EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0619(03)

Avviż li jikkonċerna l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u dwar il-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni tal-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

OJ C 175, 19.6.2012, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/19


Avviż li jikkonċerna l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u dwar il-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni tal-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2012/C 175/08

Bis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża C-338/10, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QTĠ”) iddikjarat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (1) (“ir-Regolament tal-anti-dumping definittiv” jew “ir-Regolament ikkontestat”) invalidu.

Bħala konsegwenza tas-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) ma għadux soġġett għall-miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1355/2008.

1.   Tagħrif lill-awtoritajiet doganali

Konsegwentement, id-dazji definittivi tal-anti-dumping imħallsa skont ir-Regolament (KE) Nru 1355/2008 fuq importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (kodiċi TARIC 2008309061, 2008309063, 2008309065, 2008309067, 2008309069) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u d-dazji provviżorji miġbura definittivament skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1355/2008, għandhom jitħallsu lura jew jinħafru. Il-ħlas lura jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Barra minn hekk, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma għadhomx soġġetti għall-miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1355/2008.

2.   Ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-anti-dumping

Il-QTĠ, permezz tas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Marzu 2012, iddikjarat ir-Regolament (KE) Nru 1355/2008 invalidu. Il-QTĠ sabet li l-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ma għamlitx dak kollu li kien meħtieġ sabiex tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezz jew valur kostrutt f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq kif preskritt mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

Il-Qrati (3) rrikonoxxew li, f'każijiet fejn proċediment ikun jikkonsisti f'għadd ta' stadji amministrattivi, l-annullament ta' wieħed minn dawk l-istadji ma jannullax il-proċediment kollu. Il-proċediment tal-anti-dumping huwa eżempju ta’ tali proċediment magħmul minn diversi stadji. Għaldaqstant, l-annullament ta' partijiet tar-Regolament tal-anti-dumping definittiv ma jimplikax l-annullament tal-proċedura kollha qabel l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma obbligati li jikkonformaw mas-sentenza tat-22 ta' Marzu 2012 tal-QTĠ. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jikkonformaw mas-sentenza, għandhom il-possibilità li jirrimedjaw l-aspetti tar-Regolament ikkontestat li wasslu għall-annullament tiegħu, filwaqt li ma jbiddlux il-partijiet mhux ikkontestati li ma jintlaqtux mis-sentenza (4). Għandu jiġi nnutat li s-sejbiet kollha l-oħra magħmula fir-Regolament ikkontestat, li ma kinux ikkontestati fiż-żmien determinat għal sfida u għalhekk ma kinux ikkunsidrati mill-Qrati u ma wasslux għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, jibqgħu validi. L-istess konklużjoni tapplika permezz ta' analoġija fejn Regolament huwa ddikjarat invalidu.

Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni tal-anti-dumping li tikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li kienet inbdiet b’konformità mar-Regolament bażiku. Il-ftuħ mill-ġdid huwa limitat fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-implimentazzjoni tas-sejba tal-QTĠ kif imfakkar hawn fuq.

3.   Proċedura

Wara li ddeterminat, fuq konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-anti-dumping huwa ġġustifikat, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għall-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-anti-dumping li tikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li ngħatat bidu skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku permezz ta' avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5).

Il-ftuħ mill-ġdid huwa limitat fil-kamp ta' applikazzjoni għall-għażla ta’ pajjiż analogu, jekk hemm, u d-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku li jrid jintuża għall-kalkolu ta' kwalunkwe marġini tad-dumping.

Il-partijiet kollha interessati huma hawnhekk mistiedna biex iressqu l-opinjonijiet tagħhom, jissottomettu tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tad-disponibilità tal-ekonomija tas-suq f'pajjiżi terzi li jistgħu jintgħażlu biex jiddeterminaw il-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, inkluż fir-rigward tal-Iżrael, is-Sważiland, it-Turkija u t-Tajlandja. Dan it-tagħrif u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 4(a).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, kemm-il darba dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 4(b).

4.   Limiti ta’ żmien

(a)   Biex il-partijiet jippreżentaw ruħhom u jressqu t-tagħrif

Jekk iridu li r-rappreżentazzjonijiet tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati kollha għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jressqu kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi fuq il-preżentazzjoni tal-parti fil-limitu ta' żmien imsemmi qabel.

(b)   Seduti

Il-partijiet kollha interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 20 jum.

5.   Sottomissjonijiet bil-miktub u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati jridu jsiru bil-miktub (mhux f'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (6) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b’mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Huwa nnutat li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (7).

8.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Huwa nnutat ukoll li jekk il-partijiet interessati jikkunsidraw li qegħdin jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun xieraq, il-medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u mat-trattament tas-sottomissjonijiet bil-miktub u/jew orali tal-opinjonijiet. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm).


(1)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 35.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  Il-Kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill (1998) ECR II-3939.

(4)  Il-Kawża C-458/98 P Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill (2000) ECR I-08147.

(5)  ĠU C 246, 20.10.2007, p. 15.

(6)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping).

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top