EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0715
Judgment of the Court (Third Chamber) of 2 April 2020.#European Commission v Republic of Poland and Others.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Decisions (EU) 2015/1523 and (EU) 2015/1601 — Article 5(2) and 5(4) to 5(11) of each of those decisions — Provisional measures in the area of international protection for the benefit of Italy and of Greece — Emergency situation characterised by a sudden influx of third-country nationals into certain Member States — Relocation of those nationals to other Member States — Relocation procedure — Obligation on the Member States to indicate at regular intervals, and at least every three months, the number of applicants for international protection who can be relocated swiftly to their territory — Consequent obligations leading to actual relocation — Interests of the Member States linked to national security and public order — Possibility for a Member State to rely on Article 72 TFEU in order not to apply EU legal acts of a binding nature.#Joined Cases C-715/17, C-718/17 and C-719/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ April 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja et.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 – Artikolu 5(2) u (4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id‑deċiżjonijiet – Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana – Sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit‑territorju ta’ ċerti Stati Membri – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra – Proċedura ta’ rilokazzjoni – Obbligu għall-Istati Membri li jindikaw f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit‑territorju tagħhom – Obbligi konsekuttivi li jwasslu għar-rilokazzjoni effettiva – Interessi tal-Istati Membri marbuta mas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku – Possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka l-Artikolu 72 TFUE minħabba li ma japplikax atti tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura vinkolanti.
Kawżi magħquda C-715/17, C-718/17 u C-719/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ April 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja et.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 – Artikolu 5(2) u (4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id‑deċiżjonijiet – Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana – Sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit‑territorju ta’ ċerti Stati Membri – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra – Proċedura ta’ rilokazzjoni – Obbligu għall-Istati Membri li jindikaw f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit‑territorju tagħhom – Obbligi konsekuttivi li jwasslu għar-rilokazzjoni effettiva – Interessi tal-Istati Membri marbuta mas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku – Possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka l-Artikolu 72 TFUE minħabba li ma japplikax atti tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura vinkolanti.
Kawżi magħquda C-715/17, C-718/17 u C-719/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:257
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
2 ta’ April 2020 ( *1 )
Werrej
Il-kuntest ġuridiku |
|
Id-dritt internazzjonali |
|
Id-dritt tal-Unjoni |
|
Id-Direttiva 2011/95/UE |
|
Id-Deċiżjonijiet Qafas 2015/1523 u 2015/1601 |
|
Il-fatti li wasslu għall-kawżi u l-proċeduri prekontenzjużi |
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq ir-rikorsi |
|
Fuq l-ammissibbiltà |
|
Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-Kawżi C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, ibbażati fuq il-fatt li r-rikorsi huma mingħajr suġġett u jikkontradixxu l-għan tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE |
|
– L-argumenti tal-partijiet |
|
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-Kawżi C‑715/17 u C‑718/17, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament |
|
– L-argumenti tal-partijiet |
|
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-Kawża C‑718/17, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura prekontenzjuża |
|
– L-argumenti tal-partijiet |
|
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-Kawża C‑719/17, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew fuq l-inkoerenza tar-rikors |
|
– L-argumenti tal-partijiet |
|
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq il-mertu |
|
Fuq il-materjalità tan-nuqqasijiet allegati |
|
Fuq il-motivi ta’ difiża mressqa mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Ungerija bbażati fuq l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq il-motiv tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq id-disfunzjoni u fuq in-nuqqas ta’ effikaċja li sofra l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 fl-applikazzjoni konkreta tiegħu |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq l-ispejjeż |
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 – Artikolu 5(2) u (4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id‑deċiżjonijiet – Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana – Sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit‑territorju ta’ ċerti Stati Membri – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra – Proċedura ta’ rilokazzjoni – Obbligu għall-Istati Membri li jindikaw f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit‑territorju tagħhom – Obbligi konsekuttivi li jwasslu għar-rilokazzjoni effettiva – Interessi tal-Istati Membri marbuta mas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku – Possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka l-Artikolu 72 TFUE minħabba li ma japplikax atti tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura vinkolanti”
Fil-Kawżi magħquda C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17,
li għandhom bħala suġġett rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-21 u fit-22 ta’ Diċembru 2017,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Z. Malůšková, A. Stobiecka‑Kuik, G. Wils u A. Tokár, bħala aġenti,
rikorrenti fil-Kawża C‑715/17,
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Borawska‑Kędzierska u B. Majczyna, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, J. Pavliš u A. Brabcová, bħala aġenti,
L-Ungerija, irrappreżentata minn M..Z. Fehér, bħala aġent,
intervenjenti,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Z. Malůšková, A. Stobiecka‑Kuik, G. Wils u A. Tokár, bħala aġenti,
rikorrenti fil-Kawża C‑718/17,
vs
L-Ungerija, irrappreżentata minn M..Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, J. Pavliš u A. Brabcová, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Borawska‑Kędzierska u B. Majczyna, bħala aġenti,
intervenjenti,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Z. Malůšková, A. Stobiecka‑Kuik, G. Wils u A. Tokár, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, J. Pavliš, u A. Brabcová, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent,
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Borawska‑Kędzierska u B. Majczyna, bħala aġenti,
intervenjenti (Kawża C‑719/17),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, L. S. Rossi (Relatur), J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2019,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Ottubru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑715/17, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, mis-16 ta’ Marzu 2016, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523, tal-14 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146), u tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80), kif ukoll, konsegwentement, l-obbligi ulterjuri ta’ rilokazzjoni imposti fuqha skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet. |
2 |
Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑718/17, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti tagħha skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni. |
3 |
Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑719/17, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti tagħha ta’ rilokazzjoni imposti fuqha skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
4 |
Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). |
5 |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, wara li jiddefinixxi, b’mod partikolari, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat” għall-finijiet tal-imsemmija konvenzjoni, jistabbilixxi, fit-Taqsima F: “Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma humiex applikabbli għall-persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġuni serja li jiġi ssuspettat li:
|
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2011/95/UE
6 |
Fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, l-Artikolu 12 tagħha, bit-titolu “Esklużjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:
3. Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.” |
7 |
Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, jinkludi l-Artikolu 17 tagħha, intitolat “Esklużjoni”, li jipprovdi: “1. Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:
2. Il-paragrafu 1 japplika għall-persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq ta’ delitti jew atti msemmija fih. 3. L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċittadin nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuna mingħajr stat milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jekk hija, qabel id-dħul tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, tkun ikkommettiet delitt wieħed jew aktar barra mill-iskop ta’ paragrafu 1 li jwassal għal kastig ta’ ħabs kieku ġew kommessi fl-Istat Membru interessat, u jekk hija tkun telqet biss mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha sabiex tevita sanzjonijiet li jirriżultaw minn dawk id-delitti.” |
Id-Deċiżjonijiet Qafas 2015/1523 u 2015/1601
8 |
Il-premessi 1, 2, 7, 11, 12, 23, 25, 26, 31 u 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601 jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
9 |
Il-premessi 1, 2, 7, 23, 25, 26, 31 u 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601 kienu redatti f’termini identiċi għal dawk, rispettivament, tal-premessi 1, 2, 6, 18, 20, 21, 25 u 26 tad-Deċiżjoni 2015/1523. |
10 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/1601, intitolat “Suġġett”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/1523: “Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, bil-ħsieb li tappoġġahom biex ilaħħqu aħjar ma’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’dawk l-Istati Membri.” |
11 |
L-Artikolu 2 ta’ kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
12 |
Skont it-termini identiċi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/1601 u tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/1523, intitolati “Kamp ta’ applikazzjoni”: “1. Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha ssir biss fir-rigward ta’ applikant li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja jew fil-Greċja u li għalih dawk l-Istati kienu altrimenti jkunu responsabbli skont il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament […] Nru 604/2013. 2. Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta’ applikant li huwa ta’ nazzjonalità li għaliha il-proporzjon ta’ deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fost deċiżjonijiet meħuda fl-ewwel istanza dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60)], tkun daqs jew ogħla minn 75 % jew iktar minn). […]” |
13 |
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1523 kien jipprevedi r-rilokazzjoni, mill-Italja u mill-Greċja, lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra li għalihom kienet applikabbli din id-deċiżjoni u li l-Ungerija ma kinitx tagħmel parti minnhom, ta’ 40000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, fosthom 24000 mill-Italja u 16000 mill-Greċja. |
14 |
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1601 jipprevedi: “1. 120000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra kif ġej:
2. Mis-26 ta’ Settembru 2016, 54000 applikant, imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, fil-proporzjon li jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, lejn it-territorju ta’ Stati Membri oħra u proporzjonalment mal-figuri li jinsabu fl-Annessi I u II. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar iċ-ċifri li għandhom jiġu allokati skont dan għal kull Stat Membru. […]” |
15 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta’ Settembru 2016 (ĠU 2016, L 268, p. 82) ikkompleta l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni 2015/1601 bil-paragrafu li ġej: “3 a. Fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-applikanti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom bl-ammissjoni fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija skont l-iskemi ta’ ammissjoni legali nazzjonali jew multilaterali għal persuni li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, minbarra l-iskema ta’ risistemazzjoni li kienet is-suġġett tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill [Ewropew] tal-20 ta’ Lulju 2015. In-numru ta’ persuni ammessi b’dan il-mod minn Stat Membru għandu jwassal għal tnaqqis korrispondenti tal-obbligu tal-Istat Membru rispettiv. […]” |
16 |
L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2015/1601 kienu jinkludu tabelli li jindikaw, għall-Istati Membri, minbarra r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, li għalihom kienet applikabbli din id-deċiżjoni, fosthom ir-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, il-kwoti vinkolanti tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali provenjenti, rispettivament, mill-Italja jew mill-Greċja li kellhom jiġu rrilokati fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. |
17 |
L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601, intitolat “Proċedura ta’ rilokazzjoni”, jipprevedi: “[…] 2. L-Istati Membri għandhom, f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra. 3. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, l-Italja u l-Greċja, bl-assistenza tal-EASO u, fejn applikabbli, tal-uffiċjali ta’ kuntatt tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 8, għandhom jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra u, kemm jista’ jkun malajr, jagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-punti ta’ kuntatt ta’ dawk l-Istati Membri. Għal dak il-għan għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96)]. 4. Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista’ jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta’ rilokazzjoni speċifiku, f’konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli, kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu. 5. L-applikanti li jkun jeħtieġ li jittiħdulhom il-marki tas-swaba’ skont l-obbligi stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ diġitali għall-finijiet tal-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, u li jemenda Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1),] jistgħu jiġu proposti għar-rilokazzjoni biss jekk il-marki tas-swaba’ jkunu ttiħdulhom u ntbagħtu lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, skont dak ir-Regolament. 6. It-trasferiment tal-applikant lejn it-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jsir kemm jista’ jkun malajr wara d-data tan-notifika lill-persuna kkonċernat bid-deċiżjoni ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-Deċiżjoni. L-Italja u l-Greċja għandhom jibagħtu lill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni d-data u l-ħin tat-trasferiment kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra. 7. L-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jew meta jkun hemm raġunijiet serji biex jiġu applikati dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni stipulati fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95/UE. 8. Għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċedura ta’ rilokazzjoni deskritta f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri, wara li jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha, jistgħu jiddeċiedu li jaħtru uffiċjali ta’ kuntatt għall-Italja u għall-Greċja. 9. F’konformità mal-acquis tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom. Għaldaqstant, l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid ta’ marki tas-swaba’ għall-proċedura ta’ rilokazzjoni għandhom jiġu garantiti mill-Italja u mill-Greċja. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess jibqa’ effiċjenti u maniġġabbli, il-faċilitajiet u l-miżuri tal-akkoljenza għandhom jiġu debitament organizzati sabiex il-persuni jkunu jistgħu jiġu akkomodati temporanjament, f’konformità mal-acquis tal-Unjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni malajr dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-applikanti li jaħarbu l-proċedura ta’ rilokazzjoni għandhom jiġu esklużi mir-rilokazzjoni. 10. Il-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista f’dan l-Artikolu għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tingħata l-indikazzjoni mill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, sakemm l-approvazzjoni mill-Istat Membru tar-rilokazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ssir inqas minn ġimagħtejn qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu ta’ xahrejn. F’każ bħal dan, il-limitu ta’ żmien biex titlesta l-proċedura ta’ rilokazzjoni jista’ jiġi estiż għal perijodu mhux itwal minn ġimagħtejn oħra. Barra minn hekk, dan il-limitu ta’ żmien jista’ wkoll jiġi estiż, b’perijodu ulterjuri ta’ erba’ ġimgħat, kif xieraq, fejn l-Italja jew il-Greċja juru li hemm ostakoli prattiċi oġġettivi li jimpedixxu t-trasferiment milli jsir. Fejn il-proċedura ta’ rilokazzjoni ma titlestiex f’dawn il-limiti ta’ żmien u sakemm l-Italja u l-Greċja ma jaqblux mal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta’ żmien, l-Italja u l-Greċja għandhom jibqgħu responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament UE Nru 604/2013. 11. Wara r-rilokazzjoni tal-applikant, l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jieħu, u jibgħat lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, il-marki tas-swaba’ tal-applikant skont l-Artikolu 9 tar-Regolament UE Nru 603/2013 u jaġġorna l-ġabriet ta’ data skont l-Artikolu 10, u fejn applikabbli, l-Artikolu 18, ta’ dak ir-Regolament.” |
18 |
L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1523, intitolat “Proċedura ta’ rilokazzjoni”, kien ifformulat, essenzjalment, fl-istess termini tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601. |
19 |
L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2015/1523 u tad-Deċiżjoni 2015/1601 kien jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kellha tirrapporta lill-Kunsill, kull sitt xhur, dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
20 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta rapporti kull xahar dwar l-implimentazzjoni tad-diversi miżuri ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali meħuda fuq il-livell tal-Unjoni, fosthom dawk previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill ħmistax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni. |
21 |
Fil-15 ta’ Novembru 2017 u fl-14 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll rapporti ta’ progress li jinkludu b’mod partikolari data aġġornata dwar ir-rilokazzjonijiet imwettqa skont id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. |
22 |
Mill-Artikolu 13(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 jirriżulta li din daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Settembru 2015 u kienet applikabbli sas-17 ta’ Settembru 2017. L-Artikolu 13(3) ta’ din id-deċiżjoni kien jipprevedi li din kienet tapplika għall-persuni li kienu waslu fit-territorju Taljan jew fit-territorju Grieg bejn is-16 ta’ Settembru 2015 u s-17 ta’ Settembru 2017 kif ukoll għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li kienu waslu f’wieħed minn dawn it-territorji mill-15 ta’ Awwissu 2015. |
23 |
Konformement mal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, din daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2015 u kienet applikabbli sas-26 ta’ Settembru 2017. L-Artikolu 13(3) ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi li din kienet tapplika għall-persuni li kienu waslu fit-territorju Taljan u dak Grieg bejn il-25 ta’ Settembru 2015 u s-26 ta’ Settembru 2017 kif ukoll għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li kienu waslu f’wieħed minn dawn it-territorji mill-24 ta’ Marzu 2015. |
Il-fatti li wasslu għall-kawżi u l-proċeduri prekontenzjużi
24 |
Fis-16 ta’ Diċembru 2015, ir-Repubblika tal-Polonja indikat, skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, numru ta’ 100 applikant għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, li minnhom 65 mill-Greċja u 35 mill-Italja. Sussegwentement, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana identifikaw, rispettivament, 73 u 36 persuna li huma talbu lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tirriloka. Dan l-aħħar Stat Membru ma segwiex dawn l-applikazzjonijiet u ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali ma ġie rrilokat fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru skont id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja ma ħadet ebda impenn ieħor ta’ rilokazzjoni. |
25 |
Huwa paċifiku li l-Ungerija, li ma pparteċipatx fil-miżura ta’ rilokazzjoni volontarja prevista mid-Deċiżjoni 2015/1523, fl-ebda mument ma indikat numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u li, konsegwentement, ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali ma ġie rrilokat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru skont din id-deċiżjoni. |
26 |
Fil-5 ta’ Frar u fit-13 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Ċeka indikat, skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, numru, rispettivament, ta’ 30 u ta’ 20 applikant għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, fosthom 20 u 10 mill-Greċja u darbtejn 10 mill-Italja. Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana identifikaw, rispettivament, 30 u 10 persuni li huma talbu r-rilokazzjoni tagħhom lejn ir-Repubblika Ċeka. Dan l-aħħar Stat Membru aċċetta li jirriloka 15‑il persuna mill-Greċja, li minnhom 12 ġew effettivament irrilokati. Ir-Repubblika Ċeka ma aċċettat l-ebda waħda mill-persuni identifikati mir-Repubblika Taljana, u mill-Italja ma saret ebda rilokazzjoni lejn ir-Repubblika Ċeka. Għaldaqstant, total ta’ 12‑il applikant għal protezzjoni internazzjonali, kollha provenjenti mill-Greċja, ġew irrilokati fit-territorju tar-Repubblika Ċeka skont id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Wara t-13 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Ċeka ma ħadet ebda impenn ieħor ta’ rilokazzjoni. |
27 |
Permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Polonja, lill-Ungerija u lir-Repubblika Ċeka, b’mod partikolari, sabiex jikkomunikaw mill-inqas kull tliet xhur indikazzjonijiet dwar in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati fit-territorju tagħhom u sabiex jirrilokaw tali applikanti f’intervalli regolari sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi legali tagħhom. |
28 |
Permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni fakkret lill-Istati Membri kollha fl-obbligi tagħhom ta’ rilokazzjoni skont id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. |
29 |
F’ittra tat-28 ta’ Frar 2017, indirizzata flimkien mill-Kummissjoni u mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Ministri tal-Intern, l-Istati Membri li kienu għadhom ma għamlux rilokazzjonijiet jew li ma kinux irrilokaw proporzjonalment għall-kwota tagħhom kienu mitluba jżidu l-isforzi tagħhom immedjatament. |
30 |
Ir-Repubblika Ċeka indikat, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Marzu 2017, li hija kienet tqis li l-ewwel offerta tagħha, tal-5 ta’ Frar 2016, li tirriloka 30 persuna kienet suffiċjenti. |
31 |
Fil-5 ta’ Ġunju 2017, ir-Repubblika Ċeka adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 439 li permezz tagħha ddeċidiet li tissospendi l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha assunti waqt il-laqgħa, fil-25 u fis-26 ta’ Ġunju 2015, tal-Kunsill Ewropew, ifformalizzati sussegwentement waqt il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, tal-20 ta’ Lulju 2015 u implimentati bid-Deċiżjoni 2015/1523, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1601 “fid-dawl tad-deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni fil-qasam tas-sigurtà fl-Unjoni […] u minħabba d-disfunzjoni manifesta tas-sistema ta’ rilokazzjoni”. |
32 |
F’diversi rapporti tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, il-Kummissjoni insistiet li l-Istati Membri jindikaw f’intervalli regolari numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati fit-territorju tagħhom konformement mal-obbligi ta’ kull Stat Membru skont id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew skont id-Deċiżjoni 2015/1601 u jagħmlu rilokazzjonijiet effettivi proporzjonalment mal-obbligi tagħhom u, b’mod partikolari, tal-kwoti tagħhom li jinsabu fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2015/1601, taħt piena ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
33 |
Fil-komunikazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Mejju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — It-tielet rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 360 final, tal-15 ta’ Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Ir-raba’ rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 416 final, tat-13 ta’ Lulju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Il-ħames rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 480 final, tat-28 ta’ Settembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Is-sitt rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 636 final, tad-9 ta’ Novembru 2016 lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Is-seba’ rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 720, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — It-tmien rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 791 final, il-Kummissjoni indikat li tirriżerva d-dritt li tuża l-poteri mogħtija lilha mit-Trattati jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jiħdux il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi ta’ rilokazzjoni tagħhom kif previsti fid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. |
34 |
Barra minn hekk, fil-komunikazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Frar 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Id-disa’ rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 74 final, tat-2 ta’ Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — L-għaxar rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 202 final, tat-12 ta’ April 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Il-ħdax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 212 final, kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — It-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 260 final, il-Kummissjoni talbet speċifikament li r-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka jikkonformaw ruħhom mal-obbligi ta’ rilokazzjoni tagħhom skont id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew id-Deċiżjoni 2015/1601 billi jirrilokaw applikanti għal protezzjoni internazzjonali u billi jieħdu impenji ta’ rilokazzjoni. Hija indikat li kienet qiegħda tirriżerva l-possibbiltà li tibda proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dawn l-Istati Membri jekk dawn ma jikkonformawx ruħhom mal-obbligi tagħhom kemm jista’ jkun malajr. |
35 |
Fit-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, il-Kummissjoni eżiġiet li l-Istati Membri li ma kienu għadhom irrilokaw ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali jew li ma kinux indikaw għal sena numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati mill-Greċja u mill-Italja fit-territorju tagħhom jipproċedu immedjatament jew, l-iktar tard, f’terminu ta’ xahar għal tali rilokazzjonijiet u impenji. |
36 |
Permezz ta’ ittri ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ Ġunju 2017, f’dak li jirrigwarda l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, u tas-16 ta’ Ġunju 2017, fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258(1) TFUE kontra dawn it-tliet Stati Membri. F’dawn l-ittri, il-Kummissjoni sostniet li dawn l-Istati Membri ma kinux osservaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u lanqas, konsegwentement, l-obbligi sussegwenti tagħhom ta’ rilokazzjoni previsti fl-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601. |
37 |
Peress li ma kinitx konvinta mir-risposti tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka għal dawn l-ittri ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Lulju 2017, bagħtet opinjoni motivata lil kull wieħed minn dawn it-tliet Stati Membri, filwaqt li żammet il-pożizzjoni tagħha li r-Repubblika tal-Polonja, mis-16 ta’ Marzu 2016, l-Ungerija, mill-25 ta’ Diċembru 2015, u r-Repubblika Ċeka, mit-13 ta’ Awwissu 2016, kienu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, kif ukoll, bħala konsegwenza, l-obbligi sussegwenti tagħhom taħt l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601, waqt li stiednet lil dawn it-tliet Stati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma’ dawk l-obbligi fi żmien erba’ ġimgħat, jiġifieri mhux iktar tard mit-23 ta’ Awwissu 2017. |
38 |
Ir-Repubblika Ċeka, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2017, kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija, permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Awwissu tal-istess sena, irrispondew għall-imsemmija opinjonijiet motivati. |
39 |
Fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Settembru 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Il-ħmistax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 465 final, il-Kummissjoni, mill-ġdid, ikkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija kienu l-uniċi Stati Membri li ma rrilokaw ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali, li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx għadha ħadet impenji ta’ rilokazzjoni mis-16 ta’ Diċembru 2015 u li r-Repubblika Ċeka ma kinitx għadha ħadet tali impenji mit-13 ta’ Mejju 2016 u ma kinitx għadha għamlet rilokazzjoni mix-xahar ta’ Awwissu 2016. Hija talbet li dawn it-tliet Stati Membri jieħdu immedjatament l-impenji ta’ rilokazzjoni u jipproċedu immedjatament għal rilokazzjonijiet. Barra minn hekk, hija rreferiet f’din il-komunikazzjoni għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), filwaqt li indikat li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601. |
40 |
Permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka dwar din is-sentenza billi rrepetiet li din kienet ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601, u stiednet lil dawn it-tliet Stati Membri jadottaw, mill-iktar fis possibbli, il-miżuri neċessarji sabiex jieħdu impenji ta’ rilokazzjoni u jipproċedu għal rilokazzjonijiet. |
41 |
Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda risposta għal dawn l-ittri, hija ddeċidiet li tressaq ir-rikorsi preżenti. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
42 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2018, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja fil-Kawża C‑715/17. |
43 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2018, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka fil-Kawża C‑719/17. |
44 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2018, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Ungerija fil-Kawża C‑718/17. |
45 |
Peress li l-partijiet u l-Avukat Ġenerali nstemgħu fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, minħabba l-konnessjoni tagħhom flimkien, dawn il-kawżi għandhom jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq ir-rikorsi
Fuq l-ammissibbiltà
46 |
It-tliet Stati Membri inkwistjoni jqajmu diversi argumenti sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonċernahom. |
Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-Kawżi C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, ibbażati fuq il-fatt li r-rikorsi huma mingħajr suġġett u jikkontradixxu l-għan tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE
– L-argumenti tal-partijiet
47 |
It-tliet Stati Membri inkwistjoni jsostnu, essenzjalment, li r-rikors li jikkonċernahom huwa inammissibbli minħabba li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew mid-Deċiżjoni 2015/1601 li huma kkritikati bih, xorta jibqa’ l-fatt li huwa impossibbli għal kull Stat Membru inkwistjoni li jirrimedja għal dan tal-aħħar billi jimplimenta l-obbligi imposti mill-Artikolu 5(2) u (4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, peress li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom u, konsegwentement, l-obbligi li huma jimponu ilhom li skadew definittivament mis-17 ta’ Settembru u mis-26 ta’ Settembru 2017, rispettivament. |
48 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE għandu jkollu l-għan li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-waqfien tiegħu u ma jistax ikollu bħala għan biss l-għoti ta’ sentenza purament dikjaratorja li permezz tagħha tiġi kkonstatata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
49 |
Għaldaqstant, ir-rikorsi huma mingħajr skop u ma jservux l-għan tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE. |
50 |
Barra minn hekk, fir-rigward tan-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn atti tal-Unjoni li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom ikun skada b’mod definittiv u li ma jistgħux jiġu rrimedjati, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka interess suffiċjenti sabiex titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata dawn in-nuqqasijiet. |
51 |
Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
52 |
Għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE huwa l-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi imposti fuqu mit-Trattat FUE jew minn att tad-dritt sekondarju u li tali proċedura tippermetti wkoll li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru kisirx id-dritt tal-Unjoni f’każ partikolari (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
F’dan il-kuntest, wieħed mill-għanijiet tal-proċedura prekontenzjuża huwa li jagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE jirriżulta li, jekk l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata fit-terminu stabbilit f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem dan it-terminu (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Huwa minnu, kif ifakkru t-tliet Stati Membri inkwistjoni, li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-missjoni li tiżgura, ex officio u fl-interess ġenerali, l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dritt tal-Unjoni u li tikkonstata, bil-għan li dawn jintemmu, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet eventwali tal-obbligi li jirriżultaw minnu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑20/09, EU:C:2011:214, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Madankollu, din il-ġurisprudenza għandha tinftiehem fis-sens li, f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma tistax titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bil-għan li dan jintemm. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax, pereżempju, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tordna lil Stat Membru jadotta aġir partikolari sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑20/09, EU:C:2011:214, punt 41). |
57 |
Min-naħa l-oħra, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ammissibbli jekk il-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari f’sitwazzjoni, bħal dik f’dan il-każ, fejn l-att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li l-ksur tiegħu jkun allegat ikun definittivament waqaf milli jkun applikabbli wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
58 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, tali rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sa fejn jirrigwarda l-konstatazzjoni oġġettiva mill-Qorti tal-Ġustizzja tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi li jimponi fuqu att ta’ dritt sekondarju u jippermetti li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru kisirx id-dritt tal-Unjoni f’każ partikolari, jaqa’ kompletament taħt l-għan imfittex mill-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE. |
59 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 skada definittivament fis-17 ta’ Settembru u fis-26 ta’ Settembru 2017 rispettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 94). |
60 |
F’dan ir-rigward, it-tliet Stati Membri inkwistjoni jinvokaw il-fatt li ma huwiex iktar possibbli li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat peress li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 skada b’mod definittiv. Issa, dan il-fatt, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi. |
61 |
Fil-fatt, it-tliet Stati Membri inkwistjoni ngħataw il-possibbiltà li jtemmu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġew akkużati bih qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjonijiet motivati, jiġifieri t-23 ta’ Awwissu 2017, u, għalhekk, qabel dak tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 billi jieħdu impenji ta’ rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tad-Deċiżjoni 2015/1601, u billi jagħmlu rilokazzjonijiet effettivi fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601, hekk kif il-Kummissjoni kienet talbithom jagħmlu f’sensiela ta’ ittri u f’bosta mill-komunikazzjonijiet ta’ kull xahar tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni. |
62 |
Peress li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu hekk stabbilit fl-opinjonijiet motivati, l-obbligi li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kienu għadhom fis-seħħ u li, kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, it-tliet Stati Membri kkonċernati kienu għadhom ma kkonformawx ruħhom ma’ dawn l-obbligi minkejja li l-Kummissjoni kienet offritilhom il-possibbiltà li jagħmlu dan sa mhux iktar tard mill-imsemmija data, din l-istituzzjoni hija, minkejja l-iskadenza sussegwenti tal-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, ammissibbli biex tressaq ir-rikorsi preżenti, bil-għan li jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
63 |
Li kieku l-argumenti tat-tliet Stati Membri inkwistjoni kellhom jiġu aċċettati, kull Stat Membru li, bl-aġir tiegħu, jippreġudika t-twettiq tal-għan inerenti ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE u li japplika biss, bħala “miżura provviżorja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għal perijodu limitat, kif huwa l-każ għad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punti 90 u 94), ikun jista’ għalhekk jevita proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għas-sempliċi raġuni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda att tad-dritt tal-Unjoni li l-perijodu ta’ applikazzjoni tiegħu jkun skada b’mod definittiv wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’konsegwenza ta’ liema l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw min-nuqqas tagħhom stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 48). |
64 |
F’tali każ, ma jkunx possibbli għall-Kummissjoni li taġixxi, fil-kuntest tal-kompetenzi li hija għandha taħt l-Artikolu 258 TFUE, kontra l-Istat Membru kkonċernat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkonstatat tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u twettaq b’mod sħiħ il-missjoni ta’ gwardjana tat-Trattati mogħtija lilha mill-Artikolu 17 TUE (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 49). |
65 |
Barra minn hekk, li tiġi ammessa, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dawn il-kawżi, l-inammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru minħabba ksur ta’ deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE, bħad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, ikun ta’ preġudizzju kemm għan-natura obbligatorja ta’ dawn id-deċiżjonijiet, kif ukoll, b’mod ġenerali, għall-osservanza tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-Istat tad-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 50). |
66 |
Il-konstatazzjoni tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni tkompli barra minn hekk tinvolvi interess materjali, b’mod partikolari, sabiex tiġi stabbilita l-bażi ta’ responsabbiltà li Stat Membru jista’ jinkorri, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiegħu, fir-rigward ta’ Stati Membri oħra, tal-Unjoni jew ta’ individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 39/72, EU:C:1973:13, punt 11). |
67 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li, wara l-iskadenza definittiva tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, il-Kummissjoni ma għadx għandha interess ġuridiku, għandu jitfakkar il-prinċipju, stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li l-Kummissjoni la għandha turi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku u lanqas li tindika l-motivi li wassluha sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu, hekk kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, li, f’sitwazzjoni fejn ir-rikors kien ġie ppreżentat fi żmien meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien ġie tterminat virtwalment minħabba s-sostituzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda tad-dritt tal-Unjoni ma’ dawk li l-ksur tagħhom kien allegat, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, b’eċċezzjoni għall-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, huwa obbligu tagħha li, mingħajr ma tkun tista’ tevalwa l-motivi ta’ opportunità li jispiraw ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni, teżamina jekk rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda aġir fil-passat jikkostitwixxix azzjoni li tkun għadha turi “interess suffiċjenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, EU:C:1970:67, punti 9 u 10). |
69 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni inkwistjoni f’dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma taqax taħt is-sitwazzjoni partikolari msemmija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li hija kkaratterizzata mis-sostituzzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tagħhom kien allegat minn dispożizzjonijiet ġodda li wasslu virtwalment għat-tmiem tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. |
70 |
Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, l-interess tal-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni ma jistax jiġi ddubitat. Fil-fatt, minn naħa, it-terminu stabbilit fl-opinjonijiet motivati kien jintemm f’data li fiha kienu għadhom jeżistu n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn it-tliet kawżi jqajmu kwistjonijiet importanti dwar id-dritt tal-Unjoni, fosthom il-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, dwar liema kundizzjonijiet Stat Membru jista’ jinvoka l-Artikolu 72 TFUE sabiex iħalli mhux applikati deċiżjonijiet, adottati abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, li n-natura obbligatorja tagħhom ma hijiex ikkontestata u li huma intiżi għar-rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust bejn l-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, EU:C:1970:67, punti 11 u 13). |
71 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq il-fatt li r-rikorsi huma mingħajr suġġett u jikkontradixxu l-għan tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE, bħal dawk ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma sostnietx interess suffiċjenti sabiex tippreżenta dan ir-rikors, għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-Kawżi C‑715/17 u C‑718/17, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
– L-argumenti tal-partijiet
72 |
Fil-Kawża C‑718/17, l-Ungerija ssostni li r-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma inammissibbli peress li l-Kummissjoni, billi llimitat ruħha li tippreżenta rikors kontra t-tliet Stati Membri inkwistjoni biss filwaqt li l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri ma osservawx b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew id-Deċiżjoni 2015/1601, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u b’hekk marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 258 TFUE. |
73 |
Fil-Kawża C‑715/17, ir-Repubblika tal-Polonja tressaq, essenzjalment, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-istess natura. |
74 |
Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
75 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi jekk huwiex opportun li taġixxi kontra Stat Membru, sabiex tiddetermina d-dispożizzjonijiet li jkun kiser u sabiex tagħżel il-mument meta tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, peress li l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-assenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra Stat Membru ieħor (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 25). |
77 |
Barra minn hekk, kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, hija indikat b’mod ċar fit-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni li l-Istati Membri li kienu għadhom ma rrilokaw ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali, sitwazzjoni li fiha kienu jinsabu r-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija, u/jew li ma kinux għadhom ħadu impenji ta’ rilokazzjoni mill-Greċja u mill-Italja għal iktar minn sena, sitwazzjoni li fiha kienu jinsabu r-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Ċeka, setgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ħlief jekk dawn kienu jibdew immedjatament, jew, l-iktar tard, f’terminu ta’ xahar jieħdu dawn l-impenji u jwettqu rilokazzjonijiet effettivi. |
78 |
Sussegwentement, fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Ġunju 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill —It-tlettax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 330 final, il-Kummissjoni kkonstatat li, wara s-sejħa tagħha mnedija fit-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka, kienu bdew jieħdu regolarment impenji skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 u indikat li hija kienet iddeċidiet li tibda tliet proċeduri kontra dawn l-Istati Membri. |
79 |
F’dan il-kuntest, l-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni, sa fejn hija intiża sabiex tiżgura li l-Istati Membri kollha, minbarra r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, li kienu marbuta bl-obbligi ta’ rilokazzjoni li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, jimplimentaw dawn l-obbligi, kienet taqa’ kompletament taħt l-għan imfittex minn dawn id-deċiżjonijiet. |
80 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-piżijiet li jinkludu l-miżuri provviżorji previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, peress li dawn ġew adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE sabiex jgħinu lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana sabiex jaffrontaw aħjar sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom, għandhom, bħala prinċipju, jitqassmu bejn l-Istati Membri l-oħra kollha, konformement mal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, peress li, skont l-Artikolu 80 TFUE, dan il-prinċipju jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 291). |
81 |
L-azzjoni tal-Kummissjoni hija għalhekk ibbażata, f’dan il-każ, fuq kriterju newtrali u oġġettiv, relatat mal-gravità u mal-persistenza tan-nuqqasijiet allegati fil-konfront tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka, li, fid-dawl tal-għan tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kif għadu kif tfakkar, jippermetti li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ dawn it-tliet Stati Membri u dik tal-Istati Membri l-oħra, inklużi dawk li ma osservawx b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dawn id-deċiżjonijiet. |
82 |
Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma qabżet il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fil-kuntest tal-Artikolu 258 TFUE meta ddeċidiet li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, u mhux kontra Stati Membri oħra. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-Kawża C‑718/17, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura prekontenzjuża
– L-argumenti tal-partijiet
83 |
Fil-Kawża C‑718/17, l-Ungerija takkuża lill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża tagħha fil-proċedura prekontenzjuża sa fejn it-terminu għal risposta ta’ erba’ ġimgħat mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata kien eċċessivament qasir, kuntrarju għat-terminu abitwali ta’ xahrejn u mhux iġġustifikat minn sitwazzjoni ta’ urġenza leġittima. |
84 |
Il-Kummissjoni kisret b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tal-Ungerija billi ċaħdet it-talba tagħha għal estensjoni tat-terminu għar-risposta mogħti fl-opinjoni motivata. |
85 |
L-Ungerija ssostni li l-Kummissjoni, sa fejn iddeċidiet biss fix-xahar ta’ Ġunju 2017, u għalhekk f’data relattivament qrib id-data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li tibda l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra t-tliet Stati Membri inkwistjoni, hija hi stess il-kawża tal-urġenza li qiegħda tiġi invokata minnha. It-termini sabiex tingħata risposta eċċessivament qosra u l-għaġla tal-proċedura prekontenzjuża huma spjegati mhux b’urġenza reali, iżda mill-fatt li l-Kummissjoni riedet li askapitu ta’ kollox tibqa’ tista’ tistabbilixxi fl-opinjoni motivata t-terminu mogħti lill-Istati Membri inkwistjoni sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom b’tali mod li dan jiskadi qabel ma l-imsemmija deċiżjonijiet ma jibqgħux applikabbli fix-xahar ta’ Settembru 2017, u dan sabiex jiġi evitat li r-rikorsi tagħha jiġu kkontestati bħala inammissibbli fil-konfront tagħha. L-urġenza invokata mill-Kummissjoni hija wkoll kontradetta mill-fatt li din l-istituzzjoni reġgħet stenniet erba’ xhur wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi. |
86 |
Fit-tieni lok, l-Ungerija tilmenta li l-Kummissjoni ma indikatx, matul il-proċedura prekontenzjuża, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tagħha. |
87 |
L-Ungerija ssostni, f’dan ir-rigward, li, għalkemm, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjoni qasira li tindika għaliex, fil-fehma tagħha, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 jimplika ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni, din l-ispjegazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tirrimedja għall-fatt li, matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx b’mod ċar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura. |
88 |
Filwaqt li, fil-motivi tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata, l-Ungerija kienet akkużata biss bi ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, il-Kummissjoni, fit-talbiet ta’ din l-ittra u ta’ din l-opinjoni, allegat ukoll ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr analiżi addizzjonali. |
89 |
Din l-impreċiżjoni tas-suġġett tal-proċedura hija dovuta wkoll għall-fatt li, fil-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni rreferiet diversi drabi għal ksur kemm tad-Deċiżjoni 2015/1523 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2015/1601 filwaqt li, fin-nuqqas ta’ impenn volontarju, l-Ungerija ma kinitx obbligata tirriloka applikanti għal protezzjoni internazzjonali taħt l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet. |
90 |
Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
91 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka l-eċċezzjonijiet tad-difiża tiegħu b’mod utli kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tammonta għal garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat FUE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex tiġi żgurata li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kawża ddefinita b’mod ċar (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
92 |
Dawn l-għanijiet jobbligaw lill-Kummissjoni tħalli terminu raġonevoli lill-Istati Membri sabiex jirrispondu għall-ittra ta’ intimazzjoni u sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ opinjoni motivata jew, jekk ikun il-każ, sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom. Dak li jikkostitwixxi terminu raġonevoli għandu jiġi deċiż każ b’każ, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-każ inkwistjoni. Għalhekk, termini qosra ħafna jistgħu jiġu ġġustifikati f’sitwazzjonijiet partikolari, b’mod partikolari meta jkun hemm urġenza sabiex jiġi rrimedjat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew meta l-Istat Membru kkonċernat ikun jaf b’mod sħiħ il-perspettiva tal-Kummissjoni ferm qabel il-bidu tal-proċedura (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, EU:C:2001:687, punt 65). |
93 |
Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita diġà msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra Stat Membru, li għandha tiddetermina d-dispożizzjonijiet li huwa kiser u li tagħżel il-mument meta tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, peress li l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni. |
94 |
F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-termini ta’ risposta allegatament eċċessivament qosra li ġew stabbiliti fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, mir-rapporti tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li din l-istituzzjoni ddeċidiet li tibda l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-15 ta’ Ġunju u fis-16 ta’ Ġunju 2017, u għalhekk fi stadju relattivament avvanzat tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 li kien jintemm, rispettivament, fis-17 ta’ Settembru u fis-26 ta’ Settembru 2017. Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-fatt li, qabel ma bdiet dawn il-proċeduri u qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ applikazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni riedet tagħti l-aħħar possibbiltà lit-tliet Stati Membri inkwistjoni, li jew kienu għadhom ma rrilokaw ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali, jew kienu ilhom ma jieħdu impenji ta’ rilokazzjoni iktar minn sena, li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi imposti fuqhom skont l-imsemmija deċiżjonijiet billi jieħdu impenji formali u jirrilokaw lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mhux iktar tard minn terminu ta’ xahar. |
95 |
Barra minn hekk, din l-għażla li tinbeda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fi stadju relattivament avvanzat tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 tidher iġġustifikata fid-dawl tal-fatt, diġà rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, bħal dik prevista mid-Deċiżjoni 2015/1601, hija operazzjoni fl-istess ħin ġdida u kumplessa li teħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fuq il-livell tal-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel ma hija tipproduċi effetti konkreti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 97). |
96 |
Għaldaqstant, għalkemm, fid-dawl tad-dati tal-iskadenza relattivament qrib tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, finalment sar urġenti, matul ix-xahar ta’ Mejju 2017, li jiġi previst li t-tliet Stati Membri inkwistjoni, permezz ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġu mġiegħla josservaw l-obbligi tagħhom ta’ rilokazzjoni imposti minn dawn id-deċiżjonijiet għall-parti li jifdal ta’ dan il-perijodu ta’ applikazzjoni, ir-raġuni ta’ din l-urġenza ma tistax tiġi attribwita għal xi inerzja jew azzjoni tardiva tal-Kummissjoni, iżda tinsab fir-rifjut persistenti ta’ dawn it-tliet Stati Membri li jaġixxu fuq sejħiet repetuti mill-Kummissjoni biex jikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-obbligi. |
97 |
Kien għalkollox leġittimu għall-Kummissjoni, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fir-rigward tal-għażla tal-mument li fih hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li teżawrixxi qabelxejn il-possibbiltajiet kollha sabiex tikkonvinċi lit-tliet Stati Membri inkwistjoni li jwettqu rilokazzjonijiet u li jieħdu impenji formali sabiex dawn l-Istati Membri jikkontribwixxu debitament, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri li, skont l-Artikolu 80 TFUE, jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, għall-għan ta’ rilokazzjoni effettiva segwit mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, filwaqt li jkun assigurat li dawk l-Istati Membri ma jaħarbux minn azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jekk jiddeċiedu li ma jsegwux l-appell finali tal-Kummissjoni biex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom. |
98 |
Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma eċċedietx dan il-marġni ta’ diskrezzjoni. |
99 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tliet Stati Membri inkwistjoni kienu ġew informati, tal-inqas mis-16 ta’ Mejju 2017, data tat-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrihom jekk huma jkomplu jirrifjutaw li jikkonformaw ruħhom mad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. |
100 |
Bl-istess mod, huma kellhom għarfien sħiħ tal-perspettiva tal-Kummissjoni ferm qabel il-bidu tal-proċedura prekontenzjuża fil-15 ta’ Ġunju u s-16 ta’ Ġunju 2017. Fil-fatt, l-opinjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqasijiet allegati fil-konfront tat-tliet Stati Membri kkonċernati kienet ġiet enfasizzata minnha f’diversi ittri kif ukoll f’diversi rapporti dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-termini inkwistjoni ta’ erba’ ġimgħat ma jistgħux jitqiesu li huma irraġonevolment qosra. |
101 |
Barra minn hekk, ma jidhirx li t-termini għat-tweġiba ta’ erba’ ġimgħat stabbiliti fl-ittri ta’ intimazzjoni u fl-opinjonijiet motivati ma ppermettewx lill-Istati Membri inkwistjoni li jsostnu b’mod utli, fil-proċedura prekontenzjuża, l-eċċezzjonijiet tagħhom kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni. |
102 |
Fil-fatt, fir-risposti, fil-kontroreplika u fl-intervent tagħhom, it-tliet Stati Membri inkwistjoni essenzjalment jirriproduċu l-argumenti li huma kienu diġà qajmu fir-risposti tagħhom għall-ittri ta’ intimazzjoni u fl-opinjonijiet motivati. |
103 |
Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument iktar speċifiku tal-Ungerija li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi fuqha termini ta’ risposta ta’ erba’ ġimgħat u ma setgħetx tirrifjutalha estensjoni ta’ dawn it-termini peress li dawn kienu jiskadu fil-perijodu tas-sajf tas-sena 2017 li matulu persunal imnaqqas fi ħdan il-Ministeru Ungeriż ikkonċernat kellu jipprepara risposta mhux biss f’din il-kawża, iżda wkoll f’żewġ kawżi oħra li kienu qajmu kwistjonijiet kumplessi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li kienu jeħtieġu sforzi konsegwenti. |
104 |
Fil-fatt, l-Ungerija kienet taf, tal-inqas mis-16 ta’ Mejju 2017, id-data tat-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda, fi żmien qasir, proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru jekk dan ikompli ma jimplimentax id-Deċiżjoni 2015/1601. L-Ungerija lanqas ma setgħet tinjora li, jekk din il-proċedura tkun inbdiet, il-Kummissjoni kienet tkun obbligata tagħti termini ta’ risposta relattivament qosra sabiex tiżgura li l-proċedura prekontenzjuża tkun tista’ tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fis-26 ta’ Settembru 2017. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru kellu, f’dan il-każ, jipprevedi dispożittiv suffiċjenti, inkluż matul il-perijodu tas-sajf tas-sena 2017, sabiex ikun f’pożizzjoni li jirrispondi l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata. |
105 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata impreċiżjoni tal-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni kontra l-Ungerija fil-proċedura prekontenzjuża u, b’mod iktar partikolari, tal-fatt li r-rabta bejn in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni ġiet spjegata biss fir-rikors u b’mod partikolarment qasir, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kemm fit-talbiet fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni akkużat b’mod espliċitu lill-Ungerija li kisret l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u, “konsegwentement”, tal-“obbligi ta’ rilokazzjoni oħra” tagħha imposti mill-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ dik id-deċiżjoni. |
106 |
Barra minn hekk, fil-motivi tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni spjegat din ir-rabta kawżali, f’termini identiċi u suffiċjentement ċari, billi indikat li l-impenji msemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 jikkostitwixxu l-“ewwel pass” li fuqu hija “mibnija” il-proċedura ddettaljata u vinkolanti ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, minn naħa, u l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni, min-naħa l-oħra, li għandhom l-għan li jwettqu t-trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mill-ewwel żewġ Stati Membri lejn l-oħrajn, u li l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ dik id-deċiżjoni fih serje ta’ obbligi legali preċiżi u konsekuttivi għall-Istati Membri ta’ rilokazzjoni. |
107 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rilokazzjoni effettiva tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali permezz tat-trasferiment tagħhom lejn it-territorju ta’ Stat Membru ta’ rilokazzjoni hija possibbli biss jekk dan l-Istat Membru, fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, ikun ħa impenn f’dan is-sens għal ċertu numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Għalkemm tali impenn ma tteħidx, bi ksur tal-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, tali nuqqas iwassal neċessarjament għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi konsekuttivi imposti mill-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-fażijiet sussegwenti tal-proċedura intiża għar-rilokazzjoni effettiva tal-applikanti inkwistjoni permezz tat-trasferiment tagħhom lejn it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
108 |
Għaldaqstant, l-Ungerija ma setgħetx tinjora r-rabta kawżali manifesta bejn il-ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u dik tal-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni. |
109 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, f’ċerti motivi tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata, b’mod partikolari f’dawk li jiddeskrivu l-kuntest ġuridiku, il-Kummissjoni rreferiet mhux biss għad-Deċiżjoni 2015/1601, iżda wkoll għad-Deċiżjoni 2015/1523, filwaqt li l-Ungerija ma kinitx marbuta b’din id-deċiżjoni tal-aħħar, is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata l-Ungerija kien kompletament ċar għal dan l-Istat Membru fid-dawl ta’ qari tal-motivi kollha tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jirreferu biss għad-Deċiżjoni 2015/1601. Barra minn hekk, kemm fit-talbiet tal-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll tal-opinjoni motivata, l-Ungerija hija akkużata biss b’nuqqas ta’ twettiq ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk ma jidhirx li l-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ ċerti motivi tar-rikors seta’ jaffettwa l-eżerċizzju mill-Ungerija tad-drittijiet tad-difiża tagħha. |
110 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Ungerija u bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura prekontenzjuża għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-Kawża C‑719/17, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew fuq l-inkoerenza tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
111 |
Fil-Kawża C‑719/17, ir-Repubblika Ċeka, wara mistoqsija għal tweġiba bil-miktub li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-seduta, ikkontestat, fir-risposta tagħha għal din id-domanda, l-ammissibbiltà tar-rikors li jikkonċernaha minħabba li r-rikors ma jistabbilixxix b’mod koerenti u preċiż in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li, fit-talbiet tar-rikors, id-data tal-bidu tal-ksur li hija akkużata bih ma tissemmiex filwaqt li, kemm fil-talbiet fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll tal-opinjoni motivata, it-13 ta’ Awwissu 2016 hija msemmija bħala d-data tal-bidu tal-ksur. Barra minn hekk, ċerti motivi tar-rikors jindikaw jew it-13 ta’ Mejju 2016 jew it-13 ta’ Awwissu 2016 bħala d-data tal-bidu ta’ dan il-ksur. |
112 |
Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
113 |
Għandu jitfakkar li rikors għandu jiġi eżaminat biss fid-dawl tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑132/09, EU:C:2010:562, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
114 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
115 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 53). |
116 |
B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tal-motivi li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi li ġew imposti fuqu bis-saħħa tat-Trattati. Għaldaqstant, kontradizzjoni fl-espożizzjoni tal-motiv imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 35). |
117 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li kemm fil-konklużjonijiet tal-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll tal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ffissat id-data tal-bidu tal-ksur akkużat fil-konfront tar-Repubblika Ċeka għat-13 ta’ Awwissu 2016, it-talbiet tar-rikors fil-Kawża C‑719/17, kif ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 112, p. 19), ma jsemmux din id-data u lanqas data oħra bħala d-data tal-bidu ta’ dan il-ksur. |
118 |
Għaldaqstant, id-deskrizzjoni, fit-talbiet tar-rikors promotur, tal-aġir li bih hija akkużata r-Repubblika Ċeka hija, bħala tali, ikkaratterizzata minn ċerta impreċiżjoni jew ambigwità. Dawn it-talbiet jistgħu għalhekk jissuġġerixxu li dan l-Istat Membru kiser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 matul il-perijodu kollu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn tagħhom, meta huwa paċifiku li r-Repubblika Ċeka assumiet impenji ta’ rilokazzjoni fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet matul l-imsemmi perijodu ta’ applikazzjoni, bit-tieni u l-aħħar impenn tagħha datat 13 ta’ Mejju 2016. |
119 |
Madankollu, għalkemm, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew ambigwità tat-talbiet tar-rikors fil-Kawża C‑719/17 huwa ta’ dispjaċir, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mill-motivi tar-rikors u li huwa kkonfermat mir-replika li n-nuqqas preċiż allegat mill-Kummissjoni fil-konfront tar-Repubblika Ċeka jikkonsisti f’li ma baqgħetx tadotta impenji ta’ rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 wara t-13 ta’ Mejju 2016. Issa, peress li, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, tali impenji għandhom jittieħdu “mill-inqas kull tliet xhur”, id-data tal-bidu tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Repubblika Ċeka tikkorrispondi neċessarjament għat-13 ta’ Awwissu 2016, kif barra minn hekk il-Kummissjoni semmiet espressament kemm fit-talbiet tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata kif ukoll f’ċerti motivi tar-rikors. |
120 |
Minn dan isegwi li r-Repubblika Ċeka ma setgħetx raġonevolment tiżbalja dwar id-data preċiża tal-bidu tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha li l-Kummissjoni akkużatha bih u li hija setgħet effettivament teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑267/09, EU:C:2011:273, punt 28, u tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 57). Bl-istess mod, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jeżisti ebda riskju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita. |
121 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata mir-Repubblika Ċeka fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew fuq l-inkoerenza tar-rikors promotur fil-Kawża C‑719/17 għandha tiġi miċħuda. |
122 |
Fir-rigward tal-Kawża C‑718/17, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, filwaqt li, fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ffissat id-data tal-bidu tal-ksur allegat kontra l-Ungerija għall-25 ta’ Diċembru 2015, it-talbiet tar-rikors, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 112, p. 19), ma jsemmu l-ebda data f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li s-suġġett tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun ċirkoskritt mill-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-rikors f’dan il-każ huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-allegat nuqqas mill-Ungerija li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5(2) u (4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601 mill-25 ta’ Diċembru 2015. |
123 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u suġġett għall-kjarifika magħmula fil-punt preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li t-tliet rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Fuq il-materjalità tan-nuqqasijiet allegati
124 |
Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni, li għandha l-oneru li tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑458/08, EU:C:2010:692, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
125 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja, b’effett mis-16 ta’ Marzu 2016, lill-Ungerija, mill-25 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll lir-Repubblika Ċeka, mit-13 ta’ Awwissu 2016, li naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, kif ukoll, konsegwentement, l-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni imposti fuqhom skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601. |
126 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-obbligu li jittieħdu impenji ta’ rilokazzjoni minn tal-inqas kull tliet xhur huwa preskritt fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u li l-obbligi ulterjuri ta’ rilokazzjoni effettiva huma stabbiliti fl-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601, bil-ftit differenzi fil-kliem tal-paragrafi 4 u 9 tal-imsemmi Artikolu 5 jkunu irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-tliet rikorsi. |
127 |
Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, teżisti rabta kawżali manifesta, li fuqha t-tliet Stati Membri inkwistjoni ma setgħux raġonevolment jiżbaljaw, bejn il-ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u l-ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tal-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601. |
128 |
Fil-fatt, dawn huma obbligi konsekuttivi fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, b’tali mod li, jekk l-obbligu impost mill-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma jiġix osservat, peress li l-impenji ta’ rilokazzjoni ta’ ċertu numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma jkunux meħuda, l-obbligi imposti mill-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet għar-rilokazzjoni effettiva tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li għalihom ikunu ttieħdu impenji lanqas ma jiġu osservati. |
129 |
Għandu jiġi kkonstatat li t-tliet Stati Membri inkwistjoni ma jikkontestawx l-eżistenza, fid-data tat-23 ta’ Awwissu 2017, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjonijiet motivati, tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, b’tali mod li hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala stabbilita l-eżistenza ta’ dawn in-nuqqasijiet kif ukoll, konsegwentement, dik tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni imposti fuqhom skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601. |
130 |
Barra minn hekk, dawn in-nuqqasijiet ma jistgħux jiġu kkontestati peress li, fid-diversi rapporti ta’ kull xahar dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, li huwa paċifiku li t-tliet Stati Membri inkwistjoni kienu jafu bihom, il-Kummissjoni żgurat monitoraġġ, b’mod partikolari, tal-istat ta’ progress tar-rilokazzjonijiet mill-Greċja u mill-Italja previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li jindikaw, għal kull Stat Membru ta’ rilokazzjoni, in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li għalihom kienu effettivament ittieħdu impenji ta’ rilokazzjoni kif ukoll in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li effettivament ġew irrilokati. Issa, dawn ir-rapporti juru r-realtà tan-nuqqasijiet allegati mill-Kummissjoni u mfakkra fil-punt 125 ta’ din is-sentenza. |
131 |
Fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih tirriżulta wkoll b’mod ċar mir-Riżoluzzjoni Nru 439 tal-5 ta’ Ġunju 2017, imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħha dan l-Istat Membru ddeċieda li jissospendi l-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu assunti waqt il-laqgħa, fil-25 u fis-26 ta’ Ġunju 2015, tal-Kunsill Ewropew, ifformalizzati sussegwentement waqt il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, miġbura fi ħdan il-Kunsill Ewropew, tal-20 ta’ Lulju 2015 u implimentati bid-Deċiżjoni 2015/1523 kif ukoll l-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1601. |
132 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-materjalità tan-nuqqasijiet allegati fit-tliet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. |
133 |
Madankollu, it-tliet Stati Membri inkwistjoni jressqu sensiela ta’ argumenti li jiġġustifikaw li dawn ma japplikawx id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Dawn huma, minn naħa, argumenti dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, ibbażati mir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija fuq l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, u, min-naħa l-oħra, argumenti bbażati mir-Repubblika Ċeka fuq id-disfunzjoni u l-ineffikaċja tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni kif previst minn dawn id-deċiżjonijiet. |
Fuq il-motivi ta’ difiża mressqa mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Ungerija bbażati fuq l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE
L-argumenti tal-partijiet
134 |
Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija jsostnu, essenzjalment, li, f’dan il-każ, huma kellhom id-dritt, skont l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, li jirriżervaw il-kompetenza esklużiva għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna fil-kuntest ta’ atti adottati fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja msemmi fit-Titolu V tat-Trattat FUE, li ma japplikawx l-obbligi tagħhom taħt id-dritt sekondarju, u għalhekk ta’ livell inferjuri, li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1523, li huma atti meħuda abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE u li għalhekk jaqgħu taħt l-imsemmi Titolu V. |
135 |
Dawn l-Istati Membri jsostnu li huma ddeċidew, skont l-Artikolu 72 TFUE, li ma japplikawx id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew id-Deċiżjoni 2015/1601. Huma jqisu li, skont l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji li toħloq ir-rilokazzjoni eventwali fit-territorju tagħhom ta’ persuni estremisti u perikolużi li jistgħu jwettqu atti vjolenti, jew anki ta’ natura terroristika, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni kif previst fl-Artikolu 5 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet u kif kien applikat mill-awtoritajiet Griegi u Taljani ma jippermettilhomx li jiżguraw b’mod sħiħ iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna. |
136 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija Stati Membri jirreferu għal diversi problemi li ltaqgħet magħhom l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-istabbiliment b’ċertezza suffiċjenti tal-identità u tal-oriġini tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li għandhom l-għan li jiġu rrilokati, problemi li ġew aggravati min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet Griegi u Taljani fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, b’mod partikolari, permezz tar-rifjut tagħhom lill-uffiċjali ta’ kuntatt tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu intervisti mal-applikanti kkonċernati qabel it-trasferiment tagħhom. |
137 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tqis, b’mod partikolari, li l-Artikolu 72 TFUE ma huwiex dispożizzjoni li fir-rigward tagħha l-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi kkontestata. Għall-kuntrarju, din hija regola paragunabbli għal regola ta’ kunflitt li tipprovdi li l-prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tal-protezzjoni tas-sigurtà interna jieħdu preċedenza fuq l-obbligi tagħhom ta’ dritt sekondarju. Stat Membru jista’ jinvoka l-Artikolu 72 TFUE sabiex ma jimplimentax att adottat fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat kull darba li huwa jqis li jeżisti riskju anki potenzjali għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għas-salvagwardja tas-sigurtà interna li r-responsabbiltà għalihom tkun tiegħu. F’dan ir-rigward, Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna u għandu juri biss il-plawżibbiltà ta’ riskju għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna sabiex ikun jista’ jinvoka l-Artikolu 72 TFUE. |
138 |
Mingħajr ma tqajjem motiv ta’ difiża distint ibbażat fuq l-Artikolu 72 TFUE, ir-Repubblika Ċeka ssostni, min-naħa tagħha, li, quddiem it-theddid għas-sigurtà pubblika li timplika r-rilokazzjoni ta’ persuni potenzjalment marbuta mal-estremiżmu reliġjuż, għandu jiġi żgurat li kull Stat Membru ta’ rilokazzjoni jkun jista’ jipproteġi s-sigurtà interna tiegħu. Issa, din is-salvagwardja tas-sigurtà interna ma kinitx żgurata fuq kollox minħabba l-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-persuni kkonċernati u l-impossibbiltà li jsiru intervisti intiżi sabiex jiġi vverifikat li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkonċernati ma jikkostitwixxux theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
139 |
Fl-Unjoni Ewropea bbażata fuq l-Istat tad-dritt, l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu mill-preżunzjoni tal-legalità. Peress li d-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kienu, sa mill-adozzjoni tagħhom, vinkolanti fuq ir-Repubblika tal-Polonja u fuq ir-Repubblika Ċeka, dawn l-Istati Membri kienu obbligati josservaw dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni u jimplimentawhom matul il-perijodu kollu ta’ applikazzjoni tagħhom ta’ sentejn. L-istess japplika għall-Ungerija, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2015/1601, att li kien obbligatorju għal dan l-Istat Membru mill-adozzjoni tiegħu u matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tiegħu kollu ta’ sentejn (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 85). |
140 |
Din in-natura obbligatorja tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 bl-ebda mod ma hija mibdula mill-fatt li l-legalità tad-Deċiżjoni 2015/1601 ġiet ikkontestata mill-Ungerija u mir-Repubblika Slovakka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, proċeduri li fihom intervjeniet ir-Repubblika tal-Polonja insostenn ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Barra minn hekk, ebda wieħed minn dawn tal-aħħar ma talab sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni jew l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE, b’tali mod li, skont dan l-Artikolu 278, dawn ir-rikorsi għal annullament ma kellhom ebda effett sospensiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punti 86 u 87). |
141 |
Mill-bqija, permezz tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn ir-rikorsi għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2015/1601, u b’hekk ikkonfermat il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. |
142 |
F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija, filwaqt li jindikaw li ma għandhomx l-intenzjoni li jeċċepixxu l-illegalità tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tad-Deċiżjoni 2015/1601 fid-dawl tal-Artikolu 72 TFUE, isostnu li dan l-artikolu kien jippermettilhom li ma japplikawx dawn id-deċiżjonijiet jew xi waħda minnhom. |
143 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom kif ukoll is-sigurtà interna u esterna tagħhom, madankollu minn dan ma jirriżultax li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 36, 45, 52, 65, 72, 346 u 347 TFUE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali ddefiniti sew. Ma jistax jiġi dedott minn dan li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura adottata għal raġunijiet tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 51, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑38/06, EU:C:2010:108, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
144 |
Barra minn hekk, id-deroga prevista fl-Artikolu 72 TFUE għandha, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, b’mod partikolari, għad-derogi previsti fl-Artikoli 346 u 347 TFUE, tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 52, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑38/06, EU:C:2010:108, punt 63). |
145 |
Minn dan isegwi li, għalkemm l-Artikolu 72 TFUE jipprevedi li t-Titolu V tat-Trattat ma jippreġudikax l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, dan ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi jinvokaw biss dawn ir-responsabbiltajiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 53, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑38/06, EU:C:2010:108, punt 64). |
146 |
Il-portata tar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali ma tistax għalhekk tiġi ddeterminata unilateralment minn kull Stat Membru, mingħajr stħarriġ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 48, kif ukoll tat-2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
147 |
Huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 72 TFUE li għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għad-deroga prevista f’dan l-artikolu għall-finijiet tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tal-protezzjoni tas-sigurtà interna (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 55, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑38/06, EU:C:2010:108, punt 66). |
148 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2015/1601, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 307 sa 309 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), diġà ċaħdet l-argument, imqajjem mir-Repubblika tal-Polonja bħala intervenjenti, li din id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li ma tippermettix lill-Istati Membri jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tar-responsabbiltajiet tagħhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna skont l-Artikolu 72 TFUE. |
149 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601, barra minn hekk redatta f’termini identiċi għal dawk tal-premessa 26 tad-Deċiżjoni 2015/1523, kienet tistabbilixxi, b’mod partikolari, li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni kollha, sat-trasferiment effettiv tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, u li, f’dan il-kuntest, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, inklużi r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, kien meħtieġ (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 307). |
150 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601, intitolat “Proċedura ta’ rilokazzjoni”, li jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu, li t-termini tiegħu huma barra minn hekk identiċi għal dawk tal-Artikolu 5(7) tad-Deċiżjoni 2015/1523, li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant għal protezzjoni internazzjonali biss meta jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex jitqies li dan jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom jew meta jeżistu raġunijiet serji sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 308). |
151 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u, f’termini identiċi, l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2015/1601, jipprevedu li Stat Membru ta’ rilokazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali identifikat mir-Repubblika Ellenika jew mir-Repubblika Taljana għall-finijiet tar-rilokazzjoni tiegħu biss jekk ikunu jeżistu motivi raġonevoli kif imsemmija fil-paragrafu 7 tal-imsemmi Artikolu 5, jiġifieri motivi raġonevoli sabiex jitqies li l-applikant inkwistjoni jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fit-territorju tiegħu. |
152 |
Il-modalitajiet tal-mekkaniżmu li fih l-Artikolu 5 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet jirriflettu barra minn hekk il-prinċipji, imfakkra fil-punti 143 sa 147 ta’ din is-sentenza, li jipprovdu li l-Artikolu 72 TFUE għandu, bħala dispożizzjoni derogatorja, interpretazzjoni stretta u, għaldaqstant, ma jagħtix lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi jinvokaw biss l-interessi marbuta maż-żamma tal-ordni pubbliku u mas-salvagwardja tas-sigurtà interna, iżda jimponilhom jipprovaw in-neċessità li jirrikorru għad-deroga prevista f’dan l-artikolu għall-finijiet li jeżerċitaw dawn ir-responsabbiltajiet f’dawn il-materji. |
153 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ħa debitament inkunsiderazzjoni, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 72 TFUE billi inkwadra dan l-eżerċizzju, f’dak li jirrigwarda ż-żewġ fażijiet tal-proċedura ta’ rilokazzjoni sussegwenti għal dik tat-teħid tal-impenji, fil-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet. |
154 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tar-“raġunijiet serji” sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-“esklużjoni” li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95, motivi li, skont l-Artikolu 5(7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, kienu jippermettu lil Stat Membru li jirrifjuta r-rilokazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinvoka l-kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95 u fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ dik id-direttiva, li jirrelataw mal-kummissjoni mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ta’ “delitt serju”, biss wara li tkun ipproċediet, għal kull każ individwali, għal evalwazzjoni tal-fatti speċifiċi li hija jkollha konjizzjoni tagħhom bil-għan li tiddetermina jekk hemmx raġunijiet serji biex temmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li barra minn hekk tissodisfa l-kriterji għall-kisba tal-istatus mitlub, jaqgħu taħt din ir-raġuni ta’ esklużjoni, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-gravità tar-reat inkwistjoni teħtieġ eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ individwali kkonċernat (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punti 48, 55 u 58). |
155 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, minkejja li r-raġunijiet ta’ esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95 huma artikolati madwar il-kunċett ta’ “delitt serju”, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni mill-istatus tal-protezzjoni sussidjarja prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 huwa usa’ minn dak tal-kawża ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat prevista fl-Artikolu 1(F)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, filwaqt li l-kawża ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda delitt serju tad-dritt komuni li twettaq barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel id-dħul tal-persuna kkonċernata bħala refuġjat, ir-raġuni ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 tirreferi b’mod iktar ġenerali għal delitt serju u għalhekk la hija limitata ġeografikament, la ratione temporis u lanqas fir-rigward tan-natura tad-delitti inkwistjoni (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punti 46 u 47). |
156 |
Fir-rigward tal-motivi msejħa “raġonevoli” sabiex jitqies li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jirrappreżenta “periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku” fit-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni inkwistjoni, li jippermettu lil dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 5(4) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali identifikat mir-Repubblika Ellenika jew mir-Repubblika Taljana, u, skont l-Artikolu 5(7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, li jirrifjuta li jirriloka applikant għal protezzjoni internazzjonali, dawn ir-raġunijiet, minħabba li għandhom ikunu “raġonevoli”, mhux “serji”, u mhux neċessarjament għandhom x’jaqsmu ma’ reat gravi diġà mwettaq jew ma’ delitt serju tal-liġi ordinarja li twettaq barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel ma l-persuna kkonċernata hija ammessa bħala refuġjat, iżda jeħtieġu biss prova ta’ “periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku”, iħallu b’mod ċar marġni usa’ ta’ apprezzament lill-Istati Membri mir-raġunijiet serji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni stabbiliti fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95. |
157 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 huwa differenti, b’mod partikolari, minn dak tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), li teħtieġ li l-aġir tal-individwu kkonċernat jirrappreżenta “theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-interess fundamentali tas-soċjetà” fl-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, għandu jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’ mill-ġurisprudenza dwar il-persuni li jgawdu d-dritt għall-moviment liberu. Dan il-kunċett jista’ b’mod partikolari jkopri theddid potenzjali għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 40, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑380/18, EU:C:2019:1071, punti 29 u 32). |
158 |
Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta dawn jiddeterminaw jekk ċittadin ta’ pajjiż terz mitlub jiġi rrilokat jikkostitwixxix riskju għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑380/18, EU:C:2019:1071, punt 37). |
159 |
Madankollu, l-istess bħar-raġunijiet serji sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95, il-motivi raġonevoli sabiex applikant għal protezzjoni internazzjonali jitqies bħala perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jistgħu jiġu invokati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni biss fil-preżenza ta’ elementi konkordanti, oġġettivi u preċiżi, li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-applikant inkwistjoni jirrappreżenta tali perikolu attwali jew potenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑380/18, EU:C:2019:1071, punt 49), u wara li dawn l-awtoritajiet ikunu wettqu, għal kull applikant li r-rilokazzjoni tiegħu hija proposta, evalwazzjoni tal-fatti li huma jkunu jafu bihom sabiex jiddeterminaw jekk, fid-dawl ta’ eżami globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat, jeżistux tali motivi raġonevoli. |
160 |
Minn dan isegwi li d-dispożittiv previst, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kien jawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jinvokaw motivi serji jew raġonevoli marbuta maż-żamma tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom biss wara eżami każ b’każ tal-perikolu attwali jew potenzjali li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kkonċernat kien jirrappreżenta għal dawn l-interessi. Għalhekk huwa kien jipprekludi, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 223 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, Stat Membru jinvoka b’mod perentorju, għall-finijiet biss ta’ prevenzjoni ġenerali u mingħajr ma jistabbilixxi relazzjoni diretta ma’ każ individwali, l-Artikolu 72 TFUE sabiex jiġġustifika sospensjoni, jew saħansitra waqfien, tal-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu skont id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tad-Deċiżjoni 2015/1601. |
161 |
Dan jispjega għaliex l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li kien jikkonċerna l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ rilokazzjoni u kien jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri ta’ rilokazzjoni li jindikaw, tal-inqas kull tliet xhur, numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħhom, kien jagħti natura inkundizzjonata lil dan l-obbligu u ma kienx jipprevedi l-possibbiltà, għal dawn l-Istati Membri, li jinvokaw l-eżistenza ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku f’dan it-territorju sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-assenza ta’ identifikazzjoni, f’dan l-istadju inizjali ta’ din il-proċedura, tal-applikanti li jistgħu jiġu rrilokati fl-Istat Membru kkonċernat tirrendi impossibbli kull evalwazzjoni individwalizzata tar-riskju li huma setgħu jirrappreżentaw għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru. |
162 |
Fir-rigward ukoll tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom ir-Repubblika tal-Polonja sabiex tiżgura s-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku fil-fażijiet tal-proċedura ta’ rilokazzjoni sussegwenti għat-teħid ta’ impenji fis-16 ta’ Diċembru 2016, għandu jiġi osservat li dawn jirrigwardaw il-bidu tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. |
163 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif diġà tfakkar fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, li rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ persuni bħal dik prevista mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 hija operazzjoni kemm ġdida kif ukoll kumplessa li teħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel ma tipproduċi effetti konkreti. |
164 |
Barra minn hekk, jekk, kif isostnu r-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Ċeka, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 ma kienx effettiv minħabba, b’mod partikolari, nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Taljani, tali diffikultajiet ta’ natura prattika ma jidhrux inerenti għall-imsemmi mekkaniżmu u kellhom, jekk ikun il-każ, jiġu riżolti fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji tar-rilokazzjoni u dawk tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni li għandu jipprevali f’kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 309). |
165 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mir-rapporti dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni jirriżulta li, għalkemm, fil-bidu tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali effettivament irrilokati kien relattivament baxx minħabba, b’mod partikolari, li ċerti Stati Membri rrifjutaw, f’numru sinjifikattiv ta’ każijiet, li jirrilokaw l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali identifikati mir-Repubblika Ellenika jew mir-Repubblika Taljana minħabba, b’mod partikolari, il-perikolu li dawn kienu rrappreżentaw għall-ordni pubbliku tagħhom jew għas-sigurtà, din il-problema naqset gradwalment fid-daqs u l-pass tar-rilokazzjonijiet imwettqa sar aktar sostnut. |
166 |
Kif jirriżulta mit-tmien, mill-ħdax u mit-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni setgħu, fil-fatt, iwasslu, f’ċerti kundizzjonijiet, għal kontrolli ta’ sigurtà addizzjonali, jew anki sistematiċi, permezz, b’mod partikolari, ta’ intervisti, u, fir-rigward ta’ rilokazzjonijiet mill-Italja, kellhom il-possibbiltà, mill-1 ta’ Diċembru 2016, li jitolbu l-assistenza tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) sabiex iwettqu dawn l-intervisti, biex jipprevjenu li dawn il-kontrolli jdewmu indebitament il-proċess tar-rilokazzjoni. |
167 |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-rilokazzjonijiet mill-Greċja, l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni kellhom il-possibbiltà, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li jeżiġu li jsiru intervisti ta’ sigurtà mill-uffiċjali tal-pulizija tagħhom stess qabel ir-rilokazzjoni. |
168 |
Dawn il-miżuri jiżdiedu mad-dispożittiv diġà previst fl-Artikolu 5 ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-persuni inkwistjoni, b’mod partikolari fil-paragrafi 5 u 11 ta’ dan l-artikolu li kienu jimponu t-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali qabel u wara t-trasferiment tagħhom, kif ukoll it-trażmissjoni tagħhom fis-sistema ċentrali tal-Eurodac. |
169 |
Minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 72 TFUE sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom li jimplimentaw l-obbligi kollha ta’ rilokazzjoni li kienu imposti fuqhom mill-Artikolu 5(2) u (4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew mill-Artikolu 5(2) u (4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601. |
170 |
Kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 226 u 227 tal-konklużjonijiet tagħha, l-argument ibbażat fuq qari flimkien tal-Artikolu 72 TFUE u tal-Artikolu 4(2) TUE ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni. Fil-fatt, xejn ma jindika li l-preżervazzjoni effettiva tal-funzjonijiet statali essenzjali msemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni, bħal dik li tipproteġi s-sigurtà nazzjonali, tista’ tiġi żgurata biss billi ma jiġux applikati d-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. |
171 |
Għall-kuntrarju, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, inkluż fl-applikazzjoni konkreta tiegħu hekk kif żviluppat fil-prattika matul il-perijodi ta’ applikazzjoni tagħhom, kien iħalli f’idejn l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni possibbiltajiet reali sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom marbuta mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà interna fil-kuntest tal-eżami tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull applikant għal protezzjoni internazzjonali li tiegħu ġiet proposta r-rilokazzjoni, mingħajr madankollu ma kien jippreġudika l-għan ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet li kien li tiġi żgurata rilokazzjoni effettiva u rapida ta’ numru sinjifikattiv ta’ applikanti li kellhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex tittaffa l-pressjoni kunsiderevoli li kienet qiegħda ssir fuq is-sistemi tal-ażil Griegi u Taljani. |
172 |
Għaldaqstant, il-motivi ta’ difiża mressqa mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Ungerija bbażati fuq l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq il-motiv tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq id-disfunzjoni u fuq in-nuqqas ta’ effikaċja li sofra l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 fl-applikazzjoni konkreta tiegħu
L-argumenti tal-partijiet
173 |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-deċiżjoni tagħha li ma tapplikax id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kienet iġġustifikata mill-fatt li, fl-applikazzjoni konkreta tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni kif previst minn dawn id-deċiżjonijiet irriżulta li kien fil-parti l-kbira disfunzjonali u ineffikaċi, minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas sistematiku ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet Griegi u Taljani jew minħabba n-nuqqas effettiv fil-Greċja jew fl-Italja, fil-mument tat-teħid ta’ impenji ta’ rilokazzjoni, ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li kienu intiżi li jiġu rrilokati, li huwa enfasizzat b’mod sħiħ mid-dgħufija ta’ dan il-mekkaniżmu f’termini ta’ ammont totali ta’ rilokazzjonijiet effettivament imwettqa. |
174 |
Fid-dawl tat-theddid għas-sigurtà pubblika li tinvolvi r-rilokazzjoni ta’ persuni potenzjalment marbuta mal-estremiżmu reliġjuż, għandu jiġi żgurat li kull Stat Membru ta’ rilokazzjoni jkun jista’ jipproteġi ruħu konformement mal-Artikolu 4(2) TUE u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 72 TFUE. Dan il-prinċipju huwa rifless ukoll fl-Artikolu 5(7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Issa, fl-applikazzjoni konkreta tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ma żgurax tali protezzjoni tas-sigurtà pubblika minħabba, b’mod partikolari, l-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti fuq il-persuni kkonċernati u l-impossibbiltà li jsiru intervisti fil-qasam tas-sigurtà filwaqt li dawn kienu kundizzjonijiet indispensabbli sabiex jiġi vverifikat li dawn il-persuni ma jikkostitwixxux theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. |
175 |
Minn dan jirriżulta li t-teħid ta’ impenji ta’ rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kien biss eżerċizzju purament formali li ma wettaqx l-għan ta’ rilokazzjoni effettiva mfittex mill-imsemmija deċiżjonijiet. |
176 |
Għalhekk, ir-Repubblika Ċeka ppreferiet tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq miżuri ta’ appoġġ iktar effikaċi minn miżura ta’ rilokazzjoni billi pprovdiet, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fil-kuntest tal-Unjoni, assistenza finanzjarja, teknika jew persunal lill-pajjiżi terzi l-iktar milquta u lill-Istati Membri li jinsabu fl-ewwel linja tal-influss massiv ta’ persuni li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali. |
177 |
Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
178 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif diġà ntqal fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li, fil-5 ta’ Ġunju 2017, ir-Repubblika Ċeka adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 439 li permezz tagħha ddeċidiet li tissospendi l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha assunti waqt il-laqgħa, fil-25 u fis-26 ta’ Ġunju 2015, tal-Kunsill Ewropew, ifformalizzati sussegwentement waqt il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, tal-20 ta’ Lulju 2015 u implimentati bid-Deċiżjoni 2015/1523, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1601 “fid-dawl tad-deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni fil-qasam tas-sigurtà fl-Unjoni […] u minħabba d-disfunzjoni manifesta tas-sistema ta’ rilokazzjoni”. Huwa paċifiku li r-Repubblika Ċeka fl-ebda mument sussegwenti matul il-perijodi ta’ applikazzjoni rispettivi tal-imsemmija deċiżjonijiet ma neħħiet din is-sospensjoni. |
179 |
F’dan il-każ, fil-kuntest tad-difiża tagħha fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tikkonċernaha, ir-Repubblika Ċeka tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet relatati mad-disfunzjoni jew man-nuqqas ta’ effikaċja li kien isofri, fl-applikazzjoni konkreta tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, inkluż il-mekkaniżmu speċifiku previst fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet intiż sabiex jippermetti lill-Istati Membri jipproteġu s-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, bħala ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tagħha li ma timplimentax l-obbligi ta’ rilokazzjoni imposti fuqha skont l-Artikoli 5(2) u (4) sa (11) ta’ kull waħda mill-istess deċiżjonijiet. |
180 |
F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat, sakemm ma jiġix permess li jiġi ppreġudikat l-għan ta’ solidarjetà inerenti għad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kif ukoll in-natura obbligatorja ta’ dawn l-atti, li Stat Membru jista’ jibbaża ruħu, mingħajr madankollu ma jinvoka, għal dan il-għan, bażi legali prevista mit-Trattati, fuq l-evalwazzjoni unilaterali tiegħu tan-nuqqas allegat ta’ effikaċja, jew saħansitra tal-allegata disfunzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni stabbilit mill-imsemmija atti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda ż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, biex jevita kwalunkwe obbligu ta’ rilokazzjoni li jaqa’ fuqu bis-saħħa ta’ dawn l-istess atti. |
181 |
Għandu jitfakkar ukoll, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, li l-piżijiet li jinkludu l-miżuri provviżorji previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, peress li dawn ġew adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE sabiex jgħinu lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana sabiex jaffrontaw aħjar sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom, għandhom, bħala prinċipju, jitqassmu bejn l-Istati Membri l-oħra kollha, konformement mal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, peress li, konfermement mal-Artikolu 80 TFUE, dan il-prinċipju jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil. |
182 |
Barra minn hekk, id-diffikultajiet ta’ natura prattika fl-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 li ssemmi r-Repubblika Ċeka ma jidhrux li huma inerenti għall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst minn dawn id-deċiżjonijiet u lanqas, barra minn hekk, għall-mekkaniżmu partikolari inkluż fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, u kellhom, skont dak li diġà tfakkar fil-punt 164 ta’ din is-sentenza, jiġu riżolti, jekk ikun il-każ, fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni li jrid jirrenja fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet. |
183 |
Għalhekk, l-allegata ineffettività jew l-allegata disfunzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ma pprekludewx lil Stati Membri oħra milli jieħdu, f’intervalli regolari, impenji ta’ rilokazzjoni u milli jirrilokaw b’mod effettiv applikanti għal protezzjoni internazzjonali matul il-perijodi ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 u, b’mod iktar ċar, lejn l-aħħar ta’ dawn il-perijodi, b’risposta għall-appell magħmul mill-Kummissjoni fir-rapporti ta’ kull xahar dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni biex jintensifikaw ir-ritmu tar-rilokazzjonijiet qabel l-iskadenza tal-imsemmija perijodi. |
184 |
Barra minn hekk, uħud mill-problemi prattiċi mqajma mir-Repubblika Ċeka jirriżultaw mill-fatt, kif diġà tfakkar fil-punti 95 u 163 ta’ din is-sentenza, li rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ persuni bħal dik prevista mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 hija operazzjoni kemm ġdida kif ukoll kumplessa li teħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel ma tipproduċi effetti konkreti. |
185 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 166 ta’ din is-sentenza, li, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, saru ċerti aġġustamenti għall-proċedura ta’ rilokazzjoni sabiex tingħata risposta b’mod partikolari għall-problemi ta’ natura prattika msemmija mir-Repubblika Ċeka. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-possibbiltà għall-Istati Membri ta’ rilokazzjoni li jwettqu kontrolli ta’ sigurtà addizzjonali fil-Greċja jew fl-Italja qabel ir-rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-possibbiltà, offruta mill-1 ta’ Diċembru 2016, li jitolbu l-assistenza tal-Europol sabiex jitwettqu dawn il-kontrolli ta’ sigurtà addizzjonali fl-Italja. |
186 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-Repubblika Ċeka li dan l-Istat Membru pprefera jsostni lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana bħala Stati Membri li jinsabu fl-ewwel art kif ukoll ċerti pajjiżi terzi permezz tal-provvista ta’ għajnuna li ma hijiex rilokazzjonijiet. |
187 |
Fil-fatt, peress li, mill-adozzjoni tagħhom u matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom, id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kellhom natura obbligatorja għar-Repubblika Ċeka, dan l-Istat Membru kien obbligat jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ rilokazzjoni imposti minn dawn id-deċiżjonijiet indipendentement mill-provvista ta’ tipi oħra ta’ għajnuna lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana, u anki jekk tali għajnuna kienet intiża wkoll sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ ażil ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri li jinsabu fl-ewwel linja. Mill-bqija, għandu jiġi nnotat li ċerta għajnuna kienet barra minn hekk imposta mill-imsemmija deċiżjonijiet jew minn atti oħra adottati fil-livell tal-Unjoni. Tali għajnuna ma setgħet fl-ebda każ tissostitwixxi l-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. |
188 |
Minn dan isegwi li l-motiv ta’ difiża mqajjem mir-Repubblika Ċeka bbażat fuq l-allegata disfunzjoni u l-allegat nuqqas ta’ effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 għandu jiġi miċħud. |
189 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li:
|
Fuq l-ispejjeż
190 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
191 |
Peress li l-Kummissjoni talbet, fil-Kawża C‑715/17, li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka u l-Ungerija, li intervjenew insostenn tar-Repubblika tal-Polonja f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
192 |
Peress li l-Kummissjoni talbet, fil-Kawża C‑718/17, li l-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja, li intervjenew insostenn tal-Ungerija f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
193 |
Peress li l-Kummissjoni talbet, fil-Kawża C‑719/17, li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Għandu jiġi deċiż li l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja, li intervjenew insostenn tar-Repubblika Ċeka f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: iċ-Ċek, l-Ungeriż u l-Pollakk.