EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC0729(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (EU) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

OJ C 247, 29.7.2017, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/7


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (EU) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 247/07)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“HOLSTEINER KATENSCHINKEN” / “HOLSTEINER SCHINKEN” / “HOLSTEINER KATENRAUCHSCHINKEN” / “HOLSTEINER KNOCHENSCHINKEN”

Nru tal-UE: PGI-DE-0713-AM01 — 30.3.2017

DOP ( ) IĠP ( X ) TSG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem:

Schutzgemeinschaft Schleswig-Holsteinischer Schinkenhersteller e.V.

Indirizz:

c/o Landwirtschaftskammer Schleswig-Holstein/ Abteilung Gütezeichen

Grüner Kamp 15-17

24768 Rendsburg

DEUTSCHLAND

Tel.

+49 43319453401

Faks:

+49 43319453409

Posta elettronika:

mheid@lksh.de

Interess leġittimu:

L-assoċazzjoni ta’ protezzjoni applikanta hija grupp ta’ produtturi tal-prodott inkwistjoni. Schutzgemeinschaft Schleswig-Holsteinischer Schinkenhersteller e.V. ressqet ukoll l-applikazzjoni oriġinali għall-protezzjoni u għalhekk għandha interess leġittimu f’din l-applikazzjoni għal emenda.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Ġermanja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta maż-żona ġeografika

Tikkettar

Oħrajn [għandhom jiġu speċifikati]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata biex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata biex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata biex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha dokument uniku (jew l-ekwivalenti) ma ġiex ippubblikat

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

(sottolinjata)

(b)

Deskrizzjoni:

F’nofs l-ewwel paragrafu, “… jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa bil-fagu” tinbidel għal “jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa b’mod predominanti bil-fagu”.

It-tielet paragrafu, “… għall-proċess tal-affumikar bil-mod fil-kesħa jintuża biss il-fagu” tinbidel għal “għall-proċess tal-affumikar bil-mod fil-kesħa jintuża l-fagu b’mod predominanti (ta’ mill-anqas 75 %)”.

Ġustifikazzjoni:

Ir-raġuni għall-bidla hija li l-materjal tal-affumikar li jinxtara, u l-purità tal-injam tal-fagu mill-postijiet fejn jisserraw l-injam il-kbir u l-fornituri tal-injam ma jistgħux jiġu garantiti. Dan jista’ jinkludi l-injam tal-alnu u tal-ġewż (“hedge wood”). Għalhekk il-kliem “b’mod predominanti” jirrifletti r-realtà tas-sitwazzjoni. L-użu minimu ta’ 75 % tal-injam tal-fagu għall-proċess tal-affumikar, jiżgura t-togħma tipika tal-Holsteiner Katenschinken li tiddependi fuq l-affumikar tiegħu fuq l-injam tal-fagu.

(e)

Metodu ta’ produzzjoni:

Fi tmiem l-ewwel paragrafu, “… jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa bil-fagu” tinbidel għal “jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa b’mod predominanti bil-fagu.”

Taħt il-punt (7) Affumikar, “… mill-użu tradizzjonali tal-injam tal-fagu bħala ħatab” tinbidel għal “mill-użu tradizzjonali tal-injam tal-fagu b’mod predominanti (ta’ mill-anqas 75 %) bħala ħatab”.

Ġustifikazzjoni:

Ara r-raġunijiet taħt (b) Deskrizzjoni

(f)

Rabta maż-żona ġeografika

(2)

Speċifiċità tal-prodott:

Fi tmiem it-tielet paragrafu, “… l-użu tradizzjonali tal-injam tal-fagu” tinbidel għal “l-użu tradizzjonali tal-injam tal-fagu b’mod predominanti”.

(3)

Rabta kawżali:

F’nofs tal-ewwel paragrafu, “… jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa bil-fagu” tinbidel għal “jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa b’mod predominanti bil-fagu”.

Ġustifikazzjoni:

Ara r-raġunijiet taħt (b) Deskrizzjoni

6.   Speċifikazzjoni aġġornata tal-prodott (għad-DOP u għall-IĠP biss)

(Din tapplika biss fil-każ imsemmi fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014):

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott emendat https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/41497

DOKUMENT UNIKU

“HOLSTEINER KATENSCHINKEN” / “HOLSTEINER SCHINKEN” / “HOLSTEINER KATENRAUCHSCHINKEN” / “HOLSTEINER KNOCHENSCHINKEN”

Nru tal-UE: PGI-DE-0713-AM01 — 30.3.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/Ismijiet

“Holsteiner Katenschinken” / “Holsteiner Schinken” / “Holsteiner Katenrauchschinken” / “Holsteiner Knochenschinken”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Holsteiner Katenschinken / Holsteiner Schinken / Holsteiner Katenrauchschinken / Holsteiner Knochenschinken, minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejjaħ “Holsteiner Katenschinken”, isir mill-perżut li jkun għad fadallu l-għadma tal-koxxa warranija ta’ fejn denb il-bhima u l-fibula. Il-perżut jinqata’ f’dawriet tondi (Hamburger Rundschnitt), jitmellaħ bl-idejn u jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa b’mod predominati bil-fagu. Il-proċess kollu tal-produzzjoni, minn meta jasal il-laħam sa ma l-perżut jimmatura kollu, isir fiż-żona ġeografika kkonċernata u jieħu mill-inqas erba’ xhur. Wara li jintemm il-proċess tal-maturazzjoni, il-perżut ikun ta’ lewn aħmar skur u jkollu xi ftit strixxi ta’ grass fih. Huwa jkollu togħma tajba u riħa tfuħ ta’ duħħan naturali, l-iktar tal-fagu. It-togħma tax-xaħam tfakkrek kemm kemm fil-ġewż. Meta tmissu, il-Holsteiner Katenschinken huwa lixx u robust (sod).

Il-prieżet lesti jiżnu minn madwar 7,5 kilogrammi sa 19-il kilogramm, skont ir-razza tal-ħanżir li tintuża. Il-kontenut massimu tal-ilma huwa ta’ 68 %.

L-ingredjenti bażiċi huma: il-perżut, l-affumikar, il-melħ, is-salnitru, il-melħ tan-nitritu għat-tmelliħ u l-ħwawar. Barra minn hekk, għall-proċess tal-affumikar bil-mod fil-kesħa jintuża b'mod predominanti l-fagu (ta’ mill-anqas 75 %).

Il-Holsteiner Katenschinken jinbiegħ sħiħ bħala biċċa waħda, jew inkella jinqata’ biċċiet, skont xi jkun irid ix-xerrej. Il-qatgħat tal-perżut (il-falda l-irqiqa, it-tarf, il-falda l-ħoxna u l-qatgħat dawra dawra) jitqiegħdu f’pakketti li minnhom titneħħa l-arja kollha u mbagħad jinbiegħu wara li jimmaturaw.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Għall-produzzjoni tal-Holsteiner Katenschinken jintużaw il-koxox tal-majjali ta’ kwalunkwe oriġini.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess kollu tal-produzzjoni, minn meta tasal il-materja prima sa ma l-perżut jimmatura kollu, irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Il-prodott (bħala biċċa sħiħa, maqtugħ biċċiet jew maqtugħ dawra dawra) irid ikollu t-tikketta Holsteiner Katenschinken tidher fuq il-pakkett. L-iSchutzgemeinschaft Schleswig-Holsteinischer Schinkenhersteller e.V. tippermetti lill-membri tagħha jużaw emblema li tista’ tintwera fuq l-imballaġġ taż-zalzett sħiħ, tal-qatgħat jew tal-biċċiet ta’ “Holsteiner Katenschinken”. L-impriżi li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni wkoll jistgħu jipproduċu u jqiegħdu fis-suq il-Holsteiner Katenschinken, dejjem jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet mogħtija fl-ispeċifikazzjoni.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija magħmula mill-istat federali kollu ta’ Schleswig-Holstein.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Hemm tradizzjoni twila marbuta mal-Holsteiner Katenschinken fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein. Fil-fatt, dan il-perżut jifforma parti stabbilita sew mill-kultura ta’ dan ir-reġjun.

L-iżvilupp storiku tal-Holsteiner Katenschinken jidher mill-interazzjoni ta’ diversi fatturi. F’Schleswig-Holstein, dawn il-fatturi jikkaratterizzaw il-proċess speċjali tal-produzzjoni tal-Holsteiner Katenschinken u l-kwalità għolja tiegħu li tiġi minn dan il-proċess:

Il-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjun ta’ Schleswig-Holstein wasslu biex fih kibru foresti li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħmulin mis-siġar tal-ballut u tal-fagu. Il-frott tagħhom, jiġifieri l-ġandar u l-ġewż tal-fagu, kienu jintużaw bħala għalf biex il-ħnieżer jismnu. Qabel, it-tismin tal-ħnieżer u l-forestrija kienu elementi ewlenin tal-agrikoltura fir-reġjun.

Il-fagu ma kienx jintuża biss fil-bini tad-djar; iżda, minħabba li jinħaraq bil-mod, kien jintuża wkoll bħala ħatab għall-ħġejjeġ fid-djar. Grazzi għall-abbundanza ta’ njam u n-natura tal-ekonomija tagħha, evolva tip patikolari ta’ djar f’Schleswig-Holstein. Dawn id-djar kienu magħrufa bħala “Hallenhaus” u ma kellhomx ċumnija. Il-perżut u prodotti oħra bbażati fuq il-laħam kienu jiġu affumikati bid-duħħan tal-ħġejjeġ. Dak iż-żmien dan kien wieħed mill-ftit metodi ta’ konservazzjoni li kienu jeżistu. Sa miż-żmien meta l-ewwel nies bdew jgħixu fir-reġjun sal-Medju Evu u sa żmien l-era industrijali, din it-tip ta’ dar baqgħet l-iktar waħda użata fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, u l-waħda bl-ikbar firxa territorjali fih.

Il-Hallenhaus, li kienet il-mudell għall-kmamar tal-affumikar (“Räucherkaten”), hija marbuta bis-sħiħ mat-tradizzjoni u mal-iżvilupp tal-proċess tal-affumikar fil-kesħa tal-Holsteiner Katenschinken u l-konsumaturi wkoll jorbtuha b’mod pożittiv ma’ din l-ispeċjalità.

Minħabba l-livell għoli tal-umdità li jkun hemm il-ħin kollu fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, it-tnixxif tal-perżut bl-arja mhux — u qatt ma kien — possibbli fih, minħabba li l-moffa tifforma malajr. Minħabba f’hekk, ġie żviluppat dan it-tip ta’ affumikar speċjali għall-Holsteiner Katenschinken.

It-tmelliħ, li huwa l-istadju ta’ qabel l-affumikar, seta’ jsir biss minħabba li, minn kmieni, f’dan ir-reġjun kellhom il-melħ. Dan kien jinkiseb mill-ilma baħar jew billi kienu jaħarqu l-pjanti li kellhom livell għoli ta’ mluħa. Id-domanda dejjem tikber għall-melħ setgħet tiġi ssodisfata billi kienu jintużaw ir-rotot tan-negozju msejħin “Ochsenweg” u “Salzstrasse”.

Meta bdiet l-era industrijali f’nofs is-seklu 19 u kien hemm domanda dejjem ikbar għal-laħam, l-affumikar tal-perżut fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein ma baqax isir biss biex jinqdew il-ħtiġijiet tal-familji fir-reġjun, iżda beda jsir fuq skala industrijali.

Il-proċess tradizzjonali tal-affumikar fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein għandu l-għeruq tiegħu fid-drawwiet tar-reġjun. Tradizzjonalment, il-qtil tal-ħnieżer u l-affumikar tal-prieżet kienu xogħlijiet li kienu jsiru fil-perjodi ta’ kesħa ta’ matul is-sena.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-perżut nej użat biex jiġi prodott il-Holsteiner Katenschinken jitmellaħ biss bl-idejn. Dan huwa proċess tat-tmelliħ niexef. Il-perżut jitħalla jimmatura minn tlieta sa tmien ġimgħat fil-kmamar tat-tmelliħ f’temperatura baxxa u kostanti u matul dan il-perjodu jerġa’ jitmellaħ kull ġimgħa bl-idejn. It-taħlita tat-tmelliħ tiddaħħal fil-perżut fuq l-imwejjed tat-tmelliħ fil-kmamar tat-tmelliħ u mbagħad il-perżut jitqiegħed fi skutelli tat-tmelliħ jew fuq l-ixkafef sabiex jimmatura. Matul il-perjodu tat-tmelliħ, il-melħ u l-ħwawar jidħlu minn fuq barra tal-perżut għal ġo fih.

Wara t-tmelliħ, il-perżut jintmaxat jew jissaffa u jitħalla għal darb’oħra jimmatura f’post għall-kesħa b’temperatura kkontrollata. Il-perżut jimmatura matul dan il-proċess.

Qabel ma l-perżut jiddendel fil-kamra tal-affumikar, jitħalla jinxef fil-wiċċ. Il-proċess tal-affumikar jista’ jieħu diversi ġimgħat. Huwa jsir kemm fil-kmamar tal-affumikar tradizzjonali, kif ukoll fil-kmamar tal-affumikar moderni. It-togħma tipika tal-perżut tat-tip Holsteiner Katenschinken ġejja mill-użu tradizzjonali tal-injam tal-fagu bħala ħatab. Dan l-injam jinħaraq bil-mod fil-forma ta’ bċejjeċ minn zkuk imqattgħin jew laqx, u jibqa’ jnemnem u jdaħħan bil-mod għal ħin twil.

Wara li jintemm il-proċess tal-maturazzjoni, il-wiċċ tal-qatgħa tal-perżut ikun ta’ lewn aħmar skur u jkollu xi ftit strixxi ta’ grass fih. Huwa jkollu togħma tajba u riħa tfuħ ta’ duħħan naturali. It-togħma tax-xaħam tfakkrek kemm kemm fil-ġewż. Meta tmissu, il-Holsteiner Katenschinken huwa lixx u sod.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għal IĠP):

Il-fatturi speċjali tar-reġjun ta’ Schlewsig-Holstein imsemmija hawn fuq – il-kundizzjonijiet klimatiċi, it-tip ta’ dar speċjali bil-ħġejjeġ, id-disponibbiltà tal-materja prima meħtieġa u l-iżvilupp ekonomiku – għenu t-tradizzjoni twila tal-produzzjoni tal-Holsteiner Katenschinken bil-proċess speċjali ta’ affumikar fil-kesħa bid-duħħan tal-fagu u wasslu biex dan il-prodott ikollu tifsira speċjali fil-kultura ta’ dan ir-reġjun. B’hekk, il-Holsteiner Katenschinken sar speċjalità tipika ta’ dan ir-reġjun, b’reputazzjoni msejsa l-aktar fuq ir-rabta tiegħu mill-qrib maż-żona minn fejn joriġina.

Il-Holsteiner Katenschinken huwa speċjalità tipika ta’ dan ir-reġjun li għandu tradizzjoni twila u li huwa magħruf sewwa, anke lil hinn mill-fruntieri tar-reġjun. Barra minn hekk, huwa għandu reputazzjoni tajba, l-aktar fir-reġjun stess.

Dan il-perżut ilu jgawdi fama tajba għal mijiet ta’ snin. L-eqdem dokument bil-miktub li fih jissemma huwa dokument tal-1608 li jitkellem dwar il-konsenja ta’ perżut mir-reġjun lir-re Daniż Kristinu IV, li dak iż-żmien kien imexxi r-reġjun. Fid-dizzjunarju universali ta’ Zedler tal-1742, imsejjaħ “Universallexikon”, diġà kienu ssemmew b’mod speċjali l-kwalità u l-valur għoli tas-suq tal-perżut u tal-bejken mir-reġjun meta mqabblin ma’ dawk tal-prodotti affumikati mir-reġjuni ta’ Westfalen u Pommern u mid-Danimarka.

Fi żmien il-vjaġġi lejn l-Indji tal-Punent fis-seklu 18, il-perżut u l-bejken mir-reġjun kienu fost il-prodotti tal-esportazzjoni l-iktar imfittxija u kienu jingħataw bi skambju għaz-zokkor u r-rum fil-gżejjer tal-Karibew.

Fir-ristoranti lokali, il-Holsteiner Katenschinken minn dejjem kien offrut bħala speċjalità reġjonali b’togħma partikolarment tajba. Dan il-perżut ilu għexieren tas-snin jiġi offrut matul is-sena kollha kważi f'kull menu ta’ kull ristorant u lukanda li joffru speċjalitajiet reġjonali, u għan-nies tal-post, huwa l-prodott l-iktar mitlub li jittiekel tradizzjonalment mal-ispraġ prodott fir-reġjun.

Fir-riklami għat-turisti u fir-rapporti ta’ ħafna mezzi tax-xandir, Holsteiner Katenschinken ukoll jintwera bħala speċjalità mfittxija ferm. Li wieħed iżur kamra tal-affumikar li fiha jiġi prodott il-perżut affumikat hija ħaġa stabbilita fil-programmi tat-turisti li jiġu waqt mawriet bil-kowċ u ta’ ħafna turisti li jkunu fil-post għal ġurnata waħda biss. Il-ħafna festi tal-perżut marbutin ma’ xi staġun partikulari jgħinu biex tikber il-fama tal-Holsteiner Katenschinken.

Barra minn hekk, ir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein ilu għexieren ta’ snin jippreżenta l-Holsteiner Katenschinken bħala wieħed mill-ispeċjalitajiet inkredibbli u tipiċi tar-reġjun fil-fiera tal-agrikoltura u tal-konsumaturi msejħa “Il-ġimgħa internazzjonali tal-ħxejjex” li ssir f’Berlin.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(l-Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dan ir-Regolament)

L-ispeċifikazzjoni sħiħa hija ppubblikata fi:

Markenblatt Vol. 11 tas-17 ta’ Marzu 2017, il-Parti 7e, p. 6962

https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/41497


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top