This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008AE1671
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council laying down health rules as regards animal by-products not intended for human consumption (Animal by-products Regulation) COM(2008) 345 final — 2008/0110 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) COM(2008) 345 finali – 2008/0110 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) COM(2008) 345 finali – 2008/0110 (COD)
ĠU C 100, 30.4.2009, p. 133–135
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 100/133 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali)
COM(2008) 345 finali – 2008/0110 (COD)
2009/C 100/22
Nhar is-7 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 152(4)(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur NIELSEN.
Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, t-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 82 vot favur, vot kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjoni
1.1 Fil-każ tal-użu ta’ prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali, huwa importanti li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà fir-rigward tas-saħħa pubblika u tal-annimali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni, li tibni fuq ħidma serja u l-esperjenzi miksuba. Kif tipproponi l-Kummissjoni, bidla fil-kategoriji ma tistax isseħħ qabel ma ssir evalwazzjoni tajba tar-riskji mill-awtoritajiet xjentifiċi kompetenti. Huwa mixtieq li l-partijiet l-oħra tal-leġiżlazzjoni jiġu ċċarati, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskart u l-ambjent.
1.2 Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jkun hemm għadd ta’ preċiżjonijiet fid-definizzjonijiet tar-Regolament kif ukoll fir-rigward tal-permessi u l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali fl-impjanti għall-produzzjoni tal-biogass. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ aktar preċiżjonijiet f’oqsma oħra u għandha ssir analiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’ċerti kondizzjonijiet, l-użu tal-proteini derivati mill-prodotti sekondarji tal-majjal u tat-tjur fl-ikel tal-ħut huwiex ġustifikat, sakemm dan ma joħloq l-ebda riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali.
2. Sfond
2.1 Permezz tar-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali (1), il-Kummissjoni tixtieq tasal għal klassifikazzjoni bbażata aktar fuq ir-riskji u l-kontrolli, u tixtieq tiċċara l-interazzjonijiet bejn ir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u r-Regolament dwar il-prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem, l-għalf, l-iskart, il-prodotti kożmetiċi, il-prodotti farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku. L-għan tal-Kummissjoni f’din il-proposta huwa li tnaqqas il-piż amministrattiv għal ċerti intrapriżi u li tagħti aktar responsabbiltà lill-mexxejja b’mod partikolari fil-qasam tal-użu tal-prodotti sekondarji li ma jagħmlux parti mill-katina tal-ikel u tal-għalf.
2.2 Il-klassifikazzjoni tal-prodotti tinqasam fi tliet kategoriji. Il-materjal li joħloq riskju tat-tixrid tal-enċefalopatiji sponġiformi transmissibbli (TSE) m’għandu qatt jingħalef lill-annimali filwaqt li dak il-materjal li ma joħloq l-ebda riskju, jew riskju baxx, jista’ jintuża skont liema tip ikun wara li jiġi evalwat ir-riskju mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, jew mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew mill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsumatur. Ċerti prodotti tal-kategorija 2 reġgħu ġew ikklassifikati fil-kategorija 3, b’konformità mal-proposta, u għalhekk, jistgħu jintużaw għal ċerti tipi ta’ għalf. Fir-realtà, sakemm il-materja prima, il-proċess tal-produzzjoni u l-iskop tal-użu tiegħu ma joħolqu l-ebda periklu, jistgħu jintużaw il-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji kollha. Barra minn hekk, id-dfin u l-ħruq huma awtorizzati f’każ ta’ epidemija u f’sitwazzjonijiet fejn il-ġbir tal-iġsma tal-annimali ma jkunx jista’ jseħħ fil-prattika.
2.3 Il-ħruq tal-prodotti sekondarji tal-annimali huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/76/KE (2). Madankollu, ġie propost li l-prodotti sekondarji tal-annimali jistgħu jintużaw bħala karburant sakemm dan isir b’mod li jiżgura l-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annmiali, kif ukoll l-istandards ambjentali. Barra minn hekk, hemm bżonn li b’mod koerenti tiġi rrispettata l-projbizzjoni tal-esportazzjoni tal-iskart (3), b’mod partikolari għall-użu f’impjanti ta’ biogass u kompost, lejn il-pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).
3. Kummenti ġenerali
3.1 Ir-regoli dwar l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali huma ġenerali u kumplessi, iżda huma mfassla bil-għan li l-leġislazzjoni u l-amministrazzjoni jaħdmu bl-aħjar mod u li l-UE żżomm livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali f’dan il-qasam. It-tixrid tat-TSE u tal-mard li jittieħed jista’ jkollu konsegwenzi gravi fil-livell ekonomiku u soċjali. Fil-prinċipju, il-KESE jista’ jħaddan l-approċċ ibbażat fuq l-analiżi tar-riskji, billi kull bidla fil-kategoriji tiġi evalwata b’mod konkret mill-awtoritajiet xjentifiċi kompetenti. Bl-istess mod, jirrakkomanda l-użu tas-sistema HACCP (4), sakemm it-twaqqif u l-implimentazzjoni tagħha jsiru b’mod uniformi fl-Istati Membri.
3.2 Minħabba l-bżonn ta’ proteini fl-ikel tal-ħut, li kulma jmur qiegħed dejjem jikber, fi kwalunkwe reviżjoni li ssir tar-Regolament dwar it-TSE (5) għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-possibbiltà li, f’ċerti kondizzjonijiet, jintużaw proteini derivati mill-prodotti sekondarji tal-majjal u tat-tjur, sakemm dan ma joħloq l-ebda riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Il-proposta tistipula li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati minnhom għandhom jinħarqu jew jintużaw bħala karburant għall-kombustjoni. Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni ma tqisx li l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali bħala karburant għall-kombustjoni jista’ jkun mezz kif jintrema l-iskart, iżda jidhrilha li dan għandu jsir b’mod li jirrispetta ċerti kondizzjonijiet għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali kif ukoll l-eżiġenzi ambjentali rilevanti. F’dan ir-rigward hemm lok li ssir distinzjoni aktar ċara bejn ir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-leġislazzjoni dwar l-iskart u l-ambjent. Hekk ukoll, ikun jaqbel li jiġu speċifikati u definiti aħjar il-kunċetti stabbiliti f’Artikolu 3 tar-Regolament u tad-Direttiva dwar l-iskart sabiex ma jkun hemm l-ebda problema ta’ interpretazzjoni.
4.2 L-impjanti tal-biogass li fihom jiġu pproċessati l-prodotti sekondarji mill-annimali u l-prodotti derivati minnhom huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet marbuta mar-reġistrazzjoni u t-traċċabbiltà, b’konformità mal-istandards tal-parametri, iżda skont l-Artikolu 7(1)(c) huma eżentati mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 6(1)(b). Madanakollu, waqt it-tħejjija tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, dawn għandhom ikunu soġġetti, f’każ ta’ bżonn, għad-dispożizzjonijiet dwar l-awtoregolamentazzjoni, għas-separazzjoni bejn żoni “f’saħħithom” u żoni “perikolużi” u għar-rekwiżit ta’ dokumentazzjoni dwar il-ġbir, it-trattament u l-ipproċessar tal-materja prima.
4.3 Għall-materjali tal-kategorija 3, apparti l-possibiltà eżistenti ta’ diżinfezzjoni għal siegħa f’temperatura ta’ 70 grad, għandu jkun possibbli li jiġu permessi temperaturi oħrajn u tulijiet ta’ ħin oħrajn. Jeħtieġ ukoll li jkun possibbli li l-proċess kollu jiġi dokumentat b’mod iktar flessibbli, mhux kif inhu l-każ bħalissa.
4.4 Il-KESE jaqbel kompletament mal-possibbiltà li jintuża ammont ta’ gliċerina li joħroġ mill-produzzjoni tal-biodiżil għall-produzzjoni tal-biogass, tkun xi tkun il-kategorija. Xjentifikament ġie muri li la l-produzzjoni tal-biodiżil u lanqas il-prodotti sekondarji ta’ din il-produzzjoni, tkun xi tkun il-kategorija, ma joħolqu xi riskju, sakemm il-produzzjoni issir b’mod li jirrispetta r-regoli fis-seħħ (6).
4.5 Skont l-Artikolu 7(1)(a), m’hemmx bżonn ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti attivitajiet meta l-istabbilimenti u l-intrapriżi jkunu diġà rċevew awtorizzazzjoni skont dispożizzjonijiet oħra. Pereżempju, minħabba kontrolli veterinarji, l-intrapriżi li jesportaw ikun jaqblilhom li jiksbu awtorizzazzjoni skont ir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji.
4.6 Mill-lat tal-preservazzjoni tar-riżorsi, il-prodotti sekondarji mill-annimali li għalihom tkun inkisbet approvazzjoni qabel il-qtil għandhom jitqiegħdu fil-kategorija 3 (pereżempju l-prodotti li jkunu waqgħu mal-art, li jippreżentaw mutazzjonijiet kroniċi jew simili), sakemm dawn il-prodotti ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ materjal tal-kategorija 2.
4.7 Għandha tinstab soluzzjoni sabiex il-prodotti li ġejjin mid-demm ikunu esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 25 (1)(c) bil-għan li jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom bħala fertilizzant.
4.8 Skont l-Artikolu 28(1)(d), kwantitajiet żgħar tal-prodotti sekondarji tal-annimali jistgħu jiġu eżentati mir-regoli dwar ir-rimi. Skont l-opinjoni tal-KESE, din il-possibbiltà għandha titħaddem bl-ikbar attenzjoni minħabba l-fatt li jkun hemm nuqqas ta’ traċċabiltà.
4.9 L-Artikolu 12 jiddefinixxi l-ħmieġ tal-annimali domestiċi bħala materjal tal-kategorija 2; għalhekk, għandu jintrema u jintuża skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20. Għandu jiġi speċifikat li l-ħmieġ tal-annimali domestiċi pproċessat għal finijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija oħra barra minn dik fl-impjanti tal-produzzjoni tal-biogass, m’għandux jiġi kkunsidrat bħala skart u għalhekk għandu jinħaraq ġewwa stallazzjonijiet tal-inċinerazzjoni approvati jew reġistrati.
Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Regolament Nru 1774/2002 tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman.
(2) Id-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart.
(3) Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart.
(4) Analiżi tal-periklu u tal-punti kritiċi tal-kontroll.
(5) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered.
(6) Opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel tat-22 ta’ April 2004 u r-Regolament (KE) Nru 92/2005 tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2005 mmodifikat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2067/2005 tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2005.