċ tal-pagamenti, sabiex b’hekk tinkiseb stabbilità makroekonomika, partikolarment il-konsolidazzjoni fiskali u l-istabbilizzazzjoni tal-inflazzjoni, u jitħeġġu l-esportazzjonijiet (1). In-novità fil-każijiet tal-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall kienet li, għall-ewwel darba, il-programmi li ġew implimentati f’żona b’munita unika (mingħajr rikors għad-deprezzament tal-munita) u f’pajjiżi li jappartjenu għall-Unjoni Ewropea u ż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Istati Membri, li l-għanijiet tagħhom kienu jikkonċernaw il-korrezzjoni tal-iżbilanċi fiskali u esterni u biex jerġa’ jkun hemm fiduċja, il-FMI kien tal-fehma li kienet tinħtieġ riorjentazzjoni sinifikanti tal-ekonomija fejn it-tkabbir tal-PDG hu mistenni li jkun baxx (2). Għalhekk, l-għan tal-programmi ta’ aġġustament kien li jiksbu l-konsolidazzjoni fiskali permezz ta’ politiki ta’ awsterità li jiffokaw fuq tnaqqis radikali fl-infiq pubbliku kif ukoll miżuri strutturali fit-tul, bħar-riforma tat-taxxa u tal-liġijiet tax-xogħol u tad-dħul għat-tnaqqis tad-defiċits u ż-żieda fid-dħul tal-Istat. Din il-politika ta’ awsterità ġiet implimentata permezz ta’ “żvalutazzjoni interna tal-komponenti tal-mudell ekonomiku u soċjali”.

7.3.

Il-valutazzjoni globali tal-programmi tal-FMI mwettqa mill-Uffiċju Indipendenti tiegħu għall-Evalwazzjoni (Lulju 2016) tindika li filwaqt li s-sorveljanza ta’ qabel il-kriżi identifikat sew il-problemi fit-tliet pajjiżi, naqset milli tantiċipa u tikkalibra l-iskala tar-riskji li iktar tard irriżultaw li kienu fundamentali mil-lat tal-effetti negattivi tagħhom, u kkontribwixxew għal żbilanċi fil-prestazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tirreferi għal inkonsistenzi fil-koordinazzjoni fost l-imsieħba tat-Trojka fl-implimentazzjoni tal-istrumenti taż-żona tal-euro (UME, PST, EDP u s-Semestru Ewropew) u l-konformità magħhom, waqt li żiedet tgħid li t-taħriġ tat-timijiet ta’ negozjar u r-responsabbiltajiet tal-membri tagħhom ma ġewx iddefiniti b’mod ċar u li mhux dejjem ġew applikati l-lezzjonijiet misluta mill-kriżijiet tal-imgħoddi.

7.3.1.

Il-miżuri ta’ awsterità wasslu għal “ċirku vizzjuż” fejn l-awsterità wasslet għal reċessjoni, segwita minn aktar awsterità, li min-naħa tagħha wasslet għat-tnaqqis katastrofiku tal-PDG, li niżel għal-livelli ta’ 10 snin u 20 sena ilu, it-tnaqqis fl-investiment pubbliku u privat u l-kollass tas-sistema bankarja. Dan wassal għall-falliment tas-sistema produttiva (SMEs u negozji mmexxija minn tal-familja u ħaddiema li jaħdmu għal rashom) u severità katastrofika fil-livelli kollha tal-protezzjoni soċjali.

7.4.

Il-lakuni u l-inkonsistenzi fl-iżvilupp tal-programmi ta’ assistenza kienu, b’mod ġenerali, dawn li ġejjin:

ġiet injorata d-dimensjoni strutturali tal-kriżi;

ġie sottovalutat il-livell ta’ dejn tal-intrapriżi u l-unitajiet domestiċi;

ġie sottovalutat il-piż tad-domanda domestika fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjieg;

ir-riforma tal-Istat ma indirizzatx aspetti strutturali fundamentali;

ir-riforma strutturali tal-ekonomija spiċċat biss fi żvalutazzjoni tal-kompetittività interna (il-pagi, ħinijiet itwal tax-xogħol, riforma restrittiva tax-xogħol, żieda qawwija fit-taxxi, eċċ.);

il-qafas ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-programmi kien limitat;

huwa estremament diffiċli li jinkiseb bilanċ intern u estern fl-istess ħin meta t-tnejn jippreżentaw defiċits għoljin ħafna;

il-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja, applikati l-ewwel u qabel kollox fuq in-naħa tal-infiq f’sitwazzjoni ta’ reċessjoni severa, fejn il-pajjiż ikkonċernat m’għandu l-ebda mekkaniżmu tad-deprezzament tal-munita u meta l-imsieħba qed jagħmlu preċiżament l-istess ħaġa, ma għamlu l-ebda suċċess fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja, fl-ebda perjodu fl-istorja. Illum il-ġurnata, hemm kunsens li l-effetti ta’ dawn il-miżuri jitqiesu bħala reċessivi fuq perjodu qasir ta’ żmien, u l-konsegwenzi negattivi tagħhom fuq l-ekonomija huma ta’ spiss permanenti;

il-multiplikaturi fiskali inadegwati wasslu għal żbalji kbar.

7.5.

Kwalunkwe “programm ta’ aġġustament” għandu jirrifletti l-aspetti u d-djalogi politiċi kollha li huma importanti għas-suċċess tal-programm, iżda għandu dejjem jinkludi l-“indikaturi tal-impatt distributtiv” tal-miżuri ta’ aġġustament, b’enfasi partikolari fuq l-identifikazzjoni tal-effetti fuq id-dimensjoni soċjali u fuq l-intrapriżi, fl-iżjed livelli diversi, u għandu jipprevedi miżuri kumpensatorji sabiex dawn l-effetti negattivi (pereżempju, il-falliment tal-intrapriżi, iż-żieda fir-rata tal-qgħad, it-tnaqqis tal-pagi, iż-żieda fil-faqar, iż-żieda fl-emigrazzjoni, eċċ.) ikunu jistgħu jiġu ttrattati b’suċċess, permezz ta’ programmi ta’ rkupru, u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet soċjali drammatiċi, inkluża l-emigrazzjoni. Is-setturi kollha għandhom jirbħu u m’għandux ikun hemm setturi rebbieħa u telliefa, kif ġara bil-programmi implimentati fil-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall.

Brussell, l-14 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Easterly 2002; FMI (2010) Greece Request for Stand By Arrangement; Rapport tal-pajjiż Nru 10/110, Mejju; Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, Kummissjoni Ewropea, 31 ta’ Mejju 2017.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Żbilanċi makroekonomiċi (ĠU C 218, 23.7.2011, p. 53).

(3)  ZBW – Leibniz Information Centre for Economics (Intereconomics 2013).

(4)  ZBW – Leibniz Information Centre for Economics (Intereconomics 2013).

(5)  ZBW – Leibniz Information Centre for Economics (Intereconomics 2013).

(6)  Studju tal-KESE “The impact of anti-crisis measures and the social and employment situation: Ireland” [L-impatt tal-miżuri kontra l-kriżi u tas-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi: l-Irlanda] (2013) (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  ZBW – Leibniz Information Centre for Economics (Intereconomics 2013).

(8)  Studju tal-KESE “The impact of anti-crisis measures and the social and employment situation: Greece” [L-impatt tal-miżuri kontra l-kriżi u tas-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi: il-Greċja] (2013) (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Studju tal-Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika fi ħdan il-PE dwar The Troika and financial assistance in the euro area: successes and failures (Frar 2014).

(10)  Ara l-Appendiċi 1 bl-indikaturi statistiċi ewlenin.


APPENDIĊI 1

Dawn huma l-indikaturi bażiċi ta’ referenza:

Indikaturi bażiċi

Il-Greċja

L-Irlanda

Il-Portugall

 

2008

2013

2016

2008

2013

2016

2008

2013

2016

Ir-rata tal-qgħad totali

8 %

27,5  %

23,4  %

6,4  %

13,1  %

6,9  %

7,8  %

16,2  %

10,5  %

Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (15-24)

22 %

58,3  %

48 %

12,8  %

27,5  %

16 %

16,5  %

38,1  %

28 %

Ir-rata tal-faqar

28,7  %

35,7  %

36,4  %

22,3  %

30,5  %

26 %

19,7  %

24 %

23,1  %

It-tkabbir tal-PDG

-0,3  %

-3,2  %

2,1  %

-4,4  %

1,1  %

5,2  %

0,2  %

-1,1  %

1,4  %

Id-defiċit tal-baġit bħala % tal-PDG

-7,7  %

-6,1  %

-1,2  %

-7 %

-7,2  %

0,5  %

-2,6  %

-2,9  %

-2,1  %

Id-dejn pubbliku bħala % tal-PDG

100 %

177,9  %

178,8  %

42,4  %

119,5  %

75,4  %

71,7  %

129 %

130,4  %

Sors: Eurostat.

L-effetti soċjali u l-effetti fuq l-istruttura korporattiva tal-programm ta’ awsterità fil-Portugall

Id-dħul mix-xogħol naqas bi 12 % bejn l-2009 u l-2014.

It-tnaqqis fid-dħul kien estremament inugwali u fil-biċċa l-kbira rigressiv, li affettwa prinċipalment il-klassi medja, l-ifqar persuni fis-soċjetà u n-negozji ż-żgħar tal-familja.

Il-fatt li l-dħul fil-Portugall naqas b’ 5 % aġixxa b’mod kontraċikliku għa-xejriet fl-Ewropa, fejn id-dħul tal-familji żdied b’6,5 % (bejn l-2009 u l-2013).

Kien hemm żieda konsiderevoli fl-inugwaljanza minħabba t-tnaqqis fl-iżjed pagi baxxi u żieda sinifikanti fl-“impjieg prekarju”, li kien ifisser żieda fin-numru tal-ħaddiema impjegati iżda foqra.

Meta l-faqar fl-introjtu mar għall-agħar, ir-rata tal-faqar żdiedet b’1,8 %, minn 17,7 % għal 19,5 %, u l-għadd tal-foqra laħaq 2,02 miljun ruħ fl-2014.

Id-deterjorament tar-riżorsi tal-ifqar nies fil-popolazzjoni affettwa l-aktar persuni vulnerabbli (il-persuni mdaħħlin fl-età u t-tfal).

Matul il-programm ta’ aġġustament, aktar minn 400 000 Portugiż emigraw, prinċipalment nies bi kwalifiki xjentifiċi u tekniċi ta’ livell għoli (1), u eluf ta’ intrapriżi (l-iktar SMEs u negozji tal-familja) iddikjaraw ruħhom falluti.

L-effetti soċjali u l-effetti fuq l-istruttura korporattiva tal-programm ta’ awsterità fl-Irlanda

Fl-2009, id-dħul minimu garantit naqas bi 15 %, iżda din ir-rata reġgħet lura għal-livell oriġinali tagħha fl-2011.

L-aġġustament tas-swieq domestiċi, tal-bejgħ bl-imnut u tal-kostruzzjoni jinvolvi telf kbir ta’ impjiegi f’dawn is-setturi (2) bħala riżultat tal-falliment ta’ eluf ta’ kumpaniji.

Ir-rata tal-qgħad żdiedet minn 6,4 % fl-2008 għal 15 % fl-2012; dan kien jikkonċerna l-iżjed il-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jikkonforma mar-rati fil-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa (madwar 30 %).

Mill-2008 ’l quddiem, l-emigrazzjoni żdiedet b’mod mgħaġġel (82 000 emigrant fl-2012 biss).

Il-benefiċċji soċjali tnaqqsu b’madwar 15 %.

Apparti t-tnaqqis fis-settur pubbliku u fil-benefiċċji soċjali, l-istrateġija kienet li jitnaqqas il-persunal fis-settur pubbliku (is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà u s-servizz ċivili) permezz ta’ sensji volontarji.

Id-dħul nett fid-deċili inferjuri naqas b’25 %.

Il-perċentwal tal-persuni f’riskju ta’ faqar tela’ għal 15,8 % (madwar 700 000 persuna, li minnhom 220 000 kienu tfal) (3).

Il-waqfa totali tal-programmi ta’ kostruzzjoni ħolqot skarsezza fid-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni li damet għal għaxar snin wara l-kollass. In-negozji marbuta ma’ dan is-settur, l-iżjed l-SMEs, intlaqtu ħażin, li wassal għal konsegwenzi negattivi ħafna għal min iħaddem u għall-ħaddiema.

L-effetti soċjali u l-effetti fuq l-istruttura korporattiva tal-programm ta’ awsterità fil-Greċja

Il-kriżi u l-politiki kontra l-kriżi implimentati fil-Greċja kellhom effetti diretti u indiretti li affettwaw b’mod negattiv in-negozji (falliment), l-impjieg u d-dimensjoni soċjali. L-impatt ma nħassx b’mod ugwali mill-ħaddiema, il-pensjonanti, il-kontribwenti u l-familji tagħhom:

ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 13,5 % f’Ottubru 2010; hija laħqet is-27,5 % fl-2013;

il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu madwar 45,5 %;

it-telf gravi tad-dħul huwa relatat mar-rati għolja ta’ qgħad;

it-tnaqqis drastiku fil-pagi u l-pensjonijiet, flimkien ma’ impjiegi part-time, dejn eċċessiv u taxxi għoljin naqqsu b’mod drammatiku d-dħul tal-unitajiet domestiċi, dgħajfu l-kapaċità tal-akkwist u mmarġinalizzaw partijiet kbar tal-popolazzjoni;

l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ffaċċjaw problemi finanzjarji gravi, li għamilha impossibbli li jieħdu sehem konsistentement fid-djalogu soċjali u ċivili, jew jindirizzaw b’mod adegwat l-isfidi li jinqalgħu. Dan jista’ jdgħajjef il-kwalità tad-demokrazija peress li jista’ jwassal għas-sottorappreżentanza tal-interessi ekonomiċi u soċjali differenti;

il-mekkaniżmi għall-monitoraġġ tas-suq offruti mis-soċjetà ċivili qed imorru lura minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji, li jwassal għal lakuni fil-protezzjoni għal firxa wiesgħa ta’ interessi, inklużi l-konsumaturi;

il-livelli tal-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u s-saħħa ddgħajfu ferm minħabba t-tnaqqis (4);

is-sitwazzjoni għadha drammatika fir-rigward tal-aċċess għas-saħħa, il-ksib ta’ mediċini u l-protezzjoni soċjali;

Dawn is-sitwazzjonijiet aggravaw il-livelli tal-faqar, li jaffettwa aktar minn 20 % tal-popolazzjoni, li jfisser żieda fl-inugwaljanza.


(1)  Desigualdade de rendimento e Pobreza em Portugal (L-inugwaljanza fid-dħul u l-faqar fil-Portugall) (FFMS, Settembru 2016).

(2)  Studju tal-KESE “The impact of anti-crisis measures and the social and employment situation: Ireland” [L-impatt tal-miżuri kontra l-kriżi u tas-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi: l-Irlanda] (2013) (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ZBW – Leibniz Information Centre for Economics (Intereconomics 2013).

(4)  Studju tal-KESE “The impact of anti-crisis measures and the social and employment situation: Greece” (L-impatt tal-miżuri kontra l-kriżi u tas-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi: il-Greċja) (2013) (mhux disponibbli bil-Malti).


APPENDIĊI 2

The following amendment was rejected during the discussion but received over a quarter of the votes.

Punt 1.7.

Ibdel it-test kif ġej:

 

Id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali (IA) qed joħolqu tibdil kbir fl-ekonomija, is-suq tax-xogħol, inklużi forom ġodda ta’ xogħol, fil-ħiliet u fis-soċjetà, u qed joħolqu sfidi għall-istrutturi tagħha, inklużi l-istabbilizzaturi awtomatiċi u, għaldaqstant, qed iżidu għadd mhux prevedibbli ta’ persuni esklużi ma’ dawk diġà eżistenti. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq “skema ta’ assigurazzjoni Ewropea bażika u universali kontra l-qgħad” biex tindirizza b’mod effettiv l-isfida u tiżgura protezzjoni soċjali deċenti għal kulħadd, li tkun disponibbli tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom (15-il-65 sena). Fir-rigward tal-kwistjoni tal-qerda tal-faqar, il-Kummissjoni għandha toħloq ukoll “paga minima li tiggarantixxi l-għajxien”, billi tadotta approċċ u impenn Ewropej biex “ħadd ma jitħalla barra”.

Raġuni

The proposal is infeasible in this form, and also does not fall within the competence of the Commission.

L-emenda nċaħdet b’74 vot favur, 129 vot kontra u 13-il astensjoni.


Top