EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0573

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Ġunju 2019.
Daniel Adam Popławski.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjonijiet qafas – Assenza ta’ effett dirett – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Konsegwenzi – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Il-punt 6 tal-Artikolu 4 – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 28(2) – Dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li tippermettilu jibqa’ japplika l-istrumenti legali eżistenti fil-qasam tat-trasferiment tal-persuni kkundannati applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011 – Dikjarazzjoni tardiva – Konsegwenzi.
Kawża C-573/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:530

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjonijiet qafas – Assenza ta’ effett dirett – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Konsegwenzi – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Il-punt 6 tal-Artikolu 4 – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 28(2) – Dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li tippermettilu jibqa’ japplika l-istrumenti legali eżistenti fil-qasam tat-trasferiment tal-persuni kkundannati applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011 – Dikjarazzjoni tardiva – Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑573/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’

Daniel Adam Popławski,

fil-preżenza ta’:

Openbaar Ministerie

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, M. Vilaras u C. Lycourgos (Relatur), Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft u U. E. A. Weitzel, bħala aġenti,

għal D. A. Popławski, minn P. J. Verbeek u T. O. M. Dieben, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters, H. Krämer u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) maħruġ mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań, il-Polonja) fil-konfront ta’ Daniel Adam Popławski, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fil-Polonja, ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

3

Il-premessi 5, 7 u 11 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), jiddikjaraw:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni [Ewropea] ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

[…]

(7)

Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni [iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957] ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-[Trattat UE] u l-Artikolu 5 tat-[Trattat KE]. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

[…]

(11)

Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jissostitwixxi kull strument preċedenti dwar l-estradizzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal- [Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9)] li jikkonċernaw l-estradizzjoni.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

[…]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

6.

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

[…]”

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909

6

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.”

7

L-Artikolu 4(5) u (7) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi:

“5.   L-Istat ta’ esekuzzjoni jista’, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jitlob lill-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. Il-persuna sentenzjata tista’ wkoll titlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti jew ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni sabiex tinbeda proċedura għat-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat taħt din id-Deċiżjoni Qafas. Talbiet magħmula taħt dan il-paragrafu m’għandhomx joħolqu obbligu ta’ l-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat.

[…]

7.   Kwalunkwe Stat Membru jista’, jew fl-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew aktar tard, jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijet tiegħu ma’ l-Istati Membri l-oħra li jkunu taw l-istess ġustifikazzjoni [notifika], il-kunsens tiegħu minn qabel taħt il-paragrafu 1 (c) mhuwiex meħtieġ għat-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat:

(a)

jekk il-persuna sentenzjata tgħix u kienet kontinwament tirresjedi legalment għal mill-inqas ħames snin fl-Istat ta’ esekuzzjoni u ser iżżomm dritt permanenti ta’ residenza f’dak l-Istat, u/jew

(b)

jekk il-persuna sentenzjata hija ċittadin ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’każijiet barra dawk previsti mill-paragrafu 1 a) u b).

[…]”

8

L-Artikolu 7(4) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi:

“Kull Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew wara, b’dikjarazzjoni nnotifikata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiddikjara li m’huwiex ser japplika l-paragrafu 1. Tali dikjarazzjoni tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin. Tali dikjarazzjonijiet jew irtirar ta’ dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

9

L-Artikolu 25 tal-istess deċiżjoni qafas jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata”.

10

Skont l-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909:

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn L-Istati Membri u Stati terzi u l-applikazzjoni transitorja tagħhom skond l-Artikolu 28, din id-Deċiżjoni Qafas għandha, mill-5 ta’ Diċembru 2011 tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li ġejjin korrispondenti tal-konvenzjonijiet applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar, it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati tal-21 ta’ Marzu 1983 u l-Protokoll Addizjonali tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1997;

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Ġudizzji Kriminali tat-28 ta’ Mejju 1970;

It-Titolu III, Kapitolu 5 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni;

il-Konvenzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-Infurzar tas-Sentenzi Kriminali Barranin tat-13 ta’ Novembru 1991.”

11

L-Artikolu 28 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi:

“1.   Talbiet riċevuti qabel il-5 ta’ Diċembru 2011 għandhom jibqgħu jiġu rregolati skond l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati. Talbiet li jaslu wara dik id-data għandhom jiġu rregolati minn regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Qafas.

2.   Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jagħmel dikjarazzjoni fejn jindika li, f’każijiet fejn is-sentenza finali tkun ġiet mogħtija qabel id-data li tispeċifika, bħala Stat emittenti u ta’ esekuzzjoni, hu jkompli japplika l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011. Jekk issir tali dikjarazzjoni, dawk l-istrumenti għandhom japplikaw f’tali każijiet fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-oħra kollha irrispettivament minn jekk ikunux għamlu l-istess dikjarazzjoni jew le. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011. Id-dikjarazzjoni msemmija għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.”

Id-dritt Olandiż

12

L-Overleveringswet (il-Liġi dwar il-Konsenja), tad-29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”), li tittrasponi fid-dritt Olandiż id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tipprevedi, fl-Artikolu 6 tagħha:

“1.   Il-konsenja ta’ ċittadin Olandiż tista’ tiġi awtorizzata sakemm tintalab għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali mmexxija kontrih u sakemm, skont l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, ikun iggarantit li, jekk jiġi kkundannat b’piena inkundizzjonata li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fl-Istat Membru emittenti minħabba fatti li għalihom tista’ tiġi awtorizzata l-konsenja, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jiskonta din il-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2.   Il-konsenja ta’ ċittadin Olandiż ma għandhiex tkun permessa jekk din il-konsenja tintalab għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà tiegħu li tkun ingħatat b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

[…]

4.   L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jinforma immedjatament lill-Ministru tal-[…] tagħna b’kull rifjut ta’ konsenja kkomunikata flimkien mad-dikjarazzjoni, prevista fil-paragrafu 3, li tipprovdi li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa lest jeżegwixxi s-sentenza barranija.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw ukoll għal ċittadin barrani li jkollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat, inkwantu huwa jista’ jiġi mħarrek fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-fatti li minħabba fihom joħroġ il-[MAE] u inkwantu huwa mistenni li dan iċ-ċittadin barrani ma jitlifx id-dritt ta’ residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala konsegwenza ta’ sentenza jew piena li tingħata wara l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin.”

13

L-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-Wet wederzijdse erkenning en tenuitvoerlegging vrijheidsbenemende en voorwaardelijke sancties (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni Reċiproċi ta’ Kundanni għal Sanzjonijiet Sospiżi jew mhux Sospiżi li Jinvolvu ċ-Ċaħda tal-Libertà), tat-12 ta’ Lulju 2012 (Stb. 2012, Nru 333, iktar ’il quddiem il-“WETS”), li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kien jipprevedi:

“Fil-każ li l-konsenja tiġi rrifjutata esklużivament abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) […], l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti li huwa lest jieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni dwar it-trasferimenti ta’ persuni kkundannati, iffirmata fi Strasbourg fil-21 ta’ Marzu 1983, jew abbażi ta’ konvenzjoni applikabbli oħra.”

14

Mid-dħul fis-seħħ tal-WETS, l-Artikolu 6(3) tal-OLW huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każ ta’ rifjut ta’ konsenja bbażat esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) […] l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jgħarraf lill-awtorità ġudizzjarja emittenti li huwa lest jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza.”

15

L-Artikolu 5:2 tal-WETS jipprevedi:

“1.   Il-[WETS] tissostitwixxi l-[Wet overdracht tenuitvoerlegging strafvonnissen (il-Liġi dwar it-Trasferiment tal-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Kriminali)] fir-relazzjonijiet mal-Istati Membri tal-Unjoni […].

[…]

3.   Il-[WETS] ma tapplikax għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji […] li saru res judicata qabel il-5 ta’ Diċembru 2011.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Frar 2007, li saret res judicata fit-13 ta’ Lulju 2007, is-Sąd Rejonowy w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań) ikkundannat lil D. A. Popławski, li huwa ċittadin Pollakk, għal piena sospiża li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà għal perijodu ta’ sena. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2010, dik il-qorti ordnat l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena.

17

Fis-7 ta’ Ottubru 2013, l-imsemmija qorti ħarġet MAE fil-konfront ta’ D. A. Popławski għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena.

18

Fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kellha dubji dwar jekk kellhiex tapplika l-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW, li jipprevedi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni awtomatika ta’ MAE fir-rigward, b’mod partikolari, tal-persuni li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huwa l-każ ta’ D. A. Popławski.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2015, il-qorti tar-rinviju għamlet l-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-kuntest tagħha osservat li, skont l-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS, fil-każ li jirrifjuta, taħt l-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW, l-eżekuzzjoni ta’ MAE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jindika li huwa “lest” jieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena fuq il-bażi ta’ konvenzjoni li torbtu mal-Istat Membru emittenti. Hija speċifikat li, konformement mad-dispożizzjonijiet konvenzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi kellu jkun ippreċedut b’talba mressqa f’dan is-sens mir-Repubblika tal-Polonja u li l-leġiżlazzjoni Pollakka kienet tipprekludi t-tressiq ta’ tali talba fir-rigward ta’ ċittadini Pollakki.

20

F’din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li, f’tali sitwazzjoni, rifjut ta’ konsenja seta’ jwassal għall-impunità tal-persuna li hija s-suġġett tal-MAE. Fil-fatt, wara l-għoti tas-sentenza li tirrifjuta l-konsenja, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena seta’ jirriżulta impossibbli, minħabba l-assenza ta’ talba f’dan is-sens min-naħa tal-awtoritajiet Pollakki.

21

B’hekk, il-qorti tar-rinviju qajmet dubji dwar il-konformità tal-Artikolu 6(2) sa (4) tal-OLW mal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jippermetti r-rifjut tal-konsenja fil-każ biss li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni “jintrabat” li jeżegwixxi l-piena konformement mad-dritt intern tiegħu.

22

Permezz tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta din id-dispożizzjoni u li, fil-każ li l-konsenja ta’ ċittadin barrani li jkollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tintalab minn Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà imposta fuq dan iċ-ċittadin permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata, minn naħa, ma tawtorizzax tali konsenja u, min-naħa l-oħra, tipprevedi biss l-obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-ewwel Stat Membru li jinformaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-tieni Stat Membru li huma lesti jieħdu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza mingħajr, fid-data tar-rifjut tal-konsenja, ma jkun ġie żgurat it-teħid effettiv ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni u, barra minn hekk, mingħajr dan ir-rifjut ma jkun jista’ jiġi kkontestat fil-każ li dan it-teħid ta’ responsabbiltà sussegwentement jirriżulta li huwa impossibbli.

23

Permezz tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma għandhomx effett dirett. Madankollu, hija fakkret li l-qorti nazzjonali kompetenti hija meħtieġa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u filwaqt li tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jimplika, fil-kawża ineżami, li, fil-każ li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ sabiex tiġi kkonsenjata persuna li kienet is-suġġett, fl-Istat Membru emittenti, ta’ sentenza li saret res judicata li tikkundanna lil din il-persuna għal piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma obbligati jiggarantixxu huma stess l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena mogħtija kontra din il-persuna (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503).

24

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tosserva li mill-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW huwa kuntrarju għall-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

25

Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503) jirriżulta wkoll li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS, fis-sens li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jikkostitwixxi l-bażi legali konvenzjonali meħtieġa minn din id-dispożizzjoni nazzjonali għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, u dan sa fejn dan il-punt 6 tal-Artikolu 4 ma jeżiġix, b’differenza mill-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Polonja, talba għal teħid ta’ responsabbiltà min-naħa tal-awtoritajiet emittenti tal-MAE, f’dan il-każ l-awtoritajiet Pollakki, u sa fejn, għaldaqstant, tali interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6(3) tal-OLW tippermetti li tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni effettiva fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.

26

Madankollu, il-Minister van Veiligheid en Justitie (il-Ministru għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), li huwa l-korp kompetenti, skont id-dritt Olandiż, għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, qies li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma kinitx tikkostitwixxi konvenzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk l-interpretazzjoni tal-Ministru hijiex korretta, f’dawn iċ-ċirkustanzi hija ma tistax tikkonkludi li din l-interpretazzjoni tiggarantixxi l-eżekuzzjoni effettiva fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-piena mogħtija kontra D. A. Popławski.

28

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-possibbiltà, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt Olandiż li huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas, minkejja li dawn tal-aħħar ma għandhomx effett dirett. Hija tenfasizza li, jekk ma tapplikax l-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW, ma jibqax raġuni oħra sabiex tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ D. A. Popławski lill-awtoritajiet Pollakki.

29

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-Artikolu 6(3) tal-OLW, kif emendat bil-WETS, jistax jiġi applikat għat-tilwima fil-kawża prinċipali, sa fejn, minn meta saret din l-emenda, din id-dispożizzjoni ma baqgħetx tirreferi għal bażi konvenzjonali għat-teħid ta’ responsabbiltà effettiva għall-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi.

30

Huwa minnu li l-imsemmija qorti tosserva li, bis-saħħa tal-Artikolu 5:2(3) tal-WETS, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ma japplikawx għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata qabel il-5 ta’ Diċembru 2011, li huwa l-każ tad-deċiżjoni li kkundannat lil D. A. Popławski għal piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, madankollu, li l-Artikolu 5:2(3) tal-WETS jikkostitwixxi l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni dwar il-validità ta’ din id-dikjarazzjoni, b’mod partikolari dwar l-eventwali natura tardiva tagħha, sa fejn din id-dikjarazzjoni saret wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas.

31

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-każ li l-imsemmija dikjarazzjoni titqies li hija invalida, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, inkluż l-Artikolu 6 tal-OLW, kif emendat bil-WETS, ikollhom jiġu applikati, konformement mal-Artikolu 26 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, għall-eżekuzzjoni tal-MAE maħruġ fil-konfront ta’ D. A. Popławski.

32

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-tilwima fil-kawża prinċipali teħtieġ li l-Artikolu 5:2(3) tal-WETS ikun jista’ jiġi interpretat konformement mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u, fil-każ oppost, li dik il-qorti tkun tista’ teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat li, fil-każ ta’ rifjut ta’ konsenja, fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tal-OLW, kif emendat bil-WETS, tkun żgurata l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi.

33

Fl-affermattiv, il-konsenja ta’ D. A. Popławski tkun tista’ tiġi rrifjutata u l-piena tkun tista’ tiġi eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi, konformement mal-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW u mal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ implementazzjoni ma tistax tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni qafas b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom twassal għal riżultat konformi mad-deċiżjoni qafas, hija obbligata, skont il-prinċipju ta’ supremazija, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas?

2)

Id-dikjarazzjoni ta’ Stat Membru prevista fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandha tkun valida jekk din ma tkunx ġiet ippreżentata ‘fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas’, iżda biss f’data ulterjuri?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni magħmula, taħt din id-dispożizzjoni, minn Stat Membru, wara d-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas, jistax ikollha effetti legali.

36

Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija intiża li tistabbilixxi r-regoli li jippermettu lil Stat Membru, sabiex jiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-persuna kkundannata, jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor. Mill-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li din tapplika, mutatis mutandis, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu kompatibbli ma’ dawk tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-eżekuzzjoni tal-kundanni fil-każijiet fejn Stat Membru jintrabat li jeżegwixxi l-kundanna konformement mal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas tal-aħħar.

37

Konformement mal-Artikolu 26 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tissostitwixxi, b’effett mill-5 ta’ Diċembru 2011, id-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati li jissemmew f’dan l-artikolu u li japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Mill-Artikolu 28(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jirriżulta wkoll li t-talbiet għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna li jaslu b’effett mill-5 ta’ Diċembru 2011 ma għandhomx jibqgħu rregolati mill-istrumenti legali eżistenti fil-qasam tat-trasferiment tal-persuni kkundannati, iżda għandhom jiġu rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-istess deċiżjoni qafas.

38

Madankollu, l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jippermetti lil kull Stat Membru jagħmel, meta tiġi adottata din id-deċiżjoni qafas, dikjarazzjoni li permezz tagħha jindika li ser jibqa’ japplika, bħala Stat emittenti u ta’ eżekuzzjoni, l-istrumenti legali eżistenti fil-qasam tat-trasferiment tal-persuni kkundannati, applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011, fil-każijiet li s-sentenza ta’ kundanna li tkun saret res judicata tkun ingħatat qabel id-data stabbilita minn dan l-Istat Membru, bil-kundizzjoni li din id-data ma tkunx iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011. Meta Stat Membru jagħmel tali dikjarazzjoni, l-imsemmija strumenti għandhom japplikaw fil-każijiet koperti minn din id-dikjarazzjoni għall-Istati Membri l-oħra kollha, irrispettivament minn jekk dawn ikunux għamlu jew le l-istess dikjarazzjoni.

39

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ġiet adottata fis-27 ta’ Novembru 2008. Fl-24 ta’ Marzu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika lill-Kunsill dikjarazzjoni, taħt l-Artikolu 28(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas (ĠU 2009, L 265, p. 41), li permezz tagħha dan l-Istat Membru indika li huwa kien ser japplika l-istrumenti legali eżistenti fil-qasam tat-trasferiment tal-persuni kkundannati, applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011, għall-każijiet kollha fejn is-sentenza ta’ kundanna li tkun saret res judicata tkun ingħatat qabel din id-data.

40

Mill-informazzjoni mgħoddija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, wara l-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari eżaminata fil-kawża ineżami, din id-dikjarazzjoni ġiet irtirata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2018. Madankollu, il-qorti tar-rinviju qieset li kien meħtieġ li tippersisti bit-tieni domanda tagħha, għar-raġuni b’mod partikolari li r-Repubblika tal-Polonja kienet ukoll għamlet dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 wara d-data ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, b’tali mod li l-imsemmija dikjarazzjoni tista’ tkun ukoll ta’ natura tardiva.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li trid tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, f’dan il-każ, minkejja l-irtirar tad-dikjarazzjoni magħmula, taħt l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar id-domanda magħmula ma humiex issodisfatti.

44

Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-kwistjoni ta’ jekk id-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika tal-Polonja għandhiex effetti legali tista’ tkun importanti fil-kuntest tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn, konformement mal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, tali dikjarazzjoni tobbliga lill-Istati Membri l-oħra, fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Repubblika tal-Polonja, sabiex jibqgħu japplikaw, fil-każijiet previsti mill-imsemmija dikjarazzjoni, l-istrumenti legali eżistenti fil-qasam tat-trasferiment tal-persuni kkundannati applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011.

45

Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jidderoga mis-sistema ġenerali stabbilita fl-Artikolu 28(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u li l-implimentazzjoni ta’ din id-deroga hija, barra minn hekk, fdata unilateralment lil kull Stat Membru. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Vemde, C‑582/15, EU:C:2017:37, punt 30).

46

Issa, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dikjarazzjoni li hija s-suġġett tagħha għandha tiġi ppreżentata mill-Istat Membru fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Minn dan isegwi li dikjarazzjoni magħmula wara din id-data ma tosservax il-kundizzjonijiet previsti espliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex din id-dikjarazzjoni jkollha effetti legali.

47

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jippermetti li dikjarazzjoni tkun tista’ ssir mhux biss meta tiġi adottata din id-deċiżjoni qafas iżda wkoll iktar tard, tali possibbiltà ġiet prevista b’mod espliċitu fl-imsemmija deċiżjoni qafas, kif juru l-Artikolu 4(7) u l-Artikolu 7(4) tagħha.

48

Għandu jiġi osservat ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, is-sempliċi manifestazzjoni, minn Stat Membru, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jew fi stadju preċedenti tat-tfassil tagħha, tal-intenzjoni tiegħu li jagħmel dikjarazzjoni konformement mal-Artikolu 28(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma hijiex ekwivalenti għal dikjarazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, tali dikjarazzjoni, għall-kuntrarju ta’ sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, għandha tindika, mingħajr ambigwità, id-data tal-għoti tas-sentenzi ta’ kundanna li jkunu saru res judicata li l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-intenzjoni jeżenta mill-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni magħmula, taħt din id-dispożizzjoni, minn Stat Membru, wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jistax ikollha effetti legali.

Fuq l-ewwel domanda

50

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil qorti ta’ Stat Membru ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt ta’ dan l-Istat li tkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas.

51

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubju, b’mod iktar partikolari, dwar il-possibbiltà li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li fil-fehma tagħha huma kuntrarji għad-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2008/909.

52

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li joħroġ minn sors awtonomu, ikkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fil-konfront tad-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess. Dawn il-karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-Unjoni taw lok għal netwerk strutturat ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha kif ukoll lil dawn tal-aħħar bejniethom (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 166167; is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 45, u l-Opinjoni 1/17, tat-30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 109).

53

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66, p. 1159 u 1160).

54

Dan il-prinċipju għalhekk jeħtieġ li l-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59, u tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 39).

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern, li jipprovdi li l-qorti nazzjonali hija meħtieġa tagħti lid-dritt intern, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati, sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 7576; tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 59, u tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 31).

56

Bl-istess mod, l-effettività sħiħa tan-normi tad-dritt tal-Unjoni tiddaħħal inkwistjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet irrikonoxxuti minn dawn in-normi tiddgħajjef jekk l-individwi ma jkollhomx il-possibbiltà li jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom ikunu miksura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 33).

57

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-qrati nazzjonali jinterpretaw, sa fejn ikun possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u jirrikonoxxu lill-individwi l-possibbiltà li jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom ikunu miksura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru.

58

Huwa wkoll bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija li, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li tkun responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tkun kuntrarja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

B’dan premess, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi essenzjali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, ir-rikonoxximent ta’ effett dirett lil parti biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt.

60

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iwassal sabiex tiddaħħal inkwistjoni d-distinzjoni essenzjali bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett u dawk li ma għandhomx tali effett dirett, u għalhekk lanqas ma jista’ jwassal sabiex jistabbilixxi sistema unika għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali.

61

F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, hija, bħala korp ta’ Stat Membru, obbligata ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 41, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 75).

62

Għall-kuntrarju, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhiex effett dirett ma tistax tiġi invokata, bħala tali, fil-kuntest ta’ tilwima li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tmur kontra dan id-dritt.

63

B’hekk, il-qorti nazzjonali ma hijiex meħtieġa, fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, bħalma huwa l-Artikolu 27 tagħha, ma jkollhiex effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punti 46 sa 48).

64

Bl-istess mod, l-invokazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva li ma tkunx ċara, preċiża u inkundizzjonata biżżejjed sabiex jiġi rrikonoxxut li għandha effett dirett ma tistax twassal, fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, sabiex l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali tiġi eskluża minn qorti ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 41; tas-6 ta’ Marzu 2014, Napoli, C‑595/12, EU:C:2014:128, punt 50; tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir investicijų draudimas u Nemaniūnas, C‑671/13, EU:C:2015:418, punt 60, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punti 5152).

65

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, direttiva, fiha nnifisha, ma tistax toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu, u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu quddiem qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro, C‑168/95, EU:C:1996:363, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-17 ta’ Lulju 2008, Arcor et, C‑152/07 sa C‑154/07, EU:C:2008:426, punt 35, kif ukoll tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva, li fuqha hija bbażata l-possibbiltà li tiġi invokta din id-direttiva, teżisti biss fil-konfront ta’ “kull Stat Membru destinatarju” u li l-Unjoni għandha s-setgħa tistabbilixxi, b’mod ġenerali u astratt, b’effett immedjat obbligi għal individwi fil-każijiet biss fejn għandha s-setgħa tadotta regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Portgás, C‑425/12, EU:C:2013:829, punt 22, u tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 72).

67

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, anki jekk tkun ċara, preċiża u inkundizzjonata, dispożizzjoni ta’ direttiva ma tippermettix lill-qorti nazzjonali teskludi dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontra tali dispożizzjoni jekk, meta tagħmel hekk, jiġi impost obbligu supplimentari fuq individwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punti 7273; tas-17 ta’ Lulju 2008, Arcor et, C‑152/07 sa C‑154/07, EU:C:2008:426, punti 35 sa 44; tas-27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punti 4647; tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 49, kif ukoll tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 73).

68

Kif tikkonferma l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 64 sa 67 ta’ din is-sentenza, l-obbligu, għal qorti nazzjonali, li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm jirriżulta mis-supremazija rrikonoxxuta lil din id-dispożizzjoni tal-aħħar, huwa madankollu suġġett għall-effett dirett tal-imsemmija dispożizzjoni fit-tilwima li biha tkun adita din il-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma hijiex meħtieġa li, fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jkollhiex effett dirett.

69

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li la d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u lanqas id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma għandhom effett dirett. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet qafas ġew adottati fuq il-bażi ta’ dak li kien it-tielet pilastru tal-Unjoni, b’mod partikolari, b’applikazzjoni tal-Artikolu 34(2)(b) UE. Issa, din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi, minn naħa, li d-deċiżjonijiet qafas jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallu lill-istanzi nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-metodu u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjonijiet qafas ma għandux ikollhom effett dirett (sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 56, u tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 26).

70

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattati, l-effetti legali tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni adottati fuq il-bażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jinżammu sakemm dawn l-atti ma jiġux irrevokati, annullati jew emendati b’applikazzjoni tat-Trattati. Peress li ma kinux is-suġġett ta’ tali revoka, annullament jew emenda, id-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2008/909 għandu jibqa’ jkollhom effetti legali konformement mal-Artikolu 34(2)(b) UE (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 57).

71

Peress li l-imsemmija deċiżjonijiet qafas ma kellhomx effett dirett taħt it-Trattat UE stess, mill-punt 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru ma hijiex meħtieġa, fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, teskludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dawn id-deċiżjonijiet qafas.

72

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, għalkemm id-deċiżjonijiet qafas ma jistax ikollhom effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom xorta waħda toħloq, għall-awtoritajiet nazzjonali, obbligu li jinterpretaw id-dritt intern tagħhom b’mod konformi b’effett mid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 5861).

73

Għaldaqstant, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, dawn l-awtoritajiet huma meħtieġa jinterpretawh, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 43; tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge, C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 54; tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 59, u tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 31).

74

Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa suġġett għal ċerti limiti.

75

B’hekk, il-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività, jipprekludu b’mod partikolari li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jkun jista’ jwassal sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni qafas u indipendentement minn liġi adottata sabiex tiġi implimentata din tal-aħħar, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jkunu wettqu reat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 6364, kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 32).

76

Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, l-obbligu ta’ interpretazzjoni jintemm meta d-dritt nazzjonali ma jkunx jista’ jiġi applikat b’mod li jwassal għal riżultat kompatibbli ma’ dak mixtieq mid-deċiżjoni qafas ikkonċernata (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 66).

77

B’dan premess, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-finalità mfittxija minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge, C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 56; tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 34, u tat-12 ta’ Frar 2019, TC, C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 68).

78

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jibdlu, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ deċiżjoni qafas u li l-qrati nazzjonali ma japplikawx, fuq il-bażi tal-awtorità tagħhom stess, kwalunkwe interpretazzjoni mogħtija minn qorti superjuri li, skont id-dritt nazzjonali, ikunu marbuta biha jekk din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-deċiżjoni qafas ikkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 33, kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punti 3536).

79

Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax tqis b’mod validu li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali konformement mad-dritt tal-Unjoni għas-sempliċi raġuni li din id-dispożizzjoni ġiet interpretata, b’mod kostanti, f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 69, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 60) jew hija applikata b’tali mod mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

80

F’dan il-każ, fir-rigward tal-obbligu li d-dritt Olandiż u, b’mod iktar partikolari, l-OLW, jiġu interpretati b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandhom isiru l-osservazzjonijiet segwenti.

81

Fil-punt 37 tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tiżgura l-effettività sħiħa tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jimplika, għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-obbligu li jeżegwixxi l-MAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew, fil-każ ta’ rifjut, l-obbligu li jiggarantixxi l-eżekuzzjoni effettiva fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-piena mogħtija fil-Polonja fil-konfront ta’ D. A. Popławski.

82

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-impunità tal-persuna mfittxija hija inkompatibbli mal-għan segwit kemm mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 23, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 47) u kemm mill-Artikolu 3(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kontroll tal-fruntieri esterni, il-prevenzjoni tal-kriminalità jew il-ġlieda kontriha (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija),C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 86).

83

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, peress li l-obbligu msemmi fil-punt 81 ta’ din is-sentenza ma għandu ebda impatt fuq id-determinazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ D. A. Popławski, li tirriżulta mis-sentenza mogħtija kontrih fil-5 ta’ Frar 2007 mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań), dan l-obbligu, a fortiori, ma jistax jitqies li jimplika aggravazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà, fis-sens tal-punt 75 ta’ din is-sentenza (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 37).

84

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda teskludi, għaliex inkella tkun qiegħda tagħti interpretazzjoni contra legem, li l-OLW tista’ tiġi applikata b’tali mod li l-MAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi eżegwit u li D. A. Popławski jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki.

85

Għaldaqstant, jekk jirriżulta li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li twassal għall-eżekuzzjoni tal-MAE maħruġ fil-konfront ta’ D. A. Popławski hija effettivament impossibbli, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar xorta waħda għandha, sa fejn ikun possibbli, tinterpreta l-leġiżlazzjoni Olandiża rilevanti u, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tal-OLW, li fuq il-bażi tiegħu hija rrifjutata l-konsenja ta’ D. A. Popławski lill-awtoritajiet Pollakki, b’mod li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni tippermetti, bit-teħid effettiv ta’ responsabbiltà fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-piena mogħtija fil-konfront ta’ D. A. Popławski, li tiġi evitata l-impunità ta’ dan tal-aħħar u b’hekk b’mod li tinstab soluzzjoni kompatibbli mal-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif imfakkar fil-punt 82 ta’ din is-sentenza.

86

F’dan id-dawl, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 23 tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503), leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħall-Artikolu 6 tal-OLW, timplimenta r-raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura oħra li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, filwaqt li tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat huma fi kwalunkwe każ meħtieġa jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ MAE fil-każ li l-persuna mfittxija tkun tirrisjedi fl-imsemmi Stat, mingħajr dawn l-awtoritajiet ma jkollhom xi tip ta’ marġni ta’ diskrezzjoni u mingħajr dan l-istess Stat ma jintrabat li jeżegwixxi effettivament il-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà mogħtija kontra din il-persuna mfittxija, b’tali mod li toħloq riskju ta’ impunità tal-imsemmija persuna, ma tistax titqies li hija konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas.

87

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, li hija meħtieġa tagħti lill-qorti nazzjonali risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tagħmel preċiżazzjonijiet maħsuba sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju u tista’ tindikalha liema interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tissodisfa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tinterpreta d-dritt nazzjonali konformement mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Klohn, C‑167/17, EU:C:2018:833, punt 68).

88

F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-obbligu, impost mill-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat, fil-każ li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-MAE, it-teħid effettiv ta’ responsabbiltà mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, għandu jiġi osservat li dan l-obbligu jeħtieġ impenn veritabbli minn dan l-Istat li jeżegwixxi l-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà mogħtija kontra l-persuna mfittxija, b’tali mod li, fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li dan l-Istat jiddikjara li huwa “lest” jeżegwixxi din il-piena ma jistax jitqies li huwa ta’ natura li jiġġustifika tali rifjut. Minn dan isegwi li qabel kull rifjut li jiġi eżegwit MAE għandha titwettaq verifika, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà li l-piena tiġi eżegwita realment konformement mad-dritt intern tagħha (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 22).

89

Issa, mill-punt 38 tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503) jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju, id-dikjarazzjoni li permezz tagħha l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) jinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti li huwa lest, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS, jieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena li fuqha huwa bbażat il-MAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi interpretata bħala impenn veritabbli min-naħa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jeżegwixxi din il-piena, sakemm il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jistax jitqies li huwa bażi legali konvenzjonali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(3) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni effettiva ta’ tali piena fil-Pajjiżi l-Baxxi.

90

Għalkemm hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk id-dritt Olandiż jistax jiġi interpretat fis-sens li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tista’ tiġi assimilata ma’ tali bażi legali konvenzjonali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix tali assimilazzjoni.

91

Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-premessi 5, 7 u 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll skont l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, din id-deċiżjoni qafas tissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn Stati Membri, l-istrumenti preċedenti kollha dwar l-estradizzjoni, inklużi l-konvenzjonijiet li kienu diġà jeżistu f’dan ir-rigward bejn id-diversi Stati Membri. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija deċiżjoni qafas, filwaqt li għandha sistema legali speċifika għaliha li hija ddefinita mid-dritt tal-Unjoni, teżisti flimkien mal-konvenzjonijiet ta’ estradizzjoni li jorbtu lid-diversi Stati Membri ma’ Stati terzi, assimilazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma’ tali konvenzjoni ma jidhirx li hija eskluża a priori (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 41, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 39).

92

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma fiha ebda dispożizzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li din id-deċiżjoni qafas tipprekludi li l-espressjoni “konvenzjoni applikabbli oħra” li tinsab fl-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS, tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll il-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, f’sitwazzjoni fejn tali interpretazzjoni tippermetti li jiġi ggarantit li l-possibbiltà tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE tiġi eżerċitata biss bil-kundizzjoni li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-piena mogħtija kontra D. A. Popławski u li b’hekk tinstab soluzzjoni li tkun konformi mal-finalità segwita mill-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 42).

93

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkonferma li tali assimilazzjoni ser tippermetti, skont l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt Olandiż, li jiġi ggarantit li l-piena li għaliha ġie kkundannat D. A. Popławski tiġi eżegwita effettivament fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija madankollu tosserva li l-Ministru, li ssejjaħ fil-kawża fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali bis-saħħa tal-Artikolu 6(4) tal-OLW, iqis li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tistax tikkostitwixxi konvenzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS.

94

F’dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 japplika għall-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż, f’dan il-każ, il-Ministru. Għaldaqstant, l-istess bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, dan tal-aħħar huwa meħtieġ jinterpeta d-dritt Olandiż, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità ta’ din id-deċiżjoni qafas, sabiex jippermetti li, permezz tat-teħid ta’ responsabbiltà fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-piena mogħtija kontra D. A. Popławski, titħares l-effettività tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, effettività li tiġi ggarantita mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS, imfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza.

95

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Ministru qiegħed isostni interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jipprekludi l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi li għandha l-qorti tar-rinviju.

96

Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri u tal-fatt li d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE għandha tittieħed minn awtorità ġudizzjarja li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jinkludu l-garanzija ta’ indipendenza, b’tali mod li l-proċedura kollha prevista minn din id-deċiżjoni qafas għandha tiġi eżerċitata taħt stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 56). Minn dan isegwi li, peress li l-Ministru ma huwiex awtorità ġudizzjarja, fis-sens tal-imsemmija deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 45), id-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-MAE maħruġ fil-konfront ta’ D. A. Popławski ma tistax tiddependi mill-interpretazzjoni mogħtija lill-Artikolu 6(3) tal-OLW mill-Ministru.

97

Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma tistax tqis b’mod validu li għaliha huwa impossibbli li tinterpreta l-imsemmi Artikolu 6(3) b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba s-sempliċi raġuni li din id-dispożizzjoni ġiet interpretata, mill-Ministru, f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 69).

98

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, jekk tasal għall-konklużjoni li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tista’ tiġi assimilata, konformement mal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti fid-dritt Olandiż, ma’ konvenzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, fil-verżjoni applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-WETS, il-qorti tar-rinviju hija meħtieġa tapplika din id-dispożizzjoni, interpretata b’dan il-mod, għat-tilwima fil-kawża prinċipali, filwaqt li tinjora l-fatt li l-Ministru joġġezzjona għal tali interpretazzjoni.

99

It-tieni nett, fir-rigward tal-obbligu, impost permezz tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fl-implimentazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE prevista f’din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar, qabel kollox, li din l-awtorità għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-għan segwit mir-raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà li żżid l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-persuna mfittxija meta tintemm il-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21).

100

Minn dan isegwi li l-possibbiltà mogħtija lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta, fuq il-bażi tal-imsemmi punt 6 tal-Artikolu 4, il-konsenja tal-persuna mfittxija tista’ tiġi implimentata biss jekk din l-awtorità, wara li tkun ivverifikat, minn naħa, li din il-persuna toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, hija ċittadina tiegħu jew tirrisjedi fih, u, min-naħa l-oħra, li l-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà mogħtija mill-Istat Membru emittenti kontra din il-persuna tista’ tiġi effettivament eżegwita fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tqis li jeżisti interess leġittimu li jiġġustifika li l-piena imposta fl-Istat Membru emittenti tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 37).

101

Għaldaqstant, b’mod prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi mar-rekwiżit imfakkar fil-punt preċedenti.

102

Minn tal-inqas, din il-qorti għandha tagħti interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermettilha tasal għal soluzzjoni li, fil-kawża prinċipali, ma tmurx kontra l-għan segwit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jippersisti sakemm id-dritt nazzjonali jkun jista’ jiġi applikat b’mod li jwassal għal riżultat kompatibbli mar-riżultat mixtieq minn din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 66).

103

F’dan id-dawl, mill-kundizzjonijiet li magħhom hija marbuta l-implimentazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE, prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jevita kull riskju ta’ impunità tal-persuna mfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 47), b’mod li jirrifletti l-għan ġenerali tal-imsemmija deċiżjoni qafas, kif enfasizzat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza.

104

Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-OLW fis-sens li l-qorti tar-rinviju fl-ebda każ ma tista’ teżegwixxi l-MAE maħruġ fil-konfront ta’ D. A. Popławski, ma tostakolax neċessarjament li jiġi eskluż kull riskju ta’ impunità fir-rigward ta’ D. A. Popławski u li, għalhekk jiġu ssodisfatti kemm il-finalità segwita mill-imsemmija deċiżjoni u kemm l-obbligu li timponi, f’dan il-każ fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif imfakkra fil-punt 81 u 82 ta’ din is-sentenza.

105

Għall-kuntrarju, jekk ikun meħtieġ, sabiex l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-OLW titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, li din id-dispożizzjoni tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-qorti tar-rinviju, diskrezzjoni li tawtorizzaha teżegwixxi l-MAE maħruġ fil-konfront ta’ D. A. Popławski jekk tqis li ebda interess leġittimu ma jiġġustifika li l-piena li għaliha ġie kkundannat tiġi eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi, dan joħloq ir-riskju, fil-każ li d-dritt nazzjonali ma jkunx jista’ jiġi interpretat konformement ma’ tali rekwiżit, li jkunu impossibbli, fid-dawl tal-assenza ta’ effett dirett tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mhux biss il-konsenja ta’ D. A. Popławski lill-awtoritajiet ġudizzjarja Pollakki iżda wkoll l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

106

Issa, tali riżultat iwassal għall-impunità tal-persuna mfittxija u jkun f’kontradizzjoni mal-finalità segwita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mal-obbligu li din id-deċiżjoni qafas timponi f’dan il-każ fuq il-Pajjiżi l-Baxxi, kif imfakkra fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza.

107

F’tali ċirkustanzi, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju tkun qiegħda tagħti interpretazzjoni tad-dritt Olandiż li tkun konformi mal-għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jekk tinterpreta dan id-dritt b’tali mod li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali, maħruġ mir-Repubblika tal-Polonja, ikun suġġett għall-garanzija li l-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà li għaliha ġie kkundannat D. A. Popławski ser tiġi effettivament eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u dan anki jekk l-imsemmi dritt jipprevedi li għandu jkun hemm dan ir-rifjut b’mod awtomatiku.

108

Fid-dawl tal-elementi mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, tali interpretazzjoni tad-dritt Olandiż li hija konformi mal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tidher li hija possibbli u, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà li għaliha D. A. Popławski ġie kkundannat fil-Polonja tidher li hija permessa, punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

109

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas, bħalma huma d-deċiżjonijiet qafas inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-effetti legali tagħhom huma miżmuma konformement mal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattati, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati, huma meħtieġa jagħtu, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħhom li tippermettilhom jiżguraw riżultat kompatibbli mal-finalità segwita mid-deċiżjoni qafas ikkonċernata.

Fuq l-ispejjeż

110

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni magħmula, taħt din id-dispożizzjoni, minn Stat Membru, wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jistax ikollha effetti legali.

 

2)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas, bħalma huma d-deċiżjonijiet qafas inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-effetti legali tagħhom huma miżmuma konformement mal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattati, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati, huma meħtieġa jagħtu, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħhom li tippermettilhom jiżguraw riżultat kompatibbli mal-finalità segwita mid-deċiżjoni qafas ikkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top