EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0258

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-3 ta' Ġunju 2010.
Ladbrokes Betting & Gaming Ltd u Ladbrokes International Ltd vs Stichting de Nationale Sporttotalisator.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Artikolu 49 KE - Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi - Logħob tal-ażżard - Operat ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet - Leġiżlazzjoni li tirriżerva liċenzja lil operatur uniku - Rifjut li tingħata liċenzja għall-operat lil operatur li għandu liċenzja fi Stati Membri oħrajn - Ġustifikazzjoni - Proporzjonalità - Verifika ta’ kull miżura konkreta li timplementa l-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Kawża C-258/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:308

Kawża C-258/08

Ladbrokes Betting & Gaming Ltd

u

Ladbrokes International Ltd

vs

Stichting de Nationale Sporttotalisator

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Artikolu 49 KE — Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Operat ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet — Leġiżlazzjoni li tirriżerva liċenzja lil operatur uniku — Rifjut li tingħata liċenzja għall-operat lil operatur li għandu liċenzja fi Stati Membri oħrajn — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità — Verifika ta’ kull miżura konkreta li timplementa l-leġiżlazzjoni nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

1.        Leġiżlazzjoni nazzjonali, intiża sabiex trażżan id-dipendenza għal-logħob tal-ażżard kif ukoll sabiex tiġġieled kontra l-frodi, u li tikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, tista’ tiġi kkunsidrata li tillimita l‑attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, anki jekk id-detentur jew id‑detenturi ta’ liċenzja esklużiva huma awtorizzati jrendu l-logħob tal‑ażżard li joffru attraenti billi jintroduċu logħob tal-ażżard ġdid u billi jirrikorru għar-reklamar. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-attivitajiet ta’ logħob illegali jistgħux jikkostitwixxu problema fl-Istat Membru kkonċernat, li għaliha espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati tista’ tkun ta’ rimedju, u jekk din l-espansjoni hijiex fuq skala li tista’ tirrendiha irrikonċiljabbli mal-għan li tittrażżan l-imsemmija dipendenza.

(ara l-punt 38 u d-dispożittiv 1)

2.        Sabiex tiġi applikata leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-logħob tal‑ażżard kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tivverifika, f’kull każ, jekk il-miżura ta’ implementazzjoni intiża sabiex tiżgura l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni hijiex adatta li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit minnha u hijiex konformi mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, sakemm din il-miżura hija element neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija leġiżlazzjoni u ma timponi ebda restrizzjoni supplementari għal dik li tirriżulta mill-istess leġiżlazzjoni. Il-fatt li l-miżura ta’ implementazzjoni ġiet adottata wara intervent tal-awtoritajiet pubbliċi intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali jew wara talba ta’ individwu fil-kuntest ta’ proċedura ċivili sabiex jiġu protetti d-drittijiet li minnhom jibbenefika permezz tal-istess leġiżlazzjoni huwa mingħajr importanza għall-eżitu tal‑kawża li tressqet quddiem il-qorti nazzjonali.

(ara l-punt 50 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l‑organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

Is-settur tal-logħob tal-ażżard offert permezz tal-internet ma huwiex is‑suġġett ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, Stat Membru jista’ jikkunsidra li s-sempliċi fatt li operatur jipproponi legalment servizzi li jaqgħu f’dan is-settur permezz tal-internet fi Stat Membru ieħor, fejn ikun stabbilit u fejn fil-prinċipju jkun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità, fid‑dawl tad-diffikultajiet li jistgħu jsibu, f’tali kuntest, l-awtoritajiet tal‑Istat Membru ta’ stabbiliment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal‑kwalitajiet u tal-onestà professjonali tal-operaturi. Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il‑logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi. Madankollu, ir-restrizzjoni inkwistjoni tista’, fid-dawl tal‑karatteristiċi partikolari tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard bl-internet, titqies bħala ġustifikata minħabba l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l‑kriminalità.

(ara l-punti 54, 55, 57, 58 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Artikolu 49 KE – Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Operat ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet – Leġiżlazzjoni li tirriżerva liċenzja lil operatur uniku – Rifjut li tingħata liċenzja għall-operat lil operatur li għandu liċenzja fi Stati Membri oħrajn – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Verifika ta’ kull miżura konkreta li timplementa l-leġiżlazzjoni nazzjonali”

Fil-Kawża C‑258/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2008, fil-kawża

Ladbrokes Betting & Gaming Ltd,

Ladbrokes International Ltd,

vs

Stichting de Nationale Sporttotalisator,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ladbrokes Betting & Gaming Ltd u Ladbrokes International Ltd, minn W. Hoyng u M. Meulenbelt, avukati, f’isem S. Kon u M. Evans, solicitors,

–        għall-iStichting de Nationale Sporttotalisator, minn E. Pijnacker Hordijk, J. van Manen u M. van Wissen, avukati,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels kif ukoll minn M. de Grave u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, avukat,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn A. Samoni-Rantou, O. Patsopoulou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås u K. Moe Winther, bħala aġenti, 

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa, A. Nijenhuis u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 49 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStichting de Nationale Sporttotalisator, fondazzjoni rregolata taħt id-dritt Olandiż (iktar ’il quddiem “De Lotto”) u l-kumpanniji Ladbrokes Betting & Gaming Ltd u Ladbrokes International Ltd, stabbiliti fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji Ladbrokes”), dwar l-aġir illegali eventwali ta’ dawn tal-aħħar fis-suq Olandiż tal‑logħob tal-ażżard.

 Il-kuntest ġuridiku

3         L-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard (Wet op de kansspelen, iktar ’il quddiem il-“Wok”) jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu Va ta’ din il-liġi, huwa pprojbit:

a.      li tingħata l-possibbiltà li wieħed jikkompeti għal premjijiet jew rigali jekk l-għażla tar-rebbieħa tkun imsejsa esklużivament fuq ix-xorti li fuqha l-parteċipanti ma jkunu jistgħu jeżerċitaw, ġeneralment, l-ebda influwenza effettiva, sakemm ma tkunx ingħatat il-liċenzja għal dan il-għan, skont din il-liġi;

b.      li tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni f’attività imsemmija fil-paragrafu a, offruta mingħajr liċenzja skont din il-liġi, jew f’attività korrispondenti barra mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-Ewropa, jew li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu għal dan il-għan dokumenti partikolari għall-pubblikazzjoni jew għad-distribuzzjoni; […]”

4        L-Artikolu 16 tal-Wok jgħid dan li ġej:

“1.      Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ministru għall-Benesseri, għas-Saħħa Pubblika u għall-Kultura jistgħu jagħtu lil persuna li għandha personalità ġuridika sħiħa liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi għal tul ta’ żmien li huma jistabbilixxu, bl-għan li jiġu ffavoriti l-interessi ta’ istituzzjonijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari fil-qasam tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika, tal-kultura, tal-benesseri soċjali u tas-saħħa pubblika.

2.      Id-dħul tal-organizzazzjoni ta’ mħatra […] għandu jiġi applikat għall-finijiet li l-persuna ġuridika trid twettaq permezz tal-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ mħatri fuq l-avvenimenti sportivi.

3.      mill-inqas 47.5 % tad-dħul globali mil-logħob tal-ażżard organizzat skont dan it-Titolu u skont it-Titolu IVa, ikkalkulat fuq il-bażi ta’ sena kalendarja, għandu jiġi allokat għat-tqassim tal-premjijiet. […]”

5        L-Artikolu 21 tal-Wok jipprovdi li:

“1.      Il-Ministri msemmija fl-Artikolu 16 jistabbilixxu regoli marbuta mal-liċenzja ta’ mħatri fuq l-avvenimenti sportivi.

2.      Ir-regoli jirrigwardaw b’mod partikolari:

a.      in-numru tal-imħatri li għandhom jiġu organizzati;

b.      il-mod ta’ kif għandhom jiġu determinati r-riżultati u l-iskemi tal-premjijiet;

c.      l-amministrazzjoni u l-mod ta’ kif għandhom jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni;

d.      l-allokazzjoni tad-dħul tal-imħatri organizzati;

e.      l-istatut u r-regolamenti tal-persuna ġuridika;

f.      il-verifika tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni mill-awtoritajiet;

g.      l-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-attivitajiet u tar-riżultati finanzjarji li minnhom jirriżultaw annwalment mill-persuna ġuridika.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-logħob tal-ażżard hija bbażata fuq sistema ta’ liċenzji esklużivi skont liema leġiżlazzjoni, minn naħa, huma pprojbiti l-organizzazzjoni jew il‑promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard jekk ma tinkisibx liċenzja għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali jagħtu biss liċenzja waħda għal kull logħba tal-ażżard awtorizzata.

7        Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif intbagħat lill‑Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li ma teżisti l-ebda possibbiltà li l‑logħob tal-ażżard jiġi offert fil-Pajjiżi l-Baxxi b’mod interattiv permezz tal‑internet.

8        De Lotto hija fondazzjoni rregolata taħt id-dritt privat mingħajr skop ta’ lukru li għandha liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi, tal-lottu u ta’ logħob tan-numri. Hija għandha bħala għan, skont l-istatut tagħha, il-gbir ta’ fondi permezz tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard u t-tqassim ta’ dawn il-fondi bejn istituzzjonijiet li jaħdmu fl-interess ġenerali, b’mod partikolari fil-qasam tal‑isport, tal-edukazzjoni fiżika, tal-benesseri soċjali, tas-saħħa pubblika u tal‑kultura.

9        Il-kumpanniji Ladbrokes huma attivi fl-organizzazzjoni ta’ imħatri sportivi u huma magħrufa b’mod partikolari għall-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-imħatri fissi (“bookmaking”). Fuq is-sit tal-internet tagħha, hija toffri għadd ta’ logħob tal-ażżard, prinċipalment marbut mal-isport. Barra minn hekk, hija toffri l‑possibbiltà li persuna tipparteċipa fl-imħatri li hija torganizza billi ċċempel lil numru tat-telefown mingħajr ħlas. L-imsemmija kumpanniji ma jeżerċitaw fiżikament l-ebda attività fit-territorju Olandiż.

10      Billi allegat li l-kumpanniji Ladbrokes qed joffru lil persuni li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi, permezz tal-internet, logħob tal-ażżard li għalih hija ma għandhiex liċenzja mitluba mill-Wok, De Lotto ressqet kawża quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank Arnhem (qorti tal-prim’istanza ta’ Arnhem), sabiex dawn il-kumpanniji jiġu mġiegħla jwaqqfu din l-attività.

11      Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2003, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ta’ din il-qorti laqa’ din it-talba u ordna lill-kumpanniji Ladbrokes sabiex jieħdu l‑miżuri neċessarji sabiex iwaqqfu l-aċċess għas-sit tal-internet tagħhom fir‑rigward tal-persuni li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jneħħu l-possibbiltà għalihom li jipparteċipaw fl-imħatri bit-telefown. Dawn il-miżuri ġew ikkonfermati permezz tas-sentenzi tal-Gerechtshof te Arnhem (qorti tal-appell ta’ Arnhem) u tal-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema) fit-2 ta’ Settembru 2003 u fit-18 ta’ Frar 2005 rispettivament.

12      Fil-21 ta’ Frar 2003, De Lotto fetħet ukoll proċeduri kontra l-kumpanniji Ladbrokes quddiem ir-Rechtbank Arnhem. Fir-rikors tagħha, De Lotto talbet sabiex tottjeni l-konferma tal-miżuri restrittivi imposti mill-Imħallef għal miżuri provviżorji fuq dawn il-kumpanniji. Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2005, din il-qorti laqgħat ir-rikors ippreżentat minn De Lotto u ordnat lill‑imsemmija kumpanniji, taħt piena ta’ penali, li jżommu l‑miżuri ta’ twaqqif ta’ aċċess għal-logħob tal-ażżard, permezz tal-internet u tat‑telefown, għall-persuni li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Billi din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal-Gerechtshof te Arnhem tas-17 ta’ Ottubru 2006, il-kumpanniji Ladbrokes ressqu appell fl-istanza tal-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

13      Fid-dawl tal-fatt li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kawża quddiemha, il-Hoge Raad der Nederlanden ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Politika nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, li hija intiża biex tiggwida l-inklinazzjoni għal-logħob, u li fil-fatt tikkontribwixxi għall‑kisba tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jiġifieri t‑trażżin tal-vizzju tal-logħob u l-prevenzjoni tal-frodi, billi, permezz tal-fatt li d-disponibbiltà tal-logħob tal-ażżard hija rregolata, in-numru ta’ mħatri li jsiru huwa (ħafna) inqas milli kien ikun il-każ li kieku ma kinitx teżisti sistema nazzjonali regolatorja, tissodisfa l-kundizzjoni stipulata fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari fis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli [et] (C-243/01, Ġabra p. I-13031), li din il-politika għandha tillimita l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, anki jekk id-detentur jew id-detenturi tal‑liċenzja huma awtorizzati jrendu l-logħob tal-ażżard li joffru attraenti billi jintroduċu logħob tal-ażżard ġdid, billi jirreklamaw il-logħob biex jattiraw l-attenzjoni ta’ pubbliku kbir għal-logħob tal-ażżard li joffru, biex b’hekk ikunu jistgħu jżommu lil persuni li (potenzjalment) jilgħabu ’l bogħod mil-logħob tal-ażżard illegali (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 55, in fine)?

2)      a)     Jekk wieħed jassumi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-politika tal-logħob tal-ażżard hija kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, meta qorti nazzjonali tiġi biex tapplika din il-leġiżlazzjoni għal każ partikolari, għandha, kull darba, teżamina l-kwistjoni jekk il-miżura li għandha tittieħed, bħal inġunzjoni biex websajt partikolari tiġi reża inaċċessibbli, permezz ta’ softwer disponibbli għal dan il-għan, għar‑residenti tal-Istat Membru kkonċernat sabiex ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-logħob tal-ażżard disponibbli fuq dan is-sit internet, tikkorrispondix bħala tali u fiha nnifisha, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal‑każ, għall-kundizzjoni li l-miżura tissodisfa realment l-għanijiet invokati biex jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll il‑kwistjoni jekk ir-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni u mill-applikazzjoni tagħha hijiex sproporzjonata fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet?

      b)      Biex tingħata risposta għad-domanda 2a, tagħmel xi differenza jekk il‑miżura li għandha tittieħed mhijiex ordnata u imposta mill‑awtoritajiet nazzjonali sabiex tiġi osservata l-leġiżlazzjoni nazzjonali iżda hija ordnata fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili li fiha persuna li torganizza l-logħob tal-ażżard li topera bil-liċenzja meħtieġa titlob li tiġi adottata l-miżura billi ssostni li seħħ att illegali taħt id-dritt ċivili fil-konfront tagħha, inkwantu l-kontroparti kisret il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u b’hekk kisbet vantaġġ inġust fil-konfront tal‑parti li topera bil-liċenzja meħtieġa?

3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu ġġib magħha l-konsegwenza li, abbażi ta’ sistema magħluqa ta’ għoti ta’ liċenzji applikabbli fit-territorju tagħha għall-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, l-awtorità kompetenti ma tistax tipprojbixxi lill‑persuna li toffri dawn is-servizzi u li diġà ngħatat liċenzja fi Stat Membru ieħor biex toffri dawn is-servizzi fuq l-internet milli tipprovdi dawn is-servizzi fuq l-internet anki fl-ewwel Stat Membru msemmi hawn fuq?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

14      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, intiża sabiex trażżan id‑dipendenza għal-logħob kif ukoll sabiex tiġġieled kontra l-frodi, u li tikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, tistax tiġi kkunsidrata li tillimita l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, anki jekk id-detentur jew id-detenturi ta’ liċenzja esklużiva huma awtorizzati jrendu l‑logħob tal-ażżard li joffru attraenti billi jintroduċu logħob tal-ażżard ġdid u billi jirrikorru għar-reklamar.

15      L-Artikolu 49 KE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-prestatarji nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal‑prestatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi legalment servizzi analogi. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija għall-benefiċċju kemm tal‑prestatarju kif ukoll tad-destinatarju ta’ servizzi (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16       Huwa paċifiku li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE (sentenzi Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, kif ukoll ta’ llum stess, Sporting Exchange, C-203/08, Ġabra p. I-0000, punt 24).

17      Madankollu, għandu jiġi eżaminat sa fejn tali restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata taħt il-miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE, applikabbli għal dan il-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 55 KE, jew ġustifikata, inkonformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

18      L-Artikolu 46(1) KE jaċċetta restrizzjonijiet ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Barra minn hekk, il‑ġurisprudenza identifikat ċertu numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu wkoll jiġġustifikaw l-imsemmija restrizzjonijiet, bħalma huma l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal‑inkoraġġiment taċ-ċittadini li jidħlu f’nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob kif ukoll ta’ prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali b’mod ġenerali (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

19      F’dan il-kuntest, il-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas‑soċjetà li huma relatati mal-logħob u l-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza favur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet li jinkludu l-protezzjoni tal‑konsumatur u tal-ordni soċjali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gambelli et, punt 63, kif ukoll Placanica et, punt 47).

20      L-Istati Membri huma liberi li jiffissaw, skont l-iskala ta’ valuri tagħhom stess, l‑għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Ir-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom, madankollu, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Placanica et, punt 48, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punt 59).

21      B’mod iktar partikolari, ir-restrizzjonijiet ibbażati fuq ir-raġunijiet indikati fil-punt 18 ta’ din is-sentenza għandhom ikun adatti sabiex jiggarantixxu li jintlaħqu l‑imsemmija għanijiet fis-sens li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jikkontribwixxu sabiex jillimitaw l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

22      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika jekk il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jwieġbux verament għall-għanijiet li jistgħu jiġġustifikawhom u jekk ir-restrizzjonijiet minnhom imposti jidhrux li huma sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gambelli et, punt 75, kif ukoll Placanica et, punt 58).

23      Fil-kawża inkwistjoni, jirriżulta mill-kliem tal-ewwel domanda magħmula mill‑qorti tar-rinviju li din tal-aħħar tidentifika b’mod ċar l-għanijiet li l-Wok tipprova tilħaq, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi billi trażżan id-dipendenza għal-logħob tal-ażżard kif ukoll il-ġlieda kontra l-frodi, u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tindirizza b’mod effettiv dawn l-għanijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom.

24      Madankollu, l-imsemmija qorti għandha dubji inkwantu għan-natura koerenti u sistematiku tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li din tipprova tilħaq l-għanijiet indikati fil-punt preċedenti filwaqt li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi li għandhom liċenzja esklużiva fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jorganizzaw logħob tal‑ażżard, li fosthom hemm De Lotto, li joffru logħob ġdid u li jirrikorru għar‑reklamar sabiex irendu iktar attraenti l-offerta tagħhom fis-suq.

25      Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, politika ta’ espansjoni kkontrollata fis-settur tal-logħob tal-ażżard tista’ tkun kompletament koerenti mal-għan intiż sabiex jiġbdu persuni li jilgħabu li jeżerċitaw attivitajiet ta’ logħob u ta’ mħatri klandestini pprojbiti bħala tali lejn attivitajiet awtorizzati u rregolati. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-operaturi b’liċenzja għandhom jikkostitwixxu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attività pprojbita, li fiha nnifisha tkun tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, reklamar fuq skala partikolari u l-użu ta’ teknika ġdida ta’ distribuzzjoni (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

26      Għalkemm huwa minnu li l-motivi tas-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, jirreferu biss għall-għan ta’ prevenzjoni tal-kriminalità fil-qasam tal-logħob tal‑ażżard filwaqt li, fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni Olandiża hija intiża wkoll sabiex trażżan id-dipendenza għal-logħob, jibqa’ l-fatt li dawn iż-żewġ għanijiet għandhom jiġu kkunsidrati flimkien peress li jirrigwardaw il-protezzjoni kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-ordni soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C-275/92, Ġabra p. I-1039, punt 58; tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C-124/97, Ġabra p. I-6067, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti, C-67/98, Ġabra p. I-7289, punt 31).

27      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tressqet quddiemha, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tippermetti lid-detenturi ta’ liċenzja esklużiva li joffru logħob ġdid u li jirrikorru għar-reklamar, tistax tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kuntest ta’ politika ta’ espansjoni kkontrollata fis-settur tal-logħob tal-ażżard, intiża sabiex tiggwida l-inklinazzjoni għal-logħob lejn attivitajiet legali.

28      Jekk jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qed jadotta politika ta’ espansjoni sostanzjali tal-logħob tal-ażżard, billi jinċita u jinkoraġġixxi eċċessivament il‑konsumaturi sabiex jipparteċipaw f’dan il-logħob, u li, dan din ir-raġuni, il‑finanzjament ta’ attivitajiet soċjali permezz ta’ taxxa fuq id-dħul li joriġina mil-logħob tal-ażżard b’liċenzja jikkostitwixxi mhux konsegwenza ta’ benefiċċju anċillari iżda ġustifikazzjoni reali tal-politika restrittiva implementata minn dan l‑Istat Membru, f’dak il-każ għandu jiġi konkluż li tali politika ma tillimitax b’mod koerenti u sistematiku l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard u għalhekk ma hijiex adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan intiż għat-trażżin tad‑dipendenza tal-konsumaturi għal dan il-logħob.

29      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, huwa b’mod partikolari l-kompitu tal-qorti tar‑rinviju li tivverifika jekk l-attivitajiet ta’ logħob illegali jistgħux jikkostitwixxu problema fil-Pajjiżi l-Baxxi u jekk espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati tkunx ta’ natura li tkun rimedju għal din il-problema.

30      Fil-fatt, billi fil-prinċipju l-għan li jiġu protetti l-konsumaturi mid-dipendenza għal-logħob huwa diffiċilment kompatibbli ma’ politika ta’ espansjoni tal-logħob tal-ażżard, ikkaratterizzata b’mod partikolari mill-ħolqien ta’ logħob ġdid u mir‑reklamar tiegħu, tali politika tista’ tiġi kkunsidrata bħala koerenti biss jekk l‑iskala tal-attivitajiet illegali hija sostanzjali u jekk il-miżuri adottati huma intiżi sabiex jiggwidaw l-inklinazzjoni għal-logħob tal-konsumaturi lejn attivitajiet legali.

31      Il-fatt li d-domanda għal-logħob tal-ażżard żdiedet diġà b’mod sostanzjali, b’mod partikolari fuq livell klandestin, kif indikat De Lotto waqt is-seduta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni..

32      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża mhux biss sabiex tiġġieled il-frodi u l-kriminalità fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, iżda wkoll sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi. Għaldaqstant, għandu jinstab bilanċ adatt bejn il-ħtieġa ta’ espansjoni kkontrollata tal-logħob tal-ażżard b’liċenzja bl‑għan li tirrendi dan il-logħob attraenti għall-pubbliku u n-neċessità li titnaqqas id-dipendenza tal-konsumaturi għal dan it-tip ta’ logħob.

33      Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ċerti elementi li jinstabu fil-proċess li ngħata lill-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu utli.

34      Skont il-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni tal-2004 li tattribwixxi liċenzja esklużiva lil De Lotto għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi, din “il-fondazzjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet ta’ tfittxija ta’ klijenti u ta’ reklamar jkollhom kontenut sensibbli u bbilanċjat, u għandha b’mod partikolari tiġġieled kontra parteċipazzjoni sproporzjonata fil-logħob tal-ażżard organizzat skont din id‑deċiżjoni”.

35      Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ġunju 2004, il-Ministru tal-Ġustizzja Olandiż talab lid-detenturi ta’ liċenzji sabiex “jiġi mnaqqas sostanzjalment ir‑reklamar u tingħata forma u kontenut lil din il-politika restrittiva fil-qasam tar‑reklamar billi jiġi mfassal kodiċi ta’ kondotta u ta’ reklamar tal-operaturi ta’ logħob tal-ażżard applikabbli lilhom kollha”. Dan il-kodiċi daħal fis-seħħ fil‑Pajjiżi l-Baxxi fil-15 ta’ Frar 2006.

36      Dawn l-elementi jistgħu jkunu tali li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rieda tal‑awtoritajiet nazzjonali li tiġi limitata l-espansjoni tal-logħob tal-ażżard fil‑Pajjiżi l-Baxxi b’mod strett.

37      Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk l-evoluzzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard fil-Pajjiżi l-Baxxi tippermettix li tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ verifika effettiva mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru tal‑espansjoni tal-logħob tal-ażżard, għal dak li jirrigwarda kemm l-iskala tar‑reklamar imwettaq mill-benefiċjarji ta’ liċenzja esklużiva kif ukoll il-ħolqien minn dawn tal-aħħar ta’ logħob ġdid, u, konsegwentement, li tirrikonċilja b’mod xieraq it-twettiq simultanju tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għal‑ewwel domanda hija li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, intiża sabiex trażżan id-dipendenza għal-logħob kif ukoll sabiex tiġġieled kontra l-frodi, u li tikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, tista’ tiġi kkunsidrata li tillimita l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, anki jekk id-detentur jew id-detenturi ta’ liċenzja esklużiva huma awtorizzati jrendu l-logħob tal-ażżard li joffru attraenti billi jintroduċu logħob tal-ażżard ġdid u billi jirrikorru għar-reklamar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-attivitajiet ta’ logħob illegali jistgħux jikkostitwixxu problema fl-Istat Membru kkonċernat, li għaliha espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati tista’ tkun ta’ rimedju, u jekk din l-espansjoni hijiex fuq skala li tista’ tirrendiha irrikonċiljabbli mal-għan li tittrażżan l-imsemmija dipendenza.

 Fuq it-tieni domanda

39      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk, sabiex tiġi applikata leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-logħob tal-ażżard kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, l-qorti nazzjonali hijiex obbligata tivverifika, f’kull każ, jekk il-miżura ta’ implementazzjoni intiża sabiex tiżgura l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni hijiex adatta li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit minnha u hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-imsemmija qorti ssaqsi wkoll jekk din id-domanda għandhiex tingħata risposta differenti f’każ li l-miżura li għandha tittieħed hija mitluba mhux mill-awtoritajiet pubbliċi iżda minn individwu fil-kuntest ta’ proċedura ċivili.

40      Kif ġie mfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali sabiex jivverifikaw jekk il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jirrestrinġu libertà fundamentali stabbilita fit-trattat humiex adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal‑għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikawhom u jekk ir‑restrizzjonijiet minnhom imposti jidhrux li huma sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet.

41      Il-formulazzjoni tat-tieni domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tal-logħob tal-ażżard hija kompatibbli mal-Artikolu 49 KE.

42      Fil-kawża prinċipali, ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE toriġina direttament mid-dispożizzjonijiet tal-Wok, sa fejn hija tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal‑internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l‑imsemmija sistema.

43      Miżura ta’ implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħall-ordni mill-Imħallef għal miżuri provviżorji lill-kumpanniji Ladbrokes sabiex iwaqqfu l-aċċess lis-sit tal-internet tagħhom fir-rigward tal‑persuni li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u sabiex ineħħu l-possibbiltà għalihom li jipparteċipaw fl-imħatri bit-telefown, hija element indispensabbli għall‑protezzjoni li dan l-Istat Membru jixtieq jiżgura fit-territorju tiegħu fil-qasam tal‑logħob tal-ażżard u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni supplementari għal dik li tirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet tal-Wok.

44      Fil-fatt, l-imsemmija miżura ta’ implementazzjoni tiżgura biss l-effetttività tal‑leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tal-logħob tal-ażżard. Fin-nuqqas ta’ tali miżura, il-projbizzjoni prevista fil-Wok ma jkollha l-ebda effikaċja, peress li operaturi ekonomiċi mingħajr liċenzja mogħtija lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu joffru logħob tal-ażżard fis-suq Olandiż.

45      Billi l-miżura ta’ implementazzjoni stabbilita mill-qorti nazzjonali ma timponix, fiha nnifisha, restrizzjonijiet supplementari fuq is-suq, l-eżami tal-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni huwa marbut strettament ma’ dak li wettqet il-qorti nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-Wok mal-Artikolu 49 KE.

46      F’dawn il-kundizzjonijiet, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-kumpanniji Ladbrokes, ma huwiex iktar neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-miżura ta’ implementazzjoni hijiex realment iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk hijiex adatta sabiex tilħaq l-għanijiet intiżi sabiex tiġi limitata d-dipendenza għal-logħob u tiġi miġġielda l-frodi u jekk din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dawn l-għanijiet.

47      Barra minn hekk, il-fatt li l-imsemmija miżura ta’ implementazzjoni ġiet adottata wara intervent tal-awtoritajiet pubbliċi intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali jew wara talba ta’ individwu fil-kuntest ta’ proċedura ċivili sabiex jiġu protetti d-drittijiet li minnhom jibbenefika permezz tal‑imsemmija leġiżlazzjoni huwa mingħajr importanza sabiex tiġi riżolta l-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

48      Fil-fatt, is-suġġett ta’ din il-kawża jittratta dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE li d-dispożizzjonijiet tiegħu jagħtu lill-individwi drittijiet li jistgħu jiġu invokati minnhom quddiem qorti u li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen, 33/74, Ġabra p. 1299, punt 27, u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C-208/05, Ġabra p. I-181, punt 67).

49      Huma l-qrati nazzjonali li għandhom, indipendentement mill-proċedura li permezz tagħha tressqet il-kawża quddiemhom, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju, fi Stat Membru u f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn operaturi ekonomiċi.

50      Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat‑tieni domanda hija li, sabiex tiġi applikata leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-logħob tal-ażżard kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tivverifika, f’kull każ, jekk il-miżura ta’ implementazzjoni intiża sabiex tiżgura l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni hijiex adatta li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit minnha u hijiex konformi mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, sakemm din il-miżura hija element neċessarju sabiex jiġi żgurat l-effettività tal-imsemmija leġiżlazzjoni u ma timponi ebda restrizzjoni supplementari għal dik li tirriżulta mill-istess leġiżlazzjoni. Il-fatt li l‑miżura ta’ implementazzjoni ġiet adottata wara intervent tal-awtoritajiet pubbliċi intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew wara talba ta’ individwu fil-kuntest ta’ proċedura ċivili sabiex jiġu protetti d-drittijiet li minnhom jibbenefika permezz tal-istess leġiżlazzjoni huwa mingħajr importanza sabiex tiġi riżolta l-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tielet domanda

51      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l‑promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

52      Din id-domanda taqa’ fl-istess kuntest legali bħall-ewwel domanda magħmula fil‑kawża li tat lok għas-sentenza Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq, u hija identika għal din l-aħħar domanda.

53      Il-kumpanniji Ladbrokes isostnu li huma għandhom liċenzja mogħtija lilhom mill‑awtoritajiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li tippermettilhom joffru mħatri sportivi u logħob tal-ażżard ieħor permezz tal‑internet kif ukoll permezz tat-telefown u huma suġġetti, f’dan l-Istat Membru, għal leġiżlazzjoni stretta ħafna għal prevenzjoni tal-frodi u d-dipendenza għal‑logħob tal-ażżard. Huma jallegaw ukoll li, meta Stat Membru jimponi restrizzjonijiet fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-interess pubbliku li jiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni huwa diġà protett mir-regoli stabbiliti mill-Istat Membru li fih il‑prestatarju ta’ servizzi għandu liċenzja għall-operat ta’ dan il-logħob. Il-verifiki u l-garanziji ma għandhomx ikunu doppji.

54      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li s-settur tal-logħob tal-ażżard offert permezz tal-internet ma huwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, Stat Membru jista’ jikkunsidra li s-sempliċi fatt li operatur bħal Betfair jipproponi legalment servizzi li jaqgħu f’dan is-settur permezz tal‑internet fi Stat Membru ieħor, fejn ikun stabbilit u fejn fil-prinċipju jkun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità, fid-dawl tad-diffikultajiet li jistgħu jsibu, f’tali kuntest, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalitajiet u tal-onestà professjonali tal-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

55      Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l‑operatur, il-logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

56      Il-fatt li operatur li joffri logħob tal-ażżard permezz tal-internet ma għandux politika attiva ta’ bejgħ fl-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari minħabba l-fatt li ma għandux aċċess għar-reklamar f’dan l-Istat, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra l-kunsiderazzjonijiet magħmula fiż-żewġ punti preċedenti. Dawn huma bbażati unikament fuq l-effetti tas-sempliċi aċċessibbiltà tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet u mhux fuq il-konsegwenzi eventwalment diverġenti tal-offerta attiva jew passiva ta’ servizzi minn dan l-operatur.

57      Minn dan jirriżulta li r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet, titqies bħala ġustifikata minħabba l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

58      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża sabiex trażżan id-dipendenza għal-logħob kif ukoll sabiex tiġġieled kontra l-frodi, u li tikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, tista’ tiġi kkunsidrata li tillimita l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, anki jekk id-detentur jew id‑detenturi ta’ liċenzja esklużiva huma awtorizzati jrendu l-logħob tal‑ażżard li joffru attraenti billi jintroduċu logħob tal-ażżard ġdid u billi jirrikorru għar-reklamar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-attivitajiet ta’ logħob illegali jistgħux jikkostitwixxu problema fl-Istat Membru kkonċernat, li għaliha espansjoni tal‑attivitajiet awtorizzati u rregolati tista’ tkun ta’ rimedju, u jekk din l-espansjoni hijiex fuq skala li tista’ tirrendiha irrikonċiljabbli mal-għan li tittrażżan l-imsemmija dipendenza.

2)      Sabiex tiġi applikata leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-logħob tal‑ażżard kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tivverifika, f’kull każ, jekk il-miżura ta’ implementazzjoni intiża sabiex tiżgura l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni hijiex adatta li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit minnha u hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sakemm din il-miżura hija element neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija leġiżlazzjoni u ma timponi ebda restrizzjoni supplementari għal dik li tirriżulta mill‑istess leġiżlazzjoni. Il-fatt li l-miżura ta’ implementazzjoni ġiet adottata wara intervent tal-awtoritajiet pubbliċi intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew wara talba ta’ individwu fil-kuntest ta’ proċedura ċivili sabiex jiġu protetti d-drittijiet li minnhom jibbenefika permezz tal-istess leġiżlazzjoni huwa mingħajr importanza għall-eżitu tal-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar‑rinviju.

3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top