EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC0729(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri ppubblikata skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-istabbiliment ta' simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn

OJ C 247, 29.7.2017, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri ppubblikata skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-istabbiliment ta' simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn

(2017/C 247/08)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(2) ta’ dak ir-Regolament (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel  (2)

“QUESO DE LA SERENA”

Nru tal-UE: PDO-ES-2152 — 14.7.2016

DOP ( X ) IĠP ( ) ETG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Il-Kunsill Regolatorju tad-DOP “Queso de la Serena”

Ctra. EX-104, s/n (Ints. Ferial de La Serena)

06420 Castuera (Badajoz)

ESPAÑA

Tel. +34 924772114

Email: info@quesoserena.com

Dan il-Kunsill Regolatorju ġie rikonoxxut permezz tal-Ordni tal-14 ta’ April 1993, tal-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel, biex jirretifika r-Regolament dwar id-Denominazzjoni tal-Oriġini “Queso de la Serena” u l-Kunsill Regolatorju tiegħu (BOE nru. 100, tas-27.4.1993), u huwa l-istess grupp li oriġinarjament ippreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrar tal-isem li għalih tirreferi l-ispeċifikazzjoni, għall-fini tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014. Il-Liġi 4/2010 tat-28 ta’ April dwar il-Kunsilli Regolatorji għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ Kwalità Agroalimentaria tal-Extremadura, bħalissa tiddefinixxi lill-kunsilli regolatorji bħala l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni tad-DOP/IĠP, b’personalità ġuridika proprja, kif ukoll b’awtonomija finanzjarja u setgħa sħiħa biex jieħdu azzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom. Huma joperaw fuq prinċipji demokratiċi u jirrappreżentaw l-interessi ekonomiċi u settorjali integrati involuti fid-DOP/IĠP, b’mod speċjali l-interessi tal-minoranzi, billi dawn għandhom jirrappreżentaw l-interessi varji kollha involuti b’mod ugwali, filwaqt li jżommu l-prinċipju bażiku tagħhom li joperaw mingħajr skop ta’ qligħ. Skont l-Artikolu 16(2)(g) tal-Liġi msemmija 4/2010, il-funzjonijiet tagħhom jinkludu “il-proposti ta’ emendi fl-ispeċifikazzjoni ta’ prodott u l-parteċipazzjoni fil-proċedimenti istitwiti għal dak l-iskop”.

L-applikazzjoni għal emenda minuri fl-Ispeċifikazzjoni ġiet miftiehma mill-Kunsill Regolatorju tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Queso de la Serena” fi ħdan il-funzjonijiet tiegħu, li għaldaqstant huwa fl-interess totalment leġittimu tiegħu.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Titlu/intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat/a mill-emenda

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: L-istruttura tal-kontroll u tar-rekwiżiti legali nazzjonali

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP rreġistrata li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma jkun ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku (jew ekwivalenti).

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ STG rreġistrata li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

5.1.

Il-paragrafu li ġej fit-taqsima “B (Deskrizzjoni tal-prodott)” tal-ispeċifikazzjoni, b’rabta mal-“karatteristiċi fiżiċi tal-ġobon wara l-maturazzjoni”:

Il-kliem “Dijametru: bejn 18 u 24 cm” jinbidel b’dan li ġej: “Dijametru: bejn 10 u 24 cm”.

L-emenda proposta ma taffettwa bl-ebda mod il-karatteristiċi tal-ħalib jew il-karatteristiċi tal-annimali li jipproduċu l-ħalib. Fir-rigward tal-prodott innifsu, lanqas ma tbiddel il-karatteristiċi fiżiko-kimiċi (li jibqgħu l-istess, bl-istess limiti bħal dawk fl-ispeċifikazzjoni oriġinali), u f’dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi fiżiċi tal-ġobon, il-“forma”, l-“għoli”, il-“piż”, il-“qoxra”, il-“qalba” u l-“aroma u togħma” jibqgħu eżattament l-istess ukoll. L-unika bidla proposta hija fil-limitu inferjuri tal-firxa tad-dijametru. Għandu jittieħed kont tal-fatt li, meta tfasslet l-ispeċifikazzjoni oriġinali (aktar minn għoxrin sena ilu), il-ġobniet b’piż li jidħol fil-limitu inferjuri tal-firxa permessa fl-ispeċifikazzjoni (750–2 000 g), kienu rari. B’riżultat ta’ dan, f’dak iż-żmien, kien hemm ftit għarfien tekniku dwar id-dijametri li l-iżgħar ġobniet jista’ jkollhom, u dan seħħ flimkien mal-fatt li, f’sistema ta’ produzzjoni tradizzjonali bħal din, huwa diffiċli li wieħed ikun preċiż dwar ċerti qisien.

Fi kwalunkwe każ, b’differenza mill-piż tal-ġobna, id-dijametru mhuwiex kritiku meta wieħed jiddefinixxi l-qies tal-prodott. F’dan ir-rigward, fil-fajl tal-applikazzjoni oriġinali għall-“Queso de la Serena”, kemm fis-Sommarju kif ukoll fil-Verżjoni Konsolidata, ġie inkluż biss it-test li ġej taħt l-intestatura b’rabta mad-deskrizzjoni tal-prodott: “Ġobon xaħmi sa full-fat, maturat, minn ġobon artab sa semi-staġjonat; f’forma ta’ rota bl-uċuħ ċatti u bil-ġenb konvess, qoxra ftit iebsa u qalba ratba għal soda, piż ta’ bejn 750 g sa 2 kg”. Għaldaqstant, dan ma jbiddilx xi wieħed mill-elementi inklużi fis-Sommarju jew fil-Verżjoni Konsolidata, u fl-aħħar mill-aħħar ma jaffettwax il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott. L-emenda, għalhekk, hija konformi mar-rekwiżit stabbilit f’dak li għandu x’jaqsam ma’ emendi minuri, skont l-Artikolu 53(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

5.2.

Wara li ġie kkunsidrat l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, huwa xieraq li tinbidel it-taqsima sħiħa “G (Il-Korp ta’ Spezzjoni)” fl-Ispeċifikazzjoni, minħabba l-informazzjoni b’rabta mal-Korp ta’ Spezzjoni responsabbli għall-verifika tal-konformità ta’ din l-Ispeċifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 37(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Għaldaqstant l-emenda hija sempliċiment l-aġġornament ta’ din it-taqsima, billi tindika d-dettalji tal-Korp ta’ Ċertifikazzjoni tal-prodott li lilu l-Awtorità Kompetenti ddelegat il-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DOP “Queso de la Serena”, skont it-termini stipulati fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u fl-Artikolu 59 u fil-Kapitolu III tat-Titolu III tal-Liġi 6/2015 tal-24 ta’ Marzu, dwar l-agrikoltura fl-Extremadura.

Bl-emenda proposta, it-Taqsima G tal-ispeċifikazzjoni taqra kif ġej:

“Isem: AGROCOLOR, S.L.

Indirizz: Ctra. de Ronda, n.o 11, Bajo. 04004 Almería (España).

Tel. +34 950280380.

Email: agrocolor@agrocolor.es”

5.3.

Barra minn hekk, bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7.1 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, it-Taqsima “I (Rekwiżiti legali nazzjonali)”, ma tagħmilx sens u għaldaqstant tneħħiet għalkollox mill-Ispeċifikazzjoni.

6.   Speċifiċità aġġornata tal-prodott (għal DOP u IĠP biss)

http://www.gobex.es/filescms/con03/uploaded_files/SectoresTematicos/Agroalimentario/Denominacionesdeorigen/DOP_Queso_Serena_Pliego_Condiciones.pdf

DOKUMENT UNIKU

“QUESO DE LA SERENA”

Nru tal-UE: PDO-ES-02152 — 14.7.2016

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Queso de la Serena”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3 Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Il-“Queso de la Sirena” huwa ġobon artab għal parzjalment iebes magħmul mill-ħalib tan-nagħaġ tar-razza merino. Dan huwa ġobon xaħmi jew full-fat; maturat, f’forma ta’ rota bl-uċuħ ċatti u għat-tond madwar il-perimetru tal-wiċċ, qoxra ftit iebsa u qalba bejn ratba u soda. Il-ġobna għandha piż li jvarja bejn 750 g u 2 kg, għoli bejn 4 u 8 cm u dijametru ta’ bejn 10 u 24 cm.

Il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tal-ġobon:

—   Xaħam: minimu ta’ 50 % ta’ materjal niexef,

—   Materja niexfa: minimu ta’ 50 %,

—   pH: bejn 5,2 u 5,9,

—   Total ta’ proteina fil-materjal niexef: minimu ta’ 35 %.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-mergħat fiż-żona ġeografika huma limitati f’termini ta’ kwantità iżda huma ta’ kwalità tajba, li tagħti karatteristiċi speċjali lill-produzzjoni tal-ħalib. F’ċertu żmien tas-sena, in-nagħaġ jinħarġu mir-razzett biex jieklu mill-qasbija taċ-ċereali u kultant mill-fdalijiet tat-tkabbir tal-uċuħ ta’ raba’ saqwi. Jekk ikun meħtieġ li jingħata l-ikel, dan isir kif stipulat fir-regoli ta’ applikazzjoni, inklużi r-regoli speċifiċi għall-prodotti b’denominazzjoni tal-oriġini protetta dwar is-sorsi tal-għalf u tal-materja prima.

Il-ħalib użat fil-produzzjoni tal-“Queso de la Serena” ġej minn merħliet ta’ nagħaġ tar-razza merino li jinsabu fiż-żona ta’ produzzjoni. Il-ħalib huwa l-prodott naturali sħiħ miksub minn nagħaġ b’saħħithom, nadif u ħieles mill-impuritajiet, mingħajr kolostri, prodotti medikati għall-preservazzjoni, li jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq l-ipproċessar, il-maturazzjoni jew il-konservazzjoni tal-ġobon, jew fuq il-kundizzjonijiet sanitarji u tal-iġjene tiegħu.

Il-karatteristiċi analitiċi tal-ħalib huma kif ġej:

—   Proteina: Minimu ta’ 5 %,

—   Kontenut ta’ xaħam: Minimu ta’ 7 %,

—   L-estratt niexef totali: Minimu ta’ 18 %.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4 huma dawn li ġejjin:

Il-produzzjoni tal-ħalib, bil-karatteristiċi u bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.3, inkluż il-ħlib, it-tkessiħ, il-ħżin, il-ġbir u t-trasport tal-ħalib.

Il-produzzjoni tal-ġobon, inkluż il-fażijiet tal-koagulazzjoni tal-ħalib li ssir bejn 25 °C u 32 °C f’ħin bejn 50 u 75 minuta (permezz ta’ koagulant veġitali naturali ġej minn fjuri mnixxfin tal-Cynara Cardunculus), il-qtugħ, l-iffurmar, it-tmelliħ u l-maturazzjoni.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketti kummerċjali, dawk li jappartjenu lil kull ditta kummerċjali rreġistrata, għandhom ikunu approvati mill-Kunsill Regolatorju tad-DOP. Fuqhom, b’mod obbligatorju, għandu jidher il-kliem: Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Queso de la Serena”.

Il-prodott maħsub għall-konsum għandu jkollu tikketta oħra nnumerata u maħruġa mill-Kunsill Regolatorju tad-DOP, li titwaħħal mal-ġobna fil-post fejn saret b’tali mod li ma tkunx tista’ terġa’ tintuża.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni u tal-maturazzjoni tal-“Queso de la Serena” hija magħmula minn dawn il-21 muniċipalità li jinsabu fil-parti tax-Xlokk tal-Provinċja ta’ Badajoz: La Haba, Magacela, La Coronada, Campanario, Esparragosa de Lares, Valle de la Serena, Zalamea de la Serena, Higuera de la Serena, Quintana de la Serena, Malpartida de la Serena, Esparragosa de la Serena, Castuera, Cabeza del Buey, Santi-Spiritus, Risco, Garlitos, Peñalsordo, Zarzacapilla, Capilla, Monterrubio de la Serena, Benquerencia de la Serena.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Aspett Storiku

Xi referenzi biblijografiċi fejn issir referenza għall-“Queso de la Serena”:

Referenza fil-ktieb Viaje a La Serena tal-1791 ta’ Antonio Agúndez Fernández, dwar il-comarca ta’ La Serena, meħuda minn xi manuskritti tal-Imħallef Cubeles, li fost l-oħrajn jgħid: “Famoso por el sabor y buena hechura es el queso que se hace con la leche de sus ovejas, cuya arroba se vende a 60 réales” (Il-ġobon magħmul mill-ħalib tan-nagħaġ tagħha huwa famuż għat-togħma u għas-sengħa, u “arroba” tiegħu tinbiegħ 60 réal).

Fl-Ordinanza tas-seklu XVI u XVII ta’ Cabeza del Buey, hemm referenza għad-dieċma tal-ġobon u għall-ewwel frott li kienu jingħataw lill-Knisja Parrokjali, billi l-bidwi kien obbligat jagħti lill-kappillan tal-parroċċa l-ġobon kollu magħmul mill-ewwel lott ta’ ħalib maħlub għall-produzzjoni tal-ġobon.

5.2.   Ir-rabta naturali

(a)   Orografija

Fil-provinċja ta’ Badajoz, jiddominaw l-għoljiet żgħar u xejn weqfin, b’mod li tista’ tgħid li l-art hija penipjan. Hija żona ta’ mergħat ta’ kwalità eċċellenti — b’ħamrija taflija u bil-granit li tokkupa madwar 300 000 ha — li fiha jirgħu n-nagħġa tar-razza merino; fil-fatt, dawn il-mergħat tal-ħaxix huma s-sors ewlieni ta’ enerġija għall-ekosistema ta’ din il-comarca u fihom wieħed isib varjetà ta’ flora (ara l-paragrafu dwar il-flora). L-altitudni medja hija ta’ 430 metru.

(b)   Ħamrija

L-istruttura ġeoloġika tal-provinċja Badajoz tikkorrispondi għal penipjan paleożoiku b’xi strati ta’ depożiti li ġew wara u bosta traċċi eruttivi.

Il-ħamrija, li mhix fonda ħafna u ftit permeabbli, hija kambrika, silurjana u granitika, u spiss b’xi blat fil-wiċċ. Il-pendil mhux wieqaf, it-topografija hi xi ftit immewġa u l-orjentazzjoni tħares lejn in-Nofsinhar. B’mod ġenerali il-ħamrija hija taflija u granitika, aċiduża b’pH ta’ 5 sa 5,5 u b’livelli baxxi ta’ fosfru. Ma tantx hemm siġar, f’xi partijiet m’hemmx siġra waħda, u dan jagħti d-dehra ta’ reġjun deforestat.

(c)   Klima

Il-comarca ta’ La Serena tgawdi minn klima Mediterranja b’influwenza Atlantika, bi sjuf sħan u xotti, u xtiewi moderati u bix-xita. F’din iż-żona, ix-xtiewi huma ġeneralment favorevoli għalkemm hemm perjodu ta’ ġlata, li jibda mill-1 ta’ Novembru u jintemm fl-10 ta’ Marzu. Is-sjuf huma sħan u xotti, u t-tendenza ġenerali ta’ din iż-żona hija l-aridità. Il-medja annwali tax-xita hija 498 mm.

(d)   Idrografija

Ix-xmajjar Guadiana Menor u Zújar jgħaddu mill-comarca ta’ La Serena.

(e)   Flora

Fost l-ispeċi botaniċi taż-żona nsibu:

Vulpia ciliata, Bromus molis y Agrostis spp. mill-familja Gramíneas;

Trifolium (T. arvense, T. campestre y T. glomeratum);

Ornitopus compresus mill-familja leguminuża; Heliantemus, Erodium, Plantago, Carlina y Hipochaeris.

5.3.   Sistemi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar

(a)   Produzzjoni

Ir-razza merino hija partikolari għar-reżistenza tagħha u għall-kapaċità li tadattata għall-klima ħarxa u l-ambjent sever. Il-karatteristika ewlenija tagħha hija l-produzzjoni tas-suf, iżda minkejja dan hija tajba wkoll għall-produzzjoni tal-laħam u tal-prodotti tal-ħalib, li fl-aħħar mill-aħħar meta wieħed iqis l-ambjent diffiċli fejn jgħixu dawn in-nagħaġ, twassal għal redditu pjottost aċċettabbli, għaliex kapaċi tipproduċi ftit ħalib iżda b’livell għoli ta’ proteini u xaħam.

In-nagħġa hija ċkejkna b’piż bejn 40 u 45 kg, waqt li l-muntun jiżen bejn 55 u 65 kg; is-saqajn twal huma adattati għall-vjaġġi twal biex ifittxu l-ikel (għalkemm illum l-annimali joħorġu mir-razzett biss f’ċertu żmien tas-sena, waqt li fil-passat kienu jemigraw annwalment). Din ir-razza għandha rata ta’ fekondità ta’ 85 % u ta’ fertilità ta’ 80 %, u normalment in-nagħġa twelled darba fis-sena għalkemm hemm it-tendenza li jkollha tliet darbiet f’sentejn.

(b)   Ipproċessar

L-ipproċessar tal-ġobon isir permezz tal-koagulazzjoni bl-enżimi tal-ħalib, bl-użu tat-tames veġetali (Cynara cardunculus), b’mod ġenerali f’temperatura ta’ inqas minn 30 °C.

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, it-temperatura moderata u l-użu ta’ tames b’livell baxx ta’ kapaċità koagulanti, jirriżultaw f’ħinijiet itwal ta’ koagulazzjoni u f’baqta pjuttost ratba; konsegwentament, il-livell għoli ta’ attività proteolitika jirriżulta f’ġobon b’sawra inqas konsistenti.

Għoxrin jum wara li l-ġobna tingħata l-forma, ħafna drabi jseħħ il-fenomenu msejjaħ “atortado”, fejn il-qalba tal-ġobna ssir aktar fluwida u wieħed irid joqgħod attent kif jimmanipulaha biex jevita li l-qoxra tinkiser u joħroġ l-intern tagħha.

5.4.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiki tal-prodott

Minn naħa waħda, il-mergħat tal-comarca La Serena jifirxu għal madwar 300 000 ettaru ta’ art kważi totalment mingħajr siġar u jikbru mingħajr ebda kompetizzjoni ta’ pjanti. Dan ifisser li l-mergħat jieħdu n-nutrijenti kollha mill-ħamrija u, għaldaqstant, jiżviluppaw b’livell għoli nutrittiv, l-ideali għall-għalf tal-bhejjem. Barra minn hekk, in-nagħaġ tar-razza merino, bħala dik l-aktar adattata għall-kundizzjonijiet klimatiċi u orografiċi estremi ta’ La Serena, jipproduċu ftit ħalib iżda b’livell għoli ta’ proteini u xaħam.

Dan il-kombinament sekulari u insostitwibbli jagħmel il-ħalib tan-nagħaġ tar-razza merino, li jirgħa fil-mergħat ta’ La Serena, ideali għall-produzzjoni tal-“Queso de la Serena” u jagħtih il-karatteristiċi tant speċjali u ġenwini tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.gobex.es/filescms/con03/uploaded_files/SectoresTematicos/Agroalimentario/Denominacionesdeorigen/DOP_Queso_Serena_Pliego_Condiciones.pdf


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top