Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR1691

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mobilità fir-reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi

ĠU C 415, 20.11.2014, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 415/18


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mobilità fir-reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi

2014/C 415/05

Relatur

Is-Sur Keymer (UK/KRE), Membru tal-Kunsill Distrettwali ta' Tandridge

Dokument ta' referenza

 

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

introduzzjoni

1.

jenfasizza l-importanza tar-reġjuni tal-UE bi sfidi ġeografiċi u demografiċi, inklużi dawk imsemmija fl-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE, li llum qed jiffaċċjaw diffikultajiet akbar meta jipprovdu t-trasport lokali;

2.

jinnota li reġjuni bħal dawn, imsejħa “reġjuni bi sfidi” f'din l-Opinjoni, jinkludu: reġjuni konfinali; reġjuni muntanjużi, reġjuni insulari, reġjuni b'popolazzjoni baxxa (inklużi r-reġjuni l-iktar imbiegħda fit-Tramuntana) (l-Artikolu 174 tat-TFUE); id-disa' reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (l-Artikolu 349 tat-TFUE); u kull reġjun ieħor tal-UE li jiffaċċja sfidi simili. Barra minn hekk, hemm reġjuni b'popolazzjoni mxerrda ħafna;

3.

iqis li l-isfidi fir-rigward tat-trasport pubbliku f'reġjuni bħal dawn jistgħu jinkludu: iż-żieda fl-ispejjeż u l-finanzjament meħtieġ għall-provvista tas-servizzi; tibdil demografiku: depopolazzjoni; tixjiħ tal-popolazzjoni li jifdal u t-tixrid tal-popolazzjoni; domanda tal-konsumatur bi flutwazzjonijiet għal servizzi ta' trasport pubbliku. It-tnaqqis fit-ritmu ekonomiku jidher ukoll f'uħud minn dawn ir-reġjuni; barra minn hekk, fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, hemm ukoll il-bogħod, l-iżolament u d-dipendenza estrema ċara minn sistema tat-trasport effettiva;

4.

iqis li l-mobilità, il-kapaċità li nimxu faċilment minn post għall-ieħor, hija fuq kollox dritt marbut mal-moviment liberu tal-persuni rikonoxxut fit-Trattati, kif ukoll prerekwiżit għall-kwalità tal-ħajja tal-individwi fit-tali reġjuni meta huma jkunu jixtiequ jiksbu servizzi pubbliċi essenzjali (bħalma huma s-servizzi tal-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali), jivvjaġġaw lejn il-post tax-xogħol tagħhom jew ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, isegwu attivitajiet ta' divertiment, iżuru qraba, jixtru oġġetti u servizzi, jew jeżerċitaw il-libertà li jivvjaġġaw aktar 'il bogħod;

5.

jenfasizza li s-sistemi ta' trasport pubbliku marittimu, bit-triq u bil-ferrovija li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet bażiċi ta' mobilità huma, f'ħafna każijiet, proprjetà tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u statali jew ġestiti minnhom. Hemm ukoll għadd sinifikanti ta' awtoritajiet lokali u reġjonali li huma sidien jew sidien parzjali ta' ajruporti reġjonali;

6.

jinnota li l-Artikolu 174 tat-TFUE jgħid li “għandha tingħata attenzjoni partikolari” lil ċerti reġjuni, u li l-Artikolu 349 tat-TFUE jgħid li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jibbenefikaw minn “miżuri speċifiċi” fit-tfassil tal-politika fil-livell Ewropew u nazzjonali. Filwaqt li r-regolamenti għall-ESIF għall-2014-20 iqisu sa ċertu punt ir-reġjuni żvantaġġati, għandu jsir użu aħjar mid-dispożizzjonijiet attwali tal-politiki tal-UE f'oqsma oħrajn li jaffettwaw it-trasport sabiex jirriflettu aħjar l-impenji tat-Trattat;

7.

iqis li waħda mir-raġunijiet għal dan hija x'aktarx li l-Artikolu 174 TFUE ma jispeċifikax id-daqs tar-'reġjun' konċernat. Xi gvernijiet jinterpretaw dan l-Artikolu fuq il-livell 2 tan-NUTS, filwaqt li xogħol ta' riċerka tal-Kummissjoni u partijiet oħra interessati ssuġġerew NUTS 3 bħala wieħed adatt. Il-KtR jemmen li, fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobilità (pjuttost milli għal skopijiet tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF)), ikun xieraq li jitqies kull daqs ta' reġjun bi sfidi, inklużi dawk fil-livell 3 tan-NUTS u 'l isfel minnu;

It-trasport u l-iżvilupp reġjonali f'reġjuni bi sfidi

8.

jinnota li r-reġjuni bi sfidi jaqdu kompiti essenzjali għall-iżvilupp ibbilanċjat tal-UE notevolment permezz ta' aċċess għall-materja prima, l-agrikoltura, is-sajd, il-protezzjoni ambjentali, it-turiżmu, ir-relazzjonijiet transkonfinali u l-opportunitajiet ta' rikreazzjoni. Konnessjonijiet tat-trasport imtejba kemm ġewwa dawn ir-reġjuni kif ukoll mal-bqija tal-UE għalhekk għandhom ikunu element essenzjali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u tal-politiki ta' mobilità tal-UE: dan ma japplikax biss għall-mobilità tal-persuni, iżda għal dik tal-merkanzija wkoll. Il-promozzjoni ta' aktar tkabbir ekonomiku fir-reġjuni bi sfidi se jikkontribwixxi għat-tħaddim effettiv tas-suq intern u għall-koeżjoni territorjali tal-Unjoni kollha kemm hi;

9.

jemmen li jeħtieġ li jiġi analizzat l-impatt fuq il-progress tal-mudelli ta' żvilupp ekonomiku u territorjali ta' dawn ir-reġjuni u, għaldaqstant, fuq l-impjieg attwali u futur li jħallu l-isfidi fil-mobilità li jiffaċċjaw dawn ir-reġjuni. Il-bogħod u l-iżolament ta' wħud minn dawn ir-reġjuni jagħmlu hekk li s-swieq tagħhom huma żgħar u ftit li xejn attraenti, u għalhekk ma jkunux kapaċi jiġġeneraw postijiet tax-xogħol biżżejjed. Barra minn hekk, id-diffikultajiet fil-mobilità tal-forza tax-xogħol li jiffaċċjaw iċ-ċittadini ta' dawn ir-reġjuni jillimitawhom għaż-żona ġeografika tagħhom, u b'hekk togħla r-rata tal-qgħad;

10.

għaldaqstant, jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni ta' objettiv tematiku speċifiku dwar it-'trasport sostenibbli' u d-diversi għanijiet tematiċi oħrajn li jistgħu jintużaw biex jgħinu fil-promozzjoni tal-mobilità fil-programm tal-ESIF 2014-20;

11.

bl-istess mod jilqa' l-possibilità ta' modulazzjoni tar-rati ta' kofinanzjament tal-ESIF biex jitqiesu żoni bi “żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti” (l-Artikolu 121 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni) u l-possibilità taħt l-FEŻR li tingħata “allokazzjoni addizzjonali speċifika” lir-reġjuni ultraperifierċi u r-reġjuni l-aktar imbiegħda fit-Tramuntana u li jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' konċentrazzjoni tematika (l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-FEŻR);

12.

jenfasizza l-importanza tal-ESIF għall-promozzjoni tal-mobilità sostenibbli fir-reġjuni kollha Ewropej. Madankollu, jiddispjaċih li anke jekk ir-regoli jippermettu dan fir-reġjuni kollha, il-finanzjament tal-Objettiv Tematiku 7 dwar it-tħeġġiġ tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija tal-ostakli tal-infrastrutturi tan-netwerks essenzjali jista' jkun diffiċli fl-iktar reġjuni għonja minħabba l-viżjoni restrittiva tal-Kummissjoni Ewropea f'dan il-qasam matul in-negozjati bilaterali dwar il-programmi operattivi futuri;

13.

jitlob għalhekk lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet maniġerjali tal-fondi tal-ESIF jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti ta' mobilità tar-reġjuni kollha bi sfidi, u li jikkunsidrawhom huma u jħejju l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi implimentati mill-ESIF;

14.

jemmen li fondi oħra tal-UE, finanzjament mill-Bank Ewropew għall-Investiment u finanzjament mis-settur privat, jista' jkollhom rwol ta' appoġġ aktar b'saħħtu. Il-KtR jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-inklużjoni tad-dimensjoni territorjali fl-ESIF (u l-allinjament tagħha permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni) kif ukoll l-importanza tal-monitoraġġ tal-impatti territorjali ta' fondi tematiċi bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-programm tat-TEN-T, kif ukoll il-programm Orizzont 2020 u l-programm CIVITAS assoċjat magħhom. Il-programmi ffinanzjati minn dawn il-fondi ma jagħtux prijorità lill-mobilità f'reġjuni żvantaġġati u għalhekk huwa f'idejn il-livelli kollha tal-gvern biex ilaqqgħu flimkien dawn il-fondi differenti b'mod aktar koordinat u innovattiv fil-prattika;

15.

jinnota l-impenn tal-UE, pereżempju, li tuża l-finanzjament tat-TEN-T biex tippromwovi l-aċċessibbiltà u l-konnettività tar-reġjuni kollha tal-Unjoni, inklużi reġjuni remoti, ultraperiferiċi, insulari, periferiċi u reġjuni muntanjużi, kif ukoll żoni li fihom ma tantx jgħixu persuni (l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1315/2013);

16.

josserva madankollu li 95 % tal-flus tat-TEN-T, kif iffinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) jintefqu esklużivament fuq in-netwerk ewlieni. Dan isaħħaħ lill-qalba tal-Ewropa u n-netwerk sfiq tagħha ta' bliet kbar. Azzjonijiet speċifiċi addizzjonali għandhom jittieħdu wkoll biex jiżguraw li l-effetti pożittivi ta' titjib fit-TEN-T jibbenefikaw ukoll il-konnettività lokali f'reġjuni bi sfidi, filwaqt li jitħeġġeġ l-aċċess ta' dawn ir-reġjuni għall-kurituri prinċipali nazzjonali u Ewropej tat-trasport;

17.

jisħaq għalhekk dwar il-ħtieġa li jiġu finanzjati l-interkonnessjonijiet bejn in-netwerk ewlieni u dak komprensiv tat-TEN-T, u bejn in-netwerk komprensiv u l-konnessjonijiet tat-trasport lokali f'reġjuni bi sfidi. Barra minn hekk, il-baġit għas-CEF għandu jiżdied bħala parti mir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali sabiex jiġu finanzjati interkonnessjonijiet transkonfinali u ostakli fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T. Dan se jgħin jintegra r-reġjuni Ewropej kollha f'sistema tat-trasport Ewropew sostenibbli u effettiva għall-passiġġieri u l-merkanzija. Minħabba li l-indirizzar tad-disparitajiet fl-iżvilupp huwa għan tal-programm TEN-T, il-ħtiġijiet ta' reġjuni bi sfidi marbutin mal-implimentazzjoni tal-mudelli tagħhom ta' żvilupp ekonomiku u territorjali għandhom jitqiesu bħala parti mill-eżami ppjanat għall-mapep tat-TEN-T fl-2016/17;

18.

jinnota li l-programm Orizzont 2020 u l-programm CIVITAS assoċjat miegħu għal trasport nadif jiffokaw fuq teknoloġija avvanzata tal-vetturi sabiex it-trasport isir iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Dawn l-għanijiet huma tassew siewja peress li jikkontribwixxu wkoll biex itejbu t-trasport pubbliku f'reġjuni bi sfidi fejn il-kosteffettività tal-vetturi hija preokkupazzjoni ewlenija;

19.

jenfasizza li għaldaqstant jinħtieġu approċċi ġodda għall-iffinanzjar tat-trasport f'reġjuni bi sfidi. Dan jista' jinkludi l-offerta ta' baġits personali tat-trasport liċ-ċittadini, bħal ngħidu aħna 'ċekkijiet ta' mobilità' kif ġew żviluppati b'suċċess f'xi Stati Membri, eżenzjonijiet mit-taxxa għall-fornituri tat-trasport, jew arranġamenti ta' kooperazzjoni li jippermettu li operaturi tat-trasport differenti jużaw l-istess vetturi;

20.

jemmen li approċċi ġodda għall-iffinanzjar jeħtieġu wkoll li jiġu sostnuti minn strumenti ġodda. Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI) u ta' ICT imtejba jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu t-trasport pubbliku bbażat fuq l-iskedi ta' żmien jew ir-rotot, u tiddaħħal sistema ta' trasport 'on-demand', bħal karozzi tal-linja, taksis kollettivi jew car sharing li jkunu 'on-call'. Permezz tal-użu tat-trasport 'on-demand' ikun jista' jingħata trasport pubbliku fit-toroq li jkun aktar effiċjenti u kompetittiv u bi prezzijiet orħos peress li s-servizzi jingħataw b'rispons għad-domanda proprja. Is-sistemi ta' trasport kondiviżi, pereżempju, it-taħlit tat-tfal tal-iskola mal-pubbliku, ħadmu tajjeb ukoll f'xi reġjuni remoti, l-istess bħall-promozzjoni tal-mixi u ċ-ċikliżmu. Sistemi bħal dawn iwasslu għall-iffrankar, inaqqsu d-dipendenza mill-użu tal-karozzi u jnaqqsu l-emissjonijiet;

21.

jinnota li soluzzjonijiet ta' dan it-tip jistgħu jiġu appoġġjati b'miżuri ta' faċilitazzjoni bħal biljetti elettroniċi integrati jew smartcards li jintużaw fuq mezzi differenti tat-trasport, standards ta' pagamenti elettroniċi li jkunu interkompatibbli, l-integrazzjoni tal-iskedar taż-żmien għal dawk il-partijiet tal-vjaġġi li mhumiex 'on-demand', jew l-użu ta' applikazzjonijiet tas-smartphones biex jipprovdu informazzjoni u possibbiltajiet ta' ħlas ġodda liċ-ċittadini;

22.

jinnota li huwa importanti li jiġi żgurat li soluzzjonijiet ġodda ta' mobilità bħal dawn jingħataw pubbliċità kif ukoll jkunu affordabbli, aċċessibbli u aċċettabbli għall-utenti. Il-parteċipazzjoni attiva tal-utenti (eżistenti u potenzjali) fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom tista' tgħin biex jiġi żgurat suċċess;

23.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu l-ixprun ewlieni għal ħafna minn dawn l-innovazzjonijiet;

24.

jenfasizza, madankollu, li tali proġetti ta' mobilità għandhom jibbenefikaw biss minn fondi meta dawn ikunu parti minn politika soda ta' mobilità li tkopri ż-żona kkonċernata u jistgħu jiġu ġustifikati minn stimi tajba ta' domanda potenzjali;

Portijiet u ajruporti

25.

jixtieq jenfasizza r-rwol importanti li l-portijiet u l-ajruporti u l-konnessjonijiet tagħhom mal-intern tal-pajjiż, jistgħu jaqdu fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta' reġjuni bi sfidi u sabiex jikkollegaw liċ-ċittadini maċ-ċentri urbani ikbar. Għall-komunitajiet tal-gżejjer, u għar-reġjuni ultraperiferiċi, pereżempju, dawn il-konnessjonijiet huma l-uniċi mezzi ta' trasport possibbli u huma kruċjali għas-sopravivenza tagħhom stess u biex ikunu konnessi, kemm mal-pajjiżi tagħhom, kif ukoll mal-bqija tal-UE. Għaldaqstant, il-portijiet u l-ajruporti f'reġjuni bi sfidi jistħoqqilhom kunsiderazzjoni speċjali fir-regoli tal-UE: fir-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet (inkluż l-użu ta' obbligi tas-servizz pubbliku) u fir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat li jirregolaw il-portijiet, l-avjazzjoni, u s-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali;

26.

ifakkar li skont it-Trattati (il-Protokoll 26) l-Istati Membri għandhom marġini wiesa' ta' diskrezzjoni meta jiddefinixxu obbligi tas-servizz pubbliku u s-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali li l-aktar joqorbu għall-ħtiġiet tal-utenti, u li l-Kummissjoni Ewropea tista' tintervjeni biss f'każ ta' 'żball ovvju';

27.

jiġbed l-attenzjoni wkoll għan-nuqqas ta' informazzjoni minn sors uniku dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku fil-każ ta' fornituri tat-trasport madwar l-UE. Hawnhekk, trasparenza akbar tista' tindirizza fallimenti tas-suq u trawwem kompetizzjoni akbar fost l-operaturi fir-reġjuni bi sfidi;

28.

jilqa' b'sodisfazzjoni l-linji gwida reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għall-avjazzjoni li jipprevedu ċerti flessibiltajiet li jippermettu l-għoti ta' għajnuna għall-investimenti u l -operat tal-ajruporti, kif ukoll l-għoti ta' għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru f'reġjuni remoti jew b'aċċess diffiċli. Ajruporti bħal dawn spiss ikollhom ilaħħqu ma' domanda staġjonali għolja, anke jekk huma jkollhom kapaċità żejda matul perjodi oħrajn tas-sena;

29.

madankollu, huwa jiddeplora r-restrizzjoni imposta mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali għall-perjodu ta' finanzjament 2014-20 li, fil-prattika, tipprojbixxi l-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruporti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet;

30.

jenfasizza l-importanza ta' approċċ b'saħħtu, trasparenti u b'infurzar sħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri li jkopri l-mezzi kollha tat-trasport pubbliku iżda wkoll il-vjaġġi multimodali. Fil-każ ta' vjaġġi bl-ajru jew bil-ferrovija b'għadd ta' waqfiet (multi-leg) għandhom jitħeġġu iktar il-ftehimiet dwar ħruġ ta' biljetti kombinati bejn il-linji tal-ajru. Dawn huma ta' benefiċċju għall-passiġġieri tal-ajru minn reġjuni mbiegħda kemm f'termini ta' sempliċità kif ukoll ta' prezz. Madanakollu, l-ispejjeż għal ħlas ta' kumpens imħallsa mill-kumpaniji tal-ajru reġjonali jew provvedituri ta' rotot lokali ferrovjarji li jwasslu lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali jew fi stazzjonijiet ewlenin tal-ferrovija f'każ li jitilfu interkonnessjonijiet ulterjuri f'ajruporti prinċipali, m'għandhomx ikunu tant sproporzjonati li jipprevjenu l-użu akbar ta' ftehimiet bħal dawn;

Governanza

31.

jemmen li jista' jsir aktar biex jiġi żgurat li dawk li jfasslu l-politika jadottaw approċċ olistiku, multimodali, sostenibbli u ikkoordinat għall-isfidi tal-mobilità f'dawn ir-reġjuni. F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom jinstabu soluzzjonijiet primarjament fil-livell lokali u reġjonali, b'azzjonijiet ta' appoġġ mill-UE biss fejn dawn iġibu magħhom valur miżjud;

32.

jenfasizza li l-burokrazija għandha tinżamm fl-inqas livell posssibbli fi kwalunkwe azzjoni ġdida proposta mill-Kummissjoni Ewropea;

33.

jinnota li mudelli ta' governanza deċentralizzata li jiddelegaw is-setgħat tat-trasport u l-fondi assoċjati fil-livell sottonazzjonali wrew l-effettività tagħhom f'għadd ta' Stati Membri;

34.

jirrikonoxxi barra minn hekk li l-mobilità f'reġjuni bi sfidi m'għandhiex tkun biss kwistjoni ta' żvilupp ta' infrastruttura u servizzi tat-trasport. Il-proġetti ta' mobilità għandhom jiffurmaw parti integrali mill-ippjanar tal-iżvilupp għar-reġjun bi sfidi kollu kemm hu. Pereżempju, kwalunkwe sit kummerċjali, industrijali jew residenzjali li mhuwiex konness tajjeb jista' jkun jirrikjedi kontribuzzjoni mingħand l-iżviluppatur biex tmur għall-ispejjeż ta' servizzi ġodda ta' trasport pubbliku;

35.

jenfasizza r-rwol importanti tal-ippjanar tal-mobilità lokali, u li kwalunkwe pjan ta' mobilità lokali m'għandux ikun limitat għal żoni urbani imma jiġi estiż għal żoni ġirien, jew mill-inqas żviluppat flimkien magħhom, inklużi ż-żoni rurali, bħala parti minn strateġija usa' ta' żvilupp ibbażat fuq il-post. Dan ser jiżgura li s-sistemi ta' trasport f'żoni aktar popolati jkunu jaqdu wkoll iż-żoni remoti. Pjani ta' trasport bħal dawn għandhom iqisu mhux biss l-itinerarji qosra meħtieġa biex jaqdu l-bżonnijiet tal-lokal fiż-żmien immedjat, iżda wkoll itinerarji itwal li jkunu jikkollegaw lir-reġjuni bi sfidi maċ-ċentri urbani ikbar;

36.

jenfasizza b'mod partikulari l-każ tat-trasport pubbliku transkonfinali fl-Ewropa ta' sikwit jiffaċċja sfidi partikolari. Dawn jinkludu differenzi bejn l-Istati Membri f'termini ta': rekwiżiti ambjentali; provvista ta' enerġija elettrika; standards ta' sikurezza; u taħriġ tal-persunal kif ukoll differenzi legali jew nuqqas ta' fehim dwar l-iffinanzjar mill-awtoritajiet kompetenti. Mudelli ġodda ta' governanza, l-użu ta' qafas legali komuni, bħar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT), ftehimiet ta' kooperazzjoni, jew il-ħolqien ta' awtorità tat-trasport transkonfinali konġunta jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, pereżempju permezz tal-awtorizzazzjoni ta' konċessjonijiet li jiffaċilitaw il-mobilità bejn żoni transkonfinali, sakemm dawn ikunu jistgħu jitwettqu bl-inqas burokrazija possibbli;

Valutazzjonijiet leġislattivi u valutazzjonijiet tal-impatt territorjali

37.

jitlob li, fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt leġislattiv fil-qasam tal-mobilità, il-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni speċifika lill-impatt tal-politiki u l-programmi tal-UE dwar il-mobilità fuq ir-reġjuni bi sfidi;

38.

jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta valutazzjonijiet tal-impatt territorjali, kif propost mill-Kumitat tar-Reġjuni, li jagħtu l-opportunità biex jitqies l-impatt territorjali tal-politiki ta' mobilità tal-UE f'reġjuni bi sfidi. Kwistjonijiet demografiċi bħal popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, it-tixrid tal-popolazzjoni u 'l-eżodu ta' mħuħ' għandhom jiġu kkunsidrati wkoll;

Green Paper tal-UE dwar il-mobilità f'reġjuni bi sfidi

39.

jemmen li l-provvista ta' servizzi ta' trasport f'dawk ir-reġjuni li huma f'riskju għadha ma titqiesx bħala sfida Ewropea. L-enfasi regolatorja tal-UE qiegħda fuq l-iżgurar ta' tfixkil minimu tas-suq aktar milli l-ħolqien ta' qafas legali li jappoġġja b'mod proattiv l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' mobilità fir-reġjuni bi sfidi;

40.

jitlob għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tippubblika Green Paper dwar din il-kwistjoni, sabiex is-suġġett ikun jista' jiġi diskuss bis-sħiħ mill-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet tal-UE, u biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati miżuri xierqa. L-għan għandu jkun li l-kwistjonijiet ta' mobilità f'reġjuni bi sfidi jiġu rikonoxxuti u indirizzati aħjar fil-firxa sħiħa ta' politiki u programmi tal-UE, sabiex b'hekk jiżdied l-aċċess għal mobilità u jitnaqqas ir-riskju tad-depopolazzjoni;

41.

jemmen, b'mod aktar speċifiku, li l-Green Paper għandha: tniedi dibattitu; tivvaluta il-progress li sar s'issa, tiddeskrivi b'mod ġenerali l-qafas legali kurrenti u l-inizjattivi tal-politika rilevanti; tanalizza l-aspetti b'saħħithom u d-dgħufijiet speċifiċi ta' reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi f'termini ta' mobilità u l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni territorjali kollha kemm hi; tanalizza d-distakk bejn l-impenji tat-Trattat u l-prattiki tal-UE fl-iżvilupp ta' politiki tat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija li jaffettwaw reġjuni bi sfidi; tiddetermina l-impatt ta' dan kollu fuq l-ekonomija u l-impjieg f'dawn ir-reġjuni; għandha wkoll tippromovi koordinazzjoni aħjar bejn is-sorsi, il-programmi u l-politiki ta' finanzjament għall-mobilità; tistimula r-riċerka u l-innovazzjoni u tiżviluppa proġetti pilota; u tesplora alternattivi għall-ġejjieni, inkluż liema miżuri jew inċentivi jistgħu jkunu adatti u fuq liema livell ta' governanza;

42.

jenfasizza li, fit-tfassil tal-Green Paper, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk il-każijiet fejn l-azzjonijiet mhux leġislattivi, bħal strateġija, pjan ta' azzjoni, rakkomandazzjonijiet, linji gwida, jew il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, jistgħu jkunu ta' valur miżjud għal inizjattivi nazzjonali u sottonazzjonali;

43.

jistieden lill-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza dwar il-mobilità f'reġjuni bi sfidi permezz ta' avveniment speċifiku bħall-Ġimgħa tal-Mobilità ta' kull sena;

Brussell, 8 ta' Ottubru 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


Top