EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1599

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-prospetti għal impjiegi sostenibbli fil-qasam ferrovjarju u f'dak tal-vetturi ferrovjarji u l-infrastruttura: kif il-bidla industrijali ser taffettwa l-impjieg u l-bażi Ewropea ta’ kompetenza” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 24, 28.1.2012, p. 24–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-prospetti għal impjiegi sostenibbli fil-qasam ferrovjarju u f'dak tal-vetturi ferrovjarji u l-infrastruttura: kif il-bidla industrijali ser taffettwa l-impjieg u l-bażi Ewropea ta’ kompetenza” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 24/05

Relatur: is-Sur CURTIS

Korelatur: is-Sinjura HRUŠECKÁ

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-prospetti għal impjiegi sostenibbli fil-qasam ferrovjarju u f'dak tal-vetturi ferrovjarji u l-infrastruttura: kif il-bidla industrijali ser taffettwa l-impjieg u l-bażi Ewropea ta’ kompetenza (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, li hija inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Settembru 2011. Ir-relatur kien is-Sur CURTIS u l-korelatur kienet is-Sinjura HRUŠECKÁ.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-27 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'104 voti favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-industrija Ewropea tat-tagħmir ferrovjarju wriet li kienet kapaċi toffri soluzzjonijiet avvanzati għall-ambjent u mezzi tat-trasport tajbin għall-utenti li jirrispettaw l-eżiġenzi kbar ta’ mobbiltà u ta’ tnaqqis tas-CO2. Suq intern li sejjer lura u aċċess limitat għal swieq oħra ser ikunu ta’ ħsara għall-pożizzjoni mexxejja tal-industrija Ewropea. L-aġenda tat-trasport ambizzjuża tal-UE ma tistax tiġi sodisfatta mingħajr industrija Ewropea b'saħħitha. Il-KESE jirrakkomanda l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi kkonsolidata u msaħħa l-pożizzjoni strateġika ta’ din l-industrija fl-Ewropa.

1.2

Hemm bżonn ta’ inventarju sħiħ tal-ostakli fil-konnessjonijiet nazzjonali u transnazzjonali ewlenin.

1.3

Tqabbil tas-sistemi urbani operattivi fiż-żoni metropolitani Ewropej u s-soluzzjonijiet innovattivi, fuq il-bażi tal-effiċjenza enerġetika u ambjentali, għandu jservi ta’ referenza.

1.4

Il-produtturi tal-UE għandu jkollhom l-istess aċċess għas-swieq mhux Ewropej bħal ma għandhom il-produtturi li mhumiex mill-UE għas-suq tal-UE fuq bażi reċiproka.

1.5

Hemm bżonn ta’ politika industrijali komprensiva b'investiment sostanzjali fis-sistemi tradizzjonali. Nuqqas ta’ investiment jirriżulta f'aktar telf ta’ impjiegi u ħiliet f'dan is-settur strateġiku. Dan iwassal biex is-settur jiddgħajjef b'mod perikoluż.

1.6

Għalkemm l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ERA) ħarġet Speċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà (TIS), għadna 'l bogħod minn netwerk integrat tal-ferroviji, li jwassal għal ostakli ovvji għat-trasport bil-ferrovija pan-Ewropew. Il-KESE huwa tal-opinjoni li, minħabba s-sitwazzjoni attwali, l-istrateġija Ewropa 2020 trid tintuża b'mod sħiħ, peress li, fost affarijiet oħra, issemmi qafas sod għall-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f'oqsma li mhumiex direttament koperti mir-regolamenti jew il-leġislazzjoni tal-UE, iżda huma ta’ importanza sinifikanti għas-suq uniku.

1.7

Espansjoni sinifikanti tal-kooperazzjoni transnazzjonali, li tinvolvi wkoll l-Università, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-professjonisti żgħażagħ imħarrġa b'mod adegwat, hija vitali biex ikun hemm standardizzazzjoni tal-iżvilupp, id-disinn u l-produzzjoni ta’ ferroviji reċenti li jistgħu jkopru diversi sistemi ferrovjarji u ta’ sinjaletika. Dan l-iżvilupp fih innifsu jista' jagħti spinta lill-industrija Ewropea. Għandha titħeġġeġ firxa ta’ miżuri biex jiġi promoss u mħeġġeġ l-użu tat-trasport bil-ferrovija, bil-għan li jitnaqqsu l-konġestjoni u l-emissjonijiet tal-karbonju. Sabiex titqanqal bidla fl-imġiba fl-istess ħin jeħtieġ li jittejbu l-kapaċitajiet, l-immaġni u l-faċilità tal-użu tat-trasport ferrovjarju f'ambjent ta’ kompetizzjoni ġusta anke ma’ mezzi ta’ transport oħra.

1.8

L-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom iħeġġu u jappoġġjaw l-innovazzjoni bħala fattur tal-manteniment u ż-żieda fil-kompetittività Ewropea, hekk kif propost fil-programm UE 2020. F'dan il-qasam, l-approċċi prijoritarji jistgħu jiġu identifikati bħala s-semplifikazzjoni tat-teknoloġija, l-iżgurar tal-kwalità tas-servizzi pprovduti (f'termini ta’ sigurtà, kumdità, regolarità tat-traffiku u kapaċità, eċċ.) u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tal-marka tal-karbonju.

1.9

L-iżvilupp teknoloġiku jmur id f'id mal-iżvilupp tal-ħiliet u l-għarfien fis-settur u mal-kapaċità li jinġibdu inġiniera żgħażagħ (il-gwerra għat-talent). Id-domanda tal-utenti potenzjali u ta’ partijiet interessati oħra hija mutur tal-iżvilupp teknoloġiku. Għalhekk hemm bżonn ta’ żvilupp addizzjonali tas-sħubija soċjali u l-involviment tal-partijiet interessati.

1.10

Fuq perjodu medju u twil, għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ kunsill Ewropew tal-ħiliet settorjali sabiex jiġu identifikati l-ħiliet u l-impjiegi li ser ikunu neċessarji f'dan is-settur. Għalhekk huwa importanti ħafna li tiġi aġġornata r-riċerka u tiġi prodotta data preċiża dwar l-impjieg fis-settur ferrovjarju sabiex jiġu ddefiniti dawn il-ħtiġijiet futuri.

1.11

Mingħajr politika industrijali komprensiva u finanzjament adegwat il-frammentazzjoni ser tkompli u s-suq Ewropew ser jitlef il-pożizzjoni mexxejja tiegħu. Suq domestiku f'espansjoni bissjippermetti lill-industrija żżomm il-livelli attwali tal-impjieg fl-Ewropa.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u l-merkanzija huwa fattur ewlieni f'ekonomija moderna; huwa jservi lill-interess tal-pubbliku ġenerali u għandu importanza strateġika għal min ifassal il-politika f'termini taż-żieda tal-mobbiltà u tal-loġistika u t-tnaqqis tal-konsegwenzi ambjentali. Huwa joffri mobbiltà effiċjenti fl-użu tal-enerġija bl-iktar emissjonijiet ta’ CO2 baxxi u jirrappreżenta waħda mir-risposti għall-konġestjoni tal-awtostradi u ż-żoni urbani. Il-konnessjonijiet fuq distanza medja jistgħu jkunu alternattiva għat-trasport bl-ajru, filwaqt li konnessjonijiet fuq distanzi qosra u lokali jistgħu inaqqsu t-traffiku tal-karozzi.

2.2

Netwerk effikaċi huwa essenzjali għal komunità Ewropea attiva li tirrispetta l-ambjent u għal integrazzjoni addizzjonali tal-komunità Ewropea kollha kemm hi u tal-Istati Membri b'mod partikolari. In-netwerks attwali mhumiex lesti kemm f'termini ta’ kapaċità kif ukoll kwalità li jattiraw sehem tas-suq ikbar għat-trasport ferrovjarju.

2.3

Iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-karburant u d-dipendenza miż-żejt, tħassib ikbar għall-ambjent u l-ġlieda kontra l-emissjonijiet tas-CO2 ser jaffettwaw il-mod kif il-mezzi tat-trasport huma użati. It-trasport ferrovjarju irid jittejjeb konsegwentement u għandha titħejja infrastruttura ġdida u speċifika. Is-suq globali huwa ddominat miċ-Ċina, li qed tinvesti bil-qawwa fl-estensjoni u t-titjib tan-netwerk ferrovjarju inter- u intra-urban tagħha. Pajjiżi emerġenti oħra, bħall-Indja, ir-Russja, il-Brażil u l-Arabja Sawdija, fost oħrajn, qegħdin jimplimentaw jew jippjanaw li jimplimentaw proġetti kbar ukoll. It-tkabbir estern u t-tidgħjif tas-suq Ewropew u n-nuqqas ta’ reċiproċità fis-suq globali eventwalment ser ixekklu l-pożizzjoni mexxejja tal-Ewropa.

2.4

Is-suq tat-trasport urban pubbliku għandu potenzjal kbir għat-tkabbir. Fid-dinja kollha llum hemm 300 agglomerazzjoni kbira ta’ iktar minn miljun ruħ li m'għandhomx sistema ta’ trasport urban iggwidat (metro jew ferrovija).

2.5

Fiċ-Ċina, l-Istati Uniti u partijiet oħra tad-dinja hemm pjani għal proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja ħafna kif ukoll proġetti ferrovjarji konvenzjonali. Madankollu, l-industrija Ewropea teħtieġ aċċess ugwali u reċiproku għas-suq sabiex tkun tista' tikkompeti.

2.6

Infrastruttura ferrovjarja effiċjenti b'faċilitajiet u tagħmir moderni hija essenzjali biex il-bidla fl-imġiba tal-konsumatur, il-bżonnijiet ambjentali u l-mobbiltà tas-suq tax-xogħol jkunu ta’ suċċess. Sistema tajba tal-ippjanar tal-użu tal-art, inkluż involviment adegwat taċ-ċittadini fil-proċessi ta’ ppjanar u teħid ta’ deċiżjonijiet, hija prerekwiżit għal dan. Minħabba l-kumplessità u l-intensità f'termini ta’ investiment tas-sistemi, il-wasla fis-suq tista' ddum deċennji sħaħ. L-għażliet tagħna tal-lum ser jiddeterminaw it-trasport fl-2050.

2.7

Il-kompetizzjoni mill-Asja diġà qed tankra ruħha fl-Ewropa filwaqt li s-swieq barra mill-UE għadhom protetti mill-ostakli regolatorji u leġislattivi. Sabiex jevitaw dawn l-ostakli, il-produtturi Ewropej “jixtru” l-parti tas-suq bit-trasferiment tat-teknoloġija u b'hekk joħolqu bażi industrijali fil-pajjiż ta’ lqugħ li eventwalement tagħmel ħsara lill-bażi ta’ impjieg fl-Ewropa.

2.8

Il-qawwa dejjem tikber ta’ din il-kompetizzjoni minn barra l-UE ser tinħass l-iktar minn ħames sa għaxar snin oħra, pereżempju meta s-suq Ċiniż fih innifsu jkun immatura. Dan ser ikollu effett dirett fuq il-prospetti ta’ xogħol fis-settur ferrovjarju Ewropew.

2.9

Fl-Ewropa EUR 4,3 biljun ġew allokati għat-trasport ferrovjarju permezz tal-programmi tat-TEN-T 2007-2013. Fondi addizzjonali mill-Fond ta’ Koeżjoni Ewropew jintefqu l-iktar fuq it-toroq u ma jintużawx bis-sħiħ. Ir-rekwiżiti tal-kofinanzjament jidhru li huma fattur ta’ inibizzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-Istati Membri l-ġodda. Filwaqt li s-sistemi ferrovjarji tagħhom huma l-inqas żviluppati fl-Ewropa f'termini ta’ kopertura, kapaċità u stat tekniku, l-allokazzjoni tal-fondi hija relattivament baxxa. Il-proġetti ppjanati huma relattivament ftit, u ħafna minnhom għadhom fil-fażi ta’ analiżi jew fil-fażi pilota.

2.10

Il-fondi nazzjonali u Ewropej għat-trasport bl-art, is-sussidji u l-miżuri ta’ appoġġ għall-industrija tal-karozzi, il-faċilitajiet fiskali favorevoli għat-traffiku tal-ajru, kollha joħolqu kuntrast mal-mod kif is-settur ferrovjarju huwa trattat. Il-fatt li s-settur ferrovjarju huwa intaxxat fuq il-konsum tiegħu tal-enerġija u d-dħul mill-biljetti jagħmilha ċara li l-ferroviji huma l-aħħar fuq il-lista. Minkejja s-sostenibbiltà tas-settur f'termini soċjali u ambjentali, il-kompetittività tal-ferrovija b'paragun ma’ mezzi oħra ta’ trasport hija affettwata negattivament minn tassazzjoni inġusta.

2.11

L-introduzzjoni ta’ vetturi twal ikkombinati (trakkijiet tad-diesel, ħafna drabi msejħa “eco-combi” b'mod qarrieqi) u s-settur emerġenti tat-trasport bil-karozzi tal-linja fuq distanzi twal b'riżultat tar-deregolazzjoni f'ħafna pajjiżi Ewropej qed ikomplu jxekklu l-kompetittività tat-trasport ferrovjarju.

2.12

Jidher biċ-ċar li din il-kompetizzjoni inġusta bejn id-diversi mezzi ta’ trasport u l-ostakli tal-kummerċ dinji qed ikollhom impatt negattiv fuq id-domanda għall-vetturi ferrovjarji u l-infrastruttura ferrovjarja “made in Europe”.

2.13

Is-settur Ewropew tat-tagħmir ferrovjarju huwa industrija kompetittiva u jirrappreżenta sehem konsiderevoli f'termini ta’ impjieg. Minkejja n-nuqqas ta’ statistika affidabbli, mill-inqas 113 000 impjegat huma direttament impjegati fil-produzzjoni tal-infrastruttura u l-ferroviji. L-impjieg totali f'dan is-settur fl-Ewropa huwa stmat għal madwar 300 000 impjegat. Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex isir stħarriġ tas-settur u tal-kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja li għandu jagħti stampa iktar ċara tal-industrija.

2.14

Ħafna pajjiżi qegħdin jippjanaw li jġeddu jew itejbu l-infrastruttura tagħhom, jiżviluppaw ferroviji ġodda, reġjonali u suburbani, itejbu jew jestendu l-linji tal-metro u l-vetturi ferrovjarji, iżda l-kriżi finanzjarja xekklet ħafna pjani u naqqset il-volum ta’ investimenti mistenni. Il-proġetti qegħdin jiġu posposti jew jitnaqqsu fid-daqs tagħhom.

2.15

Minflok ma jsir tiġdid u investiment f'teknoloġiji ġodda, ħafna operaturi ta’ netwerks konvenzjonali qed jiddeċiedu li jerġgħu jużaw il-flotot l-antiki. Il-pjani ta’ elettrifikazzjoni qed javvanzaw dejjem iktar bil-mod (48 % tal-230 000 km ta’ linji ferrovjarji Ewropej mhumiex elettrifikati) u l-iżvilupp teknoloġiku u ambjentali qed ibatti u jista' saħansitra jieqaf għalkollox.

2.16

Suq ferrovjarju emerġenti f'partijiet oħra tad-dinja ser jaċċelera l-proċess ta’ globalizzazzjoni u jista' jaffettwa l-bażi teknoloġika u l-impjieg fuq perjodu twil fl-Ewropa. L-Asja diġà għelbet lill-Ewropa tal-Punent bħala l-ikbar suq tat-tagħmir ferrovjarju, żvilupp li ma kienx mistenni qabel l-2015-16. Iċ-Ċina allokat madwar EUR 60 biljun għall-estensjoni u t-titjib tan-netwerk ferrovjarju tagħha fl-2009 biss (1), u qed tippjana li tinvesti 300 biljun fid-deċennju li ġej. In-Netwerk tal-Passiġġieri trans-Amerikan għandu jirċievi 50 biljun mill-infiq pubbliku bejn issa u l-2050.

2.17

Il-Kummissjoni Ewropea kienet attiva ħafna u fl-2007 ippubblikat il-Green Paper dwar il-Mobbiltà Urbana (2). Fl-2008 l-Kummissjoni ppublikat gwida bl-ispejjeż esterni stmati għas-settur tat-trasport (3). Fl-2009, il-Green Paper intitolata “TEN-T: Reviżjoni tal-politika – Lejn netwerk tat-trasport trans-Ewropew iktar integrat għas-servizz ta’ politika komuni tat-trasport” (4) u l-“Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana” (5), ipproponew għodod ġodda bħal studji, bażijiet tad-data u materjal ta’ informazzjoni. Fl-2011 il-Kummissjoni fl-aħħar ippubblikat il-White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” (6) li tistima spiża neċessarja ta’ iktar minn EUR 3 triljun għal investimenti infrastrutturali neċessarji fl-20 sena li ġejjin bi rwol ewlieni għall-ferroviji. Il-KESE huwa tal-fehma li l-ferroviji huma l-mezz ta’ trasport bl-iktar emissjonijiet baxxi u jilqa' l-viżjoni ferm ambizzjuża ta’ din il-White Paper u jixtieq li jiġu żviluppati politiki biex tiġi implimentata.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-posponiment li ġabet il-kriżi finanzjarja żied il-pressjoni fuq is-sistemi ferrovjarji Ewropej. Ħafna pajjiżi Ewropej, b'mod partikolari pajjiżi milquta mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, mhumiex kapaċi jġeddu s-sistemi ferrovjarji tagħhom. Proġetti ambizzjużi ħafna bħar-rail-Batica jridu jegħlbu ħafna ostakli politiċi u baġitarji u jistgħu jinsabu mhedda fis-sitwazzjoni attwali.

3.2

L-impatt tal-kriżi fuq il-baġits nazzjonali wassal għall-posponiment tal-investiment fis-sistemi konvenzjonali. Madankollu, is-sistemi konvenzjonali huma l-mezz ta’ trasport ewlieni tal-persuni li jivvjaġġjaw fuq distanzi qosra. Billi dawn jeżistu diġà, l-impatt ekoloġiku ta’ dawn is-sistemi konvenzjonali huwa minimu meta mqabbel mal-konnessjonijiet ta’ veloċità għolja. Meta wieħed iqis il-volumi tat-trasport u d-densità, dawn is-sistemi konvenzjonali għandhom impatt ikbar fuq it-tnaqqis tat-tniġġis u l-konġestjoni bħala alternattiva għat-trasport bil-karozza.

3.3

Għalkemm id-distanza medja tan-netwerks ta’ veloċità għolja żviluppat b'mod rapidu f'dawn l-aħħar deċennji, l-estensjoni u l-interkonnessjoni tagħhom man-netwerks eżistenti ser tkun l-isfida l-ġdida li jmiss.

3.4

L-enfasi fuq l-iżviluppi fil-qasam tal-veloċità għolja rriżultat f'nuqqas ta’ investiment f'konnessjonijiet ferrovjarji konvenzjonali, li wassal għal vetturi antiki u infrastruttura antikwata f'termini ta’ sinjaletika, effiċjenza enerġetika, kapaċità u standards ta’ sigurtà. Dan il-proċess ser ikompli jekk l-allokazzjoni tal-baġit tkompli tmur għall-iżvilupp tal-veloċità għolja b'mod żbilanċjat.

3.5

Is-sistemi konvenzjonali żviluppaw fuq 150 sena minn sistemi reġjonali għal sistemi nazzjonali. Il-parametri tas-sistemi (kejl tal-wisa' bejn il-binarji, vultaġġ, allinjament, marġni, veloċità massima, sinjaletika u sigurtà) huma differenti f'kull pajjiż, u f'ċerti każijiet ivarjaw skont ir-reġjun. Fil-fatt, in-netwerk konvenzjonali Ewropew huwa tilqita ta’ sistemi differenti. Ittieħdu diversi approċċi biex jingħelbu dawn id-differenzi: l-istandardizzazzjoni (pereżempju l-istandard ta’ sigurtà Ewropew); il-vetturi ibridi (sistemi ta’ sigurtà, vultaġġ u sistemi ta’ kejl tal-wisa' aġġustabbli bejn il-binarji) u dispożizzjonijiet tekniċi biex jiġu kkumpensati l-limitazzjonijiet tal-infrastruttura (ferroviji li jxaqilbu fuq naħa, vetturi b'żewġ sulari, eċċ.).

3.6

Hekk kif is-sistema hija tilqita ta’ diversi affarijiet, hekk ukoll huma d-deċiżjonijiet politiċi wara x-xena. Kull tip ta’ ppjanar jinvolvi diversi awtoritajiet ta’ oriġini lokali, reġjonali u nazzjonali fl-oqsma ta’ politika tat-trasport, l-ippjanar spazjali u d-demografija u l-iżvilupp ekonomiku u ambjentali. Qegħdin jiġu żviluppati proġetti bħal proġetti pubbliċi jew pubbliċi/privati u l-operazzjoni privatizzata qed tiżdied. Hemm ħafna x'wieħed jista' jitgħallem mis-suċess u l-falliment tal-proġetti.

3.7

Id-deċiżjonijiet politiċi jwasslu għal separazzjoni tal-partijiet ferm profittabbli tan-netwerk u dawk inqas profittabbli jew li jikkawżaw telf. Ir-riżultat huwa t-tnaqqis tas-servizzi fil-periferija tan-netwerks.

3.8

Fit-trasport lokali l-iżvilupp addizzjonali ta’ sistemi tal-metro qed imur lura u jista' saħansitra jieqaf b'riżultat tal-prezz għoli u r-riskji. F'ħafna żoni urbani, il-konverżjoni ta’ linji ferrovjarji suburbani magħluqa f'konnessjonijiet ferrovjarji żgħar u l-ftuħ (mill-ġdid) ta’ linji tat-tramm huma kkunsidrati bħala alternattiva għall-metro. L-effett ta’ domino tal-pjani ta’ awsterità nazzjonali jwassal biex dawn il-pjani jiġu posposti u jintesew.

3.9

Fis-settur tat-tramm l-industrija żviluppat aċċessibbiltà stabbli, teknoloġija ta’ “chopper” effiċjenti fl-użu tal-enerġija, reġenerazzjoni tal-forza u trasferimenti tal-forza mingħajr katenarja (primove u APS) u aċċessibbiltà ikbar, emissjonijiet tas-CO2 iktar baxxi u għelbet l-oġġezzjonijiet estetiċi u prattiċi. Madankollu, ħafna operaturi urbani għadhom qed jużaw verżjonijiet iktar antiki tal-kunċett tal-PCC tal-1930 (7).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Filwaqt li l-Ewropa kienet l-iktar kontinent fuq quddiem fil-qasam tal-iżvilupp ferrovjarju, issa “d-djalettika taċ-ċomb”, amplifikata mill-infiq pubbliku mnaqqas, ser tpoġġi lill-Ewropa fl-aħħar post.

4.2

Il-bżonn ta’ mobbiltà joħloq il-konġestjoni, it-tniġġis u ħinijiet itwal ta’ vjaġġar. Miżuri bħan-nollijiet tat-toroq jistgħu jnaqqsu l-użu tal-karozzi, iżda jrid ikun hemm alternattiva kompetittiva, affidabbli, rispettuża tal-ambjent u komda. L-introduzzjoni tan-nollijiet tat-toroq fi Stokkolma u Londra kienet ta’ suċċess għax dawn il-bliet it-tnejn li huma estendew in-netwerks tal-metro tagħhom li jservu ta’ sinsla għat-trasport pubbliku kollu. It-traffiku lejn il-bliet jista' jonqos permezz tan-nollijiet tat-toroq jekk ikun hemm alternattivi “bieb sa bieb” effiċjenti.

4.3

Ir-rotot ta’ densità għolja fis-sistemi ferrovjarji konvenzjonali attwali laħqu l-limiti tal-kapaċità tagħhom. Fuq ħafna rotot il-frekwenza tas-servizz laħqet il-limiti tas-sistema li taħdem tajjeb, it-tul tal-ferroviji laħqu l-limiti tal-parametri tal-pjattaformi u u l-volumi attwali laħqu l-limiti tal-profil spazjali. Kapaċità ikbar ser teħtieġ investiment ikbar.

4.4

L-integrazzjoni intermodali għadha ma ġietx ottimizzata. Filwaqt li l-ferrovija ġġib il-passiġġieri fil-qalba ta’ żona urbana, il-passiġġieri jridu konessjoni affidabbli minn hemm sad-destinazzjoni aħħarija tagħhom, spiss żoni tan-negozju barra mill-bliet. Il-metro, il-ferroviji ħfief segregati u n-netwerks tat-tramm għadhom jistgħu jiġu estiżi, integrati aħjar u mtejba sabiex il-ħin “bieb sa bieb” jonqos. Dan ukoll jeħtieġ investimenti kbar.

4.5

Għalkemm l-iżvilupp tan-netwerks ta’ veloċità għolja sar b'mod imgħaġġel, ħafna netwerks huma “maqtugħin għalihom”. Il-kurutur Tramuntana-Lvant, il-konnessjonijiet lejn l-Lvant, il-konnessjonijiet internazzjonali lejn u fi ħdan il-Mediterran għadhom mhumiex kompetittivi mat-traffiku tal-ajru. Hemm bżonn ta’ investiment sostanzjali biex il-ferroviji ta’ veloċità għolja jkunu kompetittivi fuq iktar rotot.

4.6

Għalkemm il-Kummissjoni ppreżentat viżjoni ambizzjuża fil-White Paper (8), il-viżjoni strateġika tal-finanzjament tan-netwerks ferrovjarji trans-Ewropej għandha tiġi ċċarata. X'inhi l-politika industrijali ta’ kull pajjiż Ewropew u l-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali u l-produzzjoni tat-tagħmir ferrovjarju kif tista' tiġi integrata f'din il-politika industrijali? Kemm huma realistiċi l-pjani fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja? Kemm hu kbir il-baġit tat-trasport ferrovjarju meta mqabbel ma’ baġits oħrajn (toroq versus ferroviji)? Il-politika kummerċjali globali qiegħda taffettwa l-bażi industrijali Ewropea u x'jista' jsir dwar dan? Il-proċeduri tas-sejħa għall-offerti qed joħolqu kundizzjonijiet ugwali għall-industrija Ewropea jew qed joħolqu opportunitajiet għal entitajiet esterni li s-suq domestiku tagħhom huwa protett mill-ostakli kummerċjali?

4.7

Jekk dan it-tnaqqis ma jiqafx, is-settur ser jitlef il-ġibda tiegħu għall-inġiniera żgħażagħ u ħaddiema infrastrutturali kkwalifikati oħra minħabba li l-perspettiva fuq perjodu twil tonqos u ma tkunx tista' tikkompeti fis-suq tax-xogħol.

4.8

Minħabba l-perjodi twal ta’ żvilupp u produzzjoni, in-nuqqas fid-domanda ser ixekkel u jnaqqas il-varjetà tal-provvista u l-kompetizzjoni.

4.9

Sabiex tibqa' ħajja, din l-industrija ser ikollha tnaqqas il-marka ġeografika tagħha, tbaxxi l-istandards soċjali u tafda fuq il-flessibbiltà esterna, li xxekkel il-bażi ta’ ħiliet fuq perjodu twil u ser twassal biex is-settur isir dejjem inqas attraenti għall-impjegati kkwalifikati.

4.10

Mingħajr politika industrijali komprensiva u finanzjament adatt, il-frammentazzjoni ser tkompli u s-suq Ewropew ser jitlef il-pożizzjoni mexxejja tiegħu. Suq intern f'espansjoni biss ser jippermetti li l-industrija żżomm il-livelli ta’ impjieg attwali fl-Ewropa.

4.11

B'mod ġenerali, l-Istati Membri u l-amministrazzjoni tagħhom fil-livelli kollha għandhom jiġu mħeġġa, b'mod partikolari f'dawn iż-żminijiet ta’ limiti baġitarji, li ma jissagrifikawx l-investimenti neċessarji fl-infrastruttura tat-trasport għall-mezzi kollha, li huma fundamentali għal strateġija tal-iżvilupp Ewropea fuq perjodu fit-tul u li jirriżultaw f'iktar impjiegi.

Brussell, 27 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Boston Consulting 2010:3.

(2)  COM(2007) 551 finali.

(3)  http://ec.europa.eu/transport/sustainable/doc/2008_costs_handbook.pdf

(4)  COM(2009) 44 finali.

(5)  COM(2009) 490 finali.

(6)  COM(2011) 144 finali.

(7)  Id-disinn tat- tal-PCC (Presidents' Conference Committee) inbena għall-ewwel darba fl- fis-snin 1930. Id-disinn kien ta’ suċċess fil-pajjiż nattiv tiegħu, u wara t- rċieva l-liċenzja biex jintuża f'partijiet oħra tad-dinja.

(8)  Ara nota f'qiegħ il-paġna 6.


Top