EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0201(03)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Jannar 2013 dwar ix-xiri u l-ħażna tal-antiġeni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer

OJ C 30, 1.2.2013, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

1.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Jannar 2013

dwar ix-xiri u l-ħażna tal-antiġeni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer

2013/C 30/09

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta' Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjoni 89/531/KEE u 91/665/KEE u temenda d-Direttiva 92/46/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (2), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċedura li tirregola l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi. Dawn il-miżuri jridu jinkludu l-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tipprevdi li tista' tingħata għajnuna tal-Unjoni sabiex jiġu stabbiliti riservi tal-Unjoni ta' tilqimiet kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer u tesiġi li jinstab il-livell ta' parteċipazzjoni tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet li għalihom tista' tkun soġġetta din il-parteċipazzjoni.

(2)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/666/KEE tal-11 ta' Diċembru 1991 li tistabbilixxi r-riservi tal-Komunità fuq it-tilqim kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer (3), ġew stabbiliti ħażniet ta' antiġeni għall-formulazzjoni espressa tat-tilqim kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer.

(3)

Skont id-Direttiva 2003/85/KE, il-Kummissjoni trid tiżgura li r-riservi tal-Unjoni tal-antiġeni mhux attivati kkonċentrati għall-produzzjoni tat-tilqimiet kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer jinżammu fl-istabbiliment tal-bank tal-Unjoni tal-antiġeni u t-tilqimiet. Dawn ir-riservi jinżammu għal raġunijiet ta' sigurtà f'siti nominati fl-istabbilimenti tal-manifattur.

(4)

L-għadd ta' dożi u d-diversità tal-varjetajiet u s-sottotipi ta' antiġeni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer maħżuna fil-bank tal-Unjoni tal-antiġeni u t-tilqimiet iridu jiġu deċiżi billi jitqiesu l-ħtiġijiet kif stmati fil-kuntest tal-pjanijiet ta' kontinġenza stipulati fid-Direttiva 2003/85/KE u s-sitwazzjoni epidemjoloġika, fejn xieraq, wara konsultazzjoni mal-Laboratorju tar-Referenzi tal-Unjoni Ewropea għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer (4)  (5)  (6).

(5)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/486/KE tat-22 ta' Ġunju 2009 dwar ix-xiri ta' antiġeni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer (7) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 3913 tal-21 ta' Ġunju 2010 dwar ix-xiri ta' antiġeni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer u dwar ir-rimi u s-sostituzzjoni ta' antiġeni bħal dawn fir-riservi tal-Unjoni u li temenda d-Deċiżjoni 2009/486/KE (8), il-Kummissjoni organizzat mill-ġdid il-bank tal-Unjoni tal-antiġeni u t-tilqimiet abbażi ta' kuntratti ġodda konklużi mal-manifattur.

(6)

Skont l-Artikolu 83(3) tad-Direttiva 2003/85/KE u l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u fejn hu fl-interess tal-Unjoni, it-tilqimiet jistgħu jingħataw lil terzi pajjiżi, l-aktar dawk b'sitwazzjoni endemika tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-pajjiż terz immirat, tilqimiet bħal dawn jistgħu jeħtieġu li jiġu polivalenti ta' kompożizzjoni li tvarja ta' antiġeni kompatibbli.

(7)

Is-sitwazzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f'ċerti partijiet tal-Afrika ta' Fuq, u fil-Punent tal-Ewrasja marret għall-agħar sostanzjalment l-aktar minħabba t-tixrid tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li huma eżotiċi għal dawn il-pajjiżi jew minħabba infiltrazzjoni ta' linji tal-parentela ġodda distinti antiġenikament ta' serotipi li kienu qed jiċċirkolaw qabel.

(8)

Għaldaqstant huwa meħtieġ li jinxtraw kwantitajiet addizzjonali ta' antiġeni minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika viċin l-Unjoni.

(9)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (9) (“ir-Regolament Finanzjarju”) u l-Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (10) (“ir-Regoli ta' Implimentazzjoni”), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkun preċedut minn deċiżjoni dwar il-finanzjament li tistipula l-elementi essenzjali tal-azzjoni li jinvolvu n-nefqa u li tkun adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li jkunu ġew delegati lilhom is-setgħat mill-istituzzjoni.

(10)

Billi l-ammont baġitarju globali riservat għall-akkwist maħsub u n-numru indikattiv u t-tip ta' kuntratti maħsuba u l-perjodu ta' żmien biex jitnieda l-akkwist dettaljati f'din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu qafas dettaljat biżżejjed kif mifhum fl-Artikolu 90(3) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, id-Deċiżjoni attwali tikkostitwixxi deċiżjoni ta' finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

(11)

Skont l-Artikolu 80(4) tad-Direttiva 2003/85/KE, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi kuntratt ta' provvista mal-manifattur dwar ix-xiri, il-konsenja u l-ħażna tal-antiġeni. Il-kuntratt għandu jipprovdi għal xiri lura mill-manifattur tal-antiġeni sa tmiem il-perjodu ta' garanzija tagħhom ta' ħames snin.

(12)

Id-Direttiva 2003/85/KE tistipula li l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet u s-sottotipi ta' antiġeni jew tilqimiet awtorizzati maħżuna fil-bank tal-Unjoni tal-antiġeni u t-tilqimiet trid tkun trattata bħala informazzjoni klassifikata. L-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, dwar il-kwantitajiet u s-sottotipi tal-antiġeni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li jridu jinxtraw, għalhekk ma għandhiex tiġi ppubblikata.

(13)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Fl-ewwel semestru tal-2013, il-Kummissjoni għandha tordna l-antiġeni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer ikkonċentrati fil-kwantitajiet u s-sottotipi stabbiliti fit-Tabella tal-Anness.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-antiġeni msemmija fil-paragrafu 1 jitqassmu u jinħażnu fiż-żewġ siti nominati tal-istabbiliment tal-manifattur kif inhu stabbilit fit-Tabella tal-Anness.

3.   Il-miżuri stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni b'koperazzjoni mal-manifattur tal-antiġeni rilevanti li jkunu diġà maħżuna fil-bank tal-Unjoni tal-antiġeni u t-tilqimiet.

Artikolu 2

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-miżuri stipulati fl-Artikolu 1(1) u (2) għandhom ikunu b'rata ta' 100 % tal-ispejjeż imġarrba, u ma għandhomx jaqbżu EUR 3 000 000,00.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi kuntratt wieħed ta' provvista mal-manifattur dwar ix-xiri, il-forniment u l-ħażna fil-bank tal-Unjoni tal-antiġeni u t-tilqmiet u dwar ix-xiri lura sa tmiem il-perjodu ta' garanzija tagħhom ta' ħames snin tal-antiġeni msemmija fl-Artikolu 1(1).

3.   Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumatur huwa awtorizzat biex jiffirma l-kuntratti stipulati fil-paragrafu 2 f'isem il-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni ta' finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 4

Skont l-Artikolu 80(3) tad-Direttiva 2003/85/KE, l-Anness ta' din id-Direttiva ma għandux jiġi ppubblikat.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(3)  ĠU L 368, 31.12.1991, p. 21.

(4)  http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/strategy/pillars/antigen-vaccine-banks-task-force_en.htm

(5)  Ir-Rapport tal-laqgħa Nru 83 tal-Kumitat Eżekuttiv tal-EUFMD, Bukarest, ir-Rumanija, it-12 u t-13 ta' April 2012 jista' jinstab fuq: http://www.fao.org/ag/againfo/commissions/eufmd/commissions/eufmd-home/reports/executive-committee/en/

(6)  http://www.wrlfmd.org/ref_labs/ref_lab_reports/OIE-FAO%20FMD%20Ref%20Lab%20Report%20Jan-Mar%202012.pdf

(7)  ĠU L 160, 23.6.2009, p. 27.

(8)  Deċiżjoni mhix ippubblikata.

(9)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(10)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


Top