Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/235/46

Kawża T-313/07: Rikors ippreżentat fis- 16 ta' Awwissu 2007 — Cemex UK Cement vs Il-Kummissjoni

ĠU C 235, 6.10.2007, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 235/25


Rikors ippreżentat fis-16 ta' Awwissu 2007 — Cemex UK Cement vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-313/07)

(2007/C 235/46)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Cemex UK Cement Ltd (Thorpe, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Tromans, C. Thomann, avukati, D. Wyatt QC u S. Taylor, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2007, innotifikata lir-rikorrenti, u irċevuta fil-21 ta' Ġunju 2007, li tiċħad l-ilment magħmul minn Cemex UK Cement Limited dwar il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet għall-allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjoni ta' gassijiet serra nnotifikati mir-Renju Unit skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ifittex li jikseb l-annullament ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab f'ittra ddatata 12 ta' Ġunju 2007 u rċevuta mir-rikorrenti fil-21 ta' Ġunju 2007, li tiċħad ilment imressaq mir-rikorrenti dwar il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet għall-Fażi II ta' l-Iskema għall-Iskambju ta' Emissjonijiet ta' l-UE nnotifikata mir-Renju Unit skond id-Direttiva 2003/87/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea li t-tnaqqis ta' kwoti taħt dan l-aħħar pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet, fir-rigward ta' l-impjant tar-rikorrenti f'Rugby, flimkien ma' l-allokazzjoni żejda riżultanti fir-rigward ta' stallazzjonijiet imħaddma mill-kompetituri tar-rikorrenti, kienu jammontaw għal għajnuna mill-Istat illegali, li allegatament:

(a)

tiddiskrimina illegalment kontra l-impjant ta' Rugby billi tonqos milli tieħu biżżejjed in kunsiderazzjoni l-perijodu intiż sabiex l-imsemmi impjant jibda jaħdem, u billi tibbaża l-allokazzjoni lill-impjant fuq perijodu ta' emissjonijiet li l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu jafu li ma kienx rappreżentattiv;

(b)

timpedixxi d-dritt ta' stabbiliment tal-kumpannija prinċipali tar-rikorrenti, Cemex Espana SA.

Ir-rikorrenti tikkontendi wkoll li l-Kummissjoni żbaljat meta ddeċidiet li ebda għajnuna inkompatibbli ma kienet tirriżulta mir-“Regola ta' l-Ewwel Sena” u għaldaqstant żbaljat meta rrifjutat li tibda proċedimenti taħt l-Artikolu 88(2) KE. F'dan is-sens, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-metodoloġija għall-allokazzjonijiet ta' kwoti applikata mir-Renju Unit għall-impjant ta' Rugby ma kinitx diskriminatorja u kienet konsistenti mal-linji giwda tal-Kummissjoni.


(1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32).


Top