EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1045

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali” COM(2011) 573 final

OJ C 191, 29.6.2012, p. 97–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali”

COM(2011) 573 final

2012/C 191/17

Relatur: is-Sur DE LAMAZE

Nhar l-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali

COM(2011) 573 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Marzu 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 131 vot favur, l-ebda voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Komunikazzjoni li tipprevedi l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-politika kriminali li ngħatatilha skont l-Artikolu 83(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fis-setturi armonizzati l-ġodda. B'hekk, l-UE jista' jkollha għodda effikaċi biex ittejjeb u iżżid l-applikazzjoni tal-politiki tagħha, sabiex jitkomplew l-avvanzi ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tal-2005 u taż-żewġ Direttivi tal-2008 u l-2009 li kellhom l-għan li jistabbilixxu leġislazzjoni kriminali ambjentali.

1.2   Bla dubju, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija pass 'il quddiem għax għall-ewwel darba l-UE qed tipproponi li tiddefinixxi politika li tagħti direzzjoni lill-azzjoni tagħha fil-materji kriminali. Il-KESE jemmen li dan għandu jingħata appoġġ politiku kbir.

1.3   B'referenza għall-avvanzi legali msemmijin hawn fuq, il-KESE jixtieq qabel kollox ifakkar li x-xewqa li jiġi żgurat li l-politiki tal-Unjoni jitwettqu mhijiex biżżejjed biex tiġġustifika rikors għal-liġi kriminali, peress li t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni legali Ewropew huwa soġġett għar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

1.4   Minħabba n-natura punittiva u li tinfama tas-sanzjonijiet kriminali, il-kriminalizzazzjoni ta’ Stat Membru imposta mill-Unjoni għal ċerta mġiba għandha tkun l-aħħar mezz (“ultima ratio”). Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ politika tal-UE, li jikkompromettu l-effikaċja tal-politika m'għandhomx ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw ir-rikors għal-liġi kriminali. L-imġiba inkwistjoni għandha tkun ta’ ksur serju ta’ interess meqjus bħala fundamentali.

1.5   Il-KESE jqis li l-proġett tal-Kummissjoni jirrikjedi l-ewwel identifikazzjoni ċara ta’ x'jista' jkopri l-kunċett ta’ interess ġenerali definit fil-livell Ewropew. Attwalment dan il-kunċett ma jeżistix fil-liġi iżda huwa neċessarju biex jiġġustifika li jiġu imponuti sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE fuq iċ-ċittadini tal-UE. L-interess tal-konsumaturi waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika r-rikors għal miżuri bħal dawn.

1.6   B'mod iktar ġenerali, il-KESE jappella biex jiġi eżaminat kif id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet soċjali, fil-futur jistgħu jiġu mħarsa mis-sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE u għandha tingħata kunsiderazzjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu armonizzati fl-Istati Membri differenti. Billi d-definizzjoni tal-inkriminazzjonijiet u tas-sanzjonijiet tista' tvarja minn Stati Membru għal ieħor sal-punt li tippreġudika d-drittijiet fundamentali billi tikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, il-KESE jemmen li f'dawn il-każijiet l-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet kriminali tkun neċessarja.

1.7   Id-deċiżjoni li jiġu adottati dispożizzjonijiet kriminali Ewropea ġodda fil-livell Ewropew għandha qabel kollox tkun ġustifikata permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt li ssir f'kooperazzjoni mal-esperti fl-Istati Membri differenti li tqis b'mod partikolari studju komparattiv ibbażat fuq il-liġi tas-sistemi responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni inkwistjoni fil-livell tal-Istati Membri u valutazzjoni tal-ħtieġa li jittejjeb l-istat tad-dritt li turi l-bżonn li din id-dispożizzjoni l-ġdida tiġi applikata fil-livell Ewropew.

1.8   Fi kliem ieħor, il-valutazzjoni għandha tagħti xhieda tal-bżonn ta’ standard Ewropew fil-qasam tal-pieni b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (rekwiżit tal-ultima ratio) tas-sanzjoni kriminali fir-rigward tan-nuqqas inkwistjoni. Il-KESE huwa sodisfatt li huwa f'dan l-ispirtu li l-Kummissjoni qed tippjana li twessa' l-azzjoni tal-UE fil-materji kriminali.

1.9   Il-KESE jqis li l-effikaċja u l-impatt tal-liġi kriminali stabbilita fil-livell Ewropew fuq id-drittijiet fundamentali għandha tiġi soġġetta għal valutazzjoni xjentifika u indipendenti li hija komponent indispensabbli tal-valutazzjoni minn qabel tal-impatt.

1.10   Il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġi definit il-kontenut ta’ politika ta’ armonizzazzjoni f'materji kriminali b'mod partikolari b'relazzjoni ma’ jekk din hix intenzjonata li tarmonizza d-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet u r-reati.

1.11   Il-KESE jqis li r-regoli minimi implimentati fil-livell tal-UE m'għandhomx jinterferixxu fid-definizzjoni tal-kategoriji ta’ ksur mill-awtoritajiet nazzjonali, li barra minn hekk hija marbuta mas-sistema ġudizzjarja tagħhom, u li għandu jitħalla f'idejhom li jiddefinixxu l-istrateġija tagħhom tal-infurzar f'konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

1.12   Il-KESE jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-armonizzazzjoni progressiva tar-regoli sostanzjali tal-liġi kriminali ser tkun tista' sseħħ biss b'mod organiku abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar (ministeri tal-ġustizzja u prosekuturi) u l-awtoritajiet ġudizzjarji. Din il-kooperazzjoni għandha tiġi garantita permezz ta’ baġit speċifiku. Din l-armonizzazzjoni madanakollu mhux ser tneħħi l-eteroġeneità tar-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri kriminali, b'mod partikolari fil-qasam tal-garanzija speċifika tad-drittijiet tad-difiża (pereżempju l-appelli). Barra minn hekk, il-kwistjonijiet proċedurali ma jaqgħux taħt din il-komunikazzjoni. Għaldaqstant, il-proċedimenti kriminali u l-prattiki tas-sistemi ta’ infurzar differenti jwasslu għal varjazzjonijiet li l-leġislatur Ewropew mhuwiex qed jipprevedi. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-KESE jemmen li hu partikolarment importanti li l-prosekutur Ewropew futur ikun responsabbli li jsegwi fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu l-armonizzazzjoni progressiva tal-leġislazzjonijiet kriminali nazzjonali li abbażi tagħhom ser isiru proċeduri ġudizzjarji.

1.13   Barra minn hekk, il-KESE jqis li għandha ssir riflessjoni dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali li bħalissa għadha ma ġietx aċċettata mill-Istati Membri kollha. Din l-inugwaljanza quddiem il-liġi titlob diskussjoni b'mod prijoritarju, peress li għadd kbir ta’ ksur fil-qasam ekonomiku, soċjali u ambjentali jsir mill-intrapriżi industrijali u kummerċjali.

1.14   It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni kriminali Ewropew jitlob qabel kollox li ssir diskussjoni fuq is-suġġetti li ġejjin:

il-preferenza tal-liġi kriminali fuq sistemi oħra kollha ta’ prevenzjoni u rimedju, bħar-reġimi ta’ sanzjonijiet amministrattivi, inklużi dawk fiskali, u t-triq tal-azzjonijiet kollettivi (class action) kif ukoll il-medjazzjoni;

l-identifikazzjoni tal-livell adegwat għas-sanzjoni, li jrid jiġi definit fil-livell Ewropew, li mingħajrha f'ħafna leġislazzjonijiet fejn tapplika, il-liġi kriminali tkun inqas dissważiva;

ir-rwol tal-Eurojust u r-rwol tal-prosekutur Ewropew futur.

1.15   Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li d-diskussjoni dwar il-prinċipju tat-twessigħ tal-liġi kriminali Ewropea tmur id f'id ma’ oħra dwar ir-rispett tad-drittijiet għad-difiża li huma inqas protetti barra mill-qafas legali li joffri l-proċess kriminali. Sabiex it-twessigħ taż-żona kriminali Ewropea jkun effettiv, irid ikun hemm tisħiħ tad-drittijiet tad-difiża, speċjalment fil-qafas tal-Eurojust u l-Europol. Dawn id-drittijiet għandhom jiġu garantiti b'mod effettiv fil-prattika u għal kull ċittadin tal-UE. Huwa biss b'dan il-mod li l-liġi kriminali Ewropea ser tissodisfa r-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet fundamentali mnaqqax fit-Trattati (l-Artikolu 67(1) u l-Artikolu 83(3) tat-TFUE).

2.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1   Il-Kummissjoni temmen li fis-settur finanzjarju kif ukoll fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-euro u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali hija rikonoxxuta bħala waħda meħtieġa biex tissaħħaħ l-applikazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE.

2.2   Hija tappella biex issir valutazzjoni tan-neċessità li l-azzjonijiet jiġu estiżi għall-oqsma li ġejjin: it-trasport bit-triq, il-protezzjoni tad-data, ir-regoli tad-dwana, il-protezzjoni tal-ambjent, il-politika tas-sajd u l-politiki marbutin mas-suq intern (falsifikazzjoni, korruzzjoni, akkwist pubbliku). Din il-lista ma tinkludix kollox.

2.3   Il-bażi legali għal din l-azzjoni tal-UE hija l-Artikolu 83(2) tat-TFUE li jipprevedi li “jekk l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f'materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ politika tal-Unjoni f'qasam li kien suġġett għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni”, titqies il-possibbiltà li jiġu stabbiliti “regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat”.

2.4   Filwaqt li t-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi bażi legali li tiffaċilita l-adozzjoni ta’ direttivi fil-materji ta’ liġi kriminali, minbarra d-drittijiet fundamentali garantiti mill-Karta u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dawn id-direttivi għandhom jirrispettaw b'mod strett il-prinċipji fundamentali tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u r-rikors għal-liġi kriminali għandu jsir, kif tgħid il-Komunikazzjoni, bħala l-aħħar mezz (“ultima ratio”).

2.5   Fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u kif tispjega l-Komunikazzjoni, huwa biss jekk l-Istati Membri ma jkunux kapaċi jinfurzaw il-liġi tal-UE jew jekk ifeġġu diverġenzi sinifikanti fil-qasam bejn l-Istati Membri li jwasslu għal inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tagħha, li l-UE tista' tintervjeni.

2.6   B'konformità mar-rekwiżiti tal-ultima ratio, il-Kummissjoni tistqarr li l-għażla bejn is-sanzjonijiet kriminali u dawk amministrattivi ser tkun abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt dettaljata. F'dan il-kompitu jgħinuha grupp ta’ esperti u dawn jipprovdu wkoll interpretazzjoni ta’ ċerti kunċetti bażiċi tal-liġi kriminali (“sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi”, “każijiet minuri” jew “għajnuna u kompliċità”).

2.7   Il-Kummissjoni tevalwa l-valur miżjud ta’ azzjoni mill-UE fil-qasam tal-liġi kriminali rigward l-erba' għanijiet li ġejjin:

li jiġi mħeġġeġ il-moviment ħieles tal-persuni u tax-xiri transkonfinali (permezz ta’ standards minimi marbutin mad-drittijiet proċedurali).

li tiġi evitata l-eżistenza ta’ “żoni ta’ kenn”.

li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni bejn is-servizzi ta’ infurzar.

il-prevenzjoni u s-sanzjonar tal-ksur serju ta’ liġijiet tal-Unjoni (ambjent, ġlieda kontra x-xogħol illegali, eċċ.).

2.8   Il-Komunikazzjoni ma tmissx mal-miżuri li, skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE jistgħu jiġu adottati biex jingħelbu r-reati mniżżlin fil-lista limitata msejħin “ewroreati” minħabba l-gravità partikolari u l-aspett transkonfinali tagħhom (1).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa partikolarment sensittiv għax, sa mill-bidu tal-eżistenza tal-Istati, il-politika kriminali kienet f'idejn is-setgħa sovrana, u r-regoli ta’ infurzar jaffettwaw direttament il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet ta’ kull ċittadin.

3.2   Filwaqt li ċerti oqsma, speċjalment dak tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal u tan-nisa, koperti mill-Artikolu 83(1) tat-TFUE, bla dubju jitolbu azzjoni mill-UE f'materji kriminali, il-KESE mhuwiex ċert jekk oqsma oħra li jaqgħu taħt l-Artikolu 83(2) tat-TFUE jitolbux din l-azzjoni.

3.3   Il-bażi ta’ leġislazzjoni Ewropea f'materji kriminali

3.3.1   Il-ħtieġa ta’ interess leġittimu suffiċjenti

3.3.1.1   L-elementi ġodda introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona huma riżultat li l-KESE jilqa' bi pjaċir. Permezz ta’ dawn, l-adozzjoni tad-direttivi fil-qasam kriminali hija faċilitata u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija żgurata aħjar.

3.3.1.2   Madankollu, il-KESE jixtieq li mill-bidu jiċċara ħaġa li tista' twassal għal konfużjoni: l-Artikolu 83(2) tat-TFUE ma jistax jagħti x'jifhem li x-xewqa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni tista' fiha nnifisha tkun biżżejjed biex rikors għal-liġi kriminali jkun leġittimu.

3.3.1.3   L-“irkupru ekonomiku”, li l-Kummissjoni tirreferi għalih biex tasal għat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-azzjoni tal-UE f'materji kriminali (paġna 10), u li huwa rikonoxxut universalment bħala għan essenzjali u prijorità, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi interess leġittimu suffiċjenti biex jiġġustifika r-rikors għal-liġi kriminali. Barra minn hekk, dan l-għan jiddependi minn ħafna aktar mill-ġlieda kontra l-“ekonomija illegali u l-kriminalità finanzjarja”, li kif temmen il-Kummissjoni, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali dwar dan ma tistax tiġi ristretta.

3.3.1.4   Il-KESE jqis li l-proġett tal-Kummissjoni jirrikjedi l-ewwel identifikazzjoni ċara ta’ x'jista' jkopri l-kunċett ta’ interess ġenerali definit fil-livell Ewropew. Attwalment dan il-kunċett ma jeżistix fil-liġi iżda huwa neċessarju biex jiġġustifika li jiġu imponuti sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE fuq iċ-ċittadini tal-UE. L-interess tal-konsumaturi waħdu mhux biżżejjed biex jiġġustifika r-rikors għal miżuri bħal dawn.

3.3.1.5   B'mod iktar ġenerali, il-KESE jappella biex jiġi eżaminat kif id-drittijiet fundamentali u soċjali fil-futur jistgħu jiġu mħarsa mis-sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE u għandha tingħata kunsiderazzjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu armonizzati fl-Istati Membri differenti. Billi d-definizzjoni tal-inkriminazzjonijiet u s-sanzjonijiet tista' tvarja minn Stat Membru għal ieħor sal-punt li tippreġudika d-drittijiet fundamentali billi tikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, il-KESE jemmen li l-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet kriminali tkun neċessarja f'dawn il-każijiet.

3.3.2   Il-“metaprinċipju” tas-sussidjarjetà u r-rekwiżit tal-“ultima ratio”

3.3.2.1   Fil-qafas ta’ leġislazzjoni Ewropea f'materji kriminali, il-KESE jagħti importanza partikolari għar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà: dan huwa ta’ importanza partikolari minħabba li l-valuri soċjali protetti mil-liġi kriminali huma marbutin mill-qrib mal-istruttura soċjali u mal-identità nnifisha tas-soċjetajiet tal-Istati Membri. Din l-identità hija mnaqqxa fit-TFUE li jgħid li l-Istati Membri m'għandhomx iżommu lura milli jużaw il-prerogattivi tagħhom u jiġbdu l-“brejk ta’ emerġenza” jekk jikkunsidraw li l-leġislazzjoni proposta tolqot aspetti fundamentali tas-sistema tal-liġi kriminali nazzjonali tagħhom (Artikolu 83(3)).

3.3.2.2   Il-KESE jqis li r-regoli minimi stabbiliti fil-livell Ewropew f'materji kriminali m'għandhomx jinterferixxu fid-definizzjoni tal-kategoriji ta’ ksur mill-awtoritajiet nazzjonali, li barra minn hekk hija marbuta mas-sistema ġudizzjarja tagħhom, u li għandu jitħalla f'idejhom li jiddefinixxu l-istrateġija tagħhom tal-infurzar f'konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.3.2.3   Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tindika li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali tkun ġustifikata biss jekk għadd kbir ta’ Stati Membri jew l-Istati Membri kollha ma jirnexxilhomx jiżguraw ir-rispett tal-liġi tal-Unjoni bil-mezzi leġislattivi tagħhom. Il-kwistjoni ta’ azzjoni tal-UE jistħoqqilha titqajjem jekk Stat Membru wieħed jew xi ftit minnhom jaslu għal din is-sitwazzjoni.

3.3.2.4   Minħabba li għandha t-tendenza tipperikola d-drittijiet tal-persuni, il-leġislazzjoni kriminali Ewropea għandha tistrieħ ukoll fuq il-prinċipju tal-proporzjonalità u, b'mod partikolari, fuq ir-rekwiżit tal-ultima ratio li jippresupponi li tingħata prova minn qabel li ma jeżistix mezz ieħor inqas aħrax biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

3.3.2.5   Il-Komunikazzjoni tinsisti fuq l-importanza li dawn il-prinċipji jiġu implimentati, u dan ifisser li jridu jsiru valutazzjonijiet li jqisu kull miżuri alternattiva possibbli.

3.3.2.6   Il-KESE huwa konxju tar-rieda soda tal-Kummissjoni li twettaq dawn l-istudji. Il-Kummissjoni tħabbar li “se tiżviluppa pjanijiet biex tiġbor aktar dejta u evidenza statistika biex tindirizza l-oqsma koperti mill-Artikolu 325(4) u l-Artikolu 83(2)” (punt 2.2.2).

3.3.2.7   Rigward l-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-ultima ratio, hija tgħid li l-leġislatur għandu jibbaża fuq studji tal-impatt li jinkludu “valutazzjoni ta’ jekk is-sistemi tas-sanzjonijiet tal-Istati Membri jiksbux ir-riżultat mixtieq u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-UE fil-prattika” (punt 2.2.1).

3.3.2.8   Irid jingħaraf li sal-lum ftit għad hemm valutazzjonijiet tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea mill-Istati Membri, u lanqas m'hemm xogħlijiet ta’ riċerka li jqabblu s-sistemi legali differenti. L-ewwel biċċa xogħol ser tikkonsisti fl-iżvilupp ta’ dawn l-istudji. Fil-fehma tal-KESE, huwa biss fid-dawl tas-sejbiet tagħhom li jkun jista' jiġi stabbilit verament kemm hija “essenzjali” l-armonizzazzjoni.

3.3.2.9   Il-KESE jinsisti fuq il-fatt li hemm bżonn li jintwerew kemm in-nuqqasijiet tas-sistemi legali tal-Istati Membri kif ukoll in-natura tad-diffikultajiet imqajmin fil-livell tal-Unjoni mid-differenzi fl-ideat dwar il-kriminalizzazzjoni, is-sanzjonijiet u l-effettività tal-infurzar tal-liġi.

3.3.2.10   Il-KESE jqis li l-istrument tal-liġi kriminali Ewropea għandu jkun soġġett għal valutazzjoni xjentifika indipendenti ta’ kemm huwa effikaċi u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali. Hija biss evalwazzjoni bħal din li tista' tippermetti li l-miżuri verament effettivi jiġu mtejba u l-oħrajn abbandunati. Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom strument finanzjarju speċifiku sabiex ir-riżorsi finanzjarji neċessarji jiġu allokati fi ħdan il-baġit tagħhom. Dan ifisser ukoll li titfassal metodoloġija komuni Ewropea li tistipula l-indikaturi prinċipali u l-istrumenti tal-kejl.

3.3.2.11   Il-KESE huwa konxju li d-diskussjoni dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasam tal-liġi kriminali għadha biss fil-bidu tagħha. Il-ġurisprudenza għadha qed tinħoloq. F'dan ir-rigward, huwa jenfasizza l-bżonn li titkompla d-diskussjoni biex il-kunċett ikompli jiżviluppa. B'mod aktar ġenerali, huwa jappella biex id-diskussjoni tkompli tidħol aktar fid-dettall dwar il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-leġislazzjoni Ewropea kollha f'materji kriminali.

3.3.2.12   Fil-fehma tal-KESE, ir-raġunijiet imsemmijin fil-Komunikazzjoni biex jenfasizzaw il-valur miżjud ta’ azzjoni tal-Unjoni f'materji kriminali (paġna 4) jistħoqqilhom li jiġu mixtarra aktar.

3.3.2.12.1   Il-KESE jemmen li, b'mod partikolari, jekk l-argument tad-differenzi bejn is-sanzjonijiet fi ħdan l-UE jqajjem b'mod speċjali l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali, dan għandu jiġi kkwalifikat: l-ewwel nett minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-maġistrati f'għadd kbir ta’ Stati, u t-tieni għax l-effett ta’ dissważjoni jiddependi qabel kollox fuq l-effikaċja tas-servizzi ta’ infurzar.

3.3.2.12.2   Il-KESE jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-armonizzazzjoni progressiva tar-regoli sostanzjali tal-liġi kriminali ser tkun tista' sseħħ biss mod organiku abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u din il-kooperzzjoni għandha tiġi garantita permezz ta’ baġit speċifiku. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-armonizzazzjoni mixtieqa mhux ser tneħħi għal kollox id-differenzi fil-proċeduri kriminali, b'mod partikolari, rigward il-kunċett tal-proċess tal-akkuża u tad-drittijiet tad-difiża.

3.3.2.12.3   Peress li azzjoni fil-qasam tal-liġi kriminali tidher li hija essenzjali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi mfittxija armonizzazzjoni fil-qasam tal-ġbir tal-provi.

3.3.2.13   Fl-aħħar, il-KESE jixtieq ifakkar li, minħabba r-rekwiżit tal-ultima ratio, it-triq tal-mezzi ta’ prevenzjoni, speċjalment permezz ta’ azzjonijiet fil-qasam soċjali, għandha tiġi esplorata. Dan jista' jiġi kkombinat b'mod effikaċi ma’ sanzjonijiet kriminali.

3.3.3   Prinċipji oħra

3.3.3.1   Il-KESE jfakkar li, b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-leġislatur għandu l-obbligu li jippreżenta l-inkriminazzjonijiet b'mod ċar u preċiż, u dan jirrifletti sempliċiment l-obbligu ġenerali li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Skont il-KESE, dan l-obbligu għandu jinfirex għar-reati sekondarji bħall-attentati ta’ reati u l-kompliċità li għandhom definizzjonijiet differenti minn Stat għall-ieħor.

3.3.3.2   Kif tinnota l-Kummissjoni, il-proġett tal-armonizzazzjoni tal-leġislazzjonijiet ma jistax iwassal biex jogħlew il-livelli tas-sanzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri. Il-KESE jfakkar li, fid-dawl tal-prinċipju tal-koerenza (vertikali), il-pieni minimi previsti mill-UE ma jistgħux iwasslu biex jiżdiedu l-ogħla pieni fi ħdan Stat Membru, għax dan imur kontra s-sistema legali ta’ dan l-Istat (Artikolu 67(1) tat-TFUE). Huwa jappella biex issir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ severità u ta’ effikaċja meta tiġi valutata sanzjoni.

3.3.3.3   Peress li dawn huma sanzjonijiet approvati diġà mill-UE, il-KESE jemmen li, sabiex ikun hemm koerenza orizzontali, iridu jitqiesu wkoll il-livelli ta’ sanzjoni li diġà huma stabbiliti fil-leġislazzjoni Ewropea.

3.4   Kunċetti legali li jridu jiġu ċċarati

3.4.1   B'mod ċar, il-Kummissjoni riedet li tniedi dibattitu saħansitra qabel ma jiġu definiti ċerti kunċetti essenzjali u huwa għalhekk li hemm nuqqas ta’ ċarezza fil-Komunikazzjoni. Minkejja li l-KESE huwa konxju tal-kamp ta’ applikazzjoni politiku tad-dokument, huwa jiddispjaċih li d-diskussjoni ma tistax issir fuq bażi stabbli, kif kien jixtieq. Huwa jenfasizza b'mod partikolari l-kumplessità tad-distinzjoni neċessarja bejn il-kunċetti ta’ sanzjoni kriminali u sanzjoni amministrattiva u jistaqsi x'wieħed irid jifhem bi “ksur serju” tal-liġi tal-Unjoni.

3.4.2   Il-ħidma tal-grupp ta’ esperti għandha tgħin biex jitneħħew ċerti ambigwitajiet. Il-KESE ser jiżgura li, kif kien tħabbar, dawn l-esperti jintgħażlu minn fost ġuristi, avukati, maġistrati, kriminologi, eċċ.

3.5   Għal liema setturi għandha titwessa' l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali?

3.5.1   Il-Komunikazzjoni ġustament issemmi alternattivi għal-liġi kriminali mingħajr ma, fil-fehma tal-KESE, issemmi l-implikazzjonijiet kollha: f'għajnejn il-Kumitat, ir-reazzjoni tal-UE għal reati kriminali finanzjarji, soċjali u ekonomiċi għandha tintegra l-alternattiva ekonomika nnifisha, jiġifieri s-sanzjonijiet amministrattivi jew ċivili (il-projbizzjoni li wieħed jeżerċita professjoni, pereżempju).

3.5.2   In-nuqqas ta’ strateġija ġenerali fil-qasam tal-politika kriminali fil-livell Ewropew ifisser li m'hemmx ġustifikazzjoni rigoruża tal-lista tas-setturi li dwarhom il-Kummissjoni tista' tippjana li timplimenta inizjattivi.

3.5.3   Il-KESE jemmen li l-azzjoni tal-UE għandha tibbaża fuq tliet kriterji: il-livell ta’ serjetà (li jrid jiġi definit) u d-dimensjoni transkonfinali tal-ksur, iżda anke l-kriterju komuni dwar sa liema livell jiksru l-liġi skont l-iskala tal-interessi milquta.

3.6   Liema livell ta’ armonizzazzjoni?

3.6.1   Il-KESE jinnota l-għan tal-Kummissjoni li tistabbilixxi standards minimi. It-Trattat ma jippermettix li mmorru lil hinn minn dan u jeskludi l-armonizzazzjoni totali. Madanakollu, ir-regoli minimi jistgħu jirriflettu xewqa għal livell li jkun inqas jew aktar ambizzjuż. Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi definit preċiżament il-livell ta’ armonizzazzjoni mixtieq skont is-settur ikkonċernat. Filwaqt li l-Parlament Ewropew ser jipprovdi l-impetus politiku neċessarju u jipprovdi garanzija ta’ leġittimità demokratika, huwa essenzjali li fil-livell nazzjonali l-parlamenti jindirizzaw il-kwistjoni u jesprimu l-fehma tagħhom dwar is-suġġett, b'konformità mar-responsabbiltajiet il-ġodda tagħhom, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fil-liġi kriminali Ewropea.

3.6.2   U dan peress li l-biċċa xogħol kbira u li ma tispiċċa qatt tal-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet tal-ksur u tas-sanzjonijiet - anke jekk dan isir fuq bażi minima - fil-fehma tal-KESE mhux ser taffettwa l-identità ta’ kull sistema legali nazzjonali.

3.7   Drittijiet ta’ difiża

3.7.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sanzjoni, amministrattiva jew kriminali, tinfluwenza l-garanzija korrispondenti għall-persuna soġġetta għal proċedimenti legali (applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali), mentri fir-realtà, jista' jkun hemm xi differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża skont it-tip ta’ sanzjoni magħżula. Din is-sitwazzjoni de facto, f'għajnejn il-KESE, titlob definizzjoni ċara u minn qabel ta’ x'inhu kopert mis-sanzjonijiet amministrattivi u x'inhu kopert minn dawk kriminali.

3.7.2   Sabiex nipproteġu aħjar id-drittijiet tad-difiża fil-każ ta’ sanzjonijiet amministrattivi, il-KESE jappoġġja t-twaqqif tal-prinċipji mmirati li jiġbru tali sanzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti.

3.7.3   Il-KESE jixtieq jisħaq li l-kwistjoni tad-drittijiet ta’ difiża hija rilevanti wkoll għall-kooperazzjoni bejn is-servizzi ġudizzjarji u ta’ infurzar (Eurojust u Europol b'mod partikolari).

3.8   Kwistjonijiet sussidjarji

3.8.1   Il-kwistjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà (kriminali jew ċivili) li trid tiġi applikata għall-persuni legali

3.8.1.1   Il-fatt li ċerti Stati Membri għadhom ma jirrikonoxxux ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali, joħloq vojt bejn l-effettività tal-metodi ta’ infurzar possibbli u l-assenjazzjoni tal-maġistrati kompetenti (kriminali jew ċivili, skont ir-regoli tal-assenjazzjoni tal-liġi internazzjonali privata, minn fejn jinħoloq ir-riskju ta’ “forum shopping”). Pereżempju, fil-każ ta’ tniġġis transkonfinali fuq skala kbira, m'hemmx għalfejn insemmu li l-aktar mogħdija effettiva hija dik kriminali kontra dawk responsabbli, li ġeneralment huma l-intrapriżi, minflok ma jinfetħu kawżi esklużivament kontra diretturi ta’ kumpaniji jew il-persunal tagħhom. Dan huwa suġġett li jistħoqqlu aktar riflessjoni, b'mod partikolari l-kwistjoni tas-setgħa li tiġi delegata r-responsabbiltà fil-kumpanija, inkella ma jkunx hemm ekwivalenza fl-infurzar u għaldaqstant, fl-effett ta’ deterrent tal-miżuri ta’ prevenzjoni.

3.8.1.2   Billi l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali tal-kumpaniji qed tiffaċċja diffikultajiet f'termini ta’ differenzi kunċettwali bejn l-Istati Membri, l-azzjoni kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali li tiżgura t-twaqqif ta’ standards Ewropej tiqba' ta’ natura esklużivament amministrattiva kemm jekk instigata mill-Kummissjoni u kemm jekk mill-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet indipendenti tagħhom. Importanti li d-dritt tad-difiża tal-persuni legali mressqa quddiem dawn il-korpi bis-setgħa li jimponu sanzjonijiet jiġu garantiti hekk kif inhuma quddiem qorti kriminali.

3.8.2   Kwistjonijiet oħra mqajmin mill-Komunikazzjoni:

3.8.2.1   Il-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha tiddefinixxi n-negliġenza serja?

3.8.2.2   B'konformità mal-prinċipju tan-“nulla poena sine culpa” (ebda liġi mingħajr penali), il-KESE jemmen li kieku l-leġislazzjoni tal-UE f'materji kriminali legali tiddefinixxi l-imġiba intenzjonata, l-Istati Membri jkunu huma biss kompetenti li jistabbilixxu sanzjonijiet li jippenalizzaw in-negliġenza serja (għad trid tiġi diskussa).

3.8.3   Il-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha tinkludi miżuri ta’ konfiska?

3.8.3.1   Filwaqt li jidher li fil-prinċipju m'hemm xejn kontra l-istabbiliment ta’ piena għall-konfiska (b'distinzjoni mis-sekwestru tal-assi) fil-leġislazzjoni Ewropea, speċjalment rigward it-traffiku tad-drogi, il-kwistjoni tista' tistħoqqilha diskussjoni dettaljata dwar jekk hemmx pjani għal miżuri dwar il-konfiska ġenerali tal-assi, li mhijiex indirizzata f'bosta sistemi legali u li tista' tqajjem il-kwistjoni tal-proporzjonalità u l-inċertezzi dwar il-piena.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  It-terroriżmu, it-traffikar tal-persuni u l-esplojtazzjoni sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffiku illeċtu tad-drogi u tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas u l-kriminalità organizzata.


Top