Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2410

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (riformulazzjoni) u Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Komunikazzjoni ‘Għal spazju tad-data komuni Ewropew’” (COM(2018) 234 final — 2018/0111 (COD); COM(2018) 232 final)

EESC 2018/02410

OJ C 62, 15.2.2019, p. 238–253 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/238


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (riformulazzjoni) u Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Komunikazzjoni ‘Għal spazju tad-data komuni Ewropew’”

(COM(2018) 234 final — 2018/0111 (COD); COM(2018) 232 final)

(2019/C 62/38)

Relatur:

Baiba MILTOVIČA

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 28.5.2018

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 4.6.2018

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

 

 

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

6.9.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

122/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku se jsaħħaħ l-ekonomija tad-data fl-UE u se jippromovi l-iżvilupp tas-soċjetà u l-prosperità ġenerali. Il-KESE huwa tal-fehma li d-Direttiva kif ukoll it-titjib u ż-żidiet maħsuba għad-Direttiva huma partikolarment importanti, sabiex jiġu solvuti dawn il-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-Suq Uniku diġitali, li huma rilevanti ħafna għas-soċjetà kollha kemm hi.

1.2.

Il-KESE evalwa l-konsistenza tal-bidliet ippjanati għad-Direttiva mal-miri ta’ titjib, b’mod ġenerali jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva u huwa żgur li l-bidliet proposti se jkollhom effett pożittiv fuq l-għanijiet ġenerali għal titjib. Madankollu, jemmen li l-bidliet maħsuba mhumiex biżżejjed sabiex l-oqsma problematiċi jittejbu b’mod effettiv.

1.3.

Il-KESE laqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Għal spazju tad-data komuni Ewropew”, ikkunsidra u approva l-prinċipji u l-miżuri stabbiliti fiha, li se jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji u s-settur pubbliku biex jaċċessaw u jużaw mill-ġdid data minn sorsi, setturi ekonomiċi u oqsma speċjalizzati differenti.

1.4.   Konklużjonijiet

1.4.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-emendi maħsuba għad-Direttiva fir-rigward tal-miri ġenerali għat-titjib ġenerali għandhom ifittxu li jiksbu dan li ġej:

It-titjib tal-effett pożittiv li diġà għandha d-Direttiva PSI, it-tisħiħ tal-ekonomija tad-data fl-UE, iż-żieda fl-ammont tad-data tas-settur pubbliku li tista’ tintuża mill-ġdid;

L-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet komparabbli madwar l-UE għall-forniment tad-data u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta (ara l-punt 3.2.2);

It-tnaqqis fit-tul tal-piż amministrattiv għad-detenturi tal-informazzjoni tas-settur pubbliku li tista’ tintuża mill-ġdid (ara l-punt 3.2.3);

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-SMEs fis-suq tad-data, billi jiġi żgurat li dawn ma jiġux imxekkla minn ostakoli sabiex jerġgħu jużaw id-data pubblika għal finijiet kummerċjali (ara l-punt 3.2.4). Madankollu, l-għan ta’ tisħiħ tal-SMEs m’għandux jiġi pperikolat permezz ta’ projbizzjonijiet stretti żżejjed f’tal-għeluq tad-data li jxekklu l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ proġetti innovattivi u lokali mal-SMEs.

1.4.2.

Il-KESE jaħseb li l-bidliet ippjanati għad-direttiva rigward l-isfidi identifikati ser itejbu s-sitwazzjoni b’mod ġenerali u jagħmluha aktar faċli biex isolvu l-problemi mmirati. Madankollu, jistgħu jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-problemi identifikati:

Data dinamika/APIs” — dawn il-bidliet huma biss parzjalment adatti biex itejbu l-qasam problematiku, minħabba li l-bidliet la huma kontrollabbli u lanqas prevedibbli. Speċjalment fit-terminu qasir, it-titjib jista’ jkun insuffiċjenti (ara l-punti 3.1.3, 3.3.1);

It-tariffar” — il-bidliet x’aktarx li se jtejbu l-qasam problematiku u ser jistabbilixxu kumpens għaż-żieda fit-tariffi u jħeġġu l-użu mill-ġdid ta’ data, b’mod partikolari billi jagħmluha aktar aċċessibbli għall-SMEs (ara l-punti 3.1.5, 3.3.2); fl-istess ħin, il-KESE josserva li l-kumpens adatt għall-ispejjeż imġarrba huwa essenzjali għall-kumpaniji pubbliċi;

“L-ambitu tad-Direttiva PSI” — il-bidliet huma insuffiċjenti peress li l-estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva hija purament formalità u ma tinvolvi l-ebda obbligi addizzjonali reali. B’dawn, mhux se tissolva l-problema inkwistjoni (ara l-punti 3.1.1, 3.1.3, 3.3.3);

“Lock-in tad-data tas-settur pubbliku”, il-bidliet huma inadegwati u se jgħinu biss parzjalment u indirettament biex tissolva l-kwistjoni tal-lock-in tad-data tas-settur pubbliku (ara l-punti 3.1.4, 3.3.4).

1.5.   Rakkomandazzjonijiet

1.5.1.

Il-pożizzjoni tal-KESE: L-għażliet mill-Kummissjoni ta’ “intervent b’intensità leġiżlattiva baxxa” mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problemi kollha identifikati rigward l-effettività tad-direttiva (ara l-punti 4.1.3).

Ir-rakkomandazzjoni tal-KESE: Jekk waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-emenda tad-direttiva u wieħed mill-għanijiet ewlenin huma li jindirizzaw il-problemi identifikati, jeħtieġ approċċ aktar attiv u mmirat u għandu jintgħażel l-intervent ta’ “intensità leġislattiva għolja” sabiex jissolvew problemi speċifiċi. Dan jista’ jiġi akkumpanjat minn bidla fl-opzjonijiet elenkati fil-valutazzjoni tal-impatt.

1.5.2.

Il-pożizzjoni tal-KESE: huwa jqis li huwa kruċjali li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa fir-rigward tal-emendi għad-Direttiva (ara l-punt 4.1.2).

Ir-rakkomandazzjoni tal-KESE: Waħda mill-miżuri korrettivi hija li fid-Direttiva jiġi stabbilit b’mod ċar u sempliċi liema leġiżlazzjoni għandha tipprevali f’każ ta’ kunflitti bejn din id-Direttiva u atti oħrajn: ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, id-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data jew id-Direttiva INSPIRE.

1.5.3.

Il-pożizzjoni tal-KESE: Il-valutazzjoni tal-impatt ma tirriflettix kif xieraq il-pożizzjoni tal-partijiet interessati fir-rigward tal-għażla bejn interventi b’intensità leġiżlattiva għolja jew baxxa (ara l-punt 4.1.4).

Ir-rakkomandazzjoni tal-KESE: Għandha titwettaq evalwazzjoni ulterjuri tal-pożizzjoni tal-partijiet interessati rigward l-għażla ta’ soluzzjonijiet biex jiġu ttrattati l-problemi individwali u tiġi evalwata r-rilevanza ġenerali soċjetali tal-grupp tal-partijiet interessati differenti, li twassal għal għażla aktar oġġettiva u aktar infurmata tal-għażliet għal kwistjonijiet individwali.

1.5.4.

Il-pożizzjoni tal-KESE: Minħabba l-fatt li qed ikun hemm aktar il-ħtieġa li l-informazzjoni u d-dokumenti jsiru disponibbli fi żmien qasir, it-tul ta’ żmien massimu għall-ipproċessar ta’ 20 jum ta’ xogħol, f’xi każijiet, huwa twil wisq (ara l-punt 3.1.2).

Ir-rakkomandazzjoni tal-KESE: Għandha titqies il-possibbiltà li tingħata aktar flessibilità.

1.5.5.

Il-pożizzjoni tal-KESE: L-abbozz tad-Direttiva u l-Valutazzjoni tal-Impatt ma jindirizzawx b’mod adegwat it-tħassib ta’ bosta partijiet interessati (ara l-punt 4.2.1).

Ir-rakkomandazzjoni tal-KESE: Il-punti li ġejjin, li ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni, għandhom jiġu evalwati ulterjorment.

it-tnaqqis potenzjali fl-għadd ta’ impjiegi fis-settur pubbliku minħabba l-awtomatizzazzjoni, il-ħtieġa għal taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u s-soluzzjoni għall-problemi soċjali;

drittijiet u obbligi ugwali għas-settur pubbliku u privat fir-rigward tal-aċċess għad-data;

kumpens għal kumpaniji pubbliċi;

il-ħarsien tal-infrastruttura kritika;

l-evitar ta’ konverġenzi tad-Direttiva mal-leġiżlazzjoni lokali jew settorjali;

id-distorsjoni tal-kompetizzjoni għal kumpaniji pubbliċi.

1.5.6.

Il-pożizzjoni tal-KESE: Fil-proposta ta’ riformulazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni deliberatament tindika l-ħtieġa li timmodifika n-nuqqasijiet ta’ din id-Direttiva li kienu ġew identifikati qabel. Madankollu, l-proposta ma tipprovdix titjib sinifikanti fir-rigward tan- nuqqasijiet li kienu identifikati qabel għax ma tilħaqx bilanċ bejn l-interessi varji tal-gruppi differenti ta’ partijiet interessati u b’mod speċjali, ma tipprovdix kundizzjonijiet simili għall-kumpaniji pubbliċi u privati b’rabta mal-iskambju ta’ informazzjoni.

Ir-rakkomandazzjoni tal-KESE: Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha dwar it-titjib ta’ problemi li nstabu fil-valutazzjoni tad-Direttiva preċedenti u għandha tispeċifika:

l-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tair-riformulazzjoni tad-Direttiva, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni attwali bl-interessi varji u t-tħassib minn gruppi differenti ta’ partijiet interessati;

il-kundizzjonijiet ta’ tranżizzjoni għal progress gradwali lejn l-għanijiet tar-riformulazzjoni tad-Direttiva, billi tirrelata l-punti differenti tad-Direttiva ma’ dokumenti leġiżlattivi jew attivitajiet oħrajn li jippermettu l-ibbilanċjar tal-interessi differenti tal-gruppi ta’ partijiet interessati.

2.   Ħarsa ġenerali lejn il-kontenut tad-Direttiva proposta

2.1.   Sfond tal-emendi għad-Direttiva

2.1.1.

Is-settur pubbliku fl-Istati Membri tal-UE jiġġenera ammonti kbar ta’ data li tintuża sabiex l-għoti tas-servizzi privati u pubbliċi jsir aktar effiċjenti u jittieħdu deċiżjonijiet infurmati aħjar. Għaldaqstant, l-UE ilha għal bosta snin tippromovi l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI). Ir-rieżami tad-Direttiva PSI huwa inizjattiva importanti dwar l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data pubblika u ffinanzjata mill-pubbliku, imħabbra mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.

2.1.2.

Il-Kummissjoni rrevediet id-Direttiva u adattatha għall-iżviluppi reċenti fil-ġestjoni u l-użu tad-data.

Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (id-“Direttiva PSI”) ġiet adottata fis-17 ta’ Novembru 2003.

L-għan kien li jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid tal-PSI mal-Unjoni kollha billi tarmonizza l-kundizzjonijiet bażiċi għall-użu mill-ġdid u tneħħi xkiel ewlieni għall-użu mill-ġdid fis-suq intern.

F’Lulju 2013, id-Direttiva 2003/98/KE ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2013/37/UE.

L-emendi introduċew rekwiżit li jippermetti l-użu mill-ġdid tad-data pubblika aċċessibbli għall-pubbliku, u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ġie estiż. Ġiet stabbilita regola standard ta’ tariffar, li tillimita t-tariffi għall-ispejjeż marġinali tar-riproduzzjoni, il-provvista u t-tixrid tal-informazzjoni, u l-korpi tas-settur pubbliku ġew obbligati jkunu aktar trasparenti dwar ir-regoli ta’ tariffar tagħhom u l-kundizzjonijiet li japplikaw.

Fil-25 ta’ April 2018, ġiet preżentata proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva PSI (COM(2018) 234 final). Din il-proposta temenda b’mod sostanzjali d-Direttiva 2003/98/KE u żżid għadd ta’ dispożizzjonijiet ġodda. Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva PSI, ġiet riveduta l-applikazzjoni preċedenti tad-Direttiva PSI u nġibdet l-attenzjoni dwar il-punti ta’ tħassib. Sabiex il-potenzjal tal-informazzjoni tas-settur pubbliku jiġi utilizzat aħjar, id-Direttiva riveduta tipprevedi t-titjib ta’ għadd ta’ oqsma li ġew identifikati bħala problematiċi fil-valutazzjoni.

2.1.3.

L-emenda proposta tad-Direttiva tagħmel parti mit-tielet pakkett dwar id-data , li ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ April 2018. Dan jinkludi wkoll il-Komunikazzjoni Għal spazju tad-data komuni Ewropew (1), li tindirizza l-kwistjoni tal-aċċess għad-data tas-settur privat fl-interess pubbliku u li tistabbilixxi l-prinċipji għall-iskambju tad-data bejn in-negozji (B2B) u bejn in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi (B2G).

2.1.3.1.

Il-Komunikazzjoni telenka l-prinċipji ewlenin għall-użu mill-ġdid ta’ data tas-settur privat (B2B):

it-trasparenza;

il-ħolqien ta’ valur kondiviż;

ir-rispett għall-interessi kummerċjali ta’ xulxin;

l-iżgurar ta’ kompetizzjoni mhux imxekkla;

it-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-lock-in tad-data.

2.1.3.2.

Il-Komunikazzjoni telenka wkoll il-prinċipji ewlenin għall-użu mill-ġdid ta’ data tas-settur privat fis-settur pubbliku (B2G):

il-proporzjonalità fl-użu tad-data tas-settur privat;

il-limitazzjoni tal-iskop;

“tagħmilx ħsara”;

il-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tad-data;

intaffu l-limitazzjonijiet tad-data tas-settur privat;

it-trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà.

2.2.   L-għanijiet tal-emenda għad-Direttiva

2.2.1.

Għanijiet ġenerali:

it-tisħiħ tal-effetti pożittivi tad-Direttiva PSI u tal-ekonomija tad-data tal-UE permezz ta’ żieda fl-ammont ta’ data tas-settur pubbliku disponibbli għall-użu mill-ġdid;

l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet komparabbli għall-provvista tad-data madwar l-UE, sabiex b’hekk tkun żgurata kompetizzjoni ġusta;

it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għad-detenturi tal-informazzjoni tas-settur pubbliku li tista’ tintuża mill-ġdid;

it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-SMEs fis-suq tad-data billi jkun żgurat li l-ostakli ma jżommuhomx milli jużaw id-data pubblika mill-ġdid għal skopijiet kummerċjali.

2.2.2.

Għanijiet speċifiċi:

it-titjib tal-erba’ oqsma ewlenin, li fihom, il-valutazzjoni tal-impatt preċedenti dwar l-effikaċja tad-Direttiva identifikat il-problemi.

2.3.   L-oqsma problematiċi ewlenin li jaffettwaw l-effikaċja tad-Direttiva (l-oqsma li fihom hemm lok għal titjib)

2.3.1.

Qasam problematiku: Data dinamika/APIs :

aċċess inkomplet fil-ħin reali għad-data miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku, speċjalment għal data dinamika, jiġifieri data aġġornata perjodikament;

allokazzjoni u użu insuffiċjenti ta’ mezzi tekniċi xierqa (interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API)).

2.3.2.

Qasam problematiku: It-tariffar:

il-korpi pubbliċi jużaw diversi eċċezzjonijiet attwalment approvati u jitolbu tariffi għall-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku, li huma ferm ogħla minn dak li jkun meħtieġ sabiex jiġu koperti l-ispejjeż, li jwassal għal distorsjonijiet tas-suq: il-kumpaniji l-kbar jiġu megħjuna filwaqt li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li ma jaffordjawx jixtru data pubblika, jaffaċċjaw diversi ostakoli.

2.3.3.

Qasam problematiku: Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI:

id-Direttiva ma tapplikax għal dawk li jaħdmu fis-settur tat-trasport u tal-utilitajiet;

id-Direttiva ma tapplikax għad-data tar-riċerka miksuba bil-għajnuna ta’ finanzjament pubbliku.

2.3.4.

Qasam problematiku: Lock-in tad-data tas-settur pubbliku

id-detenturi tad-data tas-settur pubbliku jikkonkludu ftehimiet esklussivi mas-settur privat, sabiex jassiguraw dħul addizzjonali mid-data tagħhom, u b’hekk jillimitaw l-għadd ta’ utenti potenzjali li jużaw id-data mill-ġdid.

2.4.   L-opzjonijiet għat-titjib tal-oqsma problematiċi u l-opzjoni magħżula

2.4.1.

Il-valutazzjoni tal-impatt (2) ikkunsidrat opzjonijiet possibbli għal miżuri futuri:

(a)

xenarju bażi (jinżamm l-approċċ attwali mingħajr tibdil);

(b)

tieqaf l-azzjoni eżistenti tal-UE (revoka tad-Direttiva PSI);

(c)

miżuri ta’ liġi mhux vinkolanti biss;

(d)

pakkett ta’ soluzzjonijiet li jinkludi kemm l-emendar tad-Direttiva PSI kif ukoll miżuri ta’ liġi mhux vinkolanti.

2.4.2.

L-għażla tal-opzjoni li ttejjeb l-oqsma problematiċi:

opzjoni (a) inżammet bħala x-xenarju ta’ bażi li magħha tqabblu l-benefiċċji tal-opzjonijiet l-oħrajn;

l-opzjonijiet (b) u (c) ġew skartati fi stadju bikri;

opzjoni (d) serviet bħala l-bażi għal żewġ opzjonijiet sekondarji:

opzjoni waħda bl-elementi kollha ta’ intensità leġiżlattiva aktar baxxa;

opzjoni waħda bl-elementi kollha ta’ intensità leġiżlattiva ogħla.

L-opzjoni magħżula mill-Kummissjoni hija pakkett imħallat ta’ intervent regolatorju ta’ intensità baxxa flimkien ma’ aġġornament tal-miżuri attwali mhux vinkolanti — b’mod ġenerali approċċ “b’intensità leġiżlattiva baxxa”.

3.

Kummenti ġenerali

Il-KESE evalwa l-bidliet proposti għad-direttiva minn tlett aspetti:

l-emendi u ż-żidiet ewlenin fit-test oriġinali tad-Direttiva (ara l-punt 3.1);

konsistenza tal-emendi u taż-żidiet fid-Direttiva mal-għanijiet ġenerali tal-emenda tad-Direttiva (ara l-punt 3.2);

konsistenza tal-emendi u taż-żidiet fid-Direttiva mal-oqsma l-aktar importanti li fihom hemm lok għal titjib (ara l-punt 3.3).

3.1.   L-emendi u ż-żidiet ewlenin fit-test oriġinali tad-Direttiva

3.1.1.   Kapitolu I tad-Direttiva — Dispożizzjonijiet ġenerali

Bidliet għad-Direttiva fl-Artikolu 1 — Is-suġġett u kamp ta’ applikazzjoni:

L-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex jinkludi data mis-servizzi pubbliċi u s-servizzi tat-trasport kif ukoll data tar-riċerka;

It-test ta’ spjegazzjoni tad-Direttiva (3) jgħid:

Data fis-settur tat-trasport u tal-utilitajiet: Se japplika sett limitat ta’ obbligi: “l-impriżi pubbliċi jistgħu jitolbu tariffi ogħla mill-ispejjeż marġinali tad-disseminazzjoni u mhumiex obbligati jirrilaxxaw data li ma jridux jirrilaxxaw”;

Id-data tar-riċerka: “L-Istati Membri se jkunu obbligati jiżviluppaw politiki għal aċċess miftuħ għad-data xjentifika”, li bażikament ma jeħtieġ xejn fil-livell tal-UE u li l-attivitajiet kollha f’dan ir-rigward għadhom jaqgħu taħt id-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

Il-pożizzjoni tal-KESE:

Il-Kumitat japprova parzjalment il-bidliet proposti, iżda jqis li huma joffru soluzzjoni inadegwata għall-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI, peress li l-estensjoni ta’ dan il-kamp ta’ applikazzjoni tista’ twassal għal distorsjonijiet tas-suq bejn kumpaniji pubbliċi u kumpaniji privati li joperaw fl-istess suq. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni anke għal kumpaniji privati tista’ ssolvi dik il-problema u, fl-istess ħin, tippromovi l-innovazzjoni f’kumpaniji pubbliċi.

l-emendi previsti jinvolvu xogħol u spejjeż addizzjonali.

3.1.2.   Il-Kapitolu II tad-Direttiva — Talbiet għall-użu mill-ġdid

Emendi għad-Direttiva fl-Artikolu 4 — Ir-rekwiżiti applikabbli għall-ipproċessar tat-talbiet għall-użu mill-ġdid

Eċċezzjonijiet speċifikati li għalihom ir-rekwiżiti għall-ipproċessar tat-talbiet għall-użu mill-ġdid ma japplikawx.

Il-pożizzjoni tal-KESE: — Il-KESE jappoġġja l-bidliet proposti fir-rigward tal-eċċezzjonijiet, iżda huwa tal-fehma li, minħabba li l-informazzjoni u d-dokumenti għandhom dejjem jiġu prodotti f’perjodu qasir, il-ħin massimu tal-ipproċessar ta’ għoxrin jum tax-xogħol jista’ jitqassar fil-każ ta’ talbiet li jinvolvu data li tista’ tkun faċilment disponibbli.

3.1.3.   Kapitolu III tad-Direttiva — Il-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid

Emendi għad-Direttiva fl-Artikolu 5 — Il-formati disponibbli

Ta’ min jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u l-intrapriżi pubbliċi jagħmlu disponibbli data dinamika għall-użu mill-ġdid hekk kif tkun inġabret, billi jużaw Interfaċċi għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs) adegwati.

Id-Direttiva tirrikjedi li: Meta d-disponibbiltà tad-dokumenti minnufih wara l-ġbir tkun taqbeż il-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi tal-korp tas-settur pubbliku jew tal-impriża pubblika, id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu disponibbli fi żmien li ma jxekkilx indebitament l-isfruttament tal-potenzjal ekonomiku tagħhom.

L-opzjoni magħżula hija dik li tipprovdi għal “obbligu mhux vinkolanti għall-Istati Membri li jagħmlu d-data dinamika disponibbli fil-ħin u li jintroduċu l-APIs” (l-opzjoni ta’ intensità leġiżlattiva baxxa).

Il-pożizzjoni tal-KESE:

Il-KESE jappoġġja parzjalment l-emendi ppjanati u jqis li, b’mod ġenerali, dawn se jgħinu biex isolvu l-problema ta’ “data dinamika”. Iżda r-riżultat tal-emendi la huwa verifikabbli u lanqas prevedibbli, u speċjalment fit-terminu qasir, ir-riżultat tat-titjib jista’ jkun insuffiċjenti.

Id-detenturi tad-data fil-bidu se jġarrbu spejjeż addizzjonali (biex jistabbilixxu APIs u għall-implimentazzjoni teknoloġiku) iżda huwa mistenni qligħ għad-detenturi tad-data fuq medda twila ta’ żmien permezz ta’ prattiki mtejba tax-xogħol (għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll għal bidliet possibbli fl-impjieg fis-servizz ċivili minħabba l-awtomazzjoni u l-ħtieġa li jissolvew il-problemi soċjali).

Emendi għad-Direttiva fl-Artikolu 10 — Id-disponibbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data tar-riċerka

L-Artikolu 10 jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jappoġġaw id-disponibbiltà tad-data tar-riċerka billi jadottaw politiki nazzjonali u azzjonijiet rilevanti bil-għan li jagħmlu d-data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku disponibbli b’mod miftuħ (“politiki tal-aċċess miftuħ”).

Il-pożizzjoni tal-KESE: Il-KESE japprova parzjalment il-verżjoni l-ġdida, li jaħseb li ġeneralment ittejjeb l-effikaċja tad-Direttiva PSI iżda mhix ir-risposta għall-problema dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI peress li hija dikjarattiva, bl-effett li xejn mhu meħtieġ fil-livell tal-UE u l-attivitajiet kollha possibbli jitħallew għad-diskrezzjoni tal-Istat Membru individwali.

3.1.4.   Kapitolu IV tad-Direttiva — In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-kummerċ ġust

Emendi għad-Direttiva fl-Artikolu 12 — Il-projbizzjoni ta’ arranġamenti esklussivi

Huwa preskritt li l-arranġamenti legali jew prattiċi, għalkemm ma jagħtux drittijiet esklużivi, jistgħu jirrestrinġu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti, għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li dawn jidħlu fis-seħħ.

L-għażla proposta tistabbilixxi biss rekwiżiti ta’ trasparenza (l-opzjoni ta’ “intensità leġiżlattiva baxxa”), iżda ma tipprojbixxi prattiki li jwasslu għal sitwazzjoni ta’ lock-in ta’ data (l-opzjoni ta’ “intensità leġiżlattiva għolja”).

Il-pożizzjoni tal-KESE: Il-Kumitat jappoġġja parzjalment l-emendi previsti u jemmen li, b’mod ġenerali, dawn jgħinu biex isolvu l-problema li tikkonċerna l-lock-in tad-data tas-settur pubbliku. Madankollu, l-għan li jissaħħu l-SMEs m’għandux jiġi pperikolat mill-projbizzjonijiet stretti żżejjed ta’ lock-in tad-data, hekk kif dan jimpedixxi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti innovattivi u lokali bil-parteċipazzjoni tal-SMEs.

3.1.5.   Kapitolu V tad-Direttiva — Settijiet tad-data ta’ valur għoli

Bidliet għad-Direttiva fl-Artikolu 13 — Lista ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli

Il-Kummissjoni tistabbilixxi lista ta’ settijiet ta’ data b’valur għoli u l-modalitajiet tal-pubblikazzjoni tagħhom u l-użu mill-ġdid;

Il-pożizzjoni tal-KESE:

Il-KESE jappoġġja l-emendi proposti u jemmen li dan se jżid l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku;

għandu jitqies il-fatt li se jkun hemm spejjeż addizzjonali sabiex jiġu introdotti soluzzjonijiet tekniċi ġodda u tnaqqis fid-dħul għad-detenturi tad-data;

ma hemm l-ebda informazzjoni ċara dwar il-proċeduri għall-kumpilazzjoni, iż-żamma u l-użu ta’ settijiet tad-data ta’ kwalità għolja;

ma hemm l-ebda indikazzjoni ċara dwar mekkaniżmi ta’ kumpens għal detenturi tad-data għall-forniment ħieles ta’ data.

3.2.   Konsistenza tal-emendi u taż-żidiet fid-Direttiva mal-għanijiet ġenerali tal-emenda tad-Direttiva

3.2.1.    Għan: It-titjib ulterjuri tal-effett pożittiv li diġà tħalli d-Direttiva PSI, it-tisħiħ tal-ekonomija tad-data fl-UE, żieda fl-ammont ta’ data tas-settur pubbliku li tista’ tintuża mill-ġdid

Il-pożizzjoni tal-KESE: B’mod ġenerali, l-emendi proposti jaqdu l-għan ġlobali.

3.2.2.    Għan: L-istabbilment ta’ kundizzjonijiet komparabbli fl-UE għall-għoti tad-data biex b’hekk tkun żgurata kompetizzjoni ġusta

Il-pożizzjoni tal-KESE: L-emendi proposti huma diretti u mmirati b’mod inekwivokabbli biex jilħqu dan l-għan billi:

itejbu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-tariffar — (Artikolu 6 tad-Direttiva);

jirregolaw aktar mill-qrib il-possibbiltajiet li jiġu konklużi arranġamenti esklużivi — (l-Artikolu 12 tad-Direttiva);

il-provvista mingħajr ħlas ta’ data u ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli hija regolata mill-qrib — (Artikolu 13 tad-Direttiva);

fl-istess ħin, il-KESE jfakkar fil-periklu li obbligi unilaterali għall-kumpaniji pubbliċi li jinsabu f’kompetizzjoni diretta ma’ kumpaniji privati jwasslu għall-distorsjonijiet fis-suq.

3.2.3.    Għan: It-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq id-detenturi tal-informazzjoni tas-settur pubbliku li tista’ tinuża mill-ġdid

Il-pożizzjoni tal-KESE: Il-bidliet proposti huma ġeneralment milqugħa:

se jwasslu, fit-tul, għal tnaqqis fil-piż amministrattiv għad-detenturi ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku li tista’ terġa’ tintuża, b’mod partikolari flimkien mal-użu ta’ metodi teknoloġiċi ġodda (Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva);

madankollu, bidliet potenzjali tal-impjieg fis-settur pubbliku huma mistennija, li ser jirrikjedu li jissolvew il-problemi soċjali relatati.

3.2.4.    Għan: It-tisħiħ tal-SMEs fis-suq tad-data, billi jiġi żgurat li dawn ma jiġux imxekkla minn ostakoli biex jerġgħu jużaw id-data pubblika għall-finijiet kummerċjali

Il-pożizzjoni tal-KESE: Dan l-għan huwa indirizzat fl-emendi proposti u, jekk dawn jiġu implimentati, se jtejbu l-pożizzjoni tal-SMEs fir-rigward tal-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku (Artikoli 6, 12 u 13 tad-Direttiva). Madankollu, l-għażla ta’ opzjoni ta’ “intensità leġiżlattiva għolja” kienet tkun aktar effiċjenti. Madankollu, il-produzzjoni, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-SMEs mhumiex se jkunu mxekkla minn obbligu eċċessiv tat-trażmissjoni ta’ data tal-imsieħba ta’ kooperazzjoni mis-settur pubbliku jew mill-projbizzjoni ta’ drittijiet esklużivi.

3.3.   Konsistenza tal-emendi u taż-żidiet fid-Direttiva mal-oqsma l-aktar importanti li fihom hemm lok għal titjib

3.3.1.   Qasam problematiku: Data dinamika/APIs

Titjib previst:

L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu disponibbli fi żmien xieraq data dinamika, “mhux vinkolanti” u jintroduċu l-APIs — (Artikolu 5 tad-Direttiva);

Impenn aktar b’saħħtu mill-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-possibbiltà li jintuża mill-ġdid numru limitat ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli — (Artikolu 13 tad-Direttiva).

Il-pożizzjoni tal-KESE:

It-tibdiliet previsti huma parzjalment adegwati biex itejbu dan il-qasam problematiku (ara l-punt 3.1.3);

fuq terminu twil, l-emendi previsti se jikkontribwixxu sabiex tissolva l-kwistjoni relatata mal-aċċess għad-data dinamika u se jħeġġu l-użu mill-ġdid tad-data dinamika kif ukoll l-użu ta’ teknoloġija ġdida (API) għal skambju awtomatiku tad-data. It-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data b’mod f’waqtu għandu jkun obbligu mhux vinkolanti, li jagħmilha possibbli li jikkumpensa għal kundizzjonijiet lokali diffiċli u li jiġu indirizzati prattiki lokali.

3.3.2.   Ambitu għat-titjib: It-tariffar

Titjib previst:

Regoli aktar stretti dwar l-użu tal-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li l-korpi tas-settur pubbliku ma jistgħux jitolbu tariffi ogħla mill-ispejjeż marġinali tad-disseminazzjoni – (Artikolu 6 tad-Direttiva);

il-ħolqien ta’ lista ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli li għandhom ikunu disponibbli liberament fl-Istati Membri kollha — (Artikolu 13 tad-Direttiva).

Il-pożizzjoni tal-KESE:

It-tibdiliet previsti huma adegwati biex itejbu dan il-qasam problematiku (ara l-punt 3.1.5), fl-istess ħin, il-KESE jirrimarka li kumpens xieraq għall-ispejjeż imġarrba huwa essenzjali għal kumpaniji pubbliċi;

il-bidliet previsti se jindirizzaw iż-żieda fit-tariffi u se jħeġġu l-użu mill-ġdid tad-data, l-aktar billi din issir aktar aċċessibbli għall-SMEs.

3.3.3.   Ambitu għat-titjib: Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI

Titjib previst:

l-estensjoni tas-suġġett u tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva — (Artikolu 1 tad-Direttiva);

l-Istati Membri se jkunu obbligati jiżviluppaw politiki għal aċċess miftuħ għad-data xjentifika li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku filwaqt li tinżamm il-flessibbiltà fl-implimentazzjoni (Artikolu 10 tad-Direttiva).

Il-pożizzjoni tal-KESE: — L-emendi proposti mhumiex biżżejjed sabiex jittejjeb dan il-qasam problematiku (ara l-punti 3.1.1, 3.1.3);

3.3.4.   Ambitu għat-titjib: Lock-in tad- tas-settur pubblikudata

Titjib previst: — Rekwiżiti aktar stretti fir-rigward tan-nonesklussività u t-trasparenza għall-ftehimiet pubbliċi-privati relatati mal-informazzjoni tas-settur pubbliku — (Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva).

Il-pożizzjoni tal-KESE:

L-emendi previsti mhumiex biżżejjed sabiex jittejjeb dan il-qasam problematiku (ara l-punt 3.1.4);

l-emendi proposti se jgħinu parzjalment biex isolvu l-problema ta’ lock-in tad-data tas-settur pubbliku u jippromovu l-użu mill-ġdid tad-data. Madankollu, miżuri eċċessivi biex ikun evitat lock-in tad-data m’għandhomx joħolqu ostakli għal proġetti innovattivi u sħubijiet.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Valutazzjoni tal-impatt tal-emendi pjanati

4.1.1.

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidliet proposti hija dokument importanti. Din hija l-bażi għall-konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet li fuqhom se jitfasslu l-emendi u ż-żidiet għad-Direttiva, li min-naħa tagħha se jkollha impatt sinifikanti fuq l-Istati Membri tal-UE.- Din hija r-raġuni għaliex huwa indispensabbli li jintuża metodu sod għall-valutazzjoni tal-impatt, li jwassal għal riżultati oġġettivi u affidabbli.

4.1.2.

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati fl-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (4):

Il-valutazzjoni tal-impatt ma tirriflettix il-perspettiva tal-partijiet interessati b’mod adegwat. B’mod partikolari, it-tħassib espress mill-partijiet ikkonċernati fir-rigward tas-sigurtà tad-data personali u tal-protezzjoni tal-bażijiet tad-data mhuwiex indirizzat biżżejjed;

fil-valutazzjoni tal-impatt mhuwiex spjegat biżżejjed kif l-emendi maħsuba għad-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data u għar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jirrelataw ma’ xulxin;

fil-valutazzjoni tal-impatt l-alternattivi possibbli għall-emendi mhumiex deskritti f’biżżejjed dettall, u l-għażla ta’ din l-alternattiva hija limitata wisq (jew mhix wiesgħa biżżejjed), sabiex tipprovdi għażla ta’ soluzzjonijiet alternattivi reali.

Il-pożizzjoni tal-KESE:

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju għandhom jiġu kkoreġuti;

fejn xieraq, għandhom jittieħdu miżuri korrettivi fir-rigward tal-bidliet fid-Direttiva.

4.1.3.

L-interessi tal-gruppi affettwati elenkati fis-sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt (5):

Id-detenturi tad-data (entitajiet pubbliċi) għandhom tendenza li jappoġġjaw iż-żamma tal-istatus quo fir-rigward tal-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku, jiġifieri l-opzjoni ta’ “intensità leġiżlattiva aktar baxxa”.

Dawk li jerġgħu jużaw id-data (fosthom l-SMEs), min-naħa l-oħra, jippreferu l-għażla ta’ progress iktar rapidu u effettiv biex jiżdied l-ammont ta’ data użata mill-ġdid, jiġifieri l-għażla ta’ “intensità leġiżlattiva għolja”.

Il-pożizzjoni tal-KESE:

Għalkemm l-għan tad-Direttiva huwa li żżid il-volum tad-data użata mill-ġdid u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-SMEs fis-suq tad-data, it-tfixkil tas-suq possibbli m’għandux jiġi injorat, b’hekk, madankollu l-Kummissjoni għażlet l-opzjoni ta’ “intervent b’intensità leġiżlattiva baxxa” u b’hekk mhix qed tisfrutta għalkollox il-potenzjal għal titjib tal-oqsma problematiċi;

Sabiex ikunu segwiti l-għanijiet tar-reviżjoni tad-direttiva b’mod aktar effettiv, l-effettività tal-miżuri meħuda trid tiġi evalwata.

4.1.4.

Il-fehmiet tal-partijiet interessati identifikati u evalwati fil-valutazzjoni tal-impatt (6):

L-għażla tal-miżuri xierqa biex jissolvew il-problemi (opzjonijiet ta’ “intensità leġiżlattiva aktar baxxa” jew ta’ “intensità leġiżlattiva għolja”) teħtieġ li jiġu identifikati l-fehmiet tal-partijiet interessati;

il-valutazzjoni tal-impatt tirrifletti l-fehmiet tad-diversi partijiet interessati dwar l-evalwazzjoni ġenerali tal-ħidma tad-direttiva u l-bidliet mixtieqa.

Il-pożizzjoni tal-KESE:

Il-valutazzjoni tal-impatt ma tirriflettix b’mod speċifiku biżżejjed il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar l-għażla bejn opzjonijiet ta’ intensità leġiżlattiva għolja jew aktar baxxa;

ma saret l-ebda distinzjoni fi ħdan gruppi ta’ interess abbażi ta’ interessi u opportunitajiet differenti, tip ta’ informazzjoni, tip ta’ attività (eż.: detenturi ta’ data li mhumiex imħallsa biex jipprovdu data, detenturi ta’ data li jitħallsu biex jipprovdu data, utenti tad-data, kumpaniji kbar, SMEs, entitajiet oħra tas-settur pubbliku);

ma ġietx identifikata l-pożizzjoni ta’ kull grupp ta’ interess dwar kull soluzzjoni possibbli għal kull problema individwali;

ma hemm l-ebda valutazzjoni tar-rilevanza tas-soċjetà ta’ kull grupp tal-partijiet interessati u għaldaqstant valutazzjoni tar-rappreżentattività tiegħu u tal-iskala reali tal-impatt.

4.2.   Punti oħrajn relatati mad-Direttiva li mhumiex koperti biżżejjed

4.2.1.

Il-KESE huwa konvint li ma ġiex meqjus biżżejjed it-tħassib ewlieni ta’ bosta partijiet interessati fil-proposta u l-valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk, jipproponi li jiġu kkunsidrati fid-dettall il-kwistjonijiet li ġejjin:

drittijiet u obbligi ugwali għas-settur pubbliku u privat fir-rigward tal-aċċess għad-data;

kumpens tas-settur pubbliku sabiex jiġi żgurat aċċess bla ħlas għad-data pubblika;

il-ħarsien ta’ “infrastruttura kritika” — eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-infrastruttura kritika;

evitar ta’ duplikazzjoni — adattament tad-direttiva għal-leġiżlazzjoni settorjali diġà eżistenti dwar l-iskambju u l-użu tad-data;

kompetizzjoni ġusta — l-intrapriżi pubbliċi jkunu soġġetti għal theddid f’każijiet fejn dawn ikollhom jipprovdu informazzjoni bla ħlas lill-intrapriżi kompetituri privati;

it-tnaqqis potenzjali fl-għadd ta’ impjiegi fis-settur pubbliku minħabba l-awtomatizzazzjoni, il-ħtieġa għal taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u s-soluzzjoni għall-problemi soċjali.

4.3.   Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Għal spazju tad-data komuni Ewropew”

4.3.1.

Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-fehma espressa fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li l-aċċess għal data pubblika u dik iffinanzjata pubblikament u l-użu mill-ġdid tagħha huma l-pedamenti ewlenin ta’ spazju tad-data komuni Ewropew. Dan huwa kompletament f’konformità mal-attivitajiet relatati mar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-għanijiet tar-reviżjoni tad-Direttiva, il-KESE jemmen li l-progress fil-kisba ta’ dawn l-objettivi se jżid id-disponibbiltà ta’ data għall-użu mill-ġdid.

4.3.2.

Il-KESE japprova l-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-Komunikazzjoni għall-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji (B2B) u dik bejn in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi (B2G) u jikkunsidraha bħala bażi potenzjalment tajba għal kooperazzjoni futura mal-partijiet interessati.

4.3.3.

Il-KESE jappoġġja l-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni, li, skont hu, ser jgħinu lill-kumpaniji u s-settur pubbliku jaċċessew u jużaw mill-ġdid data minn diversi sorsi, setturi ekonomiċi u oqsma speċjalizzati fl-UE.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Komunikazzjoni “Għal spazju tad-dejta komuni Ewropew” (COM(2018) 232 final).

(2)  Valutazzjoni tal-impatt (SWD(2018) 127).

(3)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (riformulazzjoni), COM(2018) 234 final.

(4)  Opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (SEC(2018) 206).

(5)  Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt (SWD(2018) 128).

(6)  Valutazzjoni tal-impatt (SWD(2018) 127).


ANNESS

Dawn it-testi li ġejjin mill-opinjoni tas-sezzjoni nċaħdu mill-Assemblea favur l-emendi, iżda tal-inqas kwart tal-voti mixħuta kienu favur li jinżamm it-test tal-opinjoni tas-sezzjoni:

Bidliet għad-Direttiva fl-Artikolu 1 — Is-suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex jinkludi data mis-servizzi pubbliċi u s-servizzi tat-trasport kif ukoll data tar-riċerka;

it-test ta’ spjegazzjoni tad-Direttiva (1) jgħid:

data fis-settur tat-trasport u tal-utilitajiet: Se japplika sett limitat ta’ obbligi: “l-impriżi pubbliċi jistgħu jitolbu tariffi ogħla mill-ispejjeż marġinali tad-disseminazzjoni u mhumiex obbligati jirrilaxxaw data li ma jridux jirrilaxxaw”;

id-data tar-riċerka: “L-Istati Membri se jkunu obbligati jiżviluppaw politiki għal aċċess miftuħ għad-data xjentifika”, li bażikament ma jeħtieġ xejn fil-livell tal-UE u li l-attivitajiet kollha f’dan ir-rigward għadhom jaqgħu taħt id-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

Il-pożizzjoni tal-KESE:

Il-Kumitat japprova parzjalment il-bidliet proposti, iżda jqis li huma joffru soluzzjoni inadegwata għall-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI, peress li l-estensjoni ta’ dan il-kamp ta’ applikazzjoni hija formalità u ma tistabbilixxi l-ebda dmir u responsabilità addizzjonali reali;

L-emendi previsti jinvolvu xogħol u spejjeż addizzjonali. Fit-terminu qasir, id-detenturi tad-data jridu jinvestu, filwaqt li fit-terminu twil, kemm id-detenturi tad-data kif ukoll l-utenti li jagħmlu użu mill-ġdid tad-data għandhom prospetti ta’ profitti.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

80

Voti kontra:

52

Astensjonijiet:

16

3.1.2.   Il-Kapitolu II tad-Direttiva — Talbiet għall-użu mill-ġdid

Emendi għad-Direttiva fl-Artikolu 4 — Ir-rekwiżiti applikabbli għall-ipproċessar tat-talbiet għall-użu mill-ġdid

Eċċezzjonijiet speċifikati li għalihom ir-rekwiżiti għall-ipproċessar tat-talbiet għall-użu mill-ġdid ma japplikawx.

Il-pożizzjoni tal-KESE: Il-KESE jappoġġja l-bidliet proposti fir-rigward tal-eċċezzjonijiet, iżda huwa tal-fehma li, minħabba li l-informazzjoni u d-dokumenti għandhom dejjem jiġu prodotti f’perjodu qasir, il-ħin massimu tal-ipproċessar ta’ għoxrin jum tax-xogħol huwa twil wisq u għandu’ jitqassar bil-għan li jittejjeb il-fluss tax-xogħol fis-settur pubbliku.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

83

Voti kontra:

55

Astensjonijiet:

7

3.1.4.   Kapitolu IV tad-Direttiva — In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-kummerċ ġust

Emendi għad-Direttiva fl-Artikolu 12 — Il-projbizzjoni ta’ arranġamenti esklussivi

Huwa preskritt li l-arranġamenti legali jew prattiċi, għalkemm ma jagħtux drittijiet esklużivi, jistgħu jirrestrinġu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti, għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li dawn jidħlu fis-seħħ.

L-għażla proposta tistabbilixxi biss rekwiżiti ta’ trasparenza (l-opzjoni ta’ “intensità leġiżlattiva baxxa”), iżda ma tipprojbixxi prattiki li jwasslu għal sitwazzjoni ta’ lock-in ta’ data (l-opzjoni ta’ “intensità leġiżlattiva għolja”).

Il-pożizzjoni tal-KESE: Il-Kumitat japprova parzjalment il-bidliet proposti u jqis li dawn ġeneralment jgħinu biex tissolva l-problema li tikkonċerna l-lock-in tad-data tas-settur pubbliku iżda li r-riżultati miksuba mhux se jkunu biżżejjed biex tissolva l-essenza tal-problema. Il-KESE jemmen li approċċ aktar affettiv għal din il-problema ikun li tintgħażel opzjoni li tipprojbixxi attivitajiet li jwasslu għal lock-in ta’ data.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

80

Voti kontra:

60

Astensjonijiet:

12

3.2.2.    Għan: L-istabbilment ta’ kundizzjonijiet komparabbli fl-UE għall-għoti tad-data biex b’hekk tkun żgurata kompetizzjoni ġusta.

Pożizzjoni tal-KESE: L-emendi proposti huma diretti u mmirati b’mod inekwivokabbli biex jilħqu dan l-għan billi:

itejbu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-tariffar — l-Artikolu 6 tad-Direttiva;

jirregolaw aktar mill-qrib il-possibbiltajiet li jiġu konklużi arranġamenti esklużivi — (l-Artikolu 12 tad-Direttiva);

il-provvista mingħajr ħlas ta’ data u ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli hija regolata mill-qrib — (Artikolu 13 tad-Direttiva);

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

80

Voti kontra:

61

Astensjonijiet:

9

3.2.4.    Għan: It-tisħiħ tal-SMEs fis-suq tad-data, billi jiġi żgurat li dawn ma jiġux imxekkla minn ostakoli biex jerġgħu jużaw id-data pubblika għall-finijiet kummerċjali.

Il-pożizzjoni tal-KESE: Dan l-għan huwa indirizzat fl-emendi proposti u, jekk dawn jiġu implimentati, se jtejbu l-pożizzjoni tal-SMEs fir-rigward tal-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku (Artikoli 6, 12 u 13 tad-Direttiva). Madankollu, l-għażla ta’ opzjoni ta’ “intensità leġiżlattiva għolja” kienet tkun aktar effiċjenti.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

76

Voti kontra:

53

Astensjonijiet:

6

3.3.1.   Ambitu għal titjib: Data dinamika/APIs”

Titjib previst:

L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu disponibbli fi żmien xieraq data dinamika, “mhux vinkolanti” u jintroduċu l-APIs — (Artikolu 5 tad-Direttiva);

impenn aktar b’saħħtu mill-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-possibbiltà li jintuża mill-ġdid numru limitat ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli — (Artikolu 13 tad-Direttiva).

Il-pożizzjoni tal-KESE:

It-tibdiliet previsti huma parzjalment adegwati biex itejbu dan il-qasam problematiku (ara l-punt 3.1.3);

fuq terminu twil, l-emendi previsti se jikkontribwixxu sabiex tissolva l-kwistjoni relatata mal-aċċess għad-data dinamika u se jħeġġu l-użu mill-ġdid tad-data dinamika kif ukoll l-użu ta’ teknoloġija ġdida (API) għal skambju awtomatiku tad-data. Madankollu, minħabba l-fatt li għall-Istati Membri japplika rekwiżit “mhux vinkolanti” li jagħmlu “id-data dinamika disponibbli fil-ħin u li jintroduċu l-APIs”, ir-riżultat tal-emendi la huwa verifikabbli u lanqas prevedibbli. It-titjib jista’ jkun insuffiċjenti speċjalment fuq terminu qasir.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

77

Voti kontra:

58

Astensjonijiet:

10

3.3.3.   Ambitu għat-titjib: “Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI”

Titjib previst:

l-estensjoni tas-suġġett u tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva — (Artikolu 1 tad-Direttiva);

l-Istati Membri se jkunu obbligati jiżviluppaw politiki għal aċċess miftuħ għad-data xjentifika li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku filwaqt li tinżamm il-flessibbiltà fl-implimentazzjoni (Artikolu 10 tad-Direttiva).

Il-pożizzjoni tal-KESE:

L-emendi proposti mhumiex biżżejjed sabiex jittejjeb dan il-qasam problematiku (ara l-punti 3.1.1, 3.1.3);

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, bl-użu tal-għażla ta’ “intervent b’intensità leġiżlattiva baxxa” hija purament formalità u ma tinvolvi l-ebda obbligu addizzjonali reali. B’dawn, mhux se tissolva l-problema inkwistjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

78

Voti kontra:

61

Astensjonijiet:

10

3.3.4.   Ambitu għat-titjib: “Lock-in tad-data tas-settur pubbliku”

Titjib previst: — Rekwiżiti aktar stretti fir-rigward tan-nonesklussività u t-trasparenza għall-ftehimiet pubbliċi-privati relatati mal-informazzjoni tas-settur pubbliku — (Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva).

Il-pożizzjoni tal-KESE:

L-emendi previsti mhumiex biżżejjed sabiex jittejjeb dan il-qasam problematiku (ara l-punt 3.1.4);

l-emendi proposti se jgħinu parzjalment biex isolvu l-problema ta’ lock-in tad-data tas-settur pubbliku u jippromovu l-użu mill-ġdid tad-data. Madankollu, l-opzjoni ppjanata ta’ “intensità leġiżlattiva aktar baxxa” magħżula mhix se tkun biżżejjed biex tindirizza b’mod effettiv il-problema ta’ lock-in tad-data. Skont il-KESE, ikun aktar xieraq li, b’rabta ma’ din il-kwistjoni, tintgħażel l-opzjoni ta’ “intervent b’intensità leġiżlattiva għolja”.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

82

Voti kontra:

57

Astensjonijiet:

8

4.1.3.

L-interessi tal-gruppi affettwati elenkati fis-sommarju tal-Valutazzjoni tal-Impatt (2):

Id-detenturi tad-data (entitajiet pubbliċi) għandhom tendenza li jappoġġjaw iż-żamma tal-istatus quo fir-rigward tal-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku, jiġifieri l-opzjoni ta’ “intensità leġiżlattiva aktar baxxa”.

Dawk li jerġgħu jużaw id-data (fosthom l-SMEs), min-naħa l-oħra, jippreferu l-għażla ta’ progress iktar rapidu u effettiv biex jiżdied l-ammont ta’ data użata mill-ġdid, jiġifieri l-għażla ta’ “intensità leġiżlattiva għolja”.

Il-pożizzjoni tal-KESE:

Għalkemm l-għan tad-Direttiva huwa li żżid il-volum tad-data użata mill-ġdid u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-SMEs fis-suq tad-data, madankollu l-Kummissjoni għażlet l-opzjoni ta’ “intervent b’intensità leġiżlattiva baxxa” u b’hekk mhix qed tisfrutta għalkollox il-potenzjal għal titjib tal-oqsma problematiċi;

sabiex l-għanijiet tal-emendi tad-Direttiiżlva jintlaħqu b’mod aktar effettiv, huwa essenzjali li wieħed jaġixxi b’mod aktar attiv u mmirat, u biex jissolvew problemi speċifiċi għandha tintgħażel l-opzjoni ta’ “intervent b’intensità leġiżlattiva għolja”. Dan jista’ jiġi akkumpanjat minn bidla fl-opzjonijiet identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur:

87

Voti kontra:

58

Astensjonijiet:

6


(1)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (riformulazzjoni), COM(2018) 234 final.

(2)  Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt (SWD(2018) 128).


Top