Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0216

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Lulju 2018.
LM.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali.
Kawża C-216/18 PPU.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:586

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali”

Fil-Kawża C‑216/18 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra

LM,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta (Relatur), M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský, E. Levits u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, C. Lycourgos u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tat-23 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2018, sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2018 tal-Ewwel Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Minister for Justice and Equality, minn M. Browne, bħala aġent, assistita minn S. Ní Chúlacháin, BL, minn R. Farrell, SC, u minn K. Colmcille, BL,

għal LM, minn C. Ó Maolchallann, solicitor, M. Lynam, BL, S. Guerin, SC, u D. Stuart, BL,

għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn Ł. Piebiak, B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Tomkin, H. Krämer, B. Martenczuk, R. Troosters u K. Banks, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-qrati Pollakki kontra LM (iktar ’il quddiem l-“individwu kkonċernat”).

Il-kuntest ġuridiku

It-Trattat UE

3

L-Artikolu 7 TUE jipprevedi:

“1.   Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u jista’ jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skond l-istess proċedura.

Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-konstatazzjoni għadhomx validi.

2.   Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta ta’ terz ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal- valuri msemmija fl-Artikolu 2, wara li jkunu stieden lil dan l-Istat Membru sabiex iressaq il-preżentazzjonijiet tiegħu.

3.   Meta tkun saret il-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċidi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista’ jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi.

L-obbligi ta’ l-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu mit-Trattati jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat.

[…]”

Il-Karta

4

It-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Ġustizzja”, jinkludi l-Artikolu 47, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jipprovdi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

5

L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) jispeċifikaw, fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

6

L-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprovdi:

“1.   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.   Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

7

Il-premessi 5 sa 8, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(5)

[…] l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. […]

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(7)

Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 [UE] u l-Artikolu 5 [KE]. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(8)

Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[…]

(10)

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE, li sar, wara emenda, l-Artikolu 2 TUE], determinat mill-Kunsill [Ewropew] skond l-Artikolu 7(1) [UE, li sar, wara emenda, l-Artikolu 7(2) TUE] bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) [UE, li sar, wara emenda, l-Artikolu 7(3) TUE].

[…]

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-[Karta], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta’ l-issoktar ta’ l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

[…]”

8

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

9

L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistabbilixxu l-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju u fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

10

Intitolat “Rikors lill-awtorità ċentrali”, l-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni qafas jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.   Stat Membru jista’, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat ta’ l-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità(jiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u l-wasla ta’ mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

Stat Membru li jixtieq jagħmel użu mill-possibiltajiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandu jikkomunika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informazzjoni konnessa ma’ l-awtorità ċentrali nominata jew l-awtoritajiet ċentrali nnominati. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kollha ta’ l-Istat Membru emittenti.”

11

Skont l-Artikolu 15 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

[…]”

Id-dritt Irlandiż

12

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Irlandiż permezz tal-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi tal-2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew).

13

L-Artikolu 37(1) tal-Liġi tal-2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew jipprovdi:

“Persuna ma għandhiex tiġi kkonsenjata skont din il-liġi jekk:

(a)

il-konsenja tagħha tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat taħt:

(i)

il-[KEDB], jew

(ii)

il-Protokolli għall-[KEDB]

(b)

il-konsenja tagħha tikkostitwixxi ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni […]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fl-1 ta’ Frar 2012, fl-4 ta’ Ġunju 2012 u fis-26 ta’ Settembru 2013, il-qrati Pollakki ħarġu tliet mandati ta’ arrest Ewropej (iktar ’il quddiem il-“MAE”) kontra l-individwu kkonċernat, għall-finijiet tal-arrest tiegħu u tal-konsenja tiegħu lill-imsemmija qrati sabiex jiġu eżerċitati proċeduri kriminali, b’mod partikolari minħabba t-traffikar illegali ta’ drogi u ta’ sustanzi psikotropiċi.

15

Fil-5 ta’ Mejju 2017, l-individwu kkonċernat ġie arrestat fl-Irlanda, fuq il-bażi ta’ dawn il-MAE, u tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Huwa informa lil dik il-qorti li ma kienx qiegħed jagħti l-kunsens tiegħu għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki u ttieħed il-ħabs fl-istennija ta’ deċiżjoni dwar il-konsenja tiegħu lil dawn l-awtoritajiet.

16

Insostenn tal-oġġezzjoni tiegħu għall-konsenja tiegħu, l-individwu kkonċernat isostni, b’mod partikolari, li din il-konsenja ser tesponih għal riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja bi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. F’dan ir-rigward, l-individwu kkonċernat isostni, b’mod partikolari, li r-riformi leġiżlattivi reċenti tas-sistema ġudizzjarja fir-Repubblika tal-Polonja jċaħħduh mid-dritt tiegħu għal smigħ xieraq. Huwa jallega li dawn ir-riformi jikkompromettu fundamentalment il-bażi tal-fiduċja reċiproka bejn l-awtorità emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat, u dan idaħħal inkwistjoni l-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

17

L-individwu kkonċernat jinvoka, b’mod partikolari, il-proposta rraġunata tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017 ippreżentata skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-Istat tad-dritt fil-Polonja (COM(2017) 835 final) (iktar ’il quddiem il-“proposta rraġunata”) kif ukoll id-dokumenti li għalihom din tagħmel riferiment.

18

Fil-proposta rraġunata, il-Kummissjoni tesponi, l-ewwel nett, b’mod iddettaljat il-kuntest u l-istorja tar-riformi leġiżlattivi, u mbagħad tqajjem, it-tieni nett, żewġ suġġetti partikolari ta’ tħassib, jiġifieri, minn naħa, l-assenza ta’ stħarriġ kostituzzjonali indipendenti u leġittimu u, min-naħa l-oħra, ir-riskji ta’ preġudizzju għall-indipendenza tal-qrati ordinarji, filwaqt li tistieden, fl-aħħar nett, lill-Kunsill sabiex jikkonstata li jeżisti riskju ċar ta’ ksur gravi mir-Repubblika tal-Polonja tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE kif ukoll sabiex jadotta fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward.

19

Barra minn hekk, il-proposta rraġunata ttenni l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għad-Demokrazija permezz tad-Dritt tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Polonja u dwar l-effetti tar-riformi leġiżlattivi reċenti fuq is-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru.

20

Fl-aħħar nett, il-proposta rraġunata tinnota t-tħassib serju espress f’dan ir-rigward, matul il-perijodu li jippreċedi l-adozzjoni ta’ din il-proposta, minn diversi istituzzjonijiet u korpi internazzjonali u Ewropej, bħalma huma l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u n-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli tal-Ġudikatura kif ukoll, fuq il-livell nazzjonali, mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja), mir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja), mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) u minn assoċjazzjonijiet ta’ mħallfin u ta’ avukati.

21

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fil-proposta rraġunata u tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għad-Demokrazija permezz tad-Dritt tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Polonja u dwar l-effetti tar-riformi leġiżlattivi reċenti fuq is-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li, bl-effett akkumulat tar-riformi leġiżlattivi mwettqa fir-Repubblika tal-Polonja mill-2015 lil hawn dwar, b’mod partikolari, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji, l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Prosekutur Pubbliku, l-Istat tad-dritt inkiser f’dan l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju tibbaża din il-konklużjoni fuq il-konstatazzjoni ta’ żviluppi meqjusa li huma ta’ importanza partikolari, bħalma huma:

l-emendi tar-rwol kostituzzjonali ta’ protezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura mogħti lill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, ikkunsidrati flimkien mal-ħatriet illegali fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) mill-Gvern Pollakk u mar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jippubblika ċerti deċiżjonijiet;

il-fatt li l-Ministru għall-Ġustizzja issa huwa l-Prosekutur Pubbliku, li huwa awtorizzat jeżerċita rwol attiv fil-prosekuzzjonijiet ġudizzjarji u li għandu rwol dixxiplinari fir-rigward tal-presidenti ta’ qrati, sitwazzjoni din li jista’ jkollha effett dissważiv fuq dawn il-presidenti, bil-konsegwenza li għandha effett fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

il-fatt li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) hija s-suġġett ta’ rtirar ex officio u ta’ ħatriet futuri, u li l-ħatriet politiċi ser jipprevalu fil-parti l-kbira tal-każijiet fil-kompożizzjoni l-ġdida tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, u

il-fatt li l-integrità u l-effettività tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ġew imfixkla b’mod kunsiderevoli sa fejn ma hemm xejn li jiggarantixxi li l-liġijiet fil-Polonja josservaw il-Kostituzzjoni Pollakka, sitwazzjoni din li hija suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex ikollha effetti fuq is-sistema sħiħa ta’ ġustizzja kriminali.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis, minħabba li s-setgħat “wiesgħa u mingħajr kontroll” tas-sistema ġudizzjarja fir-Repubblika tal-Polonja jmorru kontra dawk mogħtija fi Stat demokratiku rregolat mill-prinċipju ta’ Stat tad-dritt, li jeżisti riskju reali li l-individwu kkonċernat ikun is-suġġett ta’ trattament arbitrarju matul il-proċess tiegħu fl-Istat Membru emittenti. B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-konsenja tal-individwu kkonċernat ser twassal għal ksur tad-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB u, għalhekk, għandha tiġi miċħuda, konformement mad-dritt Irlandiż u mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-premessa 10 ta’ din tal-aħħar.

23

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ konsenja li setgħet twassal għal ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB, li, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-protezzjonijiet tal-Istat Membru emittenti, din l-awtorità għandha tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta għal riskju reali li, f’dak l-Istat Membru, tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll, skont il-qorti tar-rinviju, proċedura f’żewġ stadji li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tapplika f’tali ċirkustanzi. Din l-awtorità għandha, l-ewwel nett, tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati jew sistemiċi fil-protezzjonijiet mogħtija fl-Istat Membru emittenti u, it-tieni nett, għandha titlob, mingħand l-awtorità ġudizzjarja ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni komplementari neċessarja fir-rigward tal-protezzjonijiet tal-persuna kkonċernata.

24

Issa, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li l-valur komuni tal-Istat tad-dritt irrikonoxxut fl-Artikolu 2 TUE nkiser mill-Istat Membru emittenti, u meta dan il-ksur sistemiku tal-Istat tad-dritt jikkostitwixxi, min-natura tiegħu, nuqqas fundamentali tas-sistema ġudizzjarja, ir-rekwiżit li tiġi evalwata, b’mod konkret u preċiż, konformement mas-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), l-eżistenza ta’ motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta għal riskju ta’ ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, jibqax applikabbli, jew jekk, f’tali ċirkustanzi, jistax sempliċement jitqies li ebda garanzija speċifika dwar smigħ xieraq għal din il-persuna ma tista’ tingħata minn awtorità emittenti minħabba n-natura sistemika tal-ksur tal-Istat tad-dritt, b’tali mod li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tkun obbligata tistabbilixxi li jeżistu tali motivi.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Minkejja l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja [fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016] Aranyosi u Căldăraru [C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198], fejn qorti nazzjonali tiddetermina li hemm prova konvinċenti li l-kundizzjonijiet fl-Istat Membru emittenti huma inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minħabba li s-sistema ġudizzjarja nnifisha fl-Istat Membru emittenti ma għadhiex topera taħt l-istat tad-dritt, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni ulterjuri, b’mod speċifiku u preċiż, fir-rigward tat-tqegħid tal-individwu kkonċernat għar-riskju ta’ proċess inġust meta s-smigħ tal-kawża tiegħu se jseħħ fi ħdan sistema li ma għadhiex topera fl-istat tad-dritt?

2)

Jekk il-kriterju li għandu jiġi applikat jeħtieġ evalwazzjoni speċifika tar-riskju reali tal-persuna rikjesta ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja u fejn il-qorti nazzjonali kkonkludiet li hemm ksur sistemiku tal-istat tad-dritt, il-qorti nazzjonali, bħala l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, hija obbligata li tirreferi lura għall-awtorità ġudizzjarja emittenti għal kwalunkwe informazzjoni ulterjuri meħtieġa li tista’ tippermetti lill-qorti nazzjonali li teskludi l-eżistenza tar-riskju ta’ proċess inġust u, jekk iva, liema garanziji għal smigħ xieraq għandhom ikunu meħtieġa?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

26

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27

Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju invokat, b’mod partikolari, il-fatt li l-individwu kkonċernat huwa attwalment imċaħħad mil-libertà, fl-istennija tad-deċiżjoni dwar il-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Pollakki, u li r-risposta għad-domandi magħmula ser tkun determinanti sabiex tittieħed tali deċiżjoni.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tagħmel parti mill-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju huwa ta’ natura tali li jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

29

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju dwar l-urġenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-individwu kkonċernat jinsab attwalment imċaħħad mil-libertà u li ż-żamma tiegħu taħt detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-individwu kkonċernat għandha tiġi evalwata skont kif tkun viġenti fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li, f’dik id-data, l-individwu kkonċernat kien taħt detenzjoni. Min-naħa l-oħra, iż-żamma taħt detenzjoni ta’ dan tal-aħħar tiddependi mill-eżitu tal-kawża prinċipali, sa fejn il-miżura ta’ detenzjoni li huwa suġġett għaliha kienet ordnata, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-MAE.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-12 ta’ April 2018, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

32

Barra minn hekk, ġie deċiż li din il-kawża tintbagħat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata lill-Awla Manja.

Fuq id-domandi preliminari

33

Preliminarjament, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mir-referenza għas-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), li tinsab fil-formulazzjoni stess tal-ewwel domanda, jirriżulta li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, milli tipproċedi fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minħabba r-riskju ta’ ksur, fil-każ tal-konsenja tal-persuna mfittxija lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li, kif jirriżulta mill-punt 5 ta’ din is-sentenza, jikkorrispondi għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

34

B’hekk, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meħtieġa tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ sabiex jiġu eżerċitati proċeduri kriminali jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi, bħal dawk li jinsabu fi proposta rraġunata tal-Kummissjoni, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, intiżi li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, l-imsemmija awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta għal tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-Istat tal-aħħar. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti minn tali verifika.

35

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimenta dawn il-valuri (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u kemm il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, sa fejn jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

B’hekk, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu meħtieġa, bis-saħħa ta’ dan l-istess dritt, jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li ma huwiex possibbli għalihom mhux biss li jirrikjedu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor effettivament irrispettax, f’każ partikolari, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 192).

38

Mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-mandat ta’ arrest Ewropew previst minn din id-deċiżjoni qafas jikkostitwixxi l-ewwel espressjoni konkreta, fil-qasam tad-dritt kriminali, tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

39

Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha u mill-premessi 5 u 7 tagħha, l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet jew ta’ proċeduri, liema sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas,C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’hekk, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssemplifikata u iktar effettiva ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief għall-motivi, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Minħabba f’hekk, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 4950 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

B’hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi b’mod espliċitu l-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju (Artikolu 3) u fakultattiv (Artikoli 4 u 4a) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (Artikolu 5) (ara s-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 51).

43

Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi bejn l-Istati Membri “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 meta jkun hemm ir-riskju li tali konsenja twassal għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-persuna mfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 104).

45

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, minn naħa, fuq l-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jipprevedi li din id-deċiżjoni qafas ma jistax ikollha l-effett li tibdel l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u li jiġu osservati l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikoli 2 u 6 TUE u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura assoluta tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 4 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 8385).

46

F’dan il-każ, filwaqt li bbaża ruħu fuq il-proposta rraġunata u fuq id-dokumenti li għalihom tirreferi, l-individwu kkonċernat oġġezzjona għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki, filwaqt li sostna, b’mod partikolari, li tali konsenja kienet ser tesponih għal riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti li jirriżulta mill-implimentazzjoni tar-riformi leġiżlattivi reċenti tas-sistema ġudizzjarja f’dan l-Istat Membru.

47

Għaldaqstant, għandu qabel kollox jiġi vverifikat jekk, bħal fil-każ ta’ riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata għal qorti indipendenti u, b’hekk, tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jistax jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, b’mod eċċezzjonali, milli tipproċedi fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, u b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt.

49

Fil-fatt, l-Unjoni hija Unjoni tad-dritt li fiha l-individwi għandhom id-dritt jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kwalunkwe deċiżjoni jew ta’ kwalunkwe att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni, fil-konfront tagħhom, ta’ att tal-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Konformement mal-Artikolu 19 TUE, li jesprimi b’mod konkret il-valur tal-Istat tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2 TUE, il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex jiżgura r-rispett tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għal Stat tad-dritt (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Minn dan isegwi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 37).

53

Issa, sabiex tiġi ggarantita din il-protezzjoni, il-ħarsien tal-indipendenza tal-imsemmija istanzi huwa primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 41).

54

L-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija, b’mod partikolari, essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja inerenti għall-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss minn istanza, responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 43).

55

Sa fejn, kif osservat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża li tistabbilixxi sistema ssemplifikata ta’ konsenja diretta bejn “awtoritajiet ġudizzjarji” sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-ħarsien tal-indipendenza ta’ tali awtoritajiet huwa wkoll primordjali fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

56

Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju li d-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew jibbenefikaw mill-garanziji kollha li huma speċifiċi għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Dan jimplika li mhux biss id-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew iżda wkoll dik dwar il-ħruġ ta’ tali mandat għandhom jittieħdu minn awtorità ġudizzjarja li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – fosthom il-garanzija ta’ indipendenza – b’tali mod li l-proċedura kollha ta’ konsenja bejn Stati Membri prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha titwettaq taħt stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura kriminali ta’ prosekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà, jew inkella fil-kuntest tal-proċedura kriminali fuq il-mertu, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma xorta waħda suġġetti għall-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-KEDB jew mid-dritt nazzjonali tagħhom, inkluż id-dritt għal smigħ xieraq u l-garanziji li joħorġu minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F, C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 48).

58

Il-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa għalhekk ibbażat fuq il-premessa li l-qrati kriminali tal-Istati Membri l-oħra, li, wara l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ser ikollhom imexxu l-proċedura kriminali ta’ prosekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà kif ukoll il-proċedura kriminali fuq il-mertu, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jinkludu, b’mod partikolari, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija qrati.

59

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, iġġarrab ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, b’mod eċċezzjonali, milli tipproċedi fir-rigward ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

60

B’hekk, fil-każ li, bħal fil-kawża prinċipali, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tinvoka, sabiex toġġezzjona għall-konsenja tagħha lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew, minn tal-inqas, ġeneralizzati li, fil-fehma tagħha, jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti u b’hekk jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tevalwa l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna kkonċernata ġġarrab ksur ta’ dan id-dritt fundamentali meta jkollha tiddeċiedi dwar il-konsenja tagħha lill-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88).

61

Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fl-ewwel stadju, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89), tevalwa l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, marbut ma’ nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-imsemmi Stat Membru, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fl-Istat tal-aħħar. L-informazzjoni li tkun tinsab fi proposta rraġunata indirizzata reċentement mill-Kummissjoni lill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) TUE tikkostitwixxi elementi ta’ rilevanza partikolari għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

62

Tali evalwazzjoni għandha titwettaq fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan ir-rigward, fir-rigward tar-rekwiżit tal-indipendenza tal-qrati li jagħmel parti mill-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt, għandu jitfakkar li dan ir-rekwiżit huwa inerenti għall-missjoni ġudizzjarja u jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi rabta ġerarkika jew għal subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Din il-libertà indispensabbli fil-konfront ta’ tali elementi esterni tirrikjedi ċerti garanziji ta’ natura li jipproteġu l-persuna ta’ dawk li l-kompitu tagħhom ikun li jagħtu deċiżjoni, bħalma hija l-protezzjoni kontra t-tneħħija mill-kariga (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-perċezzjoni minn dawn il-persuni ta’ livell ta’ remunerazzjoni li jikkorrispondi mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw tikkostitwixxi wkoll garanzija inerenti għall-indipendenza tal-qrati (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 45).

65

It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni. Sabiex il-kundizzjoni dwar l-indipendenza tal-istanza kkonċernata titqies li hija ssodisfatta, il-ġurisprudenza tirrikjedi b’mod partikolari li l-każijiet ta’ revoka tal-membri tagħha jkunu ddeterminati permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Ir-rekwiżit ta’ indipendenza jeżiġi wkoll li s-sistema dixxiplinari ta’ dawk li l-kompitu tagħhom huwa li jiddeċiedu jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tali sistema tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, l-ippromulgar ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari u kemm is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ istanza indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-organi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxi ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja.

68

Jekk, fid-dawl tar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 62 sa 67 ta’ din is-sentenza, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li, fl-Istat Membru emittenti, jeżisti riskju reali ta’ ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tas-setgħa ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru, ta’ natura li jikkompromettu l-indipendenza tal-qrati tal-imsemmi Stat, din l-awtorità għandha, fit-tieni stadju, tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, jeżistux motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, il-persuna mfittxija ser tkun esposta għal dan ir-riskju (ara, b’analoġija, fil-kuntest tal-Artikolu 4 tal-Karta, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 9294).

69

Din l-evalwazzjoni konkreta hija meħtieġa wkoll meta, bħal f’dan il-każ, minn naħa, l-Istat Membru emittenti kien is-suġġett ta’ proposta rraġunata tal-Kummissjoni, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) TUE, bil-għan li l-Kunsill jikkonstata li jeżisti riskju ċar ta’ ksur gravi mill-imsemmi Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, bħalma huwa l-valur tal-Istat tad-dritt, minħabba, b’mod partikolari, attakki fuq l-indipendenza tal-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li għandha, fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ tali proposta, elementi ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi, fir-rigward tal-imsemmija valuri, fil-livell tas-setgħa ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru.

70

Fil-fatt, mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur gravi u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2 TUE, ikkonstatat mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 7(2) TUE, bil-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 7(3) TUE.

71

B’hekk, mill-formulazzjoni stess tal-imsemmija premessa jirriżulta li huwa l-Kunsill Ewropew li għandu jikkonstata ksur, fl-Istat Membru emittenti, tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2 TUE, fosthom dak tal-Istat tad-dritt, għall-finijiet tas-sospensjoni, fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

72

Għaldaqstant, huwa biss fil-preżenza ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tikkonstata, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2) TUE, ksur gravi u persistenti fl-Istat Membru emittenti, tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2 TUE, bħal dawk inerenti għall-Istat tad-dritt, segwita mis-sospensjoni mill-Kunsill tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tirrifjuta awtomatikament li teżegwixxi kull mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-imsemmi Stat Membru, mingħajr ma jkollha twettaq ebda evalwazzjoni konkreta tar-riskju reali mġarrab mill-persuna kkonċernata li jkun affettwat l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq.

73

Għaldaqstant, sakemm tali deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tastjeni, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, milli tipproċedi fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru li huwa s-suġġett ta’ proposta rraġunata fis-sens tal-Artikolu 7(1) TUE, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali meta l-imsemmija awtorità tikkonstata, wara evalwazzjoni konkreta u preċiża tal-każ ineżami, li jeżistu motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun esposta, wara l-konsenja tagħha lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq.

74

Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, b’mod partikolari, teżamina sa fejn in-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati, fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti, kif jixhdu l-elementi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jistgħu jkollhom effett fil-livell tal-qrati kompetenti ta’ dan l-Istat sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom ser tkun suġġetta l-persuna mfittxija.

75

Jekk minn dan l-eżami jirriżulta li l-imsemmija nuqqasijiet jistgħu jaffettwaw lil dawn il-qrati, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa wkoll, fid-dawl tat-tħassib speċifiku mqajjem mill-persuna kkonċernata u tal-informazzjoni eventwalment ipprovduta minnha, jekk jeżistux motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser tkun esposta għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħha kif ukoll fid-dawl tan-natura tar-reat li fir-rigward tiegħu tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u fid-dawl tal-kuntest fattwali li fuqhom ikun ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

76

Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, titlob, mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti, kull informazzjoni komplementari li fil-fehma tagħha tkun meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju.

77

Fil-kuntest ta’ tali djalogu bejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità ġudizzjarja emittenti, din tal-aħħar tista’, jekk ikun il-każ, tipprovdi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kull element oġġettiv dwar l-eventwali emendi li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni fl-Istat Membru emittenti tal-garanzija ta’ indipendenza ġudizzjarja, li jista’ jeskludi l-eżistenza ta’ dan ir-riskju fir-rigward tal-persuna kkonċernata.

78

Fil-każ li l-informazzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti, wara li tkun kisbet, jekk ikun meħtieġ, l-għajnuna tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 97), tkun ikkomunikat lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma twassalx lil din tal-aħħar sabiex teskludi l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna kkonċernata ser iġġarrab, fl-imsemmi Stat Membru, ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tastjeni milli tipproċedi fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew li tiegħu din il-persuna tkun is-suġġett.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meħtieġa tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ sabiex jiġu eżerċitati proċeduri kriminali jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi, bħal dawk li jinsabu fi proposta rraġunata tal-Kummissjoni, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, li jidhru li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, l-imsemmija awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, kif ukoll fid-dawl tan-natura tar-reat li fir-rigward tiegħu tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u fid-dawl tal-kuntest fattwali li fuqhom ikun ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru emittenti, skont l-Artikolu 15(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, jeżistux motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser tkun esposta għal tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-Istat tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meħtieġa tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ sabiex jiġu eżerċitati proċeduri kriminali jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi, bħal dawk li jinsabu fi proposta rraġunata tal-Kummissjoni Ewropea, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, li jidhru li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, l-imsemmija awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, kif ukoll fid-dawl tan-natura tar-reat li fir-rigward tiegħu tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u fid-dawl tal-kuntest fattwali li fuqhom ikun ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru emittenti, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, jeżistux motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser tkun esposta għal tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-Istat tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top