This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018H0308(01)
Council Recommendation of 6 March 2018 concerning a roadmap for the implementation of PESCO
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Marzu 2018 dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Marzu 2018 dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO
ĠU C 88, 8.3.2018, pp. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
8.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 88/1 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tas-6 ta’ Marzu 2018
dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO
(2018/C 88/01)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 46(6),
Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita bl-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1),
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana.
Billi:
|
(1) |
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2017 qabel dwar il-ħtieġa li tiġi varata kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) inklużiva u ambizzjuża, għat-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa biex tikkontribwixxi ħalli jiġi sodisfatt il-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni kif derivat mill-Istrateġija Globali tal-UE u kif definit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-Sigurtà u d-Difiża. Huwa nnota li din il-ħidma għandha tkun konsistenti mal-ippjanar u l-impenji fid-difiża nazzjonali tal-Istati Membri maqbula fi ħdan in-NATO u n-NU mill-Istati Membri kkonċernati. |
|
(2) |
Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. (ir-Rappreżentant Għoli) rċevew notifika konġunta skont l-Artikolu 46(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) minn 23 Stat Membru, u fis-7 ta’ Diċembru 2017 minn żewġ Stati Membri oħra. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 stabbilixxiet il-PESCO u pprevediet li l-governanza tal-PESCO tiġi organizzata fil-livell tal-Kunsill u fil-qafas ta’ proġetti implimentati minn gruppi ta’ dawk l-Istati Membri parteċipanti li qablu bejniethom biex iwettqu tali proġetti. |
|
(4) |
Fil-11 ta’ Diċembru 2017, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO adottaw ukoll Dikjarazzjoni li tesprimi l-intenzjoni tagħhom li jħejju, f’raggruppamenti differenti, l-ewwel proġetti kollaborattivi tal-PESCO kif indikat fl-Anness għad-Dikjarazzjoni. |
|
(5) |
Fl-14 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew laqa’ b’mod pożittiv l-istabbiliment ta’ PESCO ambizzjuża u inklużiva u enfasizza l-importanza li l-ewwel grupp ta’ proġetti jiġi implimentat malajr u stieden lill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom. |
|
(6) |
Fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni PESK 2018/340 (2) li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO. |
|
(7) |
L-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jikkonferma li l-Kunsill, konformement mal-Artikolu 46(6) tat-TUE, jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet li jipprovdu direzzjoni u gwida strateġika għall-PESCO. |
|
(8) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni li tipprovdi tali direzzjoni u gwida strateġika għall-implimentazzjoni tal-PESCO, |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
I. OBJETTIVI U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
|
1. |
L-objettiv ta’ din ir-rakkomandazzjoni huwa li tipprovdi direzzjoni u gwida strateġika għall-implimentazzjoni tal-PESCO, sabiex tiġi strutturata l-ħidma ulterjuri meħtieġa dwar il-proċessi u l-governanza, inkluż fir-rigward tal-proġetti, bil-ħsieb li l-Istati Membri parteċipanti jwettqu l-impenji aktar vinkolanti li ħadu fil-konfront ta’ xulxin, kif indikat fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. |
II. IMPLIMENTAZZJONI
Iffissar tas-sekwenza tal-issodisfar tal-impenji u l-ispeċifikazzjoni ta’ objettivi aktar preċiżi
|
2. |
L-Artikolu 4(2)(b) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet li jiffissaw is-sekwenza tal-issodisfar tal-impenji l-aktar vinkolanti indikati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni matul iż-żewġ fażijiet inizjali konsekuttivi (is-snin 2018-2020 u 2021-2025) u li jispeċifikaw fil-bidu ta’ kull fażi l-objettivi aktar preċiżi għall-issodisfar tal-impenji aktar vinkolanti. |
|
3. |
Huwa għalhekk xieraq li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni sa Ġunju 2018 dwar l-iffissar tas-sekwenza tal-issodisfar tal-impenji għall-fażijiet 2018-2020 u 2021-2025 u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi, inkluż l-impenji li għandhom jiġu sodisfatti qabel l-2020. Din ir-rakkomandazzjoni għandha tiddefinixxi wkoll indikaturi komunement maqbula biex jassistu lill-Istati Membri parteċipanti fl-issodisfar tal-impenji u fil-valutazzjoni tal-progress f’dak ir-rigward. |
|
4. |
Is-segretarjat tal-PESCO, ipprovdut b’mod konġunt mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, inkluż l-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea (EUMS), u lAġenzija Ewropea għad-Difiża, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, huwa mistieden jipprovdi feedback inizjali sal-aħħar ta’ Marzu 2018 fir-rigward tat-tip, il-granularità u l-istruttura tal-informazzjoni pprovduta fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali kkomunikati f’Diċembru 2017 mill-Istati Membri parteċipanti, fid-dawl tal-issodisfar tal-impenji tagħhom. Dan il-feedback għandu jgħin biex jipprovdi informazzjoni għall-iżvilupp tar-rakkomandazzjoni dwar l-iffissar tas-sekwenza, li għandha tiġi adottata mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 4(2)(b) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. Is-segretarjat tal-PESCO jista’ wkoll jappoġġa individwalment kull Stat Membru parteċipanti, fuq talba tagħhom, biex itejjeb il-kwalità tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom. |
|
5. |
Wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar l-iffissar tas-sekwenza, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jirrieżaminaw u jaġġornaw kif xieraq il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom skont dan, u jikkomunikawhom lis-segretarjat tal-PESCO sal-10 ta’ Jannar 2019, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. Mill-2020, dawn il-pjanijiet għandhom jiġu ppreżentati kull sena lis-segretarjat tal-PESCO sal-10 ta’ Jannar, b’kont meħud tar-rieżami tal-PESCO min-naħa tal-Kunsill – abbażi tar-rapport annwali preċedenti tar-Rappreżentant Għoli msemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, il-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport biennali tal-CARD. |
|
6. |
Fi tmiem l-ewwel fażi, f’konformità mal-Artikolu 4(2)(c) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, il-Kunsill ser jaġġorna, u jsaħħaħ jekk meħtieġ, l-impenji aktar vinkolanti indikati f’dik id-Deċiżjoni fid-dawl tal-kisbiet li jkunu saru permezz tal-PESCO, sabiex jirriflettu l-kapaċità u l-ħtiġijiet operazzjonali tal-Unjoni u l-ambjent tas-sigurtà kif jevolvi. Tali deċiżjoni ser tkun ibbażata fuq proċess ta’ rieżami strateġiku li jivvaluta l-issodisfar tal-impenji tal-PESCO. |
|
7. |
Fil-bidu tal-fażi li jmiss, il-Kunsill għandu jadotta sett ieħor ta’ objettivi aktar preċiżi għall-fażi 2021-2025, b’kont meħud tal-Artikolu 4(2)(c) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. |
Lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO
|
8. |
Wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni mill-Kunsill fis-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħmlu sforzi sostanzjali biex jiddefinixxu objettivi u kronoloġiji għal kull proġett. |
|
9. |
Il-Kunsill għandu jaġġorna din il-lista sa Novembru 2018 biex tinkludi s-sett ta’ proġetti PESCO li jmiss, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. |
|
10. |
Sussegwentement, bil-ħsieb ta’ implimentazzjoni sostenibbli u effettiva tal-PESCO, din il-proċedura biex jiġu vvalutati l-proġetti l-ġodda ppreżentati mill-Istati Membri parteċipanti għandha fil-prinċipju titlesta kull sena f’Novembru, wara sejħa għal proposti ta’ proġetti ġodda sal-bidu ta’ Mejju ta’ dik l-istess sena. Il-valutazzjoni tal-proposti ta’ proġetti PESCO mis-segretarjat tal-PESCO għandha ssegwi kriterji trasparenti li jkopru kemm il-perspettiva tal-kapaċità kif ukoll il-lat operazzjonali, u li għandhom jiġu żviluppati ultejorment mal-Istati Membri parteċipanti. F’konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, il-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) ser jipprovdi parir militari dwar ir-rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli rigward l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġetti PESCO. |
|
11. |
L-Istati Membri Parteċipanti li jkollhom l-intenzjoni li jipproponu proġett individwali għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri parteċipanti l-oħra fi żmien debitu qabel ma jippreżentaw il-proposti tagħhom, sabiex jiksbu appoġġ u biex ikollhom l-opportunità li jissieħbu u jippreżentaw il-proposta b’mod kollettiv. Il-proposti dettaljati ta’ proġetti inkluż il-kronoloġiji għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu ppreżentati b’mod li s-segretarjat tal-PESCO ikollu biżżejjed ħin biex jivvalutahom bil-ħsieb ta’ rakkomandazzjoni mir-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. Il-Kunsill jistieden lis-segretarjat tal-PESCO biex jiżviluppa mudell għall-proġetti li għandhom jiġu ppreżentati u biex jappoġġa lill-Istati Membri parteċipanti fid-distribuzzjoni tal-proposti ta’ proġetti PESCO individwali tagħhom lill-Istati Membri l-oħra. |
Sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti
|
12. |
Is-sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti skont l-Artikolu 4(2)(f) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, li l-Istati Membri parteċipanti li jkunu qed jieħdu sehem fi proġett individwali jistgħu jadattaw skont kif neċessarju għal dak il-proġett, għandu jiġi adottat mill-Kunsill sa Ġunju 2018. Għandu jipprovdi qafas li jiżgura implimentazzjoni koerenti u konsistenti tal-proġetti PESCO u jinkludi modalitajiet biex il-Kunsill jiġi informat regolarment dwar l-iżvilupp ta’ proġetti individwali, skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, u biex jippermetti s-sorveljanza neċessarja mill-Kunsill. F’dan ir-rigward, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri parteċipanti, inkluż inter alia ir-rwol tal-osservaturi jekk xieraq, kif ukoll tas-segretarjat tal-PESCO għandhom jiġu speċifikati ulterjorment. Dan il-qafas għandu jipprovdi wkoll gwida ġenerali lill-parteċipanti fit-tfassil tal-arranġamenti xierqa għall-ġestjoni ta’ kull proġett, f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. F’dan il-kuntest, il-Kunsill ser ukoll jerġa’ lura sa Ġunju 2018 għall-kwsitjoni tal-funzjonijiet ta’ koordinament tal-Istati Membri parteċipanti fl-ambitu tal-proġetti. |
Kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni eċċezzjonali ta’ stati terzi fi proġetti individwali
|
13. |
Skont l-Artikoli 4(2)(g) u 9(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, il-Kunsill ser jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi, fi żmien debitu, il-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jistgħu eċċezzjonalment ikunu mistiedna jipparteċipaw fi proġetti individwali; u ser jiddetermina skont l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jekk Stat terz partikolari jissodisfax dawn il-kondizzjonijiet. Il-ħidma biex jiġu żviluppati dawn il-kondizzjonijiet ġenerali għandha tibda hekk kif jiġu stabbiliti, sa Ġunju 2018, is-sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti u l-iffissar tas-sekwenza tal-issodisfar tal-impenji, u, soġġett għal valutazzjoni ulterjuri mill-Kunsill, fil-prinċipju għandha tiġi adottata Deċiżjoni qabel tmiem l-2018. |
Rapport Annwali tar-RGĦ lill-Kunsill u mekkaniżmu ta’ valutazzjoni
|
14. |
Skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, u abbażi ta’ pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali aġġornati ppreżentati mill-Istati Membri parteċipanti, ir-Rappreżentant Għoli ser tippreżenta rapport annwali lill-Kunsill li jiddeskrivi l-istat ta’ implimentazzjoni tal-PESCO, u inkluż l-issodisfar, minn kull Stat Membru parteċipanti, tal-impenji tiegħu, f’konformità mal-pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan għandu jiffoka fuq l-azzjonijiet konkreti u l-provvedimenti meħuda mill-Istati Membri parteċipanti biex jissodisfaw l-impenji tagħhom, inkluż permezz ta’ proġetti PESCO, u abbażi ta’ objettivi aktar preċiżi u s-sekwenza definita għaż-żewġ fażijiet inizjali konsekuttivi. F’dan il-kuntest, is-segretarjat tal-PESCO huwa mistieden jipprovdi l-mudell aġġornat għall-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinkludu fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom informazzjoni dwar l-azzjonijiet konkreti u l-provvedimenti meħuda biex jissodisfaw l-impenji tagħhom, inkluż informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet għall-proġetti. Barra minn hekk, konsultazzjonijiet informali jistgħu jgħinu biex jiċċaraw l-informazzjoni pprovduta fihom. |
|
15. |
Ir-Rappreżentant Għoli għandha tippreżenta l-ewwel rapport annwali tagħha f’April 2019 jew mill-anqas qabel il-Kunsill Affarijiet Barranin rilevanti fl-ewwel semestru tas-sena sabiex jitqiesu l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali aġġornati ppreżentati mill-Istati Membri parteċipanti sal-10 ta’ Jannar 2019. Mill-2020, ir-rapport annwali għandu jiġi ppreżentat f’Marzu jew April, b’kont meħud tal-pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali rivedut u aġġornat ippreżentat f’Jannar tal-istess sena. |
|
16. |
Abbażi tar-rapport ipprovdut mir-Rappreżentant Għoli, l-EUMC għandu jipprovdi parir militari u rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà biex dan ikun jista’ jħejji r-rieżami tal-Kunsill dwar jekk l-Istati Membri parteċipanti jkunux għadhom jissodisfaw l-impenji l-aktar vinkolanti, sa Mejju ta’ kull sena. F’dan il-kuntest, il-Kunsill għandu jirrieżamina wkoll il-progress li jkun sar fl-issodisfar tal-Livell ta’ Ambizzjoni tal-Unjoni, biex b’hekk tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà u l-awtonomija strateġika tagħha, u tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tikkoopera mas-sħab u li tipproteġi ċ-ċittadini tagħha. |
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Marzu 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) ĠU L 331. 14.12.2017, p. 57.