EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1610

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika u li tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE” COM(2011) 370 finali — 2011/0172 (COD)

OJ C 24, 28.1.2012, p. 134–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika u li tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE”

COM(2011) 370 finali — 2011/0172 (COD)

2012/C 24/30

Relatur: is-Sur MORDANT

Korelatur: is-Sur LIBAERT

Nhar il-5 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 194(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika u li tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE

COM(2011) 370 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’165 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Parlament li l-Kummissjoni tivvaluta mill-iżjed fis possibbli kemm huwa probabbli li l-Unjoni tilħaq l-għan ta’ 20 % ta’ ffrankar ta’ enerġija; u li l-isforzi jkunu ffukati fuq il-ksib ta’ riżultati reali.

1.2   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni xxerred tagħrif dwar u tippromovi l-prattiki tajbin eżistenti fl-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam tat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-istokk tal-bini.

1.3   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tidentifika possibbiltajiet ta’ finanzjament Ewropew addizzjonali għall-miżuri li l-għan tagħhom huwa li jagħmluha possibbli li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva.

1.4   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni teżamina b’mod urġenti r-raġunijiet għall-użu dgħajjef tar-riżorsi disponibbli u li, jekk meħtieġ, tikkunsidra mill-ġdid ir-regoli ta’ finanzjament, teżamina kif tista’ ssaħħaħ ir-rwol tal-fond għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija maħluq dan l-aħħar, kemm mil-lat tas-sorsi ta’ finanzjament kif ukoll mil-lat tal-kriterji tal-għoti li għandhom jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

1.5   Bl-istess mod, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li testendi l-proposta tagħha ta’ “bonds għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qafas tal-Ewropa 2020” għal proġetti li jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

1.6   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni mill-iżjed fis tal-potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat fl-industrija fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bil-għan li tiddefinixxi l-miżuri adatti li għandhom jiġu adottati.

1.7   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni teżamina sa liema punt u taħt liema kundizzjonijiet l-istrumenti għall-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2 u sustanzi oħra li jniġġsu, imniżżla fil-BREF (Best Available Techniques Reference Document), jistgħu jintużaw bl-istess mod bħal fid-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u jitħejjew fil-qafas ta’ sistema ta’ governanza li tinvolvi l-atturi kollha kkonċernati, fosthom min iħaddem, it-trejdjunjins u l-NGOs.

1.8   Il-KESE jirrakkomanda li l-kundizzjonijiet għall-użu eventwali ta’ arloġġi intelliġenti (smart meters) ikunu iżjed stretti, b’konformità mal-prinċipji tal-universalità u l-aċċessibbiltà tal-enerġija għall-konsumatur filwaqt li tiġi rispettata d-data personali.

1.9   Il-KESE jitlob li l-Proposta għal Direttiva preżenti tipprevedi li l-Istati Membri jtaffu l-effett li l-ispejjeż tal-miżuri jkollhom fuq il-fattura tal-klijenti finali, b’mod partikolari, fejn meħtieġ, l-ispejjeż tal-arloġġi intelliġenti, u li jaraw li dawn il-miżuri kollha jkunu b’xejn għad-djar bi dħul baxx skont proċeduri li għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri.

1.10   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tikkontribwixxi b’mod li l-kompetenzi tal-kumitati tax-xogħol u tal-kumitati tax-xogħol Ewropej jitwessgħu biex jinkludu wkoll l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva.

1.11   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod iżjed preċiż il-kunċett tal-“intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju” mil-lat ta’ daqs u ta’ ambitu, biex b’hekk tevita li definizzjoni li tkun ġenerali wisq ma twassalx biex għadd kbir ta’ intrapriżi la jkunu obbligati jagħmlu awditjar tal-enerġija u lanqas jagħtu sehemhom biex jilħqu l-għanijiet tad-Direttiva.

1.12   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tara li s-settur tat-trasport ikun integrat aħjar u li jiġu ppjanati miżuri fil-qafas ta’ din id-direttiva, bil-għan li jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

1.13   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw miżuri msaħħa kif ukoll vinkolanti għall-istokk tal-bini kollu tagħhom, u jtenni li għandha tiġi definita ċifra ta’ mira ta’ dan it-tip, flimkien ma’ miżuri ta’ finanzjament, ta’ inċentiv u ta’ akkumpanjament adegwati.

1.14   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni Ewropea meħtieġa għat-titjib tal-kurrikulu tal-iskejjel u l-universitajiet u tal-programmi tat-taħriġ u tar-riċerka u l-iżvilupp, sabiex jiġu adattati għall-isfidi u l-għanijiet tad-Direttiva, u s-sħubijiet għandhom jingħataw prijorità f’dan ir-rigward.

1.15   Il-KESE jenfasizza r-rwol fundamentali li s-servizzi pubbliċi lokali u reġjonali jistgħu jaqdu fir-rigward tal-awditjar tal-enerġija biex jgħinu u jistimulaw l-individwi jtejbu l-effiċjenza enerġetika fi djarhom.

1.16   Il-KESE jemmen li l-konsumaturi jaqdu rwol ċentrali fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li jitwaqqfu strateġiji nazzjonali li jinvolvu u jħeġġu lill-konsumaturi f’dan ir-rigward, sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli kemm għal kull wieħed jew waħda minnhom kif ukoll għas-soċjetà. Il-politiki favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għandhom jiġu appoġġjati b’inizjattivi (finanzjarji) adegwati li huma attraenti għall-konsumaturi, b’mod li jkunu jistgħu jipparteċipaw fihom. Il-ħtiġijiet tal-konsumaturi minn gruppi żvantaġġjati għandhom jiġu kkunsidrati, u dan għandu jagħmel parti integrali mill-politiki kollha fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika.

2.   Introduzzjoni

Din l-opinjoni tindirizza l-Proposta għal Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (COM(2022) 370 finali) fuq il-bażi tad-direttivi fis-seħħ dwar il-koġenerazzjoni u s-servizzi fil-qasam tal-enerġija u għandha l-għan li tgħaqqadhom f’att leġislattiv wieħed, ta’ natura globali, dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-provvista tal-enerġija u l-konsum finali tal-enerġija.

3.   Sinteżi tal-Proposta għal Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika u li tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE

3.1   L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet għaliha nnfisha l-għan li fl-2020 tiffranka 20 % tal-enerġija primarja u għamlet dan l-għan wieħed mill-ħames miri ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

3.2   L-iktar stimi reċenti tal-Kummissjoni, li jikkunsidraw il-miri nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika għall-2020 li l-Istati Membri stabbilixxew fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, jissuġġerixxu li l-UE se tilħaq biss nofs il-mira ta’ 20 % sa din id-data. Il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew talbu lill-Kummissjoni tadotta strateġija ambizzjuża ġdida dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bil-għan li taġixxi b’mod determinat sabiex tisfrutta l-potenzjal konsiderevoli li jeżisti.

3.3   Sabiex l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tingħata ħajja ġdida, fit-8 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ressqet Pjan għall-Effiċjenza Enerġetika (Energy Efficiency Plan (EEP)) ġdid li jistabbilixxi l-miżuri biex jinkiseb iktar iffrankar fil-livell tal-provvista u l-użu tal-enerġija.

4.   Kummenti ġenerali dwar il-Proposta għal Direttiva

4.1   Din l-opinjoni ssejset fuq l-opinjoni CESE 1180/2011 tal-Kumitat dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011” tal-14 ta’ Lulju 2011 u tikkompletaha. B’mod partikolari, il-Kumitat ifakkar il-pożizzjonijiet li adotta f’din l-opinjoni fil-qasam tal-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku, tal-koġenerazzjoni (5.3) u tas-servizzi tal-enerġija (5.4). Barra minn hekk, il-Kumitat itenni t-talba li għamel li jiġi eżaminat il-funzjonament u, f’każ ta’ bżonn, jinbidlu d-dispożizzjonijiet attwali fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini, tal-ekotikkettar tal-apparat domestiku u tal-arloġġi intelliġenti.

4.2   Il-Kumitat jappoġġja s-suġġett u l-għanijiet tal-Proposta għal Direttiva li għandha l-għan li tistabbilixxi “qafas komuni għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika fi ħdan l-Unjoni sabiex ikun żgurat li sal-2020 tintlaħaq il-mira tal-Unjoni għal iffrankar tal-enerġija primarja ta’ 20 % u sabiex titwitta t-triq għal iktar titjib fl-effiċjenza enerġetika lil hinn minn dik id-data”. Il-Kumitat huwa konvint mill-importanza li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiġi promossa fl-Unjoni fid-dawl tal-potenzjal mhux sfruttat li għad hemm u fid-dawl tal-fatt li t-tilħiq tal-għan imfittex huwa ta’ benefiċċju għall-Unjoni, kemm minn perspettiva ambjentali kif ukoll minn dik ekonomika u soċjali Il-KESE jagħraf li f’dawn l-aħħar snin tnedew għadd kbir ta’ “inizjattivi”, leġislattivi jew le, dwar il-“bini ekoloġiku” u l-prodotti tal-binjiet “ekoloġiċi”. Madankollu, jidher li hemm nuqqas ta’ pjan globali għall-“bini ekoloġiku”, u minħabba f’hekk hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-attivitajiet u ħela ta’ riżorsi. Ikun utli li l-Kummissjoni Ewropea tippubblika Green Paper dwar il-“bini ekoloġiku” li tiġbor fiha l-inizjattivi kollha marbutin mal-bini u l-materjali tal-bini.

4.3   Il-Kumitat jappoġġja l-Proposta għal Direttiva fid-dawl tal-fatt li tirrevoka u tgħaqqad id-Direttiva 2004/8/KE dwar il-koġenerazzjoni u d-Direttiva 2006/32/KE dwar is-servizzi fil-qasam tal-enerġija, peress li approċċ integrat jista’ jiffavorixxi s-sinerġiji, b’mod partikolari fil-qasam tal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku, u b’hekk tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Il-Kumitat huwa tal-fehma li hija meħtieġa integrazzjoni iżjed effettiva tas-settur tat-trasport, flimkien mal-miżuri previsti fil-kuntest ta’ din id-direttiva, bil-għan li jgħinu biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

4.4   Il-Kumitat huwa tal-fehma li huwa kruċjali li tintlaħaq il-mira ta’ ffrankar ta’ 20 % fil-qasam tal-enerġija primarja minn issa sal-2020. Jirrakkomanda li, mill-2013 ’il quddiem, il-Kummissjoni tintalab tivvaluta jekk hux probabbli li l-Unjoni tilħaq dan l-għan. Jirrakkomanda wkoll li l-isforzi kollha jiġu ffukati fuq il-ksib ta’ riżultati konkreti.

4.5   Fid-dawl tal-importanza tal-postijiet tax-xogħol għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti, il-Kumitat jiddispjaċih li ma hemm l-ebda referenza għall-post tax-xogħol u għall-importanza li jiġi promoss id-djalogu soċjali fih bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti. L-impenn u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-programmi marbuta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma fil-fatt essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet, kif inhuma wkoll l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi adatti tat-tagħlim u t-taħriġ, flimkien ma’ miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u s-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Il-ħaddiema għandhom ikunu infurmati u kkonsultati dwar dawn l-aspetti bħala parti mid-djalogu soċjali, li għandu jitħeġġeġ.

4.5.1   Bl-istess mod, il-KESE jirrakkomanda, b’konformità mad-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, li jiġi adottat anness dwar it-taħriġ li jwassal għaċ-ċertifikazzjoni jew il-kwalifika tal-fornituri tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ din id-Direttiva.

4.6   Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-kwistjoni tal-finanzjament tal-investimenti meħtieġa. Fil-fatt, għalkemm jidher li f’ħafna każijiet is-sehem mill-finanzjament tal-UE huwa żgħir wisq biex iservi ta’ inċentiv, kif enfasizzat fil-punt 6.5.1 tal-opinjoni CESE 1180/2011, il-punt 4 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni ta’ din il-Proposta għal Direttiva jistipula biss li l-proposta “se tkun implimentatata bl-użu tal-baġit eżistenti u mhux se jkollha impatt fuq il-qafas finanzjarju multiannwali”. Naturalment, huwa importanti li l-istrumenti finanzjarji eżistenti jintużaw bl-iżjed mod wiesa’ possibbli, iżda jibqa’ l-fatt li attwalment mhumiex biżżejjed fid-dawl li r-riżorsi disponibbli fi ħdan il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni ftit li xejn jintużaw mill-Istati Membri u r-reġjuni. Il-Kumitat huwa konvint li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, il-Kumissjoni għandha:

tindirizza b’mod urġenti r-raġunijiet għall-użu dgħajjef tar-riżorsi disponibbli u, jekk meħtieġ, tikkunsidra mill-ġdid ir-regoli tal-finanzjament. Dan kollu jidher iżjed urġenti u kruċjali fid-dawl tar-restrizzjonijiet attwali fuq il-finanzi pubbliċi, li għandhom l-għeruq tagħhom fid-deċiżjonijiet meħuda fil-livell Ewropew permezz tal-pjani ta’ awsterità;

teżamina kif tista’ ssaħħaħ ir-rwol tal-fond għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li twaqqaf dan l-aħħar, kemm mil-lat tas-sorsi tal-finanzjament kif ukoll mil-lat tal-kriterji għall-għoti tal-finanzjament li, fil-fehma tal-Kumitat, għandhom jiżguraw li l-għanijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali jintlaħqu lkoll;

teżamina l-possibbiltà li testendi l-proposta tagħha li toħroġ bonds għall-finanzjament tal-proġetti fil-qafas tal-inizjattiva Ewropa 2020 għal proġetti ta’ investiment li jkollhom l-għan li jgħinu li jintlaħqu l-għanijiet tal-Proposta għal Direttiva indirizzata f’dan id-dokument.

teżamina l-mekkaniżmi ta’ finanzjament l-oħra kollha possibbli u fosthom is-sistemi msejħa investituri terzi li jiżguraw prefinanzjament u jitħallsu permezz tal-enerġija ffrankata minħabba ħidma li tkun saret għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini kkonċernat. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tirrikorri għand il-kumpaniji li jipprovdu servizzi tal-enerġija (ESCO – Energy Service Companies), b’mod partikolari għall-installazzjoni tal-arloġġi “intelliġenti”.

4.7   Il-Kumitat jenfasizza li, skont il-Pjan 2011 għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, il-bini pubbliku jirrappreżenta 12 % biss tal-istokk tal-bini tal-UE. Għalhekk, jenfasizza l-importanza tal-bqija tal-istokk tal-bini u jipproponi li l-Istati Membri jikkunsidraw li jżidu l-miżuri u possibbilment li dawn ikunu vinkolanti fir-rigward tal-istokk tal-bini tagħhom kollu u jitlob li tiġi stabbilita mira ta’ dan it-tip, flimkien ma’ miżuri adatti ta’ finanzjament, inċentiv u akkumpanjament. Dan jirriżulta iżjed u iżjed meħtieġ meta nqisu li, kif enfasizzat fil-premessa (15) tal-Proposta għal Direttiva “l-istokk tal-bini eżistenti jirrappreżenta l-ikbar settur potenzjal waħdieni għall-iffrankar tal-enerġija”. Barra minn hekk, il-bini huwa kruċjali sabiex jintlaħaq l-għan tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra bi 80-95 % sal-2050 meta pparagunati mal-1990. Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza li t-titjib tal-prestazzjoni enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE:

jagħmilha possibbli li jinħolqu ħafna impjiegi fl-Ewropa. Il-kwalità ta’ dawn l-impjiegi għandha tkun garantita permezz ta’ djalogu soċjali msaħħaħ u għandhom jinħolqu bis-saħħa ta’ programmi adatti ta’ tagħlim u taħriġ;

b’hekk jiġġenera dħul għall-Istati Membri (l-iżjed permezz ta’ tnaqqis fil-qgħad u żieda fid-dħul mit-taxxa);

jagħti spinta lill-irkupru Ewropew;

jagħmilha possibbli wkoll li jintlaħqu l-għanijiet soċjali permezz ta’ miżuri speċifiċi li għandhom jiġu adottati għall-familji bi dħul baxx jew medju biex jiġu megħjuna jnaqqsu l-kontijiet tal-elettriku tagħhom permezz ta’ tnaqqis fil-volum ta’ enerġija li jeħtieġu għat-tisħin u d-dawl.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   L-Artikolu 4, li jobbliga lill-Istati Membri jirrinnovaw 3 % tal-erja totali tal-art li tkun il-proprjetà tal-korpi pubbliċi kull sena, jirreferi għal erja totali tal-art ’il fuq minn 250 m2. Il-Kumitat huwa tal-fehma li dawn l-obbligi għandhom japplikaw għall-bini okkupat mill istituzzjonijiet Ewropej. Barra minn hekk, il-Kumitat għandu dubju dwar din iċ-ċifra minima ta’ 250 m2 u jistaqsi jekk, fil-prattika, din hux ser twassal biex l-assoċjazzjonijiet tal-bini b’mod partikolari jkunu eżentati minn dawn l-obbligi, fid-dawl tal-fatt li fid-djar soċjali l-ispazju disponibbli sikwit ikun iżgħar. Barra minn hekk, l-għanijiet stabbiliti fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għandhom ukoll ikunu ta’ natura soċjali, bili jiġu ffissati miżuri li jgħinu biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tal-familji foqra permezz ta’ inċentivi bil-għan li tissaħħaħ il-prestazzjoni tal-enerġija tad-djar tagħhom.

5.1.1   Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika preżenti, l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6 jistgħu ma jintlaħqux sal-iskadenzi previsti. Fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni għandha tipprevedi miżuri ta’ solidarjetà fil-livell Ewropew favur l-Istati Membri kemm-il darba ma jirnexxilhomx jilħqu dawn l-għanijiet waħidhom.

5.2   Madankollu, l-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika previsti fl-Artikolu 6, jekk huma meħtieġa, jinvolvu spiża. Fil-fehma tal-Kumitat, jeħtieġ li jittaffew l-effetti tal-ispejjeż tal-miżuri fil-kontijiet tal-klijenti finali (ara l-punt 4.5.5 tal-opinjoni CESE 1180/2011). B’mod partikolari, huwa tal-fehma li t-titjib għandu jkun bla ħlas għall-familji bi dħul baxx, kif jenfasizza fil-punt 6.7.2 tal-istess opinjoni.

5.3   L-Artikolu 7(1) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu b’mod partikolari lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jagħmlu awditjar tal-enerġija. Għalhekk, il-Kumitat huwa tal-fehma li jkun tajjeb li jiġu definiti “l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju” fl-Artikolu 2.

5.4   L-Artikolu 7(2) jipprevedi li l-intrapriżi li mhumiex “żgħar u ta’ daqs medju” jkunu soġġetti għal awditjar tal-enerġija (energy audit) mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014 u kull tliet snin mid-data tal-iżjed awditjar tal-enerġija reċenti. Fil-fehma tal-Kumitat, kif imsemmi fil-punt 5.5.1 tal-opinjoni CESE 1180/2011, għad hemm potenzjal mhux sfruttat fl-industrija fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, minkejja li sar progress f’dan il-qasam u anke jekk ċerti miżuri Ewropej bħall-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet diġà għandhom l-industriji intensivi fl-enerġija fil-mira tagħhom. Sabiex ikunu jistgħu jiġu definiti bl-iżjed mod rapidu possibbli l-potenzjal mhux sfruttat fl-industrija u l-miżuri adatti li għandhom jiġu adottati b’rabta ma’ dan, il-Kumitat jipproponi:

li jsir awditjar tal-enerġija mill-iżjed fis u b’mod effiċjenti;

appoġġ, użu u tixrid fuq skala wiesgħa ta’ għodod tradizzjonali u ġodda li jiffaċilitaw titjib iffukat u konsistenti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kemm fl-industriji li jikkonsmaw ħafna enerġija kif ukoll fl-SMEs.

li l-awditjar ikopri kemm kwistjonijiet ta’ ġestjoni kif ukoll dawk strutturali. Huwa relattivament faċli li jiġu implimentati l-bidliet marbuta mal-ġestjoni, iżda l-bidliet strutturali (il-qigħan tal-art, is-soqfa, it-tibdil fil-funzjoni tal-bini, il-materjali tqal) jiswew il-flus u jieħdu l-ħin, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relatati mal-awditjar jeħtieġu studju tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji u pjan ta’ implimentazzjoni biex titħejja offerta b’parametri preċiżi u baġit. Minbarra dawn il-limitazzjonijiet, ta’ spiss jinħtieġu l-permessi, u dan jagħmel il-proċess ta’ rinnovazzjoni konsiderevolment itwal. Għal dawn ir-raġunijiet, ikun tajjeb li fil-ġejjieni, peress li l-modifiki rakkomandati mill-awditjar jeħtieġu xogħlijiet fuq skala kbira, l-iskadenza għat-twettiq tagħhom tiġi estiża.

5.4.1   Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema hija essenzjali għat-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Ma jistax ikun hemm riżultati mingħajr l-għarfien, l-esperjenza u l-impenn tagħhom. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġi eżaminat sa liema punt u taħt liema kundizzjonijiet l-istrumenti għall-valutazzjoni komparattiva (benchmarking tools) għall-emissjonijiet tas-CO2 u gassijiet oħra li jniġġsu (dokumenti BREF imfassla mill-IPTS f’Sevilja bħala appoġġ għall-eks-Direttiva IPPC u d-direttiva tal-2010 dwar l-emissjonijiet industrijali msejħa IED [industrial emissions directive] u użati wkoll għall-iskema għan-negozjar ta’ emissjonijiet u inklużi wkoll il-benchmarks tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija) jistgħu jintużaw bl-istess mod bħal f’din id-direttiva u stabbiliti fil-qafas ta’ sistema ta’ governanza li tinvolvi lill-partijiet interessati kkonċernati kollha, fosthom min iħaddem, il-junjins u l-NGOs. B’hekk, ikun possibbli li, waqt it-tħejjija tad-djanjostiċi u l-proposti fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ governanza, jiġu kkunsidrati: l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri ppjanati marbuta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u wkoll, fost l-oħrajn, l-aspett soċjali u dak tal-impjieg, l-impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-analiżijiet u r-regoli soċjali, l-għodda għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet stmati mil-lat ta’ impjieg, il-kwalifiki u t-taħriġ professjonali u l-mekkaniżmi li għandhom jiġu implimentati b’konsegwenza ta’ dan.

5.5   L-Artikolu 8(1) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati f’każ li jiġu implimentati l-arloġġi intelliġenti. Il-Kumitat jemmen li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex biżżejjed. Jitlob li kull Stat Membru, fil-kuntest regolamentari individwali tiegħu, jagħmel studju preliminari dettaljat dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ arloġġi ta’ din ix-xorta, u huwa tal-fehma li dan l-istudju għandu jikkunsidra l-fattibbiltà teknika u l-kosteffettività għall-investitur tal-installazzjoni ta’ arloġġi intelliġenti, inklużi l-manutenzjoni, il-ġestjoni u l-ispejjeż tat-tibdil, ir-riskji li joħolqu dawn l-arloġġi rigward il-prinċipji li jridu jiġu rispettati mil-lat tal-universalità u l-aċċessibbiltà tal-enerġija għall-konsumatur u r-rispett tad-data personali. Rigward l-elettriku, dan l-istudju huwa inkluż fil-valutazzjoni ekonomika msemmija fil-punt 2 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72/KE tat-13 ta’ Lulju 2009.

5.6   Artikolu 10(1) jistabbilixxi l-obbligu li jitfassal pjan nazzjonali għat-tisħin u t-tkessiħ. Dan għandu jikkunsidra b’mod specjali l-aspetti relatati mal-kompetizzjoni ħalli jindirizza l-problemi li jistgħu joħolqu l-monopolji fis-settur tat-tisħin urban.

5.7   F’livell konkret ħafna, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tas-servizzi tal-enerġija pprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi jew proposti minn kumpaniji privati, li huma maħsuba biex jimplimentaw is-soluzzjonijiet marbuta mal-ogħla livell ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija kemm għall-intrapriżi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll għall-individwi. Il-fondi Ewropej għandhom jagħmluha possibbli li jiġu żviluppati billi jkunu aċċessibbli għall-individwi u l-SMEs, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-interess ġenerali.

5.8   Minn perspettiva legali, il-kuntratti tal-prestazzjoni enerġetika, imsemmija fit-test tal-Kummissjoni iżda fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali ma’ entitajiet pubbliċi, jirrappreżentaw għodda b’mod li r-riċerka sistematika ta’ livell ogħla ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija tkun ġeneralizzata.

5.9   L-Artikolu 1 (Is-suġġett u l-ambitu) għandu jeskludi l-bini storiku peress li d-diffikultajiet estetiċi u prattiċi relatati, fost l-oħrajn, mal-installazzjoni ta’ arloġġi intelliġenti, ġeneralment huma ħafna akbar f’bini storiku. Pereżempju, id-dispożizzjonijiet leġislattivi fil-qasam tal-preżervazzjoni tal-patrimonju ta’ spiss jipprojbixxu lis-sid ta’ bini storiku milli jimplimenta sistemi ġodda ta’ ġestjoni tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jiddeċiedu skont il-każ meta bini storiku u speċifiku jeħtieġ din l-eżenzjoni u l-applikazzjoni ta’ firxa ta’ soluzzjonijiet aktar flessibbli.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top