EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1394

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-politika Ewropea tal-viċinat: il-każ Ewro-Mediterranju” (opinjoni esploratorja)

OJ C 376, 22.12.2011, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 376/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-politika Ewropea tal-viċinat: il-każ Ewro-Mediterranju” (opinjoni esploratorja)

2011/C 376/01

Relatur: is-Sur COULON

Korelatur: is-Sur BUFFETAUT

Nhar it-28 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u tal-politika Ewropea tal-viċinat: il-każ tar-reġjun Ewro-Mediterranju

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2011.

Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'164 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet: mill-kakofonija għas-sinfonija

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappella minn qalbu għar-ritorn tal-paċi fil-pajjiżi Mediterranji u għal ġejjieni stabbli fir-reġjun Ewro-Mediterranju.

1.2   Il-ġrajjiet reċenti fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani jikkonfermaw li xenarju negliġenti mhuwiex possibbli u jeħtieġ li jinbena ġejjieni iktar sostenibbli fejn jiġu apprezzati l-benesseri tal-individwi u l-iżvilupp soċjali.

1.3   F'dan il-kuntest jeħtieġ li l-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, b'mod partikolari l-enerġija mix-xemx, tkun iffokata fuq il-kooperazzjoni reġjonali mmirata lejn l-iżvilupp konġunt.

1.4   Il-KESE jilqa' l-inizjattivi reġjonali favur l-iżvilupp fuq skala kbira tal-enerġiji rinnovabbli fil-Mediterran (PSM, Dii, Medgrid, eċċ.) u jappella minn qalbu għal twettiq rapidu, effettiv u koordinat ta’ dawn l-inizjattivi.

1.5   Apparti dawn l-inizjattivi, il-KESE jappella għat-twaqqif ta’ “New Green Deal” fir-reġjun, imsejjes fuq l-enerġija nadifa permezz ta’ bidla radikali tal-modi ta’ konsum u ta’ produzzjoni.

1.6   Il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija u tal-karbonju fil-Mediterran huwa konsiderevoli. Dan il-potenzjal, minn banda, jiddependi mit-teknoloġiji li għandhom jiġu promossi u, mill-banda l-oħra, mill-imġiba ġdida li għandha titħeġġeġ. It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jmur id f'id mal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli.

1.7   L-istabbiliment effettiv ta’ sistema tal-enerġija b'użu baxx tal-karbonju mhijiex ir-responsabbiltà tas-settur tal-enerġija biss ta’ kull pajjiż. Hemm bżonn ta’ solidarjetà reġjonali b'saħħitha u fondi sostanzjali fil-qafas ta’ approċċ li fih jirbaħ kulħadd bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar.

1.8   Minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi differenti f'termini ta’ riżorsi disponibbli, tal-livell ta’ bżonnijiet u tal-livell ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra, il-pajjiżi terzi Mediterranji għandhom responsabbiltajiet komuni iżda divrenzjati. Għalhekk għandna bżonn ta’ viżjoni reġjonali tradotta fi strateġiji nazzjonali adatti u sodi.

1.9   Hemm lok biex fil-livell nazzjonali tal-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar jiġu introdotti programmi (leġislazzjoni, inċentivi fiskali, standards) biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli. Dan għandu jinkludi programm fuq tul ta’ żmien li jimmira għat-tneħħija sostenibbli tas-sussidji li jagħmlu l-ħsara fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija fossili.

1.10   Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li qed tirrevedi l-approċċ tagħha fir-rigward tal-Mediterran u qed teżamina kooperazzjoni strutturata u msaħħa li fiha l-enerġiji rinnovabbli jkunu suġġett ewlieni (1).

1.11   Madankollu, il-Kumitat iqis li din ir-rieda għal kooperazzjoni għandha tissarraf malajr f'azzjonijiet u programmi. Il-KESE jinsisti fuq l-fatt li kull djalogu li jinbeda għandu jinkludi taqsima dwar l-aspetti soċjali mill-bidu nett.

1.12   Nikkonfermaw l-appell ippubblikat mill-KESE f'Marzu 2011 dwar “Il-provvista tal-enerġija: liema politika ta’ viċinat” (2) favur l-estensjoni tal-Komunità tal-enerġija (Komunità tal-enerġija tax-Xlokk tal-Ewropa li tinkludi lill-Pajjiżi tal-Balkani) biex tinkludi l-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u għal missjoni speċifika ta’ appoġġ għall-iżvilupp u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-interkonnessjoni tan-netwerks u l-interoperabbiltà tagħhom.

1.13   Billi nibdew mill-pajjiżi tal-Magreb, din il-komunità għandha tintegra ċerti elementi adatti tal-leġislazzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, il-komunità l-ġdida ser ikollha l-għan li tippromovi karta ġdida tal-enerġija u protokoll ġdid għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli.

1.14   F'dan il-kuntest, il-Kumitat ifakkar ukoll fl-importanza li jiġi stabbilit forum soċjali simili għal dak introdott mill-Komunità tal-enerġija tax-Xlokk tal-Ewropa. L-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli m'għandux jiġi limitat għal proġetti purament industrijali.

1.15   Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ assistenza teknika li tħarreġ lil esperti lokali fir-rigward tal-enerġiji rinnovabbli u l-użu effikaċi tal-enerġija bil-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll għal kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar. Il-bżonnijiet ta’ taħriġ dwar it-teknoloġiji relatati mal-enerġiji rinnovabbli għandhom jiġu identifikati minn qabel u jwasslu għal pjan ta’ azzjoni Ewro-Mediterranju adattat.

1.16   Nirrakkomandaw bis-sħiħ li jingħata appoġġ ikbar għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp bil-għan li tittejjeb il-profitabbiltà ekonomika tal-proġetti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. Jistgħu jsiru trasferimenti tat-teknoloġija fi ħdan pjattaforma reġjonali komuni ta’ riċerka u ta’ żvilupp li tkun tinkludi l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka.

1.17   F'dan il-kuntest il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ ERASMUS Mediterranju tal-enerġija, li jippermetti lill-istudenti kollha tar-reġjun (Tramuntana, Nofsinhar, Lvant u Punent) li jitħarrġu fit-tekniki marbuta mal-enerġiji rinnovabbli u sostenibbli.

1.18   Jeħtieġ li jitfasslu mezzi ġodda ta’ appoġġ u inċentiv favur l-enerġiji rinnovabbli. Dawn għandhom jippermettu li jiġi żgurat il-bilanċ finanzjarju tal-proġetti, fost l-oħrajn bħal dawk previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva Ewropea dwar l-enerġiji rinnovabbli (3).

1.19   Il-KESE jappoġġja l-proġett ta’ ħolqien ta’ bank Ewro-Mediterranju tal-investiment u l-istqarrijiet reċenti tal-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran f'dan ir-rigward.

1.20   Il-KESE jqis li hemm bżonn jitfasslu mekkaniżmi innovattivi u adatti biex jiġu appoġġjati l-enerġiji rinnovabbli. L-identifikazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi għandha ssir f'qafas Ewro-Mediterranju u għandha twassal għat-tnedija ta’ proġetti pilota bl-appoġġ tal-bank Ewro-Mediterranju tal-Investiment, bil-għan li nimxu lejn “New Green Deal”.

1.21   Huwa essenzjali wkoll li, fil-qafas tan-negozjati kummerċjali, tiġi promossa l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-prodotti u tas-servizzi favur l-enerġiji rinnovabbli.

1.22   Il-pjani ta’ azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jirrappreżentaw strument ċentrali biex jintlaħqu l-għanijiet nazzjonali u reġjonali marbutin mal-enerġija fir-relazzjonijiet bilaterali.

1.23   Il-KESE jisħaq ukoll li d-direttiva l-ġdida dwar is-Sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) (4) dwar l-iffinanzjar tal-karbonju għandha mnejn ittellef ċertu ammont ta’ finanzjamenti għall-proġetti mnedija fin-Nofsinhar tal-Mediterran jekk, kif previst fid-direttiva, il-Kummissjoni ma tintrabatx li tibda negozjati mal-pajjiżi terzi.

1.24   Huwa ovvju li t-tnedija tal-Pjan Solari Mediterranju (PSM) hija katalizzatur ta’ diversi inizjattivi favur l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli mnedija fir-reġjun, u din hija ħaġa pożittiva. Iżda mingħajr koordinazzjoni tajba bejn id-diversi inizjattivi - u bejn l-istituzzjonijiet li jamministrawhom u jappoġġjawhom (Kummissjoni Ewropea, UgħM, eċċ.) - jista' jkun li r-riżultati ma jissodisfawx l-istennijiet. Permezz tal-programmi ta’ assistenza teknika favur il-pajjiżi tan-Nofsinhar u bħala appoġġ għal inizjattivi differenti, l-UE tista' tikkontribwixxi għal użu effettiv u armonjuż tal-enerġiji rinnovabbli fir-reġjun u tittrasforma l-kakofonija attwali f'sinfonija.

1.25   Fir-rigward tan-netwerks tal-enerġija, il-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija mix-xemx tista' tkun soluzzjoni effikaċi u ekonomikament vijabbli fiż-żoni iżolati li m'għandhomx netwerk. Din hija partikolarment utli fit-territorji mifruxa b'densità baxxa tal-popolazzjoni.

1.26   Ikun f'waqtu li fil-livell tal-Unjoni Ewropea jiġi stabbilit strument ta’ garanzija tar-riskju politiku fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran (pereżempju bil-ħruġ ta’ bonds garantiti mill-UE). Jeħtieġ ukoll li, fil-ġejjieni, jiġi żgurat li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jixtru ammont minimu ta’ elettriku mill-pajjiżi tan-Nofsinhar.

1.27   Hemm bżonn li titqajjem kuxjenza fost il-partijiet kollha interessati, inkluża s-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-inizjattivi kollha. Xi programmi nazzjonali għall-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli għandhom jinkludu kampanji ta’ informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli. In-netwerks soċjali u t-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jistgħu jkunu ta’ appoġġ importanti għal dan iċ-ċaqliq.

2.   Introduzzjoni

2.1   F'dawn l-aħħar deċennji r-reġjun għadda minn tkabbir soċjoekonomiku qawwi u urbanizzazzjoni wiesgħa, b'mod speċjali fix-xtut. Dawn it-tendenzi huma mistennija li jkomplu. Dawn il-fatturi flimkien jagħmlu lill-Mediterran ekosistema fraġli li qed tiddeterjora (5).

2.2   Fil-qasam tal-enerġija, ir-reġjun tal-Mediterran huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ inugwaljanzi evidenti u kbar: l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi tat-Tramuntana, iktar għonja u konsumaturi ikbar tal-enerġija minn dawk tan-Nofsinhar; u l-inugwaljanzi fir-riżorsi tal-enerġija.

2.3   Minkejja l-progress imwettaq, it-tendenzi attwali fil-qasam tal-enerġija fir-reġjun mhumiex sostenibbli. Jeħtieġ li t-tendenzi jinqalbu billi titnieda azzjoni konġunta bil-għan li jiġi evitat żvilupp b'livell għoli ta’ karbonju u li jaħli l-enerġija. Jistgħu jinħolqu impjiegi fis-setturi promettenti l-ġodda bħall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-ekokostruzzjoni, l-aċċess għas-servizzi bażiċi, l-industriji u t-teknoloġiji tal-enerġiji rinnovabbli.

2.4   Għalkemm jeżistu eżempji ta’ prattika tajba, bħall-implimentazzjoni ta’ liġi speċifika dwar l-enerġija rinnovabbli fl-Alġerija, it-twettiq ta’ bosta proġetti, l-iktar dawk li jaħdmu bix-xemx u bir-riħ fl-Eġittu, il-Marokk u t-Tuneżija, b'xorti ħażina l-isforzi li qed isiru bħalissa biex dawn isiru fuq perjodu ta’ żmien twil u fuq skala differenti huma insuffiċjenti fil-biċċa l-kbira tal-każi.

2.5   Iżda ta’ min jinnota li wara perjodu twil ta’ xettiċiżmu jew indifferenza, l-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija sostenibbli fil-Mediterran illum qed jibda jinfluwenza, b'mod ftit jew wisq konkret, lill-prattiki tal-intrapriżi, tal-awtoritajiet lokali, tal-Istati jew tal-kooperazzjoni.

3.   Il-prospetti tal-enerġija fil-Mediterran: potenzjal u benefiċċji tal-enerġiji rinnovabbli u ta’ aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija

3.1   Id-dipendenza enerġetika fil-Mediterran u fl-UE tista' tikber konsiderevolment. Ir-rata ta’ dipendenza enerġetika reġjonali għoliet għal 42 % fl-2007. Skont il-ħidma tal-Osservatorju Mediterranju tal-Enerġija (OME), sal-2030 din ir-rata ser tistabbilizza ruħha u saħansitra tonqos sal-40 % (40 % għaż-żejt, 30 % għall-gass u 70 % għall-faħam) filwaqt li ser tikber fil-pajjiżi tat-Tramuntana b'97 %. Iżda x-xenarju tal-Osservatorju Mediterranju tal-Enerġija juri li huwa possibbli li din it-tensjoni titnaqqas u li r-rata ta’ dipendenza reġjonali tkun ta’ 18 % sal-2030. Iżda anke f'dan il-każ ser ikun hemm diskrepanzi kbar bejn il-pajjiżi. B'hekk ir-riskji soċjali u ekonomiċi marbutin maż-żieda fl-ispejjeż tal-provvista u r-riperkussjonijiet ta’ dan fuq il-prezz tal-enerġija għall-pajjiżi, id-djar u l-intrapriżi jiżdiedu bil-kbir.

3.2   Ikun xi jkun ix-xenarju, l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-konsum tal-enerġiji fossili fir-reġjun ser jaqbżu b'mill-inqas 30 % lil-livell tal-1990. Barra minn hekk, fl-2030 l-emissjonijiet għal kull ċittadin tal-pajjiżi tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Mediterran, għalkemm 40 % inqas għoljin minn dawk tal-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Mediterran, jistgħu jirrappreżentaw madwar 55 % tal-emissjonijiet tal-baċin, kontra 36 % fl-2007.

3.3   Hemm riskju ieħor ukoll, marbut man-nuqqas dejjem jikber tal-ilma fir-reġjun. Id-desalinizzazzjoni diġà ferm żviluppata f'ħafna pajjiżi hija kważi inevitabbli u dan jista' jaggrava t-tensjonijiet marbuta mal-interdipendenza bejn l-ilma u l-enerġija.

3.4   Ix-xewqa tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali hija leġittima u l-enerġija hija indispensabbli għal dan. Biss biss minħabba l-aspett enerġetiku, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jkun radikalment ipperikolat u mhux biss għall-iktar pajjiżi “vulnerabbli”.

3.5   Il-mudell enerġetiku l-ġdid jikkonsisti mit-tfassil ta’ sistema tal-enerġija li tinkorpora mhux biss lis-settur tal-enerġija (l-offerta) iżda wkoll il-konsum tal-enerġija (id-domanda) u l-garanzija tal-iżvilupp tiegħu b'tali mod li jinkiseb servizz tal-enerġija fl-aqwa kundizzjonijiet f'termini ta’ riżorsi, spejjeż ekonomiċi u soċjali u protezzjoni tal-ambjent lokali u globali. Dan ipoġġi lil imsieħba ġodda fuq quddiem: l-intrapriżi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-familji, il-ħaddiema tas-settur tal-bini, it-trasport, il-produzzjoni industrijali jew agrikola u s-settur tas-servizzi.

3.6   Il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija u tal-karbonju fil-Mediterran huwa konsiderevoli. Diversi stimi affidabbli juru li fl-għoxrin sena li ġejjin potenzjalment jista' jiġi ffrankat madwar 20 % tal-konsum (u iktar jekk il-prezz tal-enerġija jkompli jiżdied).

3.7   It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jmur id f'id b'mod indispensabbli mal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli. Tajjeb li wieħed jinnota li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija jiddependu qabel kollox mill-azzjonijiet taċ-ċittadini, tal-intrapriżi u tal-ħaddiema, u tat-tibdil fl-imġiba (6).

3.8   Iżda hemm bosta ostakli li jxekklu l-iżvilupp ta’ dan il-potenzjal. Dawn huma ostakli istituzzjonali u regolamentarji, tekniċi, finanzjarji, jew ostakli li huma relatati mat-taħriġ u l-informazzjoni, eċċ. Wieħed irid jammetti li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-enerġiji rinnovabbli huma inqas kompetittivi mill-enerġiji konvenzjonali, fuq kollox fil-kuntest attwali fejn l-ispejjeż esterni mhux qed jiġu inklużi fil-prezz.

3.9   Biex jimtela dan il-vojt, hemm lok biex l-enerġiji rinnovabbli jiddaħħlu fil-livell nazzjonali tal-programmi biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, liema kundizzjonijiet għandhom jinkludu leġislazzjoni nazzjonali favur l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, inċentivi fiskali u standards. Bl-istess mod, ikun tajjeb li jiġu introdotti pjani nazzjonali fuq tul ta’ żmien għat-tnaqqis jew saħansitra t-tneħħija sostenibbli tas-sussidji li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-sorsi tal-enerġija fossili, fl-isforz lejn l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli. Dawn għandhom iqisu s-sitwazzjoni ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fost il-poplu.

3.10   Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfassal qafas regolamentarju ċar u metodi ġodda ta’ appoġġ u inċentiv għall-enerġiji rinnovabbli biex ikun jista' jiġi żgurat il-bilanċ finanzjarju tal-proġetti, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-direttiva Ewropea dwar l-enerġiji rinnovabbli.

3.11   Aspett importanti tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli huwa l-appoġġ għall-produzzjoni deċentralizzata tal-elettriku, speċjalment dik mix-xemx, permezz ta’ leġislazzjoni, fondi u taħriġ adatti.

3.12   Hemm ukoll ostaklu kbir fil-perċezzjoni li d-diversi atturi għandhom tal-enerġiji rinnovabbli. Hemm bżonn li titqajjem kuxjenza fost il-partijiet kollha interessati, inkluża s-soċjetà ċivili. Xi programmi nazzjonali għall-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli jistgħu jinkludu kampanji ta’ informazzjoni, kemm dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif ukoll dwar l-enerġiji rinnovabbli li jridu jiġu żviluppati.

4.   Il-kwistjoni enerġija/ambjent/kooperazzjoni fil-Mediterran: id-dimensjoni reġjonali

4.1   Minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi differenti, il-pajjiżi Mediterranji għandhom responsabbiltajiet komuni iżda divrenzjati. Ir-responsabbiltajiet huma komuni fir-rigward tat-tfassil ta’ ġejjieni sostenibbli għas-settur tal-enerġija, id-definizzjoni tal-orjentazzjoni ġenerali u l-ħolqien flimkien ta’ bażi komuni (riżorsi, mekkaniżmi ta’ finanzjament, skambju ta’ prattika tajba, taħriġ, tisħiħ tal-kapaċitajiet, trasferiment tat-teknoloġija, eċċ.). Ir-responsabbiltajiet huma divrenzjati fir-rigward tal-implimentazzjoni li teħtieġ il-kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull pajjiż (mingħajr prekonċetti teknoloġiċi). Għalhekk għandna bżonn ta’ viżjoni reġjonali tradotta fi strateġiji nazzjonali adatti u sodi.

4.2   It-tendenzi li jindikaw żieda qawwija fid-domanda għall-enerġija fir-reġjun, il-firxa ta’ tħassib b'rabta mal-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, it-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista u l-bżonn ta’ tranżizzjonijiet lejn ekonomiji b'livell baxx ta’ karbonju sabiex nadattaw għal kuntest klimatiku li qed jinbidel, qegħdin ikabbru l-bżonn u l-urġenza tat-tibdil tal-iskala tal-implimentazzjoni tal-politiki komplementari tal-enerġija nadifa.

4.3   Din l-isfida tista' tiġi indirizzata biss permezz ta’ kooperazzjoni Ewro-Mediterranja mfassla madwar mudell ġdid tas-sistemi tal-eneġerija kumpatibbli mal-iżvilupp sostenibbli, sabiex inwieġbu għall-bżonnijiet tal-preżent mingħajr ma nikkompromettu l-possibbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. Fil-livell reġjonali, l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjonijiet u l-adozzjoni ta’ strumenti flessibbli ser ikunu kruċjali għall-ħolqien ta’ suq kompetittiv tal-enerġija ekoloġika.

4.4   Il-KESE jifraħ bl-enfasi li l-Kummissjoni Ewropea qed tpoġġi, fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, fuq il-potenzjal ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni u l-ġestjoni tal-enerġiji rinnovabbli u x-xewqa tagħha li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija tissaħħaħ permezz ta’ djalogu aktar kontinwu mal-pajjiżi tal-Mediterran.

4.5   Madankollu, il-Kumitat iqis li din ir-rieda għandha tiġi tradotta malajr f'miżuri u programmi mmirati lejn il-promozzjoni ta’ din il-kooperazzjoni. Huwa jenfasizza li d-djalogu kollu li jinbeda għandu jinkludi mill-bidu nett taqsima dwar l-aspetti soċjali biex jiġi żgurat li l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli jiddaħħal fi pjan ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali usa'. Biex dan il-proċess ikun validu, hemm bżonn li tingħata importanza akbar lill-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, ikun tajjeb li tiġi involuta s-soċjetà ċivili kollha kif ukoll il-mezzi tax-xandir biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jħaddnu l-isforzi li ttieħdu fil-qafas tal-ħidma lejn “interessi komuni speċifiċi” bejn il-pajjiżi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar.

4.6   Il-KESE jikkonferma l-appell li sar fl-opinjoni ppubblikata mill-KESE f'Marzu 2011 dwar “Il-provvista tal-enerġija: x'tip ta’ politika ta’ viċinat għandna bżonn biex niggarantixxu s-sigurtà tal-provvista għall-UE?” (7) u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu offruti perspettivi kredibbli għall-integrazzjoni, b'mod progressiv u divrenzjat, min-Nofsinhar tal-Mediterran fis-suq intern tal-enerġija tal-UE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ tip ta’ “komunità tal-enerġija” bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran jew li t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-enerġija jiġi estiż għall-ġirien li għadhom ma ssieħbux.

4.7   Il-KESE jqis li l-komunità l-ġdida għandu jkollha l-għan li tippromovi karta ġdida tal-enerġija u protokoll ġdid għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli. F'dan il-kuntest, il-Kumitat ifakkar ukoll fl-importanza li jiġi stabbilit forum soċjali simili għal dak introdott fil-qafas tal-komunità tal-enerġija tax-Xlokk tal-Ewropa (il-Pajjiżi Balkani).

4.8   Il-KESE jappella għat-twaqqif ta’ “New Green Deal” fir-reġjun, imsejjes fuq l-enerġija nadifa u li jħeġġeġ bidla radikali tal-modi ta’ konsum u ta’ produzzjoni tagħna.

4.9   Il-kwistjoni tal-finanzjament tikseb importanza partikolari. B'mod speċjali jkun jaqbel li tissolva l-kwistjoni tar-riskju politiku favur il-finanzjamenti privati. Pereżempju, fil-kuntest tal-Pjan Solari għall-Mediterran, ikun f'waqtu li fil-livell komunitarju jiġi stabbilit strument ta’ garanzija tar-riskju politiku (pereżempju bil-ħruġ ta’ bonds garantiti mill-UE).

4.10   Il-Kumitat jappoġġja l-proġett tal-ħolqien ta’ bank Ewro-Mediterranju tal-investiment u jappoġġja l-istqarrijiet reċenti tal-Parlament Ewropew (8) u tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (9) f'dan ir-rigward. Il-Kumitat jittama li l-Bank Ewropew tal-investiment jieħu l-inizjattiva li jniedi dan il-bank Ewro-Mediterranju b'mod partikolari flimkien mal-istituzzjonjiet finanzjarji tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

5.   L-aspetti ta’ riċerka, trasferimenti teknoloġiċi, żvilupp tal-kapaċitajiet, taħriġ, kummerċ u parteċipażżjoni tas-soċjetà ċivili

5.1   Il-bidla fil-fond tal-mudell enerġetiku li jissostitwixxi l-prijorità tal-offerta bil-prijorità tad-domanda, timmodifika bil-kbir ir-rabta bejn iċ-ċittadini u s-sistemi tal-enerġija. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jappella bis-sħiħ biex issir ħidma f'netwerk bejn l-universitajiet taż-żewġt ixtut tal-Mediterran u jixtieq li jiġu appoġġjati l-inizjattivi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jinqasmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin bejn l-atturi kollha kkonċernati fuq l-eżempju tal-Università Mediterranja tas-Sajf dwar l-enerġija sostenibbli fil-Mediterran.

5.2   Aħna nirrakkomandaw bis-sħiħ appoġġ ikbar għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li, billi jħeġġu l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, jistgħu jwasslu għal żieda importanti fil-produttività li tista' ttejjeb il-profittabbiltà ekonomika tal-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli f'livelli interessanti għall-investituri. Ikun siewi li jiġi ffaċilitat it-trasferiment tat-teknoloġija bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, ħaġa li tista' ssir permezz ta’ pjattaforma reġjonali komuni ta’ riċerka u żvilupp li tinvolvi lill-universitajiet u liċ-ċentri ta’ riċerka u li tintegra diversi aspetti marbutin mat-twettiq u l-użu ta’ dawn l-istabbilimenti.

5.3   F'dan il-kuntest il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ ERASMUS Mediterranju tal-enerġija, li jippermetti lill-istudenti tar-reġjun kollu (Tramuntana, Nofsinhar, Lvant u Punent) li jitħarrġu fit-tekniki tal-enerġiji rinnovabbli u sostenibbli.

5.4   Hemm għadd kbir ta’ raġunijiet konverġenti li mad-daqqa t'għajn iħeġġu ħidma fuq xenarji alternattivi u li progressivament jagħtu lis-sħubija bejn l-intrapriżi, it-territorji u t-taħriġ post privileġġjat fl-istrateġiji futuri tal-iżvilupp ta’ settur tal-enerġija sostenibbli fil-Mediterran.

5.5   Il-KESE huwa tal-opinjoni li hemm bżonn ta’ assistenza teknika li tħarreġ lil esperti lokali bil-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar. Il-bżonnijiet ta’ taħriġ għandhom jiġu identifikati minn qabel u jwasslu għal pjan ta’ azzjoni Ewro-Mediterranju adatt.

5.6   L-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli għandu jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti iżda ser jitlob ukoll li jkun hemm taħriġ inizjali u kontinwu fil-livell reġjonali u interreġjonali. Dan jista' jseħħ b'mod effikaċi biss fil-qafas ta’ koordinament soċjali organizzat.

5.7   Għall-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli fil-qafas tan-negozjati kummerċjali li għaddejjin diġà u li ser isiru fil-ġejjieni, ikun tajjeb li jiġi liberalizzat il-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi li jħeġġu l-enerġiji rinnovabbli.

5.8   Barra minn hekk, il-pjani ta’ azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jikkostitwixxu strument ċentrali biex jiġu promossi l-għanijiet nazzjonali u reġjonali marbutin mal-enerġija fir-relazzjonijiet bilaterali. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex taġġorna l-pjani ta’ azzjoni biex tiżgura li l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli jibbenefika minn perspettiva aktar favorevoli. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-pjani ta’ azzjoni jkunu koerenti bejniethom fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli.

5.9   Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili (NGOs, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet taċ-ċittadini, trejdjunjins, eċċ.) fil-programmi ta’ promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli hija importanti. Is-suċċess ta’ dawn il-programmi jimplika li titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini iżda wkoll li tingħata informazzjoni usa' bil-għan li tiġi ottimizzata l-mobilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika u tal-partijiet interessati kollha.

6.   Inizjattivi reġjonali favur l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli

6.1   Il-Pjan Solari Mediterranju: katalizzatur tal-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun

6.1.1   L-għan ewlieni tal-Pjan Solari Mediterranju (PSM) huwa li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet enerġetiċi tal-pajjiżi tan-Nofsinhar u t-trasport parzjali tal-elettriku prodott lejn il-pajjiżi Ewropej, fattur komplementari importanti tal-profittabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-proġetti. L-esportazzjoni tal-elettriku nadif lejn l-Ewropa hija possibbli permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva Ewropea dwar l-enerġiji rinnovabbli. Iżda din l-esportazzjoni tiddependi mill-eżistenza ta’ interkonnessjonijiet u teħtieġ l-istabbiliment ta’ regolazzjoni speċifika sabiex jiġu evitati l-effetti ta’ opportunità jew ta’ distorsjoni tas-suq.

6.1.2   L-għan kwantitattiv tal-PSM huwa li tiġi installata kapaċità ġdida ta’ 20 GW sal-2020 minn sorsi rinnovabbli (mix-xemx u r-riħ essenzjalment) u li jiġu żviluppati n-netwerks elettriċi u l-interkonnessjonijiet Tramuntana/Nofsinhar u Nofsinhar/Nofsinhar. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-trasferiment tat-teknoloġija għalissa huma sempliċement ikkunsidrati bħala miżuri ta’ akkumpanjament u din hija ħasra meta wieħed iqis il-potenzjal u l-implikazzjonijiet fir-reġjun imsemmija iktar 'il fuq. Fir-rigward tal-projezzjonijiet tal-Osservatorju Mediterranju tal-Enerġija (OME) għall-2020, l-għan tal-PSM ser jiġi tradott fi sforz addizzjonali tal-kapaċitajiet rinnovabbli l-ġodda ta’ madwar 11-il GW f'każ ta’ xenarju “business as usual” u ta’ 1 GW biss f'każ ta’ xenarju alternattiv. Dwar dan, idealment l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jixtru ammont minimu ta’ elettriku garantit mill-pajjiżi tan-Nofsinhar biex jinkoraġġixxu l-proġett.

6.1.3   Il-problema tal-PSM hija problema doppja: minn banda jeħtieġ li l-profittabbiltà tal-proġetti tittejjeb billi jiġi mmodifikat il-prezz tax-xiri tal-elettriku, kemm lokali kif ukoll għall-esportazzjoni, u billi jintużaw riżorsi konċessjonali, sussidji jew krediti tal-karbonju, u mill-banda l-oħra hemm bżonn li jiġi ggarantit il-finanzjament tagħhom, kemm f'termini ta’ fondi proprji – ħaġa li għandha tkun iggarantita jekk il-profittabbiltà tkun suffiċjenti u r-riskji kkontrollati – kif ukoll f'termini ta’ self mill-istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp inizjalment (BEI, AFD, KfW, BERD, Bank Dinji, Bank Afrikan tal-Iżvilupp u Bank Iżlamiku tal-Iżvilupp), imbagħad mill-banek kummerċjali.

6.1.4   L-inizjattiva tal-PSM tmur lil hinn mill-qafas tal-kooperazzjoni li kien hemm s'issa. Il-PSM ser ilaqqa' lill-Istati Membri tal-UgħM, il-Kummissjoni Ewropea, l-intrapriżi, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka u l-NGOs tas-settur, kif ukoll għadd ta’ investituri pubbliċi u privati u istituzzjonijiet finanzjarji.

6.1.5   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mas-segretarjat tal-UgħM li għandha l-mandat li timplimenta l-PSM, u b'mod partikolari l-Master Plan PSM. Għandu jiġi stabbilit qafas ta’ referenza kondiviż biex jgħin l-implimentazzjoni tal-Master Plan. Jeħtieġ li jiġi adottat approċċ komuni dwar kwistjonijiet ċentrali bħall-għodda ta’ finanzjament jew it-trasferiment tat-teknoloġiji.

6.2   Medgrid, proġett ta’ kożvilupp għall-iskambju tal-elettriku fil-Mediterran.

6.2.1   Hekk kif intqal diġà, fost l-isfidi ewlenin hemm il-bżonn li jiġi kkompletat u msaħħaħ in-netwerk ta’ interkonnessjonijiet elettriċi bejn il-pajjiżi taż-żewġt ixtut tal-Mediterran, peress li l-unika interkonnessjoni li hemm bħalissa hija dik li tgħaqqad lil Spanja u l-Marokk, u li n-netwerk ikollu kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ 1 400 MW. Skont il-MEDELEC (għaqda tal-industriji elettriċi fil-Mediterran), il-kapaċità ta’ trażmissjoni massima li n-netwerk jista' jilħaq fuq il-bażi tal-pjani ta’ investiment li diġà jeżistu hija ta’ madwar 5 GW. It-twettiq tal-objettivi tal-Pjan Solari Mediterranju għalhekk jitlob sforz kbir biex tiżdied il-forza tal-interkonnessjonijiet kemm bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar kif ukoll bejn dawk tax-xatt tat-Tramuntana.

6.2.2   L-għan tal-Medgrid huwa li tiddefinixxi l-iskema direttriċi tan-netwerk Mediterranju għall-2020, tippromovi l-oqfsa istituzzjonali u regolamentarji għall-iskambju tal-elettriku, tevalwa l-benefiċċji tal-investimenti fl-infrastrutturi tan-netwerk, tiżviluppa kooperazzjoni teknika u teknoloġika mal-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar u tal-Lvant u tippromovi t-teknoloġiji avvanzati tat-trażmissjoni.

6.3   Dii GmbH – L-enerġija rinnovabbli li tgħaqqad il-kontinenti (l-enerġija rinnovabbli li tqarreb il-kontinenti)

6.3.1   Dii għandha objettiv iktar imbiegħed mill-Pjan Solari Mediterranju (PSM): is-sena 2050. Il-punt ta’ tluq huwa li 15 % tad-domanda tal-elettriku tal-pajjiżi Ewropej sa din id-data jista' jiġi minn impjanti solari fid-deżert tal-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar. Iżda mill-ftuħ tagħha fl-2009 Dii mxiet lejn objettiv ta’ kożvilupp iffukat fuq l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli b'mod ġenerali u mhux biss fuq l-enerġija mix-xemx u l-esportazzjoni Nosfinhar-Tramuntana. Fil-fatt Dii taqbel mal-viżjoni tal-PSM iżda fuq perjodu itwal u mingħajr objettivi kkwantifikati.

6.4   Inizjattivi oħrajn

6.4.1   Ta' min jinnota inizjattivi oħra, bħall-proġett ta’ assistenza teknika tal-UE “Paving the Way for the Mediterranean Solar Plan” (Inwittu t-triq għall-Pjan Solari Mediterranju) dwar l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli fir-reġjun; il-fondi Ewropej għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran bħall-Faċilità ta’ investiment għall-viċinat u l-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ investiment u sħubija li jistgħu jiffinanzjaw proġetti rinnovabbli, kif ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-“Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat” (COM(2010) 677 finali), li tinkludi l-iskambju tal-elettriku ekoloġiku bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana u l-bżonn ta’ tisħiħ tal-interkonnessjonijiet li jistgħu jiffavorixxu dawn l-iskambji. Diversi pajjiżi nedew ukoll pjani nazzjonali, bħall-Pjan Solari Marokkin u l-Pjan Solari Tuneżin li għandhom portafoll ta’ proġetti nazzjonali għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli.

Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 200 finali u COM(2011)303.

(2)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 15.

(3)  ĠU L 140, 5.6.2009. p. 16-62.

(4)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63-87 (Artikolu 11(a)(5)).

(5)  Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE “It-tibdil fil-klima u l-Mediterran: sfidi ambjentali u tal-enerġija”, CESE 682/2009, 30.9.2009.

(6)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 155.

(7)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 15.

(8)  Riżoluzzjoni tal-PE tas-17 ta’ Frar 2011 - P7_TC1-COD(2010)0101

(9)  Rakkomandazzjoni tal-kummissjoni politika, tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, 4 ta’ Marzu 2011, Ruma


Top