EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CO0019

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-3 ta’ Lulju 2014.
Ana-Maria Talasca u Angelina Marita Talasca vs Stadt Kevelaer.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Duisburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 53(2) u 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domanda preliminari – Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C‑19/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2049

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

3 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 53(2) u 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domanda preliminari — Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża C‑19/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sozialgericht Duisburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Ana-Maria Talasca,

Angelina Marita Talasca

vs

Stadt Kevelaer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 53(2) Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali, (iktar ’il quddiem is-“SGB II”) mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ana-Maria Talasca u bintha Angelina Marita Talasca u l-iStdat Kevelaer (il-Belt ta’ Kevelaer), peress li d-dipartiment tal-impjieg ta’ din il-belt (iktar ’il quddiem il-“Jobcenter”) irrifjuta li jħallashom ċerti benefiċċji soċjali.

Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż

3

L-Artikolu 7 tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch), (iktar ’il quddiem is-“SGB II”), intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“(1)   Il-benefiċċji skont dan il-ktieb huma intiżi għall-persuni li:

1.

laħqu l-età ta’ 15-il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.

huma kapaċi jaħdmu,

3.

jinsabu fil-bżonn u

4.

jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji kapaċi li jaħdmu).

Huma esklużi:

1.

il-barranin, nisa u rġiel, li ma humiex impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 2(3) tal-Liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni [Freizügigkeitsgesetz/EU], u l-membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur tal-perijodu ta’ residenza tagħhom,

2.

il-barranin, nisa u rġiel, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom,

[…]

Il-punt 1 tat-tieni sentenza ma japplikax għall-barranin, nisa u rġiel, li jirrisjedu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt permess ta’ residenza maħruġ skont it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar id-dritt ta’ residenza. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ residenza jibqgħu japplikaw.

[…]”

4

Il-Liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Freizügigkeitsgesetz/EU, iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”) tipprovdi, fl-Artikolu 2(3) tagħha, li l-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg iżommu l-istatus tagħhom ta’ impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom għal sitt xhur wara l-iskadenza taċ-ċertifikat ta’ residenza intiż għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (“Freizügigkeitsbescheinigung”).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-att proċedurali ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2014 mis-Sozialgericht Duisburg u intitolat “Dikjarazzjoni tal-fatti dwar id-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2013”, jirriżulta li A. M. Talasca hija ta’ nazzjonalità Rumena.

6

Fl-1 ta’ Lulju 2007, hija telqet mir-Rumanija sabiex tmur f’Kevelaer (il-Ġermanja).

7

Fis-27 ta’ Ottubru 2010, id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni (Ausländerbehörde) ħareġ ċertifikat ta’ residenza intiż għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea lil A. M. Talasca, li kien esklużivament validu għat-tiftix ta’ impjieg.

8

Mit-23 ta’ Mejju sat-23 ta’ Novembru 2011, A. M. Talasca kellha impjieg, ma’ azjenda ortikulturali, suġġett għall-assigurazzjoni soċjali obbligatorja.

9

Mill-1 ta’ Diċembru 2011 sad-19 ta’ Jannar 2012, A. M. Talasca rċeviet l-allowance tal-qgħad I (Arbeitslosengeld I, iktar ’il quddiem l-“Alg I”). Inkunsiderazzjoni tal-ammont żgħir tad-dħul tagħha, hija ressqet talba għall-ħlas ta’ benefiċċji skont is-SGB II, mill-1 ta’ Jannar 2012, quddiem il-Jobcenter, l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam ta’ benefiċċji għall-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg.

10

Dawn il-benefiċċji ngħatawlha sat-23 ta’ Mejju 2012.

11

Dawn l-istess benefiċċji ngħataw ukoll sat-23 ta’ Mejju 2012 lil bint A. M. Talasca, li twieldet fil-11 ta’ Marzu 2012.

12

Peress li qiesu li kienu intitolati għall-ħlas tal-imsemmija benefiċċji lil hinn mit-23 ta’ Mejju 2012, għaliex altrimenti jkun hemm ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista fid-dispożizzjonijiet tad-“dritt Ewropew”, A. M. Talasca u bintha ppreżentaw rikors quddiem is-Sozialgericht Duisburg.

13

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-importanza tal-kwistjoni mqajma fil-kawża li hija għandha quddiemha għal serje ta’ kawżi simili pendenti quddiemha.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sozialgericht Dortmund iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

[Il-punt 2] tal-Artikolu 7(1) tas-[SGB II] huwa kompatibbli mad-dritt tal-[Unjoni]?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha temenda s-sitwazzjoni legali fis-seħħ jew inkella tirriżulta direttament sitwazzjoni legali ġdida u, f’dak il-każ, liema waħda?

3)

[Il-punt 2] tal-Artikolu 7(1) tas-[SGB II] għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm l-istituzzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jwettqu l-emenda leġiżlattiva (jekk ikun il-każ) neċessarja?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

15

Skont l-Artikolu 53(2) Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

16

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk dispożizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-kompatibbiltà sabiex taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Fendt Italiana, C-145/06 u C-146/06, EU:C:2007:411, punt 30, u KGH Belgium, C-351/11, EU:C:2012:699, punt 17, kif ukoll id-digriet Mlamali, C-257/13, EU:C:2013:763, punt 17).

17

Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li minn tal-inqas tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom dawn id-domandi jkunu bbażati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Centro Europa 7, C-380/05, EU:C:2008:59, punt 57, u Mora IPR, C-79/12, EU:C:2013:98, punt 35, kif ukoll id-digrieti Augustus, C-627/11, EU:C:2012:754, punt 8 u Mlamali, EU:C:2013:763, punt 18).

18

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa biss li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi ta’ fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara s-sentenza Eckelkamp et, C-11/07, EU:C:2008:489, punt 52, kif ukoll id-digrieti SKP, C-433/11, EU:C:2012:702, punt 24, u Mlamali, EU:C:2013:763, punt 19).

19

Il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti wkoll fuq l-importanza tal-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tikkunsidra neċessarju li tagħmel id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza ABNA et, C-453/04, C-11/04, C-12/04 u C-194/741, EU:C:2005:741, punt 46, u Mora IPR, EU:C:2013:98, punt 36, kif ukoll id-digriet Mlamali, EU:C:2013:763, punt 20).

20

Fil-fatt, peress li hija d-deċiżjoni tar-rinviju li sservi bħala l-bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali, fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, tispeċifika l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża mressqa quddiemha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Asemfo, C-295/05, EU:C:2007:227, punt 33, u Mora IPR, EU:C:2013:98, punt 37, kif ukoll id-digrieti Laguillaumie, C‑16/00, EU:C:2000:350, punti 23 u 24, u Mlamali, EU:C:2013:763, punt 21).

21

Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħhom il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni u li għandha tosserva bir-reqqa.

22

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 267 TFUE ma jikkostitwixxix rimedju miftuħ għall-partijiet f’kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali u li għalhekk ma huwiex biżżejjed li parti ssostni li l-kawża tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex il-qorti kkonċernata jkollha tikkunsidra li tkun tqajmet kwistjoni fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ kontestazzjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ att tal-Unjoni quddiem il-qorti nazzjonali ma hijiex biżżejjed, minnha nfisha, sabiex tiġġustifika r-rinviju ta’ domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi IATA u ELFAA, C-344/04, EU:C:2006:10, punt 28, kif ukoll Ascafor u Asidac, C-484/10, EU:C:2012:113, punt 33; digrieti Adiamix, C-368/12, EU:C:2013:257, punt 17, u Mlamali, EU:C:2013:763, punt 23).

23

Għandu jiġi enfasizzat ukoll f’dan ir-rigward li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tkun imħarsa, inkunsiderazzjoni tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet ta’ rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet interessati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Holdijk et, 141/81 sa 143/81, EU:C:1982:122, punt 6; digrieti Laguillaumie, EU:C:2000:350, punt 14; Augustus, EU:C:2012:754, punt 10, u Mlamali, EU:C:2013:763, punt 24).

24

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 16 sa 22 ta’ dan id-digriet.

25

Fir-rigward tal-ewwel domanda magħmula, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda element dwar il-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Huwa biss fid-dokument ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2014, intitolat “Dikjarazzjoni tal-fatti dwar id-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2013”, li l-qorti tar-rinviju pprovdiet xi informazzjoni li tibqa’ madankollu insuffiċjenti sabiex tippermetti evalwazzjoni, b’mod partikolari, tal-kwalità ta’ ħaddiema impjegata ta’ A. M. Talasca.

26

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li huwa nieqes ukoll kull element dwar il-kuntest ġuridiku nazzjonali, għajr għas-sempliċi riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet, li l-formulazzjoni tagħhom madankollu ma ġiet esposta bl-ebda mod. Fir-rigward tal-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, li jipprovdi diversi raġunijiet għar-rifjut ta’ benefiċċji lill-barranin qiegħda, il-qorti tar-rinviju sempliċement tirreferi għal dawn ir-raġunijiet għal rifjut kollha mingħajr ma tispeċifika r-raġuni li hija eventwalment applikabbli għall-kawża quddiemha.

27

Fl-aħħar nett, għalkemm il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija ma tipprovdi ebda dettalji ulterjuri f’dan ir-rigward, għajr ir-riferiment magħmul, fid-dokument ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2013, għall-osservazzjonijiet magħmula fir-rikors ippreżentat minn A. M. Talasca fil-kawża prinċipali, li jsemmu “il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista fid-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew”.

28

Barra dan, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tal-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II mad-dritt tal-“Komunità Ewropea” mingħajr madankollu ma tesponi r-raġunijiet li minħabba fihom hija tikkunsidra li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jidhrilha li hija meħtieġa jew utli għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari mingħajr ma tispjega x’inhi r-rabta bejn id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’din il-kawża. Għall-kuntrarju, hija tagħmel sempliċement riferiment għad-dikjarazzjoni, li tidher fir-rikors fil-kawża prinċipali, fis-sens li “l-esklużjoni tad-dritt għall-benefiċċji prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II tikser il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista fid-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew”. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza hija stess li l-kawża prinċipali tikkostitwixxi kawża pilota sa fejn quddiemha hemm pendenti numru kbir ta’ kawżi simili.

29

Għalhekk, b’mod partikolari, din il-qorti ma tipprovdi ebda element dwar in-natura tal-benefiċċji soċjali mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk dawn il-benefiċċji jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi diskriminazzjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix biżżejjed elementi ta’ natura tali li tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni preċiża li fiha jinsabu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u bintha, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tistabbilixxi paragun ma’ persuni oħra li jibbenefikaw mill-imsemmija benefiċċji soċjali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti ma qegħditx lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ tiżgura li l-ipoteżi fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari taqa’ effettivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tiegħu qiegħda tintalab l-interpretazzjoni u lanqas ma qegħditha, b’mod iktar ġenerali, f’pożizzjoni li tagħti risposta utli u affidabbli għad-domandi magħmula (ara d-digrieti Augustus, EU:C:2012:754, punt 14, u Mlamali, EU:C:2013:763, punt 32).

31

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda preliminari hija manifestament inammissibbli.

32

Inkunsiderazzjoni tal-inammissibbiltà manifesta tal-ewwel domanda, it-tieni u t-tielet domandi spiċċalhom l-għan tagħhom.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Duisburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013, hija manifestament inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top