This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE0995
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Smart fiscal policy consolidation strategies — challenges of identifying growth drivers for Europe. How to exploit fully the labour potential of our economies in parallel with the pressing need for fiscal adjustments’ (exploratory opinion at the request of the Hungarian presidency)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja — l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja — l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)
ĠU C 248, 25.8.2011, p. 8–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 248/8 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja — l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)
2011/C 248/02
Relatur: is-Sur DANTIN
Fil-15 ta’ Novembru 2010, ir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Ungerija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, is-Sur Péter GYÖRKÖS, f'isem il-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar
Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja – l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.
Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'164 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li faqqgħet matul l-2007 u ggravat fl-2008, kellha konsegwenzi ħorox fuq il-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej u laqtet ħażin b'mod partikolari s-sitwazzjoni baġitarja tagħhom.
1.2 Il-ħtieġa ta’ bħalissa li l-baġits pubbliċi jissaffew mill-ispejjeż relatati mal-pjani differenti kollha ta’ rilanċ ekonomiku, ta’ għajnuna lill-banek – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – u livell dgħajjef ta’ tkabbir, li ma kienx ġie kkunsidrat biżżejjed fil-politiki ekonomiċi ta’ qabel il-kriżi, qed twassal sabiex numru ta’ Stati Membri jnaqqsu l-infiq pubbliku. Hemm riskju li din l-għażla tiġġenera diżimpenn min-naħa tal-Istati Membri u ddgħajjef l-effett ridistributtiv tas-sistemi ta’ solidarjetà kollettiva, kemm f'dak li hu protezzjoni soċjali u kemm f'dak li jolqot is-servizzi pubbliċi.
1.3 Dan il-metodu ta’ kif jerġa' jinkiseb bilanċ ta’ malajr, barra l-ispiża soċjali kbira li jġib miegħu, hemm ir-riskju li jwassal għal tkabbir dgħajjef, fuq perjodu twil, b'mod partikolari minħabba l-isterilizzazzjoni tad-domanda li ser taggrava d-defiċits baġitarji. Min-naħa tagħhom, dawn ser jikkawżaw tnaqqis fid-domanda u b'hekk ser ikun hemm bħal ċirku vizzjuż li jista' jkaxkar miegħu l-ekonomija Ewropea f'burraxka bla tmiem.
1.3.1 Jeħtieġ li politika baġitarja “intelliġenti” twaqqaf dan iċ-ċirku.
1.4 “L-intelliġenza” tal-konsolidazzjoni baġitarja tinsab f'bilanċ “intelliġenti” bejn l-infiq u d-dħul u bejn l-offerta u d-domanda. Għaldaqstant, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun l-għan ewlieni tal-politika ekonomika, kif ukoll ta’ kull politika oħra.
1.4.1 Għalhekk, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-UE.
1.5 Għal dan il-għan, jeħtieġ:
1.5.1 |
li tinħoloq regolazzjoni aktar ambizzjuża u sħiħa tas-swieq finanzjarji sabiex titwaqqaf l-ispekulazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, il-persistenza tal-ispekulazzjoni xxejjen l-isforzi kollha li jsiru favur “konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti”. |
1.5.2 |
li tiġi segwita politika baġitarja li tkun għas-servizz tat-tkabbir:
|
1.5.3 |
li l-politika fiskali titqiegħed għas-servizz tat-tkabbir:
|
1.5.4 |
li jinħolqu taxxi maħsuba għall-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet iġġenerati mill-imġiba tas-settur finanzjarju, sakemm jikkontribwixxu sabiex joħolqu kundizzjonijiet aktar ġusti fil-proċess ta’ żvilupp u ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern Ewropew.
|
1.5.5 |
li jinħoloq it-tkabbir tal-ġejjieni:
|
1.6 Meta dawn il-politiki jitwettqu fil-prattika, fid-dawl tal-fatt li jidependu mid-deċiżjoni individwali ta’ kull Stat Membru, għandha titqies il-varjetà wiesgħa tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tas-27 Stat Membru. Ir-rati ta’ tkabbir tal-PDG, il-livelli u x-xejriet tal-qgħad, il-livelli tad-dejn nazzjonali u l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ivarjaw ħafna, għalkemm jeżistu tendenzi ċari.
2. Introduzzjoni
2.1 Il-Presidenza Ungeriża talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar “Strateġiji intelliġenti ta’ konsolidazzjoni tal-politika baġitarja - l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju”.
2.2 Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir din il-konsultazzjoni.
2.3 Fil-fatt, permezz tagħha l-KESE ntalab jirrifletti dwar kwistjoni li torbot mat-tħassib tal-Kumitat u mal-ħidma li diġà wettaq sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja.
2.4 Din l-opinjoni ser tippermetti aġġornament tar-riflessjonijiet preċedenti tal-Kumitat. Dawn ser jirfdu t-tfassil ta’ dan il-kontribut, li għandu l-għan li jkompli jiżviluppa din ir-riflessjoni sabiex jagħti tweġiba għas-suġġett tal-konsultazzjoni (1).
2.5 Għal dan il-għan, wara li nanalizzaw fil-qosor ir-raġunijiet tal-kriżi, ser neżaminaw il-konsegwenzi tagħha u r-riskji ekonomiċi u soċjali ta’ konsolidazzjoni baġitarja “mhux intelliġenti” u mbagħad ser nagħmlu xi proposti favur l-iżvilupp ta’ tkabbir sostenibbli li mingħajru ma jistax isir rilanċ tal-ekonomija Ewropea.
3. Il-kriżi u l-konsegwenzi tagħha
3.1 Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li faqqgħet matul l-2007 u ggravat fl-2008, kellha konsegwenzi ħorox fuq il-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej. Minn naħa waħda, bosta gvernijiet ħadu miżuri biex isalvaw is-sistema finanzjarja. Min-naħa l-oħra, ħadu miżuri baġitarji konsiderevoli sabiex jillimitaw kemm jista' jkun il-gravità tar-reċessjoni, bis-saħħa tal-pjani tagħhom ta’ rilanċ. L-għan ta’ dawn il-pjani kien li jikkompletaw l-azzjoni tal-istabbilizzaturi awtomatiċi biex jevitaw li l-attività ekonomika tikkrolla, iżda ggravaw ukoll is-sitwazzjoni baġitarja f'bosta pajjiżi.
3.2 Filwaqt li matul il-kriżi finanzjarja l-ispejjeż pubbliċi massivi rnexxielhom jippreservaw il-likwidità tas-swieq, il-ħtieġa ta’ bħalissa li l-baġits jissaffew mill-ispejjeż ikkawżati mill-għajnuna lill-banek – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – u minn miżuri diskrezzjonali qed twassal sabiex iż-żieda fil-qgħad u l-miżuri l-oħra ta’ awsterità adottati f'bosta pajjiżi qed jirrappreżentaw theddida għat-tkabbir ekonomiku b'mod ġenerali.
3.3 Din is-sitwazzjoni kkawżat żieda konsiderevoli fid-defiċit pubbliku fl-Unjoni Ewropea. Skont il-previżjonijiet tal-Eurostat, id-defiċit tela' minn 2,3 tal-PDG fl-2008 għal 7,5 % fl-2010 fl-UE kollha kemm hi, u minn 2 % għal 6,3 % fiż-żona tal-euro. Fl-istess ħin, il-proporzjon tad-dejn pubbliku tela' minn 61,6 % tal-PDG fl-2008 għal 80 % fl-Unjoni Ewropea u minn 69,4 % għal 78,7 % fiż-żona tal-euro. It-tkabbir kellu jkun ta’ 0,7 % fl-2010, il-qgħad kellu jikber minn 7,1 % fl-UE fl-2007 għal 9,1 % fl-2009, bi previżjoni ta’ 10,3 % fl-aħħar tal-2010, jiġifieri huma kkonċernati madwar 25 miljun ruħ, fosthom madwar 8 miljuni li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kriżi.
3.4 Barra minn hekk, wieħed josserva li l-azzjonijiet imwettqa f'numru ta’ Stati Membri, li fil-biċċa l-kbira jikkonsistu fit-tnaqqis tal-infiq pubbliku sabiex jerġa' jinkiseb malajr bilanċ baġitarju u sabiex jitnaqqas id-dejn, qed jirriskjaw li jikkawżaw diżimpenn min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-effett ridistributtiv tas-sistemi ta’ solidarjetà kollettiva. Għaldaqstant, ta’ min jibża' bil-kbir dwar it-tneħħija tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tas-servizzi pubbliċi, filwaqt li r-rwol tagħhom ta’ stabilizzaturi awtomatiċi u l-fatt li taffew b'mod effettiv il-konsegwenzi tal-kriżi ntlaqgħu tajjeb b'mod unanimu.
3.4.1 Fil-fehma tal-Kumitat, huwa essenzjali li l-kapital soċjali Ewropew u l-kapital naturali jiġu salvagwardjati bħala fatturi indispensabbli tat-tisħiħ tat-tkabbir.
3.4.2 L-effetti fuq il-kredibbiltà tal-UE (u tal-Istati Membri tagħha) jkunu diżastrużi kemm-il darba din tħalli liċ-ċittadini tagħha jixhdu l-ispettaklu ta’ Ewropa li minn naħa turi li hija determinata li – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – tieħu miżuri konsiderevoli favur is-settur finanzjarju u bankarju, li għandu sehem mir-resposabbiltà fil-kriżi attwali, u li min-naħa l-oħra, meta hemm bżonn li tiġġieled kontra t-tnaqqis fit-tkabbir, iż-żieda qawwija fil-qgħad u fil-prekarjetà tal-impjiegi u li tiżgura s-solidarjetà permezz tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi, din tieħu azzjoni ineffiċjenti li tkun ta’ detriment għaċ-ċittadini Ewropej, li bl-ebda mod ma kkawżaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Sitwazzjoni bħal din tista' biss tkompli tbiegħed liċ-ċittadini mill-UE aktar milli diġà huma.
3.5 Dan il-metodu ta’ kif jerġa' jinkiseb bilanċ baġitarju ta’ malajr jikkonsisti qabel kollox fit-tnaqqis tal-infiq pubbliku; barra l-ispiża soċjali li jġib miegħu, qed jirriskja li jwassal għal tkabbir dgħajjef – b'mod partikolari minħabba t-tnaqqis tad-domanda – fuq perjodu twil, kif ukoll qgħad persistenti, jew saħansitra dejjem jiżdied, u għalhekk erożjoni tal-kompetittività dinjija tal-Ewropa.
3.5.1 L-awsterità baġitarja qed tirriskja li tikkawża tnaqqis fid-domanda u dan jista' jwassal għal reċessjoni li ġġib magħha defiċits ġodda li jistgħu jwasslu lill-ekonomija Ewropea lejn burraxka bla tmiem.
3.5.2 Dan it-tnaqqis fid-domanda ser ikun aktar u aktar b'saħħtu peress li l-inugwaljanzi ser ikomplu jiggravaw (pereżempju fi Franza bejn l-1998 u l-2005, is-salarju medju ta’ 0,01 % tal-persuni bl-ogħla ħlas kiber b'51 %) u li l-poter tal-akkwist tal-familji ser jonqos b'mod mekkaniku minħabba s-sitwazzjoni ekonomika, iżda wkoll minħabba t-tnaqqis kbir tas-sehem tas-salarji fl-iskambju tal-valur miżjud. Fil-fatt, fl-2007, l-FMI qies li s-sehem tas-salarji fil-PDG fl-Ewropa niżel minn 73 % fl-1980 għal 64 % fl-2005.
4. Lejn konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti
4.1 Il-kwistjoni mhix daqstant jekk jaqbilx li mmorru lura għall-bilanċ baġitarju iżda pjuttost li nkunu nafu “kif?” u “min iħallas?” u “b'liema ritmu?” sabiex it-tkabbir ikun jista' jerġa' jieħu spinta tajba 'l quddiem.
4.1.1 “L-intelliġenza” tal-konsolidazzjoni baġitarja tinsab f'bilanċ “intelliġenti” bejn l-infiq u d-dħul u bejn l-offerta u d-domanda. Għal dan il-għan, li terga' tinstab it-triq lejn it-tkabbir, fil-kuntest ta’ politika espansjonista li toħloq kuntest favorevoli għall-konsum u għall-investiment, hija muftieħ indispensabbli sabiex noħorġu mill-kriżi bit-tajjeb.
4.1.2 Il-konsolidazzjoni baġitarja parzjalment ġejja wkoll mill-esiġenzi tal-politika monetarja, li għandha titmexxa b'mod li tkun tista' tilħaq l-għanijiet tagħha stess ta’ stabbiltà tal-prezzijiet u ta’ fiduċja fis-swieq filwaqt li tkompli toħloq il-kundizzjonijiet tat-tkabbir ekonomiku.
4.2 Politika baġitarja għas-servizz tat-tkabbir
4.2.1 Ferm qabel il-kriżi attwali, l-Ewropa kellha tkabbir insuffiċjenti. L-għan ta’ tkabbir annwali ta’ 3 %, li jinsab fl-essenza tiegħu fil-bażi tal-Istrateġija ta’ Lisbona, intlaħaq darbtejn biss. Dan in-nuqqas ta’ tkabbir, b'mod ġenerali, ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed fil-politiki ekonomiċi u baġitarji mfassla mill-gvernijiet. Ġie sostitwit bis-self, kemm pubbliku kif ukoll privat, u fil-każ tal-aħħar is-sistema finanzjarja kellha responsabbiltà qawwija pereżempju fis-self għall-proprjetà. Għaldaqstant, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun l-għan ewlieni tal-politika ekonomika kif ukoll ta’ kull politika oħra. F'dan il-kuntest, il-konsolidazzjoni baġitarja, li tinkludi b'mod partikolari allokazzjoni effikaċi tar-riżorsi finanzjarji, ser tkun tista' ssib il-mezzi biex tistabbilixxi triq lejn ibbilanċjar mill-ġdid tal-baġits pubbliċi fuq perjodu medju mingħajr ma xxekkel l-għan ta’ livell għoli ta’ tkabbir.
4.2.2 Il-kriżi finanzjarja u d-dgħufija tar-reżistenza tal-ekonomija tal-UE għax-xokkijiet juru l-ħtieġa li l-politika ekonomika tingħata direzzjoni ġdida. Skont il-Kumitat, abbinament aktar ibbilanċjat ta’ miżuri makroekonomiċi, li jiġbor flimkien b'mod arrmonjuż l-aspetti ffukati fuq l-offerta u politika ekonomika diretta lejn id-domanda, għandu jkun parti integrali mill-istrateġija Ewropea. Permezz ta’ dan, f'dinja finanzjarizzata li tiffavorixxi l-investimenti fuq perjodu qasir u li għalhekk hija soġġetta għar-riskju ta’ tnaqqis fir-ritmu tal-progress tekniku, jeħtieġ li nabbandunaw tkabbir ibbażat fil-biċċa l-kbira fuq il-“bżieżaq spekulattivi” u nerġgħu lura lejn tkabbir ibbażat fuq il-konsum u l-investiment, b'mod partikolari fis-setturi innovattivi tal-ekonomija reali (2), li jippromovi metodi ta’ produzzjoni b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u b'anqas konsum ta’ riżorsi naturali.
4.2.3 Jista' jiġi stabbilit bond Ewropew maħsub biex jiffinanzja l-proġetti Ewropej tal-infrastruttura. Dan ikun għodda essenzjali li tista' tattira flus imfaddla li bħalissa huma disponibbli u li mhumiex użati sabiex tappoġġja l-ekonomija Ewropea. Dan l-isforz għandu jimxi id f'id ma’ approċċ ikkoordinat lejn il-politika industrijali (3) favur il-kompetittività, skont il-linji gwida stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (4). Minn din il-perspettiva, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-istqarrija li l-President tal-Kummissjoni għamel quddiem il-Parlament Ewropew, li fl-14 ta’ Diċembru 2010 indika li ser jinsisti sabiex jiġu ppreżentati pjani maħsuba sabiex jintroduċu bonds. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ bonds ma tistax tkun alternattiva jew sostitut għall-ħolqien tal-eurobonds.
4.2.4 Il-Kumitat jadotta pożizzjoni favur il-ħolqien tal-eurobonds, għax dawn mhux biss jippermettu l-finanzjament ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura bil-għan li jimmodernizzaw l-Ewropa billi joħolqu l-impjiegi u billi jniedu mill-ġdid it-tkabbir bħalma jistgħu jagħmlu l-bonds, iżda jnaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament mill-ġdid tal-pajjiżi taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà, billi jagħtu dimensjoni Ewropea lis-suq tas-self tal-Istat. Wara l-ħolqien tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, il-ħolqien tal-eurobonds ikun jista' jiddikjara lis-suq is-solidarjetà interna tal-Unjoni Ewropea filwaqt li jagħti xhieda tal-impenn politiku tagħha favur l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-irriversibbiltà tal-euro.
4.2.4.1 Ta' min jinnota li din il-prattika, li sseħħ fl-Istati Uniti permezz tat-Teżor u li kienet ġiet approvata fl-2009 mill-Parlament Ewropew u mill-FMI, tippermetti li l-pajjiżi taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà jnaqqsu l-piż tas-servizz tad-dejn tagħhom u jiksbu mill-ġdid ċerta flessibbiltà sabiex jistimolaw it-tkabbir.
4.2.5 L-Istati Membri li għandhom bilanċ pożitiv fil-kontijiet kurrenti u/jew li għandhom dejn pubbliku baxx għandhom jadottaw politika espansjonista biex jistimolaw id-domanda. B'mod ġenerali, dan ma jagħmluhx l-aktar minħabba l-biża' li jiġu penalizzati mill-aġenziji tal002Dklassifikazzjoni tal-kreditu. “Ir-rwol [tagħhom] huwa ċentrali għat-tħaddim tas-sistema finanzjarja u għaldaqstant din ma tistax ma tkunx monitorjata” (5). Minn dan il-lat, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li ma rnexxilux jitwaqqaf “korp Ewropew għall-valutazzjoni tad-dejn sovran” (6).
4.3 Tkabbir u fiskalità
4.3.1 Il-fiskalità, ladarba tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għall-kompetittività, għat-tnaqqis tal-piż li jġorru l-finanzi pubbliċi, eċċ., hija fattur li tippromovi t-tkabbir. Il-Kumitat jiddispjaċih li, fil-qasam tal-konsolidazzjoni baġitarja, il-Kummissjoni tinteressa ruħha b'mod kważi esklużiv fl-infiq u ma tagħtix kas id-dħul. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tal-każi, approċċ bħal dan ikun għad-detriment ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli soċjalment u jxekkel it-tkabbir billi jnaqqas id-domanda.
4.3.2 “B'konformità mat-Trattati tal-UE, hemm bżonn li jsir sforz għal iktar koordinazzjoni bejn il-politiki fiskali fl-Istati Membri (inklużi bażijiet tat-taxxa armonizzati u rati minimi), b'mod partikolari f'dawk l-oqsma fejn il-bażijiet tat-taxxa huma mobbli fil-livell internazzjonali u r-riskju tal-evażjoni tat-taxxa u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri huwa l-ogħla.” Din il-koordinazzjoni fil-livell Ewropew għandu jkollha b'mod speċjali l-għan li tipproteġi u tkabbar id-dħul fiskali (7).
4.3.3 Kooperazzjoni amministrattiva mtejba hija wkoll parti mis-sisien meħtieġa għal ġlieda effiċjenti kontra l-frodi fiskali. Il-ħolqien tal-Eurofisc, li huwa netwerk deċentralizzat miftuħ għall-Istati Membri kollha bil-għan li jippermetti azzjoni rapida u mmirata lejn il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, huwa l-ewwel pass 'il quddiem (8). Fl-opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett, il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rabtiet u kooperazzjoni mal-entitajiet l-oħra li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus (9).
4.3.4 Jeħtieġ li l-pressjoni fiskali tiġi trasferita lejn sorsi ġodda ta’ dħul, bħat-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, it-tassazzjoni fuq l-enerġija, it-taxxi fuq l-istabbilimenti finanzjarji, fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 (10), permezz tat-tfassil ta’ organizzazzjoni ġdida tas-suq tal-kwoti, eċċ. Dan it-tip ta’ tassazzjoni jista' jġib miegħu benefiċċju doppju: fuq perjodu qasir u medju, iserraħ il-baġits pubbliċi, u fuq perjodu twil, jikkontribwixxi għall-għoti ta’ direzzjoni ġdida lir-riżorsi lejn l-investiment sostenibbli fl-ekonomija reali b'mod ġenerali u fit-teknoloġiji u s-setturi ekoloġiċi b'mod partikolari (11). Jista' wkoll ikun utli biex il-baġit tal-Unjoni Ewropea jiġi attrezzat b'riżorsi proprji (12).
4.4 It-tassazzjoni tas-settur finanzjarju
4.4.1 B'mod konkret, it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju tista' żżid l-istabbiltà u l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, billi tnaqqas il-volatilità tagħhom u l-effeti ħżiena ta’ teħid ta’ riskju eċċessiv (13). Għalhekk, tidher ħaġa raġonevoli li jinħolqu taxxi maħsuba għall-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet iġġenerati mill-imġiba ta’ dan is-settur, sakemm jikkontribwixxu sabiex joħolqu kundizzjonijiet aktar ġusti fil-proċess ta’ żvilupp u ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern Ewropew.
4.4.2 Taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji
4.4.2.1 Il-KESE approva l-prinċipju ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-Grupp de Larosière (14): “Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ tranżizzjoni minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta’ żmien, b'mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji [TTF]”. “It-tieni objettiv tat-TTF huwa li jkun hemm żjieda fid-dħul pubbliku. Dan is-sors il-ġdid ta’ dħul jista' jintuża wkoll biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati l-politiki tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew biex jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Dan tal-aħħar jimplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura s-sussidji pubbliċi. Fuq medda twila ta’ żmien, id-dħul għandu jipprovdi sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku” (15). Barra minn hekk, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għandha wkoll effetti ta’ lieva li ta’ min jifraħ bihom, peress li ġġib magħha tibdil fl-imġiba tal-atturi tas-suq.
4.4.2.2 F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, f'dikjarazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2010, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ddefenda l-prinċipju ta’ taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji.
4.4.2.3 Fil-kuntest tal-pożizzjonijiet li adotta preċedentement, il-Kumitat iqis li l-UE u l-Istati Membri llum il-ġurnata għandhom bżonn ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji sabiex jiġbru dħul maħsub għat-tiswija tal-iżbilanċi baġitarji, sabiex jiffinanzjaw miżuri ta’ rilanċ biex jistimolaw it-tkabbir u sabiex jiġġieldu kontra l-attivitajiet purament spekulattivi.
4.4.3 Taxxi fuq l-attivitajiet finanzjarji
4.4.3.1 It-taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji (16), fl-usa' forma tagħha (metodu b'addizzjoni), hija maħsuba biex tintaxxa l-benefiċċji u r-rimunerazzjonijiet kollha tal-attività imprenditorjali tal-istabbilimenti finanzjarji, ikunu xi jkunu l-prodotti li jqiegħdu fis-suq.
4.4.3.2 Tista' titqies bħala taxxa fuq il-valur miżjud iġġenerat mill-kumpaniji tas-settur finanzjarju, li tista' tkun ta’ rimedju għall-kontribuzzjoni fiskali, bħalissa aktar baxxa, ta’ dan is-settur, minħabba l-eżenzjoni mill-VAT li jibbenefikaw minnha numru kbir tal-operazzjonijiet tiegħu.
4.4.3.3 Id-dħul iġġenerat fil-livell Ewropew jista' jintuża għall-konsolidazzjoni baġitarja tal-Istati Membri.
4.4.4 Il-Kummissjoni Ewropea, bl-approvazzjoni tal-Kunsill, beħsiebha twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tiddefinixxi l-istruttura potenzjali u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din it-tassazzjoni u tivvaluta l-firxa ta’ riformi ġodda tas-settur finanzjarju li huma relatati mas-sistema ta’ garanzija tad-depożiti, l-eżiġenzi l-ġodda fil-qasam ta’ fondi proprji u likwidità, eċċ. Abbażi ta’ dan, jeħtieġ li jinsab bilanċ tajjeb bejn, minn naħa, l-għan tal-ġlieda kontra l-iżbilanċi baġitarji u, min-naħa l-oħra, l-għan li tinżamm il-kapaċità tas-settur bankarju li jsellef u li jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Fi kwalunkwe każ, m'għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar din it-tassazzjoni mingħajr ma jkunu magħrufa r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni.
5. Il-ħolqien tat-tkabbir tal-ġejjieni
5.1 L-Ewropa qed tiffaċċja theddidiet kbar, bħal:
— |
dinja ffinanzjarizzata li ma taqax taħt id-demokrazija politika, parzjalment skonnessa mill-ekonomija reali u li tiffavorixxi l-investimenti fuq perjodu qasir li jirriskjaw li jnaqqsu r-ritmu tal-progress tekniku. L-abbandun tal-investimenti reali għall-benefiċċju tal-investimenti finanzjarji jxekkel ukoll l-iżvilupp tal-impjiegi, tad-dħul, tad-domanda u tal-baġits pubbliċi; |
— |
it-tiġrif tal-mudelli soċjali eżistenti flimkien mar-riskji marbuta ma’ ftehim privat bejn l-Istati Uniti u l-pajjiżi emerġenti l-kbar li jeskludi lill-Ewropa u li jqiegħed fid-dubju s-suq tax-xogħol. Sabiex l-isfidi tal-lum jiġu indirizzati, jeħtieġ li jiġu identifikati l-linji politiċi li joħolqu t-tkabbir tal-ġejjieni. |
5.2 Sabiex terġa' lura lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-Unjoni adottat l-Istrateġija Ewropa 2020. Fuq il-bażi ta’ koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, din l-istrateġija l-ġdida għandha l-għan li tiġġieled kontra l-ostakli ewlenin għat-tkabbir fil-livell tal-UE, inklużi dawk relatati mal-funzjonament tas-suq intern u l-infrastruttura, kif ukoll il-ħtieġa ta’ politika komuni dwar l-enerġija u politika industrijali ġdida ambizzjuża. Il-Kunsill Ewropew saħaq fuq il-fatt li l-politiki komuni kollha, inklużi l-Politika Agrikola Komuni u l-politika ta’ koeżjoni, ser ikollhom jappoġġjaw din l-istrateġija u li din ser ikollha dimensjoni esterna kbira (17).
5.3 Il-KESE ħoloq kumitat ta’ tmexxija li jaħdem f'kollaborazzjoni mill-qrib mas-sezzjonijiet speċjalizzati, is-CCMI, il-KES nazzjonali u l-osservatorji dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija, u b'mod partikolari dwar is-seba' inizjattivi ewlenin li għandhom l-għan li jistimolaw il-progress fil-qasam tat-tkabbir u l-impjiegi. F'dan il-kuntest, il-Kumitat se joħroġ opinjonijiet dwar “l-inizjattivi ewlenin” biex jilħaq il-“ħames objettivi” ta’ din l-istrateġija. Hemm bżonn li ssir riflessjoni fil-fond dwar is-setturi, l-atturi u l-azzjonijiet prijoritarji sabiex jiġi ddeterminat kif din l-istrateġija l-ġdida tista' tiġi implimentata.
5.4 Is-setturi prijoritarji. Mil-lat settorjali, mingħajr ma nkunu eżawrjenti, ejjew nelenkaw uħud mill-fatturi li jistimolaw dan it-tkabbir li kultant diġà jeżistu llum il-ġurnata iżda, fil-biċċa l-kbira, li qed jiġu żviluppati għall-ġejjieni minħabba li għandhom valur miżjud qawwi, livell għoli ta’ teknoloġija u potenzjal qawwi ta’ tkabbir. Naturalment, il-kontenut tagħhom jirrigwarda kemm l-industrija kif ukoll is-servizzi:
— |
l-enerġija mingħajr karbonju, it-trasport u l-bini ekoloġiku, eċċ., li joħolqu “impjiegi ekoloġiċi” (18); |
— |
“l-ekonomija tal-anzjani”: il-bijoinġenerija għas-servizz tas-saħħa, ix-xjenzi tal-ħajja (19), eċċ.; |
— |
il-bijoteknoloġija (20); |
— |
is-soċjetà diġitali, in-nanoteknoloġiji (21), ir-robotika, eċċ.; |
— |
l-agronomija u s-settur idrawliku bħala tweġiba għal-limitazzjoni tal-art tajba għall-ħrit, kif ukoll tibdil fil-proċessi ta’ produzzjoni sabiex dawn isiru aktar ekonomiċi fil-materja prima, l-ipproċessar tal-elementi metalliċi rari (rare earths), eċċ.; |
— |
riċerka f'kull settur industrijali dwar proċessi u metodi ta’ żvilupp b'anqas karbonju b'mod li joħloq kunċett ġdid ta’ x'inhi politika industrijali; |
— |
eċċ. |
5.4.1 L-edukazzjoni wkoll għandha tkun settur prijoritarju li jappoġġja s-setturi l-oħrajn kollha. Hija wieħed mill-elementi indispensabbli għat-tkabbir għax tippromovi l-ħolqien ta’ kapital uman li huwa essenzjali għall-iżvilupp tiegħu. Minn dan il-lat, jeħtieġ li noqogħdu attenti li l-kwalifiki jkunu adegwati għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.
5.5 Azzjonijiet prijoritarji għas-servizz tat-tkabbir
5.5.1 It-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew għandu jkun prijorità tal-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jqis li hekk biss ser ikun jista' jinkiseb progress sinifikanti – fir-rigward ta’ tkabbir ekonomiku b'saħħtu, sostnut u aktar ġust – fl-iżvilupp tal-Istati Membri.
5.5.2 Għall-implimentazzjoni ta’ politika industrijali effiċjenti
5.5.2.1 Is-sens tal-espressjoni “politika industrijali” inbidel ħafna matul is-snin. Għalhekk, huwa importanti li jiġu identifikati l-prinċipji li jagħmluha possibbli li dan it-terminu jiġi definit b'mod rigoruż u f'perspettiva adatta skont iż-żmien.
— |
L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġu speċifikati s-setturi li għandhom jingħataw l-aktar attenzjoni (22). Imbagħad, id-dispożizzjonijiet ta’ azzjoni għandhom, ovvjament, ikunu diversifikati ħafna. F'ċerti każi, bħall-enerġija, ser ikun hemm bżonn proġetti Ewropej kbar. F'każi oħra, ser ikun hemm bżonn finanzjament ta’ kapital. Jew inkella, fil-każ ta’ start-ups u intrapriżi li qed jikbru, dawn ser jeħtieġu l-appoġġ sabiex jiżviluppaw teknoloġiji ġodda. Ikun xi jkun il-każ, din il-politika industrijali trid titfassal kemm bl-objettiv tas-suq intern u kemm b'dak tal-esportazzjoni. |
— |
Fl-aħħar, ir-restrizzjoni ewlenija hija li jinsabu mezzi sabiex jiġu ffinanzjati din il-politika industrijali u t-tkabbir fuq perjodu twil li tista' ġġib magħha fi żmien ta’ aġġustament baġitarju. Wieħed mill-metodi jkun jikkonsisti f'li t-tfaddil Ewropew jingħata direzzjoni massiva lejn investimenti produttivi fuq perjodu twil (23) li jkunu vijabbli mil-lat ekonomiku u soċjali, jiġifieri li għandhom potenzjal qawwi ta’ ħolqien ta’ impjiegi. Id-diffikultà tista' tkun li teżisti averżjoni qawwija għar-riskju. Din tista' tingħeleb permezz ta’ mekkaniżmi speċifiċi għall-qsim tar-riskju bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-investituri privati, b'tali mod li l-awtoritajiet pubbliċi jerfgħu l-biċċa l-kbira tar-riskju fuq perjodu twil bħalma jagħmel riassiguratur. Metodu ieħor jista' jkun li jinħoloq bond Ewropew kbir (24). |
5.5.2.2 Madankollu, biex tiġi żviluppata sistema ta’ produzzjoni bbilanċjata u b'saħħitha, jeħtieġ naturalment li jintużaw żewġ politiki ewlenin: il-politika fiskali u l-politika tal-impjieg. Il-politika fiskali hija ttrattata fil-punt 4.3.1; rigward il-politika tal-impjieg, l-isfida ewlenija ser tkun li jiġi attivat il-potenzjal ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u b'hekk ukoll li jiġu integrati fuq skala kbira ħafna ż-żgħażagħ u l-anzjani. Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li tiġi proposta offerta kbira ta’ servizzi ta’ kwalità għolja għall-kura tat-tfal bħala għajnuna għall-ġenituri fl-attività professjonali tagħhom (25).
5.5.3 Għal “Small Business Act” Ewropew
5.5.3.1 Din il-proposta tressqet kemm-il darba iżda qatt ma twettqet perfettament; safrattant, hija neċessarja. Is-“Small Business Act” (SBA) Amerikan, pereżempju, huwa għodda effiċjenti ħafna, għax permezz tiegħu jiġu ffinanzjati kemm l-innovazzjoni kif ukoll l-investiment tradizzjonali, u l-SMEs jistgħu jingħataw garanzija għal parti mis-swieq pubbliċi. Il-kwistjoni tikkonċerna kemm l-istart-ups kif ukoll l-intrapriżi b'ritmu mgħaġġel ta’ tkabbir. L-SBA Ewropew (SBAE), bħal dak Amerikan, għandu jimplimenta firxa ta’ strumenti li jikkonċernaw kemm is-swieq pubbliċi kif ukoll il-finanzjament. Għalhekk, il-KESE jipproponi SBAE ambizzjuż (26).
5.5.4 Għal politika tal-edukazzjoni u tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni
5.5.4.1 Dan is-suġġett ġie ttrattat f'bosta opinjonijiet imfassla mill-Kumitat (27). Dan minn dejjem indika sostanzjalment li r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni huma attivitajiet ewlenin li ser jiddeterminaw il-post li, għada pitgħada, se tokkupa l-Ewropa fid-dinja skont il-prijorità u l-mezzi li l-Ewropa ser talloka għal dawn l-oqsma.
5.5.4.2 F'dan il-perjodu kkaratterizzat mir-restrizzjonijiet baġitarji, l-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu jinvestu fl-edukazzjoni u fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Dawn l-investimenti mhux biss m'għandhomx ikunu soġġetti għat-tnaqqis baġitarju, iżda saħansitra għandhom jissaħħu (28). Jekk dan ma jsirx, l-UE ser tiddgħajjef b'mod inevitabli u dan ifisser telf ta’ impjiegi u deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha.
5.5.4.3 L-Unjoni għandha taħdem sabiex tiżgura li l-leġislazzjoni fiskali tkun aktar adattata għall-objettiv li jinħolqu miżuri ta’ inċentiv għall-industrija sabiex din tinvesti aktar fir-riċerka u l-iżvilupp (29). Dan l-adattament għandu jagħmilha possibbli b'mod partikolari li l-iżvilupp tal-SMEs li l-aktar jiffukaw fuq ir-R&Ż jiġi appoġġjat matul l-ewwel snin tal-attività tagħhom. Meta wieħed iqis ir-rwol strateġiku li jaqdu l-SMEs fl-ekonomija Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru juża l-aħjar taħlita ta’ inċentivi fiskali possibbli sabiex jiffaċilita s-sopravvivenza u t-tkabbir tal-SMEs fi ħdan l-ekonomija tiegħu (30). Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li l-proġetti komuni bejn l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-SMEs jiġu promossi u msaħħa, taħt il-patroċinju pereżempju tal-aġenziji pubbliċi tar-riċerka (nazzjonali jew Ewropej), sabiex il-kooperazzjoni bejn dawn l-atturi tiġi appoġġjata.
5.5.4.4 Sabiex ir-R&Ż ikunu effettivi, ir-riċerkaturi u l-innovaturi għandhom ikunu f'pożizzjoni li jaħdmu u jikkooperaw madwar l-UE kollha faċilment bħalma jagħmlu fi ħdan il-fruntieri nazzjonali. Għal dan il-għan, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (31), li għandha titwettaq minn hawn u erba' snin oħra, ser ikollha tintroduċi l-istrutturi meħtieġa għal moviment tassew liberu tat-tagħrif, li tassew jirrappreżenta l-valur miżjud li l-Unjoni ġġib magħha għas-setturi nazzjonali tar-riċerka.
5.5.4.5 Barra minn hekk, għandhom jiġu eliminati għadd ta’ ostakli: l-aċċess għall-finanzjament għandu jittejjeb, b'mod speċjali għall-SMEs, l-ispejjeż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu raġonevoli, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet aktar ambizzjużi u għandu jiġi adottat approċċ strateġiku lejn l-użu tal-baġits kbar allokati għall-kuntratti pubbliċi. Bħalissa, hemm bżonn urġenti għall-aħħar li jintlaħaq ftehim dwar il-privattiva Ewropea. L-introduzzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa dwar dan is-suġġett tista' tkun soluzzjoni provviżorja possibbli.
5.5.4.6 L-Istrateġija ta’ Lisbona kienet tipprevedi li l-UE kellha talloka 3 % tal-PDG għar-R&Ż, li minnhom żewġ terzi kellhom jiġu mis-settur privat. Għadna 'l bogħod f'dan ir-rigward. Sadattant, huwa assolutament importanti li jintlaħaq dan il-għan, li permezz tiegħu, minn hawn u l-2020, ikunu jistgħu jinħolqu 3,7 miljun impjieg u minn hawn u l-2027 il-PDG annwali jkun jista' jiżdied b'madwar EUR 800 biljun (32). Aktar minn qatt qabel, it-twettiq ta’ dan il-għan għandu jibqa' l-prijorità tal-Unjoni.
5.5.4.7 Fl-aħħar nett, il-ħolqien ta’ ċentri ta’ kompetittività kien inizjattiva pożittiva ħafna f'għadd ta’ pajjiżi Ewropej. Sabiex jingħataw aktar importanza, aktar mezzi u aktar missjonijiet, il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew aktarx huwa l-aħjar mod kif tista' tittejjeb ir-relazzjoni bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, kemm-il darba l-atturi kollha jkunu involuti fit-tmexxija tagħhom.
6. Is-soċjetà ċivili
6.1 Ta' min jenfasizza li, minħabba l-ħafna konsegwenzi li l-aġġustamenti baġitarji u t-tfittxija ta’ metodi biex jintlaħaq it-tkabbir għandhom fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin, id-djalogu soċjali u d-djalogu ċivili għandhom ikunu eżemplari kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak tal-Unjoni Ewropea.
6.2 Is-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-KES nazzjonali jew l-organizzazzjonijiet li jaqdu l-funzjoni ta’ KES nazzjonali, għandha tiġi kkonsultata qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. Għandu jkun hemm livell għoli ta’ sħubija soċjali, għax ma jistgħux isiru għażliet vijabbli u ta’ suċċess fuq perjodu medju jew twil f'dan il-qasam hekk sensittiv jekk iċ-ċittadini ma jaċċettawx ir-riformi.
Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali”, ĠU C 255, 22.09.2010, p. 10, u l-opinjoni tal-KESE dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi”, ĠU C 48, 15.02.2011, p. 57.
(2) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.
(3) Ara l-punt 5.5.1.
(4) Ara l-ittra mill-President tal-KESE lill-President tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010.
(5) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu”, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117, punt 1.1.
(6) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Aġenziji li jiggradaw il-kreditu”, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37, punt 1.4.
(7) Ara n-nota nru 2 f'qiegħ il-paġna.
(8) Regolament Nru 904/2010 tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (riformulazzjoni), ĠU L 268, 12.10.2010, p.1.
(9) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (riformulazzjoni)”, ĠU L 347, 18.12.2010, p.74, punt 1.10.
(10) Ara n-nota nru 2 f'qiegħ il-paġna.
(11) Ara n-nota nru 4 f'qiegħ il-paġna.
(12) “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE”, COM(2010) 700 finali, 19.10.2010.
(13) Ara COM(2010) 549 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tassazzjoni tas-settur finanzjarju.
(14) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Rapport tal-Grupp de Larosière”, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.
(15) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”, CESE 969/2010, Sinteżi u konklużjonijiet, punt 1.10.
(16) Din il-proposta ġejja mill-Fond Monetarju Internazzjonali.
(17) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2010 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010.
(18) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”, ĠU C 44, 11.02.2011, p. 110.
(19) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija – Strateġija għall-Ewropa. Rapport ta’ progress u linji gwida għall-ġejjieni”, ĠU C 234, 30.09.2003, p. 13 (mhux disponibbli bil-Malti).
(20) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Lejn viżjoni strateġika tax-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija: dokument ta’ konsultazzjoni”, ĠU C 94, 18.04.2002, p. 23 (mhux disponibbli bil-Malti).
(21) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Nanoxjenzi u nanoteknoloġiji: Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa 2005-2009”, ĠU C 185, 8.08.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).
(22) Ara l-punt 5.4.
(23) Ara l-punt 4.2.3.
(24) Ara n-nota nru 19 f'qiegħ il-paġna.
(25) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26, punt 4.2.
(26) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir: Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa”, ĠU C 182, 4.08.2009, p. 30.
(27) B'mod partikolari, dawk li jikkonċernaw is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-aktar l-opinjoni dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)”, ĠU C 65, 17.3.2006, p. 22 (mhux disponibbli bil-Malti).
(28) “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni”, COM(2010) 546 finali, 6.10.2010.
(29) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Lejn użu iktar effettiv tal-inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp”, ĠU C 10, 15.01.2008, p.13.
(30) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Nilliberaw u nsaħħu l-potenzjal tal-Ewropa għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni”, ĠU C 325, 30.12.2006, punt 3.5 (mhux disponibbli bil-Malti).
(31) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riċerkaturi fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka: professjoni waħda, ħafna karrieri”, ĠU C 110, 30.04.2004, p.3, (mhux disponibbli bil-Malti) u l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda”, ĠU C 44, 16.02.2008, p.1.
(32) Ara P. Zagamé (2010): Les coûts d'une Europe non innovante (L-ispejjeż ta’ Ewropa mhux innovativa).