EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC1117(10)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

OJ C 312, 17.11.2010, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/25


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 312/15

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ΞΥΓΑΛΟ ΣΗΤΕΙΑΣ” (XYGALO SITEIAS)/“ΞΙΓΑΛΟ ΣΗΤΕΙΑΣ” (XIGALO SITEIAS)

Nru tal-KE: EL-PDO-0005-0731-24.11.2008

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Ξύγαλο Σητείας” (Xygalo Siteias)/“Ξίγαλο Σητείας” (Xigalo Siteias)

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Il-Greċja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.3.

Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

Xygalo Siteias huwa prodott ta’ aċidifikazzjoni tal-ħalib. Huwa għandu lewn abjad, konsistenza tixbah lill-għaġina u/jew granulari u bla qoxra. Huwa għandu togħma friska, tagħti fil-qrusa, daqsxejn mielaħ u għandu aroma karatteristika pjaċevoli. Huwa għandu kontenut massimu ta’ ndewwa ta’ 75 % u kontenut massimu ta’ melħ ta’ 1,5 %, filwaqt li x-xaħam tiegħu f’materja xotta jvarja minn 33 % sa 46 % u għandu kontenut massimu ta’ proteini ta’ 31,5 %.

Xygalo Siteias huwa prodott mill-ħalib tal-mogħża jew mill-ħalib tan-nagħġa, jew minn taħlita tat-tnejn jekk l-ammont ta’ ħalib tal-mogħża ma jkunx suffiċjenti, bil-kontenut xaħmi tal-ħalib tan-nagħġa jiġi aġġustat, sabiex il-kontenut xaħmi tal-prodott finali jibqa’ taħt 46 % (f’materja xotta). Imbagħad, it-taħlita tal-ħalib tiġi pasturizzata (fakultattiv) u mkessħa għal temperatura ta’ 25 °C. Jiġi miżjud melħ (NaCI) sa massimu ta’ 2 % skont il-piż, u jiżdiedu wkoll kulturi batteriċi aċidużi li ma jagħmlux ħsara u ammonti żgħar ta’ tames naturali mill-istonku tal-annimali (l-aktar jekk il-ħalib ikun ġie pasturizzat). Imbagħad il-ħalib jitħalla jiffermenta b’mod naturali f’kontenituri għall-użu mal-ikel li jinżammu stazzjonarji u mgħottija, iżda mhux issiġillati b’mod li ma tgħaddix arja minnhom, għal seba’ sa għaxart ijiem f’temperatura ta’ 15-20 °C. Ix-xaħam u l-butir żejjed jitneħħew mill-wiċċ tal-baqta. Il-maturazzjoni tkompli f’dawn il-kontenituri għal madwar xahar f’temperatura ta’ 10-15 °C, mingħajr ma jitħawdu l-baqtiet għat-tul kollu tal-proċess ta’ maturazzjoni tal-aċidifikazzjoni. Fl-aħħar nett, il-prodott jiġi sseparat mix-xorrox li jkun ikkonċentrat fil-qiegħ tal-kontenituri, jitqiegħed f'kontenituri għall-użu mal-ikel u jinżamm fil-friġġ f’temperatura taħt 4 °C. Jekk il-ħalib ma jkunx ġie pasturizzat, Xygalo Siteias għandu jinżamm fil-friġġ għal mill-inqas xahrejn qabel ma jiġi rilaxxat għall-konsum sabiex ikunu jistgħu jsiru verifiki biex ikun assigurat li l-prodott ikun ħieles minn kwalunkwe mikro-organiżmu mhux mixtieq.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Il-materja prima li tintuża għall-preparazzjoni ta’ Xygalo Siteias hija ħalib frisk minn nagħaġ u mogħoż b’saħħithom li jitrabbew bil-mod tradizzjonali f’dak li kien id-Distrett ta’ Siteia, huma kompletament xierqa għall-klima u l-flora partikolari tar-reġjun u joriġinaw esklussivament minn razez ta’ mogħoż indiġeni għall-Greċja u razez ta’ nagħaġ lokali (razza Siteia, prinċipalment ir-razez Psiloriti u Sfakia u kwalunkwe tlaqqigħ bejn dawn ir-razez).

Il-ħalib għandu jkun il-prodott ta’ ħlib mill-inqas għaxart ijiem wara li l-annimal ikun welled, u wara, jew ir-raħħal jittrasporta l-ħalib lejn il-fabbrika tal-ħalib jew inkella jitkessaħ fi friġġijiet tal-ħalib u jinġabar ta’ spiss (ġeneralment taħt ir-responsabbiltà tal-fabbrika tal-ħalib) f’vettura xierqa jew f’tank imkessaħ.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

In-nagħaġ u l-mogħoż huma mrobbija b’mod estensiv jew, l-aktar l-aktar, b’mod semi-intensiv bil-mod tradizzjonali, fl-artijiet il-baxxi u fiż-żoni tal-muntanji nofsana li ma jaqbżux l-elf metru. F’Ottubru u f’Novembru (meta l-frieħ jiġu mreddgħa), minħabba l-iskarsezza ta’ veġetazzjoni naturali u l-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu tal-annimali għall-ikel, jintużaw weraq taż-żebbuġ u għalf imnixxef (eż. silla, ħuxlief, qamħirrun) b’rata ta’ 30-40 % skont is-sena.

Minn Diċembru sa bejn wieħed u ieħor April (produzzjoni akbar ta’ ħalib, wara li l-frieħ ġodda jkunu ġew miftuma), huma jieklu flora lokali selvaġġa (ħaxix u buxxijiet, l-aktar aromatiċi u indiġeni), li tkun iżjed abbundanti matul ix-xita tax-xitwa u r-rebbiegħa (salvja (Salvia fruticosa & Salvia pomifera), rock-rose (“aladania” – Cistus creticus), erika (Erica manipuliflora), salvja ta’ Ġerusalemm (Phlomis lanata), spiny broom (Calycotome villosa), ballut (Quercus coccifera) u oħrajn). Sal-bidu ta’ Marzu, dawn jiġu ssupplimentati bi friegħi u weraq li jifdal wara ż-żbir u t-tindif annwali tas-siġar taż-żebbuġ. Matul dan il-perjodu tax-xitwa, l-għalf imnixxef jiġi fornut ukoll fi kwantitajiet li ġeneralment ma jaqbżux 20 % b’kollox sabiex il-ħtiġijiet tal-annimali jkunu koperti matul il-ġranet ta’ xita qawwija, silġ u ġlata.

Minn Mejju ’l quddiem u matul is-sajf kollu (produzzjoni mnaqqsa ta’ ħalib), ħafna mill-merħliet jieklu diversi ċereali mnixxfa li joriġinaw fl-għelieqi taż-żona, miżrugħin speċifikament għal dan il-għan mill-bdiewa, u jirgħu fuq mergħat miksija bi flora lokali. Jiddependi mis-sena, jista’ jingħata għalf imnixxef minn żoni oħrajn (eż. ħuxlief, silla, qamħirrun) bħala suppliment, b’rata ta’ 30-40 %.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

Kemm il-produzzjoni kif ukoll l-ipproċessar tal-ħalib, u l-produzzjoni ta’ Xygalo Siteias, iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

L-ippakkjar huwa meħtieġ li jsir fiż-żona definita sabiex tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-prodott (li jiddeterjora meta jiġi trasportat mhux ippakkjat), minħabba r-riskju miżjud ħafna li l-prodott bil-kwantità jiġi espost għall-arja ambjentali, li tirriżulta fil-kontaminazzjoni b’mikroorganiżmi li jnaqqsu l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu u jnaqqsu b’mod konsiderevoli, iż-żmien li jdum tajjeb il-prodott (massimu ta’ sitt xhur wara l-produzzjoni), li diġà huwa limitat.

Xygalo Siteias jiġi ppakkjat għall-bejgħ f’kontenituri alimentari b’kapaċità massima ta’ 5 kg. Il-kontenituri relattivament kbar ta’ 5 kg huma maħsubin għall-industrija tal-ikel, fejn kwantitajiet akbar jiġu kkunsmati mill-ewwel, u b’hekk il-prodott ma jiddeterjorax.

Il-kapaċità trid tiġi ristretta sabiex il-prodott jiġi kkunsmat mix-xerrej finali fi żmien raġonevoli wara li jkun infetaħ l-ippakkjar u ma jintilef xejn mill-kwalitajiet organolettiċi partikolari tiegħu. Billi huwa ġobon artab li jinfirex, Xygalo Siteias m’għandux il-kisja protettiva tiegħu bl-istess mod bħalma għandu l-ġobon iebes.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

L-ittikkettar tal-prodott fuq l-ippakkjar għandu juri b’tipa li tidher u li tinqara b’mod ċar:

l-isem tal-prodott “ΞΥΓΑΛΟ ΣΗΤΕΙΑΣ” jew “ΞΙΓΑΛΟ ΣΗΤΕΙΑΣ” (u/jew bl-ittri Latini “XYGALO SITEIAS” jew “XIGALO SITEIAS”) segwit bil-kliem “Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini”, jew l-ekwivalenti b’lingwa(i) oħra(jn) bl-użu ta’ skrittura Latina jew oħra;

l-isem u l-indirizz tal-intrapriżi kemm tal-produzzjoni kif ukoll tal-ippakkjar.

Meta fil-proċess tal-produzzjoni jintuża ħalib mhux ipproċessat (mhux pasturizzat), l-ippakkjar għandu juri wkoll l-immarkar speċjali preskritt fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja rilevanti.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Ir-reġjun li fih jiġi prodott Xygalo Siteias jinkludi t-territorji ta’ dak li kien (qabel l-1997) id-distrett ta’ Siteia fil-Prefettura ta’ Lassithi fi Kreta, li issa (mill-2008) jikkorrispondi għall-Muniċipalitajiet ta’ Siteia, Makry Yialos, Itanos, Lefki u d-distretti muniċipali kollha tagħhom. Din hija essenzjalment peniżola li tinkludi t-tarf tal-Lvant kollu ta’ Kreta, li n-natura iżolatu mill-bqija tal-gżira bil-muntanji ta’ Thrypti u Orno lejn il-Punent, u huwa mdawwar bi tliet żoni ta’ baħar lejn it-Tramuntana, in-Nofsinhar u l-Lvant.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Riżalt ġeoloġiku – Klima

Id-distrett ta’ Siteia jkopri erja ta’ 786 km2. Huwa jinkludi prinċipalment terren muntanjuż medju (altitudni ta’ 300-1 000 m b’artijiet watja żgħar), b’inqas minn 20 % art baxxa (altitudni ta’ inqas minn 300 m) u ftit żoni għoljin (altitudni bejn 1 000-1 500 m); ir-riżalt m’għandux il-projezzjonijiet f’daqqa li jidhru fil-Punent u ċ-ċentru ta’ Kreta u dan jagħmilha possibbli li n-nagħaġ u l-mogħoż jitrabbew fil-biċċa l-kbira tal-postijiet (l-aktar fiż-żoni muntanjużi ta’ altitudni medja u sa ċertu punt inqas fl-artijiet il-baxxi).

Ir-reġjun ta’ Siteia għandu nżul inqas ta’ xita, irjieħ iżjed qawwija u temperaturi ogħla minn postijiet oħra fi Kreta fl-istess altitudni.

Ix-xita medja annwali mkien ma taqbeż 1 100 mm; fiż-żoni muntanjużi medji u ċentrali, din tvarja minn 500 mm sa 800 mm, fil-Grigal u n-Nofsinhar minn 300 sa 500 mm, u fix-Xlokk hija inqas minn 300 mm.

It-temperatura medja annwali fuq il-kosta tat-Tramuntana hija 18,67 °C u hija mill-inqas 1 °C ogħla fin-Nofsinhar, b’firxa ta’ temperatura annwali ta’ 17 °C. Fiż-żoni muntanjużi medji fejn jitrabbew il-bhejjem, f’altitudni ta’ xi 600 m, it-temperatura medja annwali mistennija hija ta’ madwar 16,50 °C, b’firxa ta’ temperatura ta’ madwar 20 °C. It-temperaturi medji fl-istess altitudni fil-Punent ta’ Kreta huma 1 °C sa 1,5 °C iżjed baxxi.

L-irjieħ prinċipali huma mill-Majjistral u huma iżjed qawwija f’Lulju u f’Awwissu, u għalhekk jimpedixxu temperaturi għoljin fil-ħinijiet ta’ nofsinhar. L-irjieħ min-Nofsinhar jonfħu b’mod okkażjonali fix-xhur tax-xitwa u r-rebbiegħa, li jagħmel il-klima iżjed moderata u sħuna.

L-ammont ta’ sigħat ta’ dawl tax-xemx huwa għoli ħafna, li jvarja minn 2 700 siegħa kull sena fit-Tramuntana għal iżjed minn 3 000 siegħa fin-Nofsinhar (l-ogħla fil-Greċja).

Flora – Mergħat

Dan ir-riżalt partikolari u l-klima jipproduċu wkoll flora speċjali. Is-siġar taż-żebbuġ (Olea europaea) huma kkultivati b’mod estensiv sa altitudni ta’ madwar 600 m u d-dwieli (Vitis vinifera) huma kkultivati sa xi 1 000 m. Sal-lum ġew irrapportati iżjed minn 700 speċi ta’ pjanta fiż-żona ta’ Siteia, meta mqabbel ma’ madwar 1 800 speċi għal Kreta sħiħa, li hija aktar minn 10 darbiet akbar bħala erja.

Il-friegħi mejtin li jaqgħu mis-siġar huma t-tip ewlieni ta’ veġetazzjoni fiż-żoni li mhumiex ikkultivati, b’partijiet kbar miksija bi pjanti folti, bħat-thorny burnet (Sarcopoterium spinosum), il-ġummar (Genista acanthoclada), is-sagħtar (Thymus capitatus), is-salvja (Salvia fruticosa & Salvia pomifera) u l-ebbanu ta’ Kreta (l-Ebenus cretica indiġena).

Iż-żoni bl-akbar konċentrazzjoni ta’ pjanti indiġeni huma preċiżament dawk bl-akbar numru ta’ nagħaġ u mogħoż effettivament ħielsa, li jieklu l-pjanti indiġeni u aromatiċi rikki u varjati, u l-veġetazzjoni folta u erbaċeja.

Il-veġetazzjoni folta għolja (maquis) tippredomina fuq inklinazzjonijiet bil-blat, aċċessibbli prinċipalment għall-mogħoż u sa ċertu punt inqas għan-nagħaġ, u tinkludi l-pistaċċa orjentali (Pistacia lentiscus), il-Balluta Xewkija (“prinos” – Quercus coccifera), iż-żebbuġ selvaġġ (“argoulida” – Olea europaea sylvestris), il-ħarrub selvaġġ (Ceratonia siliqua) u l-ispiny broom (Calycotome villosa).

Ir-razez tan-nagħaġ u tal-mogħoż – metodu ta’ trobbija – il-ħalib prodott

Hemm razza lokali distinta, in-“nagħġa ta’ Siteia”, li hija subfilu tar-razza tan-nagħġa ż-żgħira tal-muntanji tal-Gżejjer Eġej. Hija adatta għal żoni b’ammont limitat ta’ veġetazzjoni u xita, bħal Siteia, u ma titrabbiex biss għall-ħalib, iżda wkoll għal-laħam u s-suf.

In-nagħaġ ta’ Siteia jinkludu l-biċċa l-kbira tan-nagħaġ imrobbija fiż-żona ta’ Siteia (28 000-30 000 annimal fis-snin 1995-2000). Matul l-aħħar 30 sena, trabbew ukoll numru iżgħar tar-razez ta’ Psiloriti u Sfakia; huma adatti wkoll għall-kundizzjonijiet tal-muntanji ta’ altitudni medja. Dawn ir-razez jitlaqqgħu wkoll man-nagħaġ ta’ Siteia sabiex jiżdied l-ammont ta’ ħalib prodott minn dawn tal-aħħar. In-nagħaġ ta’ Siteia huma adatti perfettament għall-ambjent li fih jitrabbew; dan jidher mir-reżistenza tagħhom għat-tifqigħ ta’ piroplasmosi (li taffettwa kważi annimal wieħed minn kull elf fis-sena, li minnhom 25 % biss tal-każijiet ikunu fatali). Skont studji riċenti, in-nagħaġ ta’ Siteia jipproduċu kwantità relattivament iżgħar ta’ ħalib għal kull annimal, jiġifieri 106-115 kg fis-sena għal kull nagħġa f’irziezet semi-intensivi u 72-80 kg f’irziezet estensivi f’Siteia, filwaqt li l-produzzjoni medja għal Kreta sħiħa hija 110-150 kg u 78-98 kg fis-sena għal kull nagħġa, rispettivament.

Il-mogħoż fir-reġjun ta’ Siteia (18 000-20 000 annimal) huma razez indiġeni tal-Greċja li huma adatti perfettament għal żoni mhux aċċessibbli b’veġetazzjoni limitata tixbah l-arbuxxelli.

In-nagħaġ u l-mogħoż fiż-żona ta’ Siteia huma mrobbija bil-mod tradizzjonali fuq irziezet estensivi jew, l-aktar l-aktar, semi-intensivi, inqas fuq l-artijiet baxxi u aktar fiż-żoni muntanjużi ta’ altitudni medja (altitudni ta’ 300 m-1 000 m), fuq il-bażi ta’ ċiklu ripetut ta’ trobbija annwali (ara wkoll il-paragrafu 3.4.) u fuq mergħat bi kwantità kbira ta’ pjanti indiġeni u aromatiċi li jagħtu lill-ħalib karatteristiċi partikolarment b’togħma tajba. Ir-riproduzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż isseħħ b’tgħammir naturali fi ħdan il-merħliet, li jfisser li l-karatteristiċi tar-razez lokali jiġi miżmuma.

Biedja estensiva tfisser biedja fejn in-nagħaġ u l-mogħoż jirgħu f’mergħat “estiżi” miftuħa, u jieklu l-veġetazzjoni taż-żona (miżrugħa waħedha jew miżrugħa wara intervent uman). Għadd ta’ merħliet jibdlu l-mergħat mal-istaġuni u jinżlu f’altitudnijiet aktar baxxi matul ix-xhur tax-xitwa (Novembru sa April). Sabiex jiġu protetti u mmonitorjati l-annimali, jintużaw għeluq tradizzjonali li ġeneralment ikunu mifruda b’ħitan tal-ġebel u bla saqaf. Il-biedja semi-intensiva hija fejn ikun hemm żoni msaqqfa fejn in-nagħaġ u l-mogħoż jistgħu jinżammu, jintgħalfu u jinħelbu, kull meta jkun meħtieġ matul ix-xhur tax-xitwa; għall-aħjar parti tas-sena, madankollu, huma jirgħu f’mergħat miftuħa minħabba l-klima moderata taż-żona ta’ Siteia. Matul l-aħħar 20 sena, bosta bdiewa bnew installazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni u ħlib, u b’hekk imxew lejn biedja semi-intensiva, li tgħaqqad flimkien l-elementi pożittivi tal-metodi ta’ biedja estensiva u intensiva.

It-tradizzjoni tar-reġjun ta’ Siteia fit-trobbija tal-bhejjem u l-produzzjoni tal-ġobon

Minn perspettiva storika, sa miż-żminijiet Minoani, ir-reġjun ta’ Siteia minn dejjem kien u għadu assoċjat mat-tradizzjoni żviluppata tal-abitanti tiegħu fit-trobbija tal-annimali u l-produzzjoni tal-ġobon. L-evidenza u t-testimonjanza segwenti huma ċċitati bħala indikazzjoni:

reċipjenti taċ-ċeramika għall-preparazzjoni tal-ġobon, imtaqqbin lejn il-qiegħ, skavati minn dar Minoana f’Palaiokastro (kapitali tal-Muniċipalità ta’ Itanos tal-lum) f’Siteia;

muniti minn Praissos, l-iżjed belt b’saħħitha fir-reġjun fiż-żminijiet klassiċi u Ellenisti, li jiffiguraw mogħża, li hija indikazzjoni tal-valur tagħha għall-ekonomija tar-reġjun;

ftehimiet bil-miktub, mill-inqas għas-snin mill-1347 sa u jinkludu l-1450, relatati mat-tagħbija frekwenti fil-port ta’ Siteia, ta’ ġobon destinat għal Venezja, l-Eġittu (Lixandra), Ċipru u postijiet oħra;

referenza għal Siteia bħala waħda mis-seba’ reġjuni fi Kreta fejn it-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż imxew ’il quddiem fis-sekli 13 sa 14;

referenza għall-“ġobon tajjeb” bħala li kien il-prodott prinċipali tar-reġjun ta’ Siteia fis-seklu 19;

il-pożizzjoni kostanti tad-distrett ta’ Siteia bħala wieħed mit-tmien distretti ta’ Kreta għat-trobbija tal-bhejjem fis-sekli 19 u 20 u l-produzzjoni, f’termini assoluti, tal-akbar kwantità ta’ ġobon u suf minn fost id-distretti kollha ta’ Kreta kemm fl-1847 kif ukoll fl-1929;

referenza għall-produzzjoni ta’ ġobon iebes u artab, butir u suf f’dejta statistika dwar il-Prefettura ta’ Lassithi (li l-akbar distrett tagħha huwa Siteia) għas-snin mill-1937 sal-1938;

il-produzzjoni ta’ Xygalo f’Siteia, l-aktar fix-xhur sħan sajfin mill-kwantità żgħira ta’ ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż b’kontenut baxx ta’ xaħam, kemm min-nisa tad-dar fi djarhom kif ukoll mill-bdiewa f’għerejjex tal-ġebel imsejħa mitata. Huma kienu jużaw reċipjenti speċjali taċ-ċeramika, vażetti żgħar tal-fuħħar (imsejħa kouroupia), li kellhom toqba fil-parti ta’ isfel sabiex ix-xorrox ikun jista’ jitneħħa mingħajr ma tinkiser il-baqta li tgħum f’wiċċ il-likwidu:

ir-referenza bil-miktub għal Xygalo bħala prodott ta’ Siteia sa mill-1957 u li kien jiġi prodott f’mill-anqas wieħed mill-insedjamenti ta’ biedja fil-muntanji ta’ altitudni medja (Mysirgio f’dak li kien il-komun ta’ Mitato, mitato tfisser fabbrika tal-ġobon bid-djalett ta’ Kreta);

it-twaqqif fl-1970s tal-ewwel unità moderna għall-ipproċessar tal-ħalib fiż-żona ta’ Siteia;

il-fatt li issa hemm żewġ unitajiet joperaw fiż-żona ta’ Siteia li għandhom numru tal-kodiċi bħala Installazzjonijiet Approvati għall-Produzzjoni tal-Ħalib u Prodotti tal-Ħalib u jipproduċu prodotti tradizzjonali tal-ħalib u ġobon fuq il-bażi ta’ tradizzjoni antika u l-metodi speċjali ta’ pproċessar tal-ħalib applikati mill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u l-produtturi tal-ġobon tar-reġjun.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Xygalo Siteias huwa prodott speċjali ppreparat fuq il-bażi tat-tradizzjoni antika tat-trobbija tal-bhejjem u l-produzzjoni tal-ġobon fir-reġjun ġeografiku ta’ Siteia, bl-użu ta’ teknoloġija speċjali ta’ manifattura u ħalib b’karatteristiċi speċjali attribwibbli għar-razez lokali ta’ mogħoż u nagħaġ, il-metodu tradizzjonali ta’ trobbija, u l-klima u l-flora.

Xygalo Siteias huwa deskritt minn esperti Griegi magħrufa tat-tidwiq bħala “ġobna tajba żgħira b’konsistenza qisha għaġina prodotta esklussivament f’Siteia; hija għandha togħma rikka u daqsxejn qarsa u hija friska”. Hija sabet postha fuq l-ixkafef tas-supermarkets u fil-menus tar-ristoranti fil-Lvant ta’ Kreta sa mill-bidu tal-1990s, filwaqt li tal-anqas mill-1999 ġiet deskritta speċifikament bħala platt speċjali f’ristoranti (tradizzjonali, iżda anki raffinati), f’Ateni u Tessaloniki.

Fuq l-internet, CONCRED (Conserving Cretan Diet – inizjattiva appoġġjata mill-Awtoritajiet Reġjonali ta’ Kreta), li tiċċertifika r-ristoranti li joffru platti li jaqblu mad-dieta ta’ Kreta, tirrakkomanda Xygalo bħala hors d’oeuvre eċċellenti magħruf bl-isem ta’ “Xygalo Steiako”.

Differenza minn tipi oħra ta’ ġobon li jinfirxu

Id-densità ta’ Xygalo (75 % indewwa) hija l-istess bħal dik tal-ġobon Galotyri minn Epirus u l-Greċja tal-Punent u l-ġobon Katiki minn Domokos, iżda huwa inqas mielaħ. Il-ġobon Kopanisti mis-Cyclades u l-ġobon Anevato huma iżjed densi (kontenut massimu ta’ ndewwa ta’ 56 % u 60 % rispettivament) iżda għandhom ukoll iżjed melħ minn Xygalo. Id-densità tal-ġobon Pihtogalo minn Hania hija bejn dawn ta’ hawn fuq (kontenut massimu ta’ ndewwa ta’ 65 %).

Il-melħ f’Xygalo jiġi miżjud u jinħall fil-ħalib qabel l-aċidifikazzjoni tiegħu, li jwassal biex il-prodott drejnjat finali jkollu togħma eħfef, inqas mielħa. Fil-każ tal-prodotti l-oħra drejnjati (Kopanisti, Anevato, Pihtogalo, Katiki), il-melħ jiżdied mal-baqta drejnjata tal-ġobon wara li x-xorrox ikun ġie mgħoddi minn passatur. Fil-każ biss ta’ Galotyri, il-melħ jiġi miżjud mal-ħalib, iżda 24 siegħa wara li jkun beda jsir aċiduż.

Il-karatteristika li tiddistingwi bil-kbir lil Xygalo minn prodotti oħra simili hija l-kontenut aktar baxx tiegħu ta’ xaħam, li (f’materja xotta) jrid ikunu minimu ta’ 33 % u massimu ta’ 46 % skont il-piż.

B’kuntrast, fil-każ ta’ Pihtogalo ta’ Hania, il-kontenut minimu ta’ xaħam huwa ferm ogħla (50 % skont il-piż) u huwa 40 %, 43 % jew anki 45 % fil-każ tat-tipi ta’ ġobon l-oħra. Il-kontenut baxx ta’ xaħam jinkiseb billi jintuża proporzjon għoli ta’ ħalib tal-mogħża u/jew jitneħħa/jiġi xkumat ix-xaħam mill-ħalib jew minn Xygalo proprja waqt il-produzzjoni tiegħu. M’hemm l-ebda stadju ekwivalenti ta’ tneħħija tal-iskuma fil-metodi wżati sabiex jiġu prodotti t-tipi l-oħra simili ta’ ġobon, li minflok jgħaddu minn stadji ta’ omoġenizzazzjoni.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Fil-qosor, hemm erba’ punti prinċipali li huma kruċjali għall-kwalità u l-karatteristiċi ta’ Xygalo Siteias li jorbtu l-prodott maż-żona ġeografika (l-ambjent u n-nies) u, fl-istess ħin, jiddistingwuh minn prodotti oħra simili:

l-użu ta’ ħalib ta’ kwalità għolja prodott esklussivament minn razez lokali (in-nagħaġ ta’ Siteia u, f’miżura inqas, in-nagħaġ ta’ Psiloriti u Sfakia jew it-tlaqqigħ ta’ bejniethom, u mogħoż indiġeni għall-Greċja) mrobbija bl-użu ta’ metodi tradizzjonali ta’ trobbija tal-bhejjem (estensivi jew, l-aktar l-aktar, semi-intensivi) fiż-żona definita u adatti għall-klima partikolari tagħha (ammont baxx ta’ xita, ammont kbir ta’ sigħat ta’ dawl tax-xemx, temperatura medja relattivament għolja, iżda mingħajr varjazzjonijiet sinifikanti fil-ġurnata, irjieħ qawwija, eċċ.);

l-eżistenza ta’ popolazzjoni ta’ pjanti indiġeni u aromatiċi fuq mergħat naturali fiż-żona indikata li l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem jużaw biex jagħlfu n-nagħaġ u l-mogħoż, billi jagħmlu l-aħjar użu fuq il-bażi tal-esperjenza tagħhom tal-ġeoloġija tat-terren fl-istaġuni kollha tas-sena, il-karatteristiċi speċjali tal-klima, u l-flora partikolari tar-reġjun, li tikkontribwixxi għall-produzzjoni tal-ħalib u tagħti kwalità speċjali u karatteristiċi organolettiċi pjaċevoli lil Xygalo Siteias;

l-użu ta’ teknoloġija speċjali sabiex jiġi prodott Xygalo Siteias, li l-karatteristiċi prinċipali tagħha huma dawn:

il-kontroll tal-kontenut ta’ xaħam bl-ixkumar jew tal-ħalib fil-bidu jew tal-prodott wara l-ewwel stadju tal-aċidifikazzjoni, sabiex il-prodott jinżamm kemm jista’ jkun “ħafif”;

iż-żieda tal-melħ mal-ħalib kollu qabel l-aċidifikazzjoni, li tirriżulta fit-togħma minimament mielħa tiegħu;

il-baqta ma tiġi mħawda fl-ebda punt matul il-proċess tal-aċidifikazzjoni/maturazzjoni, li sseħħ fl-ambjent naturali, sabiex tiżviluppa l-mikroflora meħtieġa għall-fermentazzjoni naturali.

is-separazzjoni tax-Xygalo Siteias mix-xorrox issir b’suċċess (f’termini ta’ ħin u kwalità) wara l-maturazzjoni, sabiex il-baqta tinqasam l-inqas possibbli;

is-sopravivenza tal-isem antik tal-prodott bażiku tal-aċidifikazzjoni naturali tal-ħalib “Οξύγαλα” (Oxygala jew ħalib aċiduż), mibdul daqsxejn fid-djalett lokali ta’ Siteia għal “Ξύγαλο” (Xygalo), li l-metodu ta’ produzzjoni tiegħu jixbah ħafna lil dak li kien jintuża fiż-żminijiet Ellenisti u Rumani. Prodotti simili issa għandhom ismijiet li huma pjuttost differenti, filwaqt li prodotti oħra tal-ħalib għandhom storja ferm iqsar fiż-żona ġeografika ta’ Kreta, u l-Greċja b’mod ġenerali.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.minagric.gr/greek/data/Προδιαγραφές%20προϊόντος%20ΞΥΓΑΛΟ%20ΣΗΤΕΙΑΣ.doc


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top