This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2007/235/58
Case F-80/07: Action brought on 3 August 2007 — Economidis v Commission
Kawża F-80/07: Rikors ippreżentat fit- 3 ta' Awwissu 2007 — Economidis vs Il-Kummissjoni
Kawża F-80/07: Rikors ippreżentat fit- 3 ta' Awwissu 2007 — Economidis vs Il-Kummissjoni
ĠU C 235, 6.10.2007, pp. 31–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
6.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 235/31 |
Rikors ippreżentat fit-3 ta' Awwissu 2007 — Economidis vs Il-Kummissjoni
(Kawża F-80/07)
(2007/C 235/58)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Ioannis Economidis (Woluwé-St-Etienne, Il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi, J.-N. Louis, A. Coolen u E. Marchal, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
|
— |
tannulla d-deċiżjoni għal riorganizzazzjoni tas-servizz ġenerali RTD safejn din id-deċiżjoni tirrigwarda l-postijiet tax-xogħol b'mod partikolari l-impiegi ta' kapitijiet ta' l-unitajiet F.1 “Aspetti orizzontali u koordinazzjoni” u F.5 “Bioteknoloġija tas-saħħa”; |
|
— |
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
F'Ottubru 2006, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' riorganizzazzjoni tad-DG RTD, ħatret lis-Sinjuri H u X bħala kapijiet ta' l-unitajiet F.1 u F.5. B'sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 2006, Economidis vs Il-Kummissjoni, F-122/05 (1), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Diċembru 2004, li tinnomina lis-Sur H bħala kap ta' l-unità “Bioteknoloġija u ġenomika [genomics] applikata”, jiġifieri waħda mill-unitajiet ta' l-istess DG qabel ir-riorganizzazzjoni.
B'sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-ewwel nett ksur ta' l-Artikolu 233 KE, billi l-Kummissjoni, minħabba r-riorganizzazzjoni ta' l-imsemmi DG, issostni li mhuwiex possibbli li teżegwixxi s-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 2006. Skond ir-rikorrent, billi d-deċiżjoni tat-23 ta' Diċembru 2004 kienet ġiet annullata, is-Sur H ma setax jinħatar kap ta' unità fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni tad-DG ikkonċernat.
Barra minn dan, ir-rikorrent isostni li għandha tapplika waħda minn żewġ possibbiltajiet: jew li l-unità “Bioteknoloġija u ġenomika applikata” għadha teżisti, iżda taħt denominazzjoni oħra u b'funzjonijiet iddefiniti mill-ġdid, jew li ġiet imneħħija definittivament. Fl-ewwel ipoteżi, l-amministrazzjoni għandha teżegwixxi s-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru; fit-tieni sitwazzjoni, l-amministrazzjoni kellha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta' appell għall-postijiet tax-xogħol ta' kapijiet ta' l-unitajiet suġġetti għar-riorganizzazzjoni u b'dan tippermetti lir-rikorrent li jressaq il-kandidatura tiegħu. Billi ma kellhiex il-possibbiltà li tirrikorri għal din il-proċedura, il-konvenuta kisret l-Artikoli 4, 7, 27 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropew u l-prinċipju ta' possibbiltajiet raġonevoli għall-karriera.
(1) ĠU C 331, 30.12.2006 p. 47.