EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2016/223/11

Sejħa għall-proposti (IX-2017/01) — “Għotjiet lill-partiti politiċi f’livell Ewropew”

OJ C 223, 21.6.2016, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/10


Sejħa għall-proposti (IX-2017/01) — “Għotjiet lill-partiti politiċi f’livell Ewropew”

(2016/C 223/11)

Skont l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-partiti politiċi f’livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu, permezz ta’ regolamenti, ir-regolamenti li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew imsemmija fl-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom.

F’dan il-kuntest, il-Parlament qed iniedi sejħa għall-proposti bil-għan li jinħarġu għotjiet lill-partiti politiċi fil-livell Ewropew.

1.   L-att bażiku

Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 (minn hawn ‘il quddiem “ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003”) dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom. (1)

Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2004 li tistipula l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 (minn hawn ‘il quddiem “Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004”). (2)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (minn hawn ‘il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”). (3)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem “Regoli ta’ Applikazzjoni”). (4)

2.   L-objettiv

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004, “Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika kull sena, qabel it-tmiem tal-ewwel sitt xhur qabel is-sena li għaliha tkun qed tingħata l-għotja, sejħa għall-proposti biex jingħataw għotjiet li jiffinanzjaw lill-partiti u l-fundazzjonijiet”.

Din is-sejħa għall-proposti tikkonċerna applikazzjonijiet għall-għotjiet għas-sena finanzjarja 2017 li tkopri l-perjodu ta’ attività mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2017. L-objettiv tal-għotja huwa li tirfed il-programm ta’ ħidma annwali tal-benefiċjarju.

3.   Ammissibbiltà

L-applikazzjonijiet ma jkunux ammissibbli sakemm ma jitressqux bil-miktub fil-formola ta’ applikazzjoni għall-għotja kif tidher fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004 u sakemm ma jintbagħtux lill-President tal-Parlament Ewropew sad-data tal-għeluq. L-applikazzjonijiet li jitqiesu mhux kompluti jistgħu jiġu rrifjutati.

4.   Kriterji u dokumenti ġustifikattivi

4.1.   Kriteriji tal-eliġibbiltà

Biex ikun eliġibbli għal għotja, partit politiku fil-livell Ewropew jeħtieġlu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, jiġifieri:

(a)

irid ikollu personalità ġuridika fl-Istat Membru li fih għandu s-sede tiegħu;

(b)

irid ikun rappreżentat, f’tal-anqas kwart tal-Istati Membri, minn Membri tal-Parlament Ewropew jew fil-Parlamenti nazzjonali jew Parlamenti reġjonali jew fl-assemblej reġjonali, jew irid ikun irċieva, f’tal-anqas kwart tal-Istati Membri, tal-anqas tlieta fil-mija tal-voti espressi f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-elezzjonijiet l-aktar reċenti tal-Parlament Ewropew;

(c)

għandu josserva, partikolarment fil-programm tiegħu u fl-attivitajiet tiegħu, il-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u r-regola tal-liġi;

(d)

għandu jkun ipparteċipa f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jew esprima l-intenzjoni li jagħmel hekk.

Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, Membru tal-Parlament Ewropew jista’ jkun membru ta’ partit politiku wieħed biss f’livell Ewropew (l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) 2004/2003).

Fid-dawl ta’ dan, il-partiti politiċi qed jiġu infurmati li mis-sena finanzjarja 2013 il-Parlament Ewropew ser jibda japplika d-dispożizzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) b’tali mod li Membru tal-Parlament Ewropew jista’ jkun biss membru tal-partit politiku fil-livell Ewropew li l-partit politiku nazzjonali tiegħu jkun membru fih.

Barra minn hekk, is-sħubija doppja f’żewġ partiti politiċi Ewropej mhijiex possibbli għall-finijiet tas-sodisfazzjon tal-kriterju tal-Artikolu 3, paragrafu 1(b) tar-Regolament (KE) 2004/2003.

4.2.   Kriterji ta’ esklużjoni

L-applikanti għandhom jiċċertifikaw ukoll li huma ma jkunux jinsabu f’xi waħda miċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikoli 106(1) u 107 tar-Regolament Finanzjarju.

4.3.   Kriterji għall-għażla

L-applikanti għandhom jipprovdu evidenza li għandhom il-vijabilità legali u finanzjarja meħtieġa sabiex iwettqu l-programm ta’ attivitajiet stipulat fl-applikazzjoni għall-finanzjament u li għandhom il-kapaċità teknika u tal-immaniġġjar meħtieġa sabiex iwettqu b’suċċess il-programm ta’ attivitajiet li għalih huma jkunu qed japplikaw għall-konċessjoni.

4.4.   Kriterji għall-għoti

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, l-approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja 2017 se jitqassmu kif ġej fost il-partiti politiċi f’livell Ewropew li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-finanzjament ġew approvati skont il-kriterji ta’ eliġibiltà, u l-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla:

(a)

15 % se jitqassmu f’ishma ndaqs;

(b)

85 % se jitqassmu fost dawk il-partiti li għandhom membri eletti fil-Parlament Ewropew, proporzjonalment mal-għadd ta’ membri eletti.

4.5.   L-obbligu tan-notifika

L-applikanti li jingħataw għotja huma obbligati li jinnotifikaw dwar kull bidla fir-rigward tad-dokumenti mressqa jew kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-applikazzjoni fi żmien ġimgħatejn minn tali bidla. Fin-nuqqas ta’ tali notifika, l-uffiċjal awtorizzanti jista’ jieħu d-deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli, minkejja kull informazzjoni li tista’ tingħata fi stadju aktar avvanzat.

L-oneru tal-provi huwa f’idejn l-applikanti u l-benefiċċjari, li jridu jippruvaw li jkunu se jkomplu jissodisfaw il-kriterji meħtieġa.

4.6.   Dokumenti ta’ appoġġ

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriterji ta’ hawn fuq, l-applikanti għandhom jipprovdu d-dokumenti ta’ appoġġ li ġejjin:

(a)

L-ittra ta’ tifsir oriġinali b’indikazzjoni tal-ammont ta’ konċessjoni mitlub;

(b)

Il-formola ta’ applikazzjoni kif tidher fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004, mimlija u ffirmata kif meħtieġ (inkluża d-dikjarazzjoni solenni bil-miktub);

(c)

L-istatuti tal-partit politiku (5);

(d)

Ċertifikat uffiċjali tar-reġistrazzjoni (6);

(e)

Evidenza riċenti tal-eżistenza ta’ partit politiku;

(f)

Lista tad-diretturi/membri tal-Bord Maniġerjali (l-ismijiet u l-kunjomijiet, it-titli jew il-karigi fi ħdan il-partit li qed japplika) (7);

(g)

Dokumenti li jiċċertifikaw li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003;

(h)

Dokumenti li jiċċertifikaw li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 (8)  (9);

(i)

Il-programm politiku tal-partit politiku (10);

(j)

Dikjarazzjoni finanzjarja komprensiva għas-sena 2015 iċċertifikata mill-korp ta’ awditjar estern (11)  (12);

(k)

Deskrizzjoni tal-programm annwali ta’ ħidma

(l)

Baġit proviżorju għall-operat matul il-perijodu kkonċernat (mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2017) li jindika n-nefqa eliġibbli għall-finanzjament mill-baġit Komunitarju.

(m)

Lista sħiħa tal-membri

5.   Il-finanzjament mill-baġit tal-UE

L-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 402 tal-baġit tal-Parlament “Kontribuzzjonijiet lill-Partiti Politiċi Ewropej” huma stmati li jammontaw għal total ta’ EUR 31 905 000. Dawn huma soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità baġitarja.

L-ammont massimu li l-Parlament Ewropew iħallas lill-benefiċjarji m’għandux jaqbeż il-85 % tal-ispejjeż eliġibbli marbuta mal-operat tal-partiti politiċi f’livell Ewropew. Il-partit politiku kkonċernat għandu r-responsabilità li jipprovdi evidenza.

Il-finanzjament jieħu l-għamla ta’ konċessjoni għall-operat kif jiddisponi r-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni. L-arranġamenti għall-ħlas tal-konċessjonijiet u l-obbligi li jirregolaw l-użu tagħhom se jiġu stipulati f’deċiżjoni ta’ għoti ta’ konċessjoni - kampjun ta’ dan il-ftehim jinsab fl-Anness 2a tad-Deċiżjoni tal-Bureau.tad-29 ta’ Marzu 2004.

6.   Il-proċedura u d-data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

6.1.   Data tal-għeluq u t-tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet hija t-30 ta’ Settembru 2016. L-applikazzjonijiet imressqa wara dik id-data ma jiġux ikkunsidrati.

L-applikazzjonijiet għandhom:

(a)

jitressqu fuq il-formola tal-applikazzjoni għall-konċessjoni (l-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004);

(b)

jiġu ffirmati, b’mod obbligatorju, mill-applikant jew minn rappreżentant debitament awtorizzat tiegħu;

(c)

jintbagħtu f’envelop magħluq ġo ieħor. Iż-żewġ envelops għandhom ikunu magħluqa. Barra l-indirizz tad-dipartiment reċipjent kif mogħti fuq is-sejħa għall-proposti, fuq l-envelop ta’ ġewwa għandu jitniżżel dan li ġej:

“CALL FOR PROPOSALS 2017 GRANTS TO POLITICAL PARTIES AT EUROPEAN LEVEL

NOT TO BE OPENED BY THE MAIL SERVICE OR BY ANY UNAUTHORISED PERSON”

Jekk jintużaw envelops li jeħlu minnhom infushom, dawn għandhom jiġu ssiġillati bit-tejp li jwaħħal u min qed jibgħat għandu jiffirma tul dan it-tejp. Il-firma ta’ min qed jibgħat għandha tinkludi mhux biss il-firma bil-miktub tiegħu, iżda wkoll it-timbru tal-organizzazzjoni tiegħu;

Fuq l-envelop ta’ barra għandu jkun jidher l-indirizz ta’ min qed jibgħat u jkun indirizzat lil:

EUROPEAN PARLIAMENT

Mail Service

KAD 00D008

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

L-envelop ta’ ġewwa għandu jkun indirizzat lil:

President of the European Parliament

Attn. Mr Didier Kléthi, Director-General of Finance

SCH 05B031

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

(d)

jintbagħat mhux iktar tard mid-data tal-għeluq stipulata fis-sejħa għall-proposti, jew bil-posta rreġistrata, kif muri bit-timbru tal-posta, jew, jekk bis-servizz tal-kurjer, skont id-data fuq l-irċevuta tad-depożitu.

6.2.   Proċedura indikattiva u kalendarju

Il-proċedura u l-kalendarju li ġejjin se japplikaw għall-għoti ta’ konċessjonijiet lill-partiti politiċi f’livell Ewropew:

(a)

Tressiq tal-applikazzjonijiet lill-Parlament Ewropew (mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2016);

(b)

Kunsiderazzjoni u għażla mid-dipartimenti rilevanti tal-Parlament Ewropew; dawk l-applikazzjonijiet li jitqiesu ammissibbli biss se jiġu eżaminati abbażi tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-esklużjoni u tal-għażla stipulati fis-sejħa għall-proposti;

(c)

Adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti tal-konċessjoni mill-Bureau tal-Parlament Ewropew (bi prinċipju mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017, kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004);

(d)

Notifika tad-deċiżjonijiet tal-għoti;

(e)

Ħlas bil-quddiem ta’ 80 % (fi żmien 15-il ġurnata mid-deċiżjoni tal-għoti tal-konċessjoni).

6.3.   Iktar informazzjoni

It-testi li ġejjin huma disponibbli fis-sit tal-Internet tal-Parlament Ewropew fl-indirizz li ġej:

http://www.europarl.europa.eu/tenders/invitations.htm:

(a)

Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003;

(b)

Id-Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004;

(c)

Il-formola tal-applikazzjoni għall-konċessjoni (Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004).

Kwalunkwe mistoqsija relatata ma’ din is-sejħa għall-proposti li għandha l-għan li tagħti konċessjonijiet għandha tintbagħat bil-posta elettronika, u għandha tiġi kkwotata r-referenza tal-pubblikazzjoni, fl-indirizz li ġej: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu.

6.4.   L-ipproċessar tad-dejta personali

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), id-dejta personali inkluża fl-applikazzjoni għall-finanzjament u l-annessi tagħha ser tiġi proċessata skont il-prinċipji tal-imparzjalità, il-legalità u l-proporzjonalità għall-finijiet espliċiti u leġittimi ta’ dan il-proġett. Għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjoni u sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, id-dejta personali tista’ tiġi pproċessata mis-servizzi u l-korpi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tiġi trasferita lis-servizzi ta’ awditu interni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Bord għall-Irregolaritajiet Finanzjarji jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

L-ismijiet tal-membri u tar-rappreżentanti tal-partiti politiċi Ewropej li jintbagħtu mal-applikazzjoni għall-finanzjament sabiex ikun sodisfat il-kriterju ta’ rappreżentanza tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, jistgħu jiġu ppubblikati mill-Parlament Ewropew u jiġu żvelati lill-pubbliku bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew (14). Il-partiti politiċi huma mistiedna biex, mal-applikazzjoni tagħhom, jehmżu dikjarazzjoni ffirmata mill-membri jew mir-rappreżentanti kkonċernati tal-partit, li fiha jindikaw li huma jkunu ġew infurmati dwar l-iżvelar tal-ismijiet lill-pubbliku, u li jaqblu miegħu.

Kwalunkwe individwu kkonċernat jista’ jikkuntattja lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) sabiex jappella.


(1)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 155, 12.6.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.

(5)  Jew dikjarazzjoni fuq l-unur li ma kienx hemm tibdil fid-dokumenti li diġà ġew preżentati.

(6)  Jew dikjarazzjoni fuq l-unur li ma kienx hemm tibdil fid-dokumenti li diġà ġew preżentati.

(7)  Jew dikjarazzjoni fuq l-unur li ma kienx hemm tibdil fid-dokumenti li diġà ġew preżentati.

(8)  Jew dikjarazzjoni fuq l-unur li ma kienx hemm tibdil fid-dokumenti li diġà ġew preżentati.

(9)  Inklużi il-listi tal-persuni msemmija fl-Artikoli 3(1)(b), l-ewwel subparagrafu, u 10(1)(b).

(10)  Jew dikjarazzjoni fuq l-unur li ma kienx hemm tibdil fid-dokumenti li diġà ġew preżentati.

(11)  Jew dikjarazzjoni fuq l-unur li ma kienx hemm tibdil fid-dokumenti li diġà ġew preżentati.

(12)  Sakemm il-partit politiku f’livell Ewropew ma jkunx ġie stabbilit matul is-sena kurrenti.

(13)  ĠU L 8 tat-12.1.2001, p. 1.

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43).


Top