EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0499

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti — It-tagħlim dejjem żmienu COM(2007) 558 finali

OJ C 204, 9.8.2008, p. 89–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti — It-tagħlim dejjem żmienu

COM(2007) 558 finali

(2008/C 204/19)

Nhar is-27 ta' Settembru 2007, il-Kumissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti — It-tagħlim dejjem żmienu

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Heinisch. Il-ko-rapporteurs kienu s-Sinjura Le Nouail Marlière u s-Sur Rodríguez García-Caro.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-13 ta' Marzu 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'117 voti favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar It-Tagħlim lill-Adulti: It-tagħlim dejjem żmienu, li jkopri l-perijodu bejn l-2007 u l-2010, il-Kummissjoni titratta tema ġdida fil-programm ta' ħidma tagħha għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Kumitat jappoġġja l-pjan, sakemm jitqiesu l-kummenti mressqa f'din l-opinjoni.

1.2

Il-Kumitat jinsab kuntent li 13-il sena wara l-introduzzjoni tal-programmi Ewropej għall-promozzjoni tat-tagħlim għall-adulti, issa għall-ewwel darba qed jingħataw bażi politika separata għall-ħidma tagħhom. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tagħlim għall-adulti (1) kellha żewġ objettivi prinċipali: li tipprepara bażi għall-programm “Grundtvig” (2) u li tħejji programm ta' azzjoni politika korrispondenti dwar it-tagħlim għall-adulti.

1.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li dan l-ewwel pjan, fost il-prijoritajiet tiegħu, ma jinkludix l-espansjoni tat-tagħlim non-vokazzjonali għall-adulti, jiġifieri l-iżvilupp ta' l-opportunitajiet ta' tagħlim non-formali u informali li l-individwi kollha, impjegati u ċittadini oħra, jeħtieġu għall-iżvilupp personali u l-iżvilupp taċ-ċittadinanza demokratika tagħhom fis-soċjetà. Huwa jinnota li l-pjan ta' azzjoni jagħti attenzjoni kbira lill-objettiv familjari tat-titjib tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali, objettiv li l-Kumitat jilqa' wkoll.

1.4

Il-Kumitat jemmen li jeħtieġ li jinħoloq ambjent attraenti li jiffavorixxi l-interessi speċifiċi fit-tagħlim ta' dawk li huma qiegħda sabiex b'hekk tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fit-tagħlim tul il-ħajja.

1.5

Fid-dawl tal-bidla demografika, il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ta' bidla radikali fil-ġestjoni tat-tagħlim għall-adulti u l-firxa ta' temi li jkopri dan it-tagħlim.

1.6

Il-Kumitat jixtieq li fl-oqmsa kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ issir riflessjoni dwar il-fatt li ħafna drabi, fit-tqassim tax-xogħol tagħhom u fid-diversi oqsma tal-politika ta' l-edukazzjoni, l-enfasi tkun dejjem, u bosta drabi bir-riskju li jsir xogħol doppju, fuq iż-żgħażagħ. Huwa jissuġġerixxi t-twaqqif ta' strutturi speċifiċi tat-tagħlim għall-adulti fl-Istati Membri u fuq livell Ewropew ukoll.

1.7

Il-KESE jemmen li l-iżgħar inizjattivi u organiżmi fil-qasam għall-adulti m'għandhomx ikomplu jiġu marġinalizzati u mwarrba u jħeġġeġ minflok li jiġu msaħħa.

1.8

Il-Kumitat iħoss li l-għan prinċipali tat-taħriġ għall-adulti m'għandux ikun li jservi ta' “kumpens” għall-fallimenti ta' sistema edukattiva formali ineffiċjenti. Huwa jinsab ikkonċernat dwar iż-żieda fin-numru ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, li issa qabeż il-15 %. Għalhekk jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jużaw id-diversi eżempji ta' l-aħjar prattika fl-Ewropa u fil-pajjiżi ta' l-OECD biex permezz tagħhom iwettqu riforma soċjalment orjentata fil-qasam ta' l-edukazzjoni.

1.9

Il-Kumitat jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tfassal pjan li jitratta l-kwistjoni ta' l-integrazzjoni tal-ġeneru u li jakkompanja lil dan il-pjan ta' azzjoni.

1.10

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni ma jirrefferix b'mod ċar għall-investiment meħtieġ.

1.11

Il-Kumitat jixtieq li tingħata aktar attenzjoni lid-dimensjoni territorjali tat-tagħlim għall-adulti u s-sehem pożittiv li dan it-tagħlim jista' jagħti fil-qasam tal-koeżjoni soċjali b'mod speċjali fir-reġjuni batuti.

1.12

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni ma jikkunsidrax il-metodi speċifiċi ta' l-istruzzjoni u t-tagħlim ta' l-adulti, li huma pprattikati fiċ-ċentri residenzjali ta' tagħlim għall-adulti (Heimvolkshochschulen) fil-livell sovrareġjonali u Ewropew.

1.13

Il-Kumitat jirrakkomanda li jittieħdu passi għall-promozzjoni ta' ċentri lokali ta' edukazzjoni, moderni u multifunzjonali għall-adulti, li jintegraw it-teknoloġiji l-ġodda u l-e-learning.

1.14

Il-Kumitat jemmen li għandu jkun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-għalliema u l-istaff amministrattiv tas-settur tat-tagħlim għall-adulti u ambjent ta' tagħlim deċenti u aċċessibbli għall-adulti kollha.

1.15

Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir studju tal-prattikabbiltà bil-għan li bħala parti mill-pjan ta' azzjoni, tiġi stabbilità infrastruttura Ewropea għar-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-settur tat-tagħlim għall-adulti. F'dan il-kuntest, jenfasizza wkoll li huwa neċessarju li ssir ħidma fuq il-metodi speċifiċ tat-tagħlim għall-adulti u t-tixrid tagħhom.

1.16

Il-Kumitat jixtieq li jittieħdu passi għall-promozzjoni ta' festivals Ewropej tat-tagħlim li jkunu jagħmlu parti mill-moviment internazzjonali tal-festivals tat-tagħlim u jemmen li għandhom isiru kampanji Ewropej ta' informazzjoni u motivazzjoni li jgħinu sabiex it-tagħlim għall-adulti jsir aktar attraenti.

1.17

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li fil-futur tagħti aktar attenzjoni lid-dimensjoni internazzjonali tat-tagħlim għall-adulti u li tinvolvi lill-Kumitat fl-iżviluppi li jsiru f'dan il-qasam. Huwa jgħarrafha li jixtieq ikun involut fil-preparazzjonijiet Ewropej għall-Konferenza Internazzjonali dwar it-Tagħlim għall-Adulti (CONFINTEA VI) tan-Nazzjonijiet Uniti li ser issir il-Brażil fl-2009.

1.18

Il-Kumitat jilqa' l-pass li ħadet il-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi ġabra ta' data Ewropea u sabiex tassigura aktar konverġenza fir-rigward tal-lingwa użata, iżda jiddispjaċih li l-indikaturi prijoritarji tal-pjan ma jiffukawx b'mod speċifiku fuq it-tagħlim għall-adulti.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-tagħlim għall-adulti huwa tradizzjoni antika f'diversi pajjiżi Ewropej. Huwa minn dejjem kellu rabtiet speċjali ma' movimenti soċjali bħall-movimenti tad-drittijiet tal-ħaddiema, tan-nisa, movimenti nazzjonali u movimenti li ġġieldu għad-dritt tal-vot. Għal ħafna snin it-tagħlim għall-adulti kellu l-aġenda edukattiva, soċjali u emanċipatorja tiegħu. F'diversi pajjiżi Ewropej twaqqfu ċentri kif ukoll ċentri residenzjali ta' tagħlim għall-adulti, (Heimvolkshochschulen) sabiex jippromovu l-iżvilupp personali u l-parteċipazzjoni ċivika għal kulħadd. Biż-żmien żviluppaw ukoll ċentri li joffru opportunità oħra ta' tagħlim, faċilitajiet ta' tagħlim vokazzjonali u kulleġġi mmirati, per eżempju, lejn il-popolazzjoni żvantaġġata.

2.2

Għal ħafna żmien u fuq il-livell Ewropew, l-interess prinċipali kien fit-taħriġ vokazzjonali u kien għalhekk li twaqqfu kumitati u korpi tekniċi u speċjalizzati bħas-CEDEFOP u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ. Sa mis-snin sebgħin bdew jiġu żviluppati u implimentati programmi Ewropej biex iżidu l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ għall-persuni b'diżabilità, għall-migranti, għal dawk iż-żgħażagħ li ma marrux skola jew li ma kellhomx kwalifiki vokazzjonali u għall-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs għan-nisa fis-suq tax-xogħol. Is-CEDEFOP saret forum għall-iskambju u l-evalwazzjoni ta' l-aħjar prattika f'dan il-qasam.

2.3

Kien biss meta l-idea tat-tagħlim tul il-ħajja daħlet fil-kamp politiku li l-Kummissjoni Ewropea fetħet il-bibien tagħha għal dawk l-oqsma li qabel ftit li xejn ingħataw attenzjoni bħat-tagħlim għall-adulti li sa dak iż-żmien kien għadu qasam traskurat tal-poltika ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ. Hawnhekk bdiet fażi ġdida ta' attività politika mifruxa li seħħet permezz ta' l-adozzjoni ta' programmi speċifiċi bil-għan li titejjeb il-kwalità u l-innovazzjoni fl-oqsma tat-tagħlim għall-adulti (mill-1995 'il quddiem), permezz ta' l-għażla tas-sena 1996 bħala s-Sena Ewropea tat-Tagħlim tul il-Ħajja u permezz tal-prinċipji stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar l-istrateġija għat-tagħlim tul il-ħajja. Fit-30 ta' Ottubru 2000, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat memorandum dwar it-tagħlim tul il-ħajja fejn stabbilixxiet strateġija għall-iżvilupp ta' sistema tat-tagħlim tul il-ħajja, u ressqet għad-diskussjoni sitt messaġġi ewlenin dwar l-objettivi prinċipali tas-sistema tat-tagħlim tul il-ħajja. (3)

2.4

Il-Kunsill adotta d-deċiżjonijiet dwar it-tagħlim tul il-ħajja (4), bħala parti mill-Istrateġija ta' Lisbona, u fassal ukoll il-programm ta' ħidma tiegħu għall-Edukazzjoni u Taħriġ 2010  (5), li xorta naqas milli jiddedika attenzjoni speċifika lit-tagħlim għall-adulti. Bil-għan li titwaqqaf politika Ewropea komuni tat-taħriġ vokazzjonali, permezz tal-programm ta' ħidma għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010, beda l-proċess ta' Kopenħagen. L-ewwel riżultat ta' dan il-proċess jagħmel parti mill-Helsinki Communiqué (6) li ġiet ippublikata lejn l-aħħar ta' l-2006.

2.5

Il-politika ta' l-edukazzjoni superjuri kienet parti mill-programm ta' ħidma wkoll, iżda mill-1999, skond il-proċess ta' Bologna, din kellha tiffoka fuq ristrutturazzjoni kbira bil-għan li titwaqqaf Żona Ewropea ta' l-Edukazzjoni Superjuri. Fil-bidu, din warrbet l-azzjonijiet li kienu saru sabiex jinfetħu istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri għall-gruppi żvantaġġati u warrbet ukoll l-idea li jiġu pprovduti edukazzjoni u taħriġ kontinwi fuq livell universitarju.

2.6

Barra mill-attivitajiet tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010, matul dawn l-aħħar snin ittieħdu passi fil-livell Ewropew sabiex tiġi assigurata l-promozzjoni integrata “tas-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà” (7). Ma jeżistu l-ebda miżuri bħal dawn għall-adulti ta' etajiet differenti.

2.7

L-Istrateġija ta' Qafas Ġdida għall-Multilingwiżmu  (8) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qiegħda tiġi gglobalizzata  (9) it-tnejn li huma wittew, indirettament, toroq ġodda għat-tagħlim għall-adulti.

2.8

Fil-prinċipju, il-Kumitat laqa' u appoġġja l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea ta' dawn l-aħħar snin fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja u ħejja diversi opinjonijiet bil-għan li jappoġġja dawn l-attivatijiet.

3.   Sommarju tal-pjan ta' azzjoni

3.1

Il-pjan ta' azzjoni dwar it-tagħlim lill-adulti, It-tagħlim dejjem żmienu, ġej minn komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istess suġġett Qatt m'hu tard wisq biex titgħallem  (10). Il-pjan ta' azzjoni ifittex li jistabbilixxi ħames prijoritajiet fuq livell Ewropew: it-titjib ta' l-istrutturi għall-governanza inklużi l-kwalità, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tas-sistema tat-tagħlim lill-adulti, l-appoġġ għat-tagħlim u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim.

3.2

L-għan tal-pjan ta' azzjoni huwa li jimplimenta l-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2006 (11): “it-tneħħija ta' l-ostakoli għall-parteċipazzjoni; iż-żieda fil-kwalità u l-effiċjenza tas-settur; it-tħaffif tal-proċess ta' validazzjoni u rikonoxximent; il-garanzija ta' investiment suffiċjenti; u l-monitoraġġ tas-settur”.

3.3

Il-pjan ta' azzjoni jiffoka fuq dawk li minħabba l-livell baxx ta' edukazzjoni tagħhom u l-kwalifiki vokazzjonali jew il-ħiliet inadegwati tagħhom, ftit li xejn għandhom ċans li jintegraw b'suċċess fis-soċjetà.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jinsab kuntent li l-Kummissjoni Ewropea ħejjiet l-ewwel pjan ta' azzjoni tagħha dwar it-tagħlim għall-adulti għall-perijodu bejn l-2007 u l-2010. Il-Kumitat jappoġġja dan il-pjan bis-sħiħ sakemm jitqiesu l-kummenti mressqa f'din l-opinjoni. Il-pjan ta' azzjoni jiċċara l-fatt li l-għan tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 huwa wkoll li jippromovi t-tagħlim għall-adulti bħala mezz li jwassal għall-koeżjoni soċjali, għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, għal ħajja privata u professjonali sodisfaċenti u għal aktar adattabilità u kapaċità ta' impjieg imtejba.

4.2

Il-Kumitat jixtieq iwissi kontra l-possibbiltà li fi ħdan it-taħriġ vokazzjonali, il-proġetti tal-proċess ta' Kopenħagen, il-linji gwida Ewropej għall-impjieg 2005-2008, il-Fond Soċjali Ewropew u l-programm Leonardo da Vinci għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ikun hemm objettivi li jikkoinċidu u li b'hekk jistgħu jirriżultaw f'nuqqas ta' effiċjenza. F'dan il-kuntest, diġà qiegħda ssir enfasi partikolari fuq l-espansjoni ta' l-informazzjoni, is-servizzi ta' parir, ir-rikonoxximent tal-ħiliet akkwistati informalment, it-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki u t-tisħiħ ta' governanza tajba ta' l-istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali.

4.3

Il-Kumitat jemmen li kull ċittadin Ewropew jeħtieġ aċċess kontinwu għal opportunitajiet moderni ta' tagħlim għall-adulti. Kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jakkwista, jġedded u jaġġorna l-ħiliet tiegħu. Illum-il-ġurnata, il-bidla demografika, il-bidla fil-klima, it-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni trasformaw il-ħajja professjonali u privata tagħna. Dawn l-iżviluppi ġabu magħhom il-bżonn ta' għarfien u ħiliet ġodda li l-adulti ta' etajiet differenti tal-lum ma kellhom l-ebda opportunità li jakkwistaw meta kienu l-iskola, l-università jew waqt il-formazzjoni tagħhom.

4.4

Il-Kumitat għalhekk jiddispjaċih min-nuqqas ta' kunċett viżjonajru integrat li jikkunsidra l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet ta' tagħlim għall-adulti kollha. Barra minn hekk, il-Kumitat kemm-il darba sejjaħ għal ambjent ta' tagħlim favorevoli għal kulħadd inkluż għall-persuni b'diżabilità. Dan jista' jiġġenera firxa ta' sinerġiji għall-partijiet interessati kollha u jiffaċilita wkoll it-tagħlim interġenerazzjonali, interkulturali u multilingwistiku.

4.5

Bħala żieda mal-pjan ta' azzjoni, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni li tinkariga grupp ta' esperti fit-tagħlim għall-adulti bit-tħejjija ta' pjan għall-integrazzjoni tal-ġeneru (gender mainstreaming) li jkun jinkludi wkoll azzjoni pożittiva u li jikkunsidra l-bżonn tat-tagħlim tul il-ħajja.

4.6

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-Qafas komuni Ewropew ta' referenza dwar il-kompetenzi ewlenin (12), li kull adult għandu jkun jista' jakkwista. F'dan il-kuntest tidħol dejjem lista sħiħa ta' temi ċentrali li jistgħu jispiraw inizjattivi organizzattivi ġodda u metodi ta' istruzzjoni innovattivi fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti:- ir-riflessjoni kritika, il-kreattività, l-inizjattiva, is-sejba ta' soluzzjoni għall-problemi, il-valutazzjoni tar-riskju, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-intelliġenza emozzjonali.

4.7

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk il-pjan ta' azzjoni jistax jissaħħaħ permezz ta' festival annwali Ewropew tat-tagħlim u permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u motivazzjoni dwar it-tagħlim tul il-ħajja fl-isferi ta' l-istampa, ir-radju u t-televiżjoni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-bżonn li jiġi adottat approċċ proattiv sabiex dawk li mhumiex familjari ma' l-istudju jitħeġġu jimpenjaw ruħhom fit-taħriġ. Fil-fehma tal-Kumitat, approċċ proattiv fil-konfront ta' dawk li huma soċjalment żvantaġġati huwa essenziali, dejjem jekk jaspira li jgħolli l-livell ta' l-edukazzjoni, isaħħaħ il-ħila ta' l-adattabilità ta' kulħadd u jiżgura aktar ugwaljanza fl-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li mill-bidunett (punt 1 tal-pjan ta' azzjoni), il-pjan ta' azzjoni mhux biss jirrimarka l-għan ta' ekonomija kompetittiva u bbażata fuq l-għarfien iżda jibbaża l-approċċ tiegħu fuq il-viżjoni ta' soċjetà ta' l-għarfien għal kulħadd, waħda bbażata fuq il-prinċipji ta' l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali. Il-Kumitat iħoss ukoll li meta jiġu kkunsidrati kwistjonijiet bħall-edukazzjoni kontinwa, ir-rekwiżiti għat-tagħlim u l-integrazzjoni permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, għandhom jiġu involuti l-atturi lokali bħall-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet kummerċjali u tas-soċjetà ċivili, dawk li huma żvantaġġati fl-ambitu ta' l-edukazzjoni u l-familji tagħhom.

5.1.1

Il-Kumitat jisħaq li għas-sostenn ta' dawk li l-Kummissjoni tiddeskrivi bħala gruppi “bi ftit ħiliet” mhuwiex biżżejjed li jsiru kambjamenti minn naħa tagħhom biss, iżda huwa importanti wkoll li jiġu eliminati l-ostakoli fl-aċċess għat-tagħlim li għadhom jeżistu. Huwa jemmen li meta kklassifikat ċertu gruppi bħala l-gruppi fil-mira tagħha, il-Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed l-ostakli fl-aċċess għat-tagħlim li jiffaċċjaw il-persuni li jbatu minn żvantaġġi differenti, bħal dawk li jgħixu fil-faqar, fir-reġjuni u l-lokalitajiet żvantaġġati, f'ċentri, istituti jew istituzzjonijiet magħluqa.

5.1.2

Il-Kumitat jixtieq iwissi kontra r-riskju ta' segregazzjoni addizzjonali li tista' tkun ir-riżultat “tan-negozjar” lokali u reġjonali fil-qasam tas-servizzi għal adulti bħal dawn, per eżempju f'każ fejn l-awtoritajet soċjali u tax-xogħol jagħmlu sejħa għall-offerti fl-ambitu ta' miżuri speċjali ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa tal-fehma li l-adulti jilqgħu l-opportunitajiet għat-taħriġ b'aktar ħeġġa jekk jiġu pprovduti — b'mod responsabbli — b'informazzjoni siewja dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol lokali u suprareġjonali bħala parti integrali mill-istudji tagħhom u jekk, meta jkunu qed jappplikaw għax-xogħol, ma jkollhomx għalfejn iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet ta' età, kemm fil-prattika, kif ukoll mil-lat legali.

5.1.3

Il-Kumitat jenfasizza li wieħed mill-vantaġġi ta' l-Ewropa huwa r-rikkezza lingwista u kulturali li jġibu magħhom kemm il-migranti Ewropej kif ukoll dawk minn pajjiżi terzi. Għalhekk għandhom jittieħdu aktar passi sabiex jiġu rikonoxxuti l-lawrji u ċ-ċertifikati li ġejjin kemm mill-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-istatus legali tal-migranti li jvarja ħafna u li jinbidel kontinwament (per eżempju il-qagħda ta' dawk li qegħdin ifittxu l-ażil, dawk li huma rikonoxxuti bħala refuġjati, il-ħaddiema migranti Ewropej, ċittadini ta' pajjiżi terzi, eċċ.), ħafna drabi jirrestrinġi l-opportunitajiet ta' dawn in-nies għat-tagħlim u t-taħriġ kontinwu, anke jekk jista' jwassal ukoll biex ċerti miżuri fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, bħall-korsijiet tal-lingwa, jsiru obbligatorji.

5.1.4

Il-Kumitat iħoss li ma ġewx indikati b'mod ċar il-konsegwenzi ta' l-impatt demografiku fuq l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja fost il-ġenerazzjoni ta' dawk li m'għadhomx jaħdmu. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn id-diversi rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni ta' inizjattiva proprja tiegħu dwar il-bidla demografika (13). Din l-opinjoni tistqarr li l-individwi ta' kull età għandhom bżonn ikomplu jitgħallmu kemm fil-ħajja privata kif ukoll fil-ħajja professjonali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom f'din il-bidla, sabiex ikunu jistgħu jaqsmu ċerti responsabbiltajiet ma' l-oħrajn u sabiex ikunu jistgħu jgħixu l-maġġorparti ta' ħajjithom b'mod indipendenti. Ċerti oqsma professjonali jirrikjedu kapaċitajiet addizzjonali filwaqt li oħrajn żviluppaw servizzi kompletament ġodda li jirrikjedu, sa minn fażi bikrija, taħriġ inizjali u kontinwu.

5.1.5

Għalhekk, għal dan il-pjan ta' azzjoni l-Kumitat jixtieq jerġa' jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati dawk l-istudenti bi bżonnijiet speċjali u l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità b'mod speċjali billi tingħata għajnuna għall-promozzjoni ta' l-integrazzjoni tagħhom fis-sistemi tradizzjonali ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ (14) u billi jiġi żviluppat l-aċċess għat-tagħlim mill-bogħod (e-learning).

5.1.6

Il-Kumitat jikkritika l-fatt li ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed lill-bżonnijiet personali tat-tagħlim ta' dawk l-adulti li għalkemm mhumiex attivi ekonomikament, huma membri attivi tal-komunità u tas-soċjetà. Ħafna drabi dawn il-persuni ma jkollhomx riżorsi biżżejjed biex jiksbu aċċess għall-mezzi ta' tagħlim għall-adulti.

5.1.7

Il-Kumitat jirrakkomanda li s-sistema formali ta' l-edukazzjoni tinfetaħ aktar għall-bżonnijiet ta' tagħlim ta' l-adulti. Huwa jixtieq li jirrepeti l-istqarrija tiegħu li wasal iż-żmien li nimxu lil hinn mir-restrizzjonijiet edukattivi ta' l-età imposti fuq il-pubbliku Ewropew mis-sistemi edukattivi u ta' taħriġ Ewropej (15). Il-ħiliet miksuba fil-passat għandhom jiġu rikonoxxuti minn sistema edukattiva formali aktar miftuħa u aktar flessibbli. Jekk kulħadd ikollu aċċess għat-tagħmir informatiku ta' l-istabbilimenti edukattivi, dan jista' jkun ta' għajnuna għat-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim bl-Internet.

5.1.8

Il-politika ta' l-edukazzjoni superjuri ma tikkunsidrax il-fatt li l-universitajiet huma responsabbli wkoll mit-tagħlim tul il-ħajja. L-universitajiet ukoll għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għat-tagħlim li jkompli tul il-ħajja kollha. Il-Kumitat jisħaq li l-edukazzjoni għall-adulti pprovduta mill-universitajiet u l-edukazzjoni kontinwa għall-gradwati għandhom ikunu marbutin strettament ma' l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni adulta u jkunu inkorporati f'sistema għat-tagħlim tul il-ħajja.

5.2

Il-Kumitat jinnota li l-għan ġenerali tal-pjan ta' azzjoni dwar it-tagħlim lill-adulti għandu jkun it-tpoġġija fil-prattika tal-ħames messaġġi ewlenin tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata Qatt m'hu tard wisq biex titgħallem. Huwa jikkritika l-fatt li fir-rigward tar-raba' messaġġ ewlieni (il-garanzija ta' investiment suffiċjenti) ma ġiet proposta l-ebda azzjoni u jemmen bis-sħiħ li r-raba' azzjoni ta' dan it-tip għandha tagħmel parti mill-pjan ta' azzjoni.

5.2.1

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-industrija u l-gvern joħolqu inċentivi li jħajru lin-nies li jkomplu jitgħallmu. Huwa jemmen li l-istennija ta' “redditu” (punt 2.2 tal-pjan ta' azzjoni) fuq l-investiment f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ m'għandhiex tkun l-uniku għan tal-ħidma lejn opportunitajiet indaqs fl-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja.

5.2.2

Il-Kumitat iħoss li għadhom ma ħarġu l-ebda stimi ċari dwar l-ispejjeż involuti fil-proċess tar-rikonoxximent tal-ħiliet. Il-Kumitat jixtieq jiddikjara minn issa li fl-ebda ċirkostanza m'għandhom jitwarrbu l-pjanijiet għall-iżvilupp tat-tagħlim għall-adulti għal din ir-raġuni. F'ħafna Stati Membri, bejn il-perijodu kopert mill-pjan ta' azzjoni, jiġifieri bejn l-2007 u l-2010, il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (16) u l-oqsfa nazzjonali għall-kwalifiki ser ikunu għadhom fi stadju bikri ta' żvilupp.

5.2.3

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-ispejjeż soċjali u ekonomiċi fil-perijodu fit-tul ta' gruppi kbar ta' nies fis-soċjetà li għandhom livelli baxxi ta' edukazzjonu u taħriġ ġenerali u vokazzjonali.

5.2.4

Il-Kumitat jinnota li r-referenzi għall-ftuħ potenzjali tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja jassumu distribuzzjoni ġdida tal-prijoritajiet li tista' tagħmel ħsara lill-prijorijiet li kienu stabbiliti s'issa u li ser tirrikjedi wkoll li l-gvernijiet jużaw ir-riżorsi tagħhom fis-settur tat-tagħlim għall-adulti. Huwa jinnota li huma ftit il-pajjiżi u r-reġjuni Ewropej li jistgħu jibbenefikaw b'mod sostanzjali mill-Fond Soċjali Ewropew għall-innovazzjoni u dan ma jfissirx li l-fondi ser imorru lejn it-tagħlim għall-adulti. Id-distribuzzjoni attwali tal-fondi tal-FSE fl-Istati Membri l-Ġodda ser twassal ukoll għal restrizzjonijiet imposti fuq reġjuni oħra.

5.3

Il-Kumitat jinsab kuntent li, matul il-fażi preparatorja tal-pjan ta' azzjoni, l-imsieħba soċjali Ewropej u l-organizzazzjonijiet non-governattivi, li ġew involuti fil-proċess ta' konsultazzjoni (punt 1.1 tal-pjan ta' azzjoni), issa għandhom rwol x'jaqdu fit-twettiq tiegħu u jistgħu jikkontribwixxu permezz ta' l-għarfien speċifiku tagħhom. Il-KESE jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-garanzija ta' kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol għall-provvedituri tas-servizzi, ambjent ta' tagħlim deċenti u favorevoli għall-adulti, li jassigura li dawn jibbenefikaw ukoll mid-drittijiet ta' l-utenti indipendentement minn jekk l-istudenti ħallsux għal dawn is-servizzi minn buthom jew le.

5.4

Sabiex titkompla l-ħidma fuq il-pjan ta' azzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li jkun hemm il-parteċipazzjoni ta' diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-korpi relevanti Ewropej. Kooperazzjoni ta' dan it-tip tħeġġeġ koerenza politika bejn l-objettivi u l-għanijiet tad-Direttorati Ġenerali individwali.

5.5

Il-Kumitat jilqa' wkoll il-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-proċess ta' konsultazzjoni (punt 1.1 tal-pjan ta' azzjoni). Il-pass li jmiss għandu jkun li l-Kummissjoni Ewropea flimkien mad-Direttorati Ġenerali kkonċernati, tħejji pjan ta' azzjoni addizzjonali u internazzjonali dwar it-tagħlim għall-adulti.

5.6

Il-Kumitat jixtieq li meta jitfasslu r-regoli ta' governanza tajba tal-faċilitajiet tat-tagħlim għall-adulti (punt 2.2 tal-pjan ta' azzjoni), jingħata spazju biżżejjed lid-diversità u l-pluralità sabiex il-provvedituri ż-żgħar, dawk li mhumiex immirati lejn il-qligħ, li joffru livell għoli ta' valur kulturali miżjud u li jagħmlu użu minn metodi moderni u innovattivi ta' ħidma, ukoll jingħataw appoġġ.

5.7

Il-Kumitat iħoss li ċentri moderni, multifunzjonali u lokali ta' tagħlim huma importanti ħafna għal governanza tajba (punt 2.2 tal-pjan ta' azzjoni).

5.7.1

Il-Kumitat jilqa' r-referenza li saret fil-bidu tal-pjan għal sħubija mixtieqa fuq livell reġjonali u lokali (punt 2) iżda jiddispjaċih li m'hemm l-ebda rakkomandazzjoni konkreta dwar il-bżonn ta' koordinazzjoni ta' l-iżvilupp sistematiku tat-tagħlim għall-adulti fuq livell territorjali. Għalhekk il-Kumitat jixtieq jiġbed attenzjoni lejn il-moviment Ewropew Reġjuni u bliet fil-proċess ta' tagħlim  (17).

5.7.2

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li bħala parti mill-pjan ta' azzjoni ssir aktar enfasi fuq l-iżvilupp ta' ċentri ta' tagħlim għall-adulti ġodda, lokali, viżjonarji, attraenti u mifruxa mar-reġjuni ta' l-Ewropa kollha. Ħafna mill-korsijiet ta' tagħlim għall-adulti jsiru f'ċentri li jintużaw ukoll għal skopijiet differenti, li prinċipalment inbnew għal raġunijiet differenti u li huma disponibbli f'ħinijiet partikolari biss.

5.7.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni ma jsemmi xejn dwar iċ-ċentri residenzjali ta' tagħlim għall-adulti (Heimvolkshochschulen) b'mod speċjali għaliex dawn, fejn jidħlu metodi ta' istruzzjoni, huma xempju tat-tagħlim Ewropew għall-adulti. Ċentri bħal dawn joffru faċilitajiet residenzjali għalhekk jistgħu jlaqqgħu flimkien studenti u għalliema mill-Ewropa kollha. Matul dawn l-aħħar għaxar snin il-fondi għal ċentri bħal dawn naqsu drastikament u ħafna, inklużi dawk li kellhom reputazzjoni tajba ħafna fil-livell Ewropew, kellhom jagħlqu.

5.8

Il-Kumitat iħoss li l-opportunitajiet u d-diffikultajiet tat-teknoloġiji ġodda ta' komunikazzjoni għandhom jiġu kkundisrati aħjar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u li għandhom isiru parti mill-pjan ta' azzjoni stess. In-nuqqas ta' aċċess għall-IT hija realtà oħra ta' l-esklużjoni soċjali li kull ma jmur aktar qed issir problema. Per eżempju, 46 % ta' kull familja fl-Ewropa m'għandhiex aċċess għall-Internet mid-dar (18) u 40 % ta' l-Ewropej stqarrew li ma jafux jużaw l-Internet (19). S'issa ftit li xejn sar progress fil-qasam ta' l-opportunitajiet ta' tagħlim b'xejn għall-adulti permezz ta' l-Internet, anke jekk diġà qegħdin jiġu diskussi u jitressqu applikazzjonijiet għal brevetti għall-kunċetti adegwati ta' tagħlim (20).

5.9

Il-Kumitat jirrikonoxxi l-fatt li dawk li jħaddmu jipprovdu l-biċċa l-kbira tat-taħriġ għall-adulti (punt 2.2 tal-pjan ta' azzjoni). Madankollu, it-trade unions ukoll jippromovu t-tagħlim għall-adulti fil-faċilitajiet tagħhom jew fuq il-post tax-xogħol billi, per eżempju, jipprovdu korsijiet lokali u transnazzjonali bl-għanjuna ta' l-organizzazzjonijiet tagħhom stess u billi jagħtu pariri u servizzi ta' appoġġ fil-kuntest tat-tagħlim fuq il-post tax-xogħol. Huwa importanti li jiġi assigurat li l-pjan ta' azzjoni joħloq bilanċ bejn l-opportunitajiet ta' tagħlim offruti u kundizzjonijiet ġusti ta' aċċessibbiltà għal dawk kollha li jridu jitgħallmu.

5.10

Il-Kumitat jagħti importanza kbira lill-prinċipju li anke fejn l-istat jipprovdi l-appoġġ bażiku u speċifiku għall-faċilitajiet partikolari, il-provvedituri ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu għandu jkollhom il-libertà li jieħdu deċiżjonijiet dwar is-sillabu u l-istruttura tal-programm tagħhom u li jagħżlu l-istaff tagħhom, dejjem sakemm ċerti standards ta' kwalità u ta' effiċjenza jiġu rrispettati.

5.11

Il-Kumitat jilqa' l-messaġġ prinċipali li governanza tajba fost il-provvedituri tat-tagħlim għall-adulti għandha tkun ibbażata fuq l-istudent u jilqa' r-rakkomandazzjoni li jiġu stabbiliti rabtiet tajba ma' l-organizzazzjonijiet ta' l-istudenti. Madankollu jemmen li fil-kuntest tat-tagħlim għall-adulti dan mhux biżżejjed.

5.11.1

Il-Kumitat jiddispjaċih li m'hemm l-ebda stqarrija ċara dwar il-parteċipazzjoni ta' l-istudenti adulti u dwar il-korpi li jirrappreżentawhom fis-settur tat-tagħlim għall-adulti. F'ħafna mill-pajjiżi Ewropej, id-drittijiet demokratiċi tat-tfal żgħar u ta' l-istudenti huma aktar protetti permezz ta' leġislazzjoni effettiva milli huma dawn ta' l-istudenti adulti.

5.11.2

Il-Kumitat jipproponi li l-evalwazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-valutazzjonijiet personali ta' l-istudenti. Għandu jsir skambju ta' mudelli għat-titjib fil-kwalità tat-tagħlim, mudelli li jkunu bbażati fuq id-domanda u fuq l-istudent u li għandhom jingħataw prijorità aktar għolja mill-introduzzjoni ta' miżuri statali ġodda “għall-monitoraġġ” tal-kwalità tal-provveditur (21).

5.11.3

Il-Kumitat jipproponi li tiġi kkunsidrata sew il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-utenti adulti (“konsumaturi”) li jħallsu għal servizzi ta' edukazzjoni u taħriġ. Għandhom jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jiġu stabbiliti dawn id-drittijiet bħal, per eżempju, f'każ fejn parteċipant ma jistax ikompli jsegwi kors jew mhux sodisfatt bil-kors u għalhekk jiddeċiedi li jieqaf, jew f'każ ta' tibdil fl-iskeda jew ta' kanċellazzjoni tal-lezzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar id-drittjiet ta' l-utenti tat-trasport fl-Ewropa jistgħu jintużaw bħala eżempju.

5.12

Il-Kumitat jaqbel li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu aktar attenzjoni lit-taħriġ inizjali u kontinwu u lill-istatus u l-ħlas ta' l-istaff ta' dan is-settur (punt 3.2 tal-pjan ta' azzjoni).

5.12.1

Il-Kumitat jagħraf li peress li s-settur tat-tagħlim għall-adulti huwa ffokat fuq l-istudent, jirrikjedi staff flessibbli. Madankollu, jitlob li din il-flessibbiltà tiġi akkumpanjata minn livell għoli ta' protezzjoni soċjali. L-imsieħba soċjali jistgħu jadottaw miżuri ta' appoġġ sabiex inaqqsu l-instabbiltà ta' l-impjieg ta' l-għalliema ta' dan is-settur u sabiex itejbu d-drittijiet parteċipattivi tagħhom.

5.12.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-kuntest tat-tisħiħ tal-professjonalità tas-settur, l-enfasi m'għandhiex tkun biss fuq il-ħiliet speċifiċi meħtieġa sabiex wieħed jgħallem lill-adulti iżda wkoll fuq il-ħila partikolari ta' l-għalliem fis-suġġett li qed jiġi mgħallem. It-tagħlim jiddependi sewwa sew fuq dan.

5.12.3

Il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu ppreparati studji u rakkomandazzjonijiet dwar il-volontiera tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fis-settur tat-tagħlim għall-adulti.

5.13

Il-Kumitat jinnota l-għan prijoritarju li l-adulti jiksbu “għallinqas kwalifika waħda f'livell ogħla” (punt 3.3 tal-pjan ta' azzjoni). Fil-kuntest tat-tagħlim għall-adulti ftit li xejn jagħmel sens li n-nies u l-objettivi ta' tagħlim tagħhom jiġu kklassifikati skond il-livell edukattiv, anke jekk naturalment, fil-kuntest ta' korsijiet individwali, il-koerenza fl-għarfien li nkiseb qabel, tingħata attenzjoni partikolari. Barra minn hekk, m'hemm l-ebda garanzija li għax dawn jiksbu livell ġdid ta' edukazzjoni formali ser jirnexxilhom jiksbu aktar rikonoxximent soċjali jew ser isibu xogħol. Il-korsijiet ta' tagħlim għall-adulti għandhom valur speċjali għax ilaqqgħu flimkien tant nies differenti — f'termini ekonomiċi huwa proprju dan “il-kapital soċjali tagħhom”.

5.14

Jeħtieġ li tingħata informazzjoni dwar liema indikaturi speċifiċi tal-pjan jikkunsidraw l-inklużjoni addizzjonali tat-tagħlim non-vokazzjonali għall-adulti, id-disponibbiltà tas-servizz fil-post u aktar opportunitajiet minn qabel ta' edukazzjoni u taħriġ li ma jimponux restrizzjonijiet ta' età għal dawk li jinsabu mingħajr xogħol.

Brussell, it-13 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  “Tagħlim għall-adulti: Qatt m'hu tard wisq biex titgħallem” (COM(2006) 614 finali)

(2)  Fis-seklu 19, l-ideat demokratiċi u soċjali tal-pedagogu Daniż speċjalizzat fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti, N.F.S. Grundtvig, kienu sors ta' ispirazzjoni li minnhom twieled il-moviment taċ-ċentri residenzjali ta' tagħlim għall-adulti (Heimvolkshochschulen). Fl-2001 il-Kummissjoni semmiet għalih il-programm ta' promozzjoni tat-tagħlim għall-adulti, “l-Azzjoni Grundtvig”, li jagħmel parti mill-Programm Sokrates 2001-2006.

(3)  SEC(2000) 1832, 30.10.2000.

(4)  ĠU C 163, 27.6.2002, p. 1.

(5)  ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1.

(6)  Communiqué li tirrevedi l-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-Proċess ta' Kopenħagen, Ħelsinki, 5.12.2006, http://www.minedu.fi/export/sites/default/vet2006/pdf/Helsinki_Communique_en.pdf.

(7)  COM(2007) 498 finali.

(8)  COM(2005) 596 finali. Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 324, 30.12.2006, Rapporteur: Is-Sinjura Le Nouail.

(9)  SEG(2007) 570 finali.

(10)  COM(2006) 614 finali.

(11)  COM(2006) 614 finali.

(12)  COM(2005) 548 finali. Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar il-kompetenzi ewlenin, ĠU C 195, 18.8.2006, Rapporteur: Is-Sinjura Herzog. Flimkien ma' l-għarfien tal-lingwa materna u tal-lingwi barranin, flimkien mal-kompetenzi fl-oqsma tal-matematika, tax-xjenza, tat-teknoloġija u ta' l-informatika u l-kapaċità tat-tagħlim, huma mportanti wkoll il-kompetenzi soċjali, il-kompetenza ċivika, is-sens ta' inizjattiva, l-intraprenditorija u l-għarfien u l-espressjoni kulturali.

(13)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tal-15.9.2004 intitolata Lejn is-Seba' Programm Qafas tar-Riċerka: Il-ħtiġijiet tar-riċerka fiż-żoni ta' bidla demografikail-kwalità tal-ħajja ta' l-anzjani u l-ħtiġijiet teknoloġiċi. Rapportuer: Is-Sinjura Heinisch (ĠU C 74, 23.3.2005) — mhux disponibbli bil-Malti.

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-10.2.2..5 dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm integrat ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti. Rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 221, 8.9.2005) — mhux disponibbli bil-Malti.

(15)  Ibid.

(16)  COM(2006) 479 finali. Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 175, 27.7.2007, Rapporteur: Rodriguez Garcia-Caro.

(17)  L-eżempji jinsabu fil-karta ppubblikata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura, European Networks to promote the local and regional dimension of lifelong learning (L-inizjattiva R3L), Marzu 2003.

(18)  Familji b'minn ta' l-anqas membru wieħed bejn is-16 u l-74 sena, UE-27 (Eurostat, 08/02/2008).

(19)  Persuni bejn is-16 u l-74 sena, UE-27 (Eurostat, 08/02/2008).

(20)  Fuq livell politiku bażiku, id-dokumenti ċentrali jinkludu r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-isfruttament ta' l-opportunitajiet tas-soċjetà ta' l-informazzjoni għall-fini ta' l-esklużjoni soċjali (ĠU C 292, 18.10.2001, p. 6). Madankollu r-riżultati ta' l-attivitajiet ta' segwitu ma ġewx ivvalutati għal dan il-pjan ta' azzjoni.

(21)  Fil-Ġermanja qiegħed jingħata appoġġ lill-fondazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ Stiftung Bildungstest.


Top