EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XG1203(02)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tad- 19 ta' Novembru 2010 dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura

OJ C 326, 3.12.2010, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/2


Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010 dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura

2010/C 326/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA.

1.   WAQT LI JFAKKAR

Fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, li jgħinu biex il-kultura tiġi integrata fl-attivitajiet kollha tat-tagħlim fl-iskejjel, fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u fl-istituzzjonijiet tat-taħriġ.

Fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (1) u l-objettivi strateġiċi tagħha, kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014 (2).

Fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) li tiddikjara li l-kreattività taż-żgħażagħ u l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni għandhom jiġu appoġġati permezz ta' aċċess ta' kwalità aħjar għal u parteċipazzjoni fil-kultura u fl-espressjonijiet kulturali minn eta' żgħira, u b'hekk jiġu promossi l-iżvilupp personali, il-kapaċitajiet imtejba għat-tagħlim, il-ħiliet interkulturali, il-fehim u r-rispett għad-diversità kulturali u l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda u flessibbli għal opportunitajiet futuri ta' xogħol.

Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar il-promozzjoni ta' Ġenerazzjoni Kreattiva: l-iżvilupp tal-kreattività u l-kapaċità innovattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ permezz tal-espressjoni kulturali u l-aċċess għall-kultura, inklużi 6 prijoritajiet.

2.   JILQA'

Aktar għarfien dwar iż-żgħażagħ u l-kultura, bħall-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura (3);

3.   JISSOTTOLINJA

Li l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura jinkludi żewġ aspetti prinċipali: żgħażagħ bħala utenti, xerrejja, konsumaturi u udjenza; u żgħażagħ involuti b'mod attiv bħala parteċipanti attivi u kreaturi tal-arti u l-kultura.

L-importanza ta' dan għal kooperazzjoni tajba bejn il-qasam taż-żgħażagħ u l-qasam tal-kultura.

L-importanza tal-għarfien, il-promozzjoni, il-viżibbiltà u l-użu ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluża d-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kulturali, sabiex jiżdied l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura.

Li l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura huwa wkoll dwar esperjenza ta' awtoespressjoni, żvilupp personali u fiduċja, innovazzjoni u kreattività, tgawdija, u li wieħed ikollu moħħu miftuħ għal kulturi oħra, inkluż il-patrimonju kulturali tal-Ewropa.

L-importanza tal-iżvilupp tul il-ħajja tal-kompetenzi kulturali taż-żgħażagħ u l-partijiet interessati rilevanti kollha peress li dan jingħaqad ma' kompetenzi ewlenin oħra.

Ir-rilevanza tal-kultura bħala mezz għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-faqar.

4.   GĦALDAQSTANT JISTIEDEN U JINKORAĠĠIXXI LILL-KUMMISSJONI U LILL-ISTATI MEMBRI FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX

Jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-istudju msemmi hawn fuq.

Jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ kollha għall-kultura, filwaqt li jnaqqsu l-ostakli relatati kif hemm fl-istudju (pereżempju restrizzjonijiet finanzjarji, lingwistiċi, ġeografiċi u taż-żmien), waqt li jittieħed kont tar-rwol tal-edukazzjoni kulturali u tal-arti u t-taħriġ għaż-żgħażagħ kollha minn età żgħira, f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja u bl-użu ta' programmi mmirati.

Jippromwovu l-iżvilupp ta' linji politiċi kkoordinati għat-terminu twil għall-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura fil-livelli kollha, b'perspettiva ta' żgħużija ċara, pereżempju permezz tal-istimolazzjoni ta' sħubiji u kuntatti bejn is-settur kreattiv u l-partijiet interessati fl-oqsma taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u oqsma rilevanti oħra.

Japprofondixxu l-għarfien dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura (pereżempju permezz tal-Ewrobarometru fir-rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ) u biex jappoġġaw ir-riċerka fil-qasam tal-kulturi taż-żgħażagħ, il-kreattività u ċ-ċittadinanza kulturali. F'dan il-kuntest huwa importanti li jiġu definiti l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fir-rigward tal-aċċess tagħhom għall-kultura u biex tiġi identifikata l-evoluzzjoni tal-prattiki kulturali taż-żgħażagħ.

Jiskambjaw u jippromwovu esperjenzi, prattiki u informazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha fil-livelli kollha relatati mal-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura, pereżempju billi tiġi stimolata l-mobbiltà tat-tagħlim għaż-żgħażagħ kollha u għal dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-mexxejja taż-żgħażagħ, u permezz tal-użu tal-ICT u l-media.

Jappoġġaw edukazzjoni ta' kwalità, taħriġ u bini tal-kapaċità għal dawk li jaħdmu maż-żagħżagħ u l-mexxejja taż-żgħażagħ, artisti u ħaddiema kulturali oħra, għalliema u l-partijiet interessati rilevanti kollha involuti fl-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura.

Jippromowvu l-aċċess taż-żagħżagħ għall-kultura bħala mezz kif jiġu promossi l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-faqar.

Jippromwovu s-sitt prijoritajiet li jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar il-promozzjoni ta' Ġenerazzjoni Kreattiva.

Jagħmlu l-aħjar użu mill-programmi, l-istrumenti u n-netwerks Ewropej rilevanti eżistenti (pereżempju l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Karta taż-Żgħażagħ), inkluż il-fondi strutturali Ewropej, sabiex jiġu promossi l-objettivi ta' hawn fuq.


(1)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(2)  Ser jiġu adottati fit-18 ta' Novembru 2010.

(3)  Interarts EACEA/2008/01 (ĠU 2008/S 91-122802).


Top