EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0090

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2018.
Turbogás Produtora Energética SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u fuq l-elettriku – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) – Entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess – Produtturi tal-elettriku żgħar – Artikolu 14(1)(a) – Prodotti tal-enerġija għall-użu fil-produzzjoni tal-elettriku – Obbligu ta’ eżenzjoni.
Kawża C-90/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:498

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) – Entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess – Produtturi tal-elettriku żgħar – Artikolu 14(1)(a) – Prodotti tal-enerġija għall-użu fil-produzzjoni tal-elettriku – Obbligu ta’ eżenzjoni”

Fil-Kawża C‑90/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (it-Tribunal ta’ Arbitraġġ Fiskali (Ċentru tal-Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall), permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Turbogás – Produtora Energética SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Turbogás – Produtora Energética SA, minn J. P. Lampreia, advogado,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, N. Vitorino u S. Jaulino, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Turbogás – Produtora Energética SA (iktar ’il quddiem “Turbogás”) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira portugesa (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) dwar evalwazzjoni fiskali fir-rigward tat-tassazzjoni tal-elettriku kkonsmat minn Turbogás stess.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 sa 5 u 24 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdu:

“(2)

L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

“(3)

Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)

Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)

L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

[…]

(24)

Stati Membri għandhom jiġu permessi li japplikaw eżenzjonijiet oħra jew livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern u li ma jirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni.”

4

L-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f’Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE [tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/47/KE tal-20 ta’ Lulju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 186)] fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

(a)

prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-produzzjoni ta’ l-elettriku. Madankollu, Stati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent, jissotomettu dawn il-prodotti għall-tassazzjoni mingħajr ma joqgħodu jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżla f’din id-Direttiva. F’każ bħal dan, it-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma għandhiex tiġi ikkonsidrata sabiex tissodisfa il-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kif imniżżel fl-Artikolu 10”.

5

L-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“5.   Bl-iskop li japplika l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 92/12/KEE, elettriċità u gass naturali għandhom ikunu suġġetti għall-tassazzjoni u għandhom jiġu dovuti meta ssir il-fornitura mid-distributur jew ridistributur. Meta l-fornitura għall-konsum issir fi Stat Membru fejn id-distributur jew ridistributur mhuwiex stabbilit, it-taxxa tal-Membri Stati fuq il-fornitura għandha tkun dovuta lil xi kumpanija lit rid tkun reġistrata fl-Istat Membru fejn issir il-fornitura. Fil-każijiet kollha it-taxxa għandha ssir u miġbura skond proċeduri mniżżla minn kull Stat Membru.

[…]

Entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess għandha tiġi kkonsidrata bħala distributur. Minkejja l-Artikolu 14(1)(a), Stati Membri jistgħu jeżentaw produtturi żgħar ta’ l-elettriku jekk kemm-il darba huma jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dik l-elettriku.

[…]”

Id-dritt Portugiż

6

L-Artikolu 4 tal-Código dos Impostos Especiais de Consumo (il-Kodiċi tad-Dazji tas-Sisa, iktar ’il quddiem iċ-“CIEC”) jipprovdi:

“1 –   Dawn li ġejjin huma suġġetti għad-dazji tas-sisa:

[…]

(b)

fil-każ tal-provvista tal-elettriku lill-konsumatur finali, il-fornituri, kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni speċjali, il-fornituri għall-mobbiltà elettrika, il-produtturi li jbigħu l-elettriku direttament lill-konsumaturi finali, l-awtoprodutturi u l-konsumaturi li jixtru l-elettriku permezz ta’ tranżazzjonijiet fis-swieq organizzati;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 7 taċ-ĊIEĊ:

“1 –   Il-fatt li jwassal għat-taxxa huwa kkostitwit mill-produzzjoni jew l-importazzjoni fit-territorju nazzjonali tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 5, kif ukoll mid-dħul tagħhom fl-imsemmi territorju meta dawn ikunu ġejjin minn Stat Membru ieħor.

2 –   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-fatt li jwassal għat-taxxa huwa kkostitwit fil-mument tal-provvista tal-elettriku u tal-gass naturali lill-konsumatur finali mill-fornituri, kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni speċjali.”

8

L-Artikolu 9 taċ-CIEC jipprovdi:

“1 –   Għall-finijiet ta’ dan il-kodiċi, huma meqjusa bħala rilaxx għall-konsum ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa:

[…]

(g)

il-provvista tal-elettriku lill-konsumatur finali, jew l-awtokonsum u x-xiri tal-elettriku minn konsumaturi finali fis-swieq organizzati;

[…]”

9

L-Artikolu 88 taċ-CIEC huwa redatt kif ġej:

“1 –   Huma suġġetti għat-taxxa fuq il-prodotti petrolifiċi u tal-enerġija:

[…]

(d)

l-elettriku li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2716.

[…]

6 –   Ma humiex suġġetti għat-taxxa l-prodotti petrolifiċi u tal-enerġija kkunsmati ġewwa stabbiliment tal-produzzjoni tal-imsemmija prodotti, ħlief dawk li jintużaw għal skopijiet li ma jinkludux din il-produzzjoni.”

10

L-Artikolu 89 taċ-CIEC jipprovdi:

“1 –   Huma eżenti mit-taxxa l-prodotti petrolifiċi u tal-enerġija li fir-rigward tagħhom huwa stabbilit:

[…]

(d)

li huma użati għall-produzzjoni tal-elettriku, tal-elettriku u tas-sħana (koġenerazzjoni), jew tal-gass tal-belt, minn entitajiet li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet bħala l-attività prinċipali tagħhom, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2701, 2702 u 2704, il-kodiċijiet NM 27101961 sa 27101969, il-kodiċi NM 2711;

[…]

2 –   Huwa eżentat mit-taxxa l-elettriku li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit li:

(a)

huwa użat għall-produzzjoni tal-elettriku, u biex iżomm il-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku;

[…]”

11

L-Artikolu 96a taċ-CIEC jipprovdi:

“1 –   Il-fornituri tal-elettriku rreġistrati u approvati skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, li jfornu lill-konsumatur finali, inkluż il-fornituri tal-elettriku għall-mobbiltà elettrika, għandhom jiġu rreġistrati fl-uffiċċju doganali kompetenti, għall-finijiet tal-obbligi fiskali previsti minn dan il-kodiċi.

[…]

3 –   Il-kwantitajiet ta’ elettriku li għandhom jiġu ddikjarati għar-rilaxx għall-konsum huma l-ammonti ffatturati lill-klijenti konsumaturi finali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Turbogás teżerċita attività ta’ produzzjoni tal-elettriku ta’ oriġini termika. Hija topera l-impjant b’ċiklu kkombinat ta’ Tapada do Outeiro (il-Portugall) (iktar’ il quddiem l-“impjant”). Dan l-impjant termoelettriku b’kapaċità ta’ 990 megawatt jipproduċi l-elettriku mill-gass naturali u, fejn applikabbli, mid-diżil. Il-produzzjoni mill-impjant tirrappreżenta madwar 9 % tal-enerġija nazzjonali prodotta.

13

Fil-kuntest tas-sistema tal-elettriku nazzjonali, Turbogás hija kklassifikata bħala produttur u taqa’, għas-settur tal-produzzjoni tal-elettriku, taħt l-iskema legali ta’ produzzjoni tal-elettriku f’sistema ordinarja.

14

Fil-ħidma interna tal-impjant, parti żgħira mill-elettriku prodott mill-installazzjoni hija wkoll ikkonsmata. Dan il-konsum isir b’mod parallel mal-proċess ta’ produzzjoni tal-elettriku, li għalih dan huwa inerenti. Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”), Turbogás ma kellhiex arloġġi li jkejlu l-ammont ta’ elettriku kkonsmat minnha stess u lanqas ma kien hemm dokumenti relatati ma’ din il-kwantità ta’ elettriku, peress li ma kienet saret l-ebda tranżazzjoni.

15

Matul dan l-istess perijodu, Turbogás ma kienet intitolata, għall-elettriku kkonsmat minnha stess, għal ebda eżenzjoni skont l-Artikolu 89 taċ-CIEC, ma kinitx irreġistrata bħala operatur tas-settur tal-elettriku u lanqas ma kellha l-istatus ta’ destinatarju eżentat għall-użu tal-elettriku.

16

Matul is-sena 2014, Turbogás kienet is-suġġett ta’ kontroll fiskali fir-rigward tal-perijodu rilevanti. Skont l-Awtorità Fiskali u Doganali, Turbogás naqset milli tagħmel id-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għall-konsum skont l-Artikolu 10 taċ-CIEC għall-kwantitajiet ta’ elettriku kkonsmat minnha stess. Sabiex jiġu ddeterminati dawn il-kwantitajiet fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, u fin-nuqqas tal-arloġġi installati għal dan l-iskop, l-informazzjoni pprovduta minn Turbogás ġiet ikkontroverifikata permezz tal-informazzjoni pprovduta mid-Direção-Geral de Energia e Geologia (id-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija u l-Ġeoloġija, il-Portugall).

17

F’dan il-kuntest, ġie kkunsidrat li Turbogás kienet responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-prodotti petrolifiċi u tal-enerġija għall-kwantitajiet ta’ elettriku kkonsmat minnha stess u li din it-taxxa kienet tammonta għal EUR 71 197.17, miżjuda bl-interessi kumpensatorji f’ammont ta’ EUR 4 986.52. Fil-5 ta’ Awwissu 2014, att ta’ likwidazzjoni tal-imsemmija taxxa ġie nnotifikat lil Turbogás u, fl-14 ta’ Awwissu 2014, din tal-aħħar għamlet il-pagament tal-ammont hekk likwidat.

18

Rikors amministrattiv kontra dan l-att ta’ likwidazzjoni tressaq quddiem l-Amministrazzjoni Fiskali. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2016.

19

Fl-20 ta’ April 2016, Turbogás ippreżentat talba għat-twaqqif ta’ tribunal ta’ arbitraġġ fiskali, sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tal-att ta’ likwidazzjoni kkontestat kif ukoll iċ-ċaħda tar-rikors amministrattiv ippreżentat kontra dan l-att. Dan it-tribunal ta’ arbitraġġ ġie kkostitwit fl-1 ta’ Lulju 2016.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96. L-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprovdi li entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess hija kkunsidrata distributur. Issa, fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Portugiża, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li “dawn il-produtturi żgħar” jistgħu jiġu eżentati. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk humiex biss il-produtturi ż-żgħar tal-elettriku li għandhom jitqiesu distributuri.

21

Il-Qorti tar-rinviju tqis li d-diffikultà misjuba fl-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu hija riżultat tad-diverġenzi bejn il-verżjoni Portugiża u l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (it-Tribunal ta’ Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva [2003/96], sabiex jitqiesu bħala distributuri, u suġġetti għat-taxxa skont l-ewwel subparagrafu tal-istess Artikolu 21(5) [ta’ din id-Direttiva], l-entitatjiet li jipproduċu l-elettriku għall-użu tagħhom stess, għandhom ikunu produtturi żgħar, fejn il-kumplament tal-entitajiet (dawk li ma jkunux produtturi żgħar) li jipproduċu l-elettriku għall-użu tagħhom stess jiġu esklużi minn din il-kwalità ta’ distributuri jew għandhom jitqiesu bħala distributuri, u suġġetti għat-taxxa skont l-ewwel subparagrafu tal-istess Artikolu 21(5) [tal-imsemmija direttiva], l-entitajiet kollha li jipproduċu l-elettriku għall-użu tagħhom stess (indipendentement mid-daqs rispettiv u mill-fatt li jwettqu dan bħala attività ekonomika prinċipali jew aċċessorja), u li ma humiex eżentati, inkwantu produtturi żgħar, skont it-tieni parti tat-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 21(5) [tal-istess direttiva]?

2)

Konkretament, entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija produttriċi kbira tal-elettriku u li tasal tipproduċi madwar 9 % tal-enerġija nazzjonali għall-bejgħ lill-istess netwerk nazzjonali, għandha titqies bħala ‘[e]ntità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess’, hekk kif imsemmi fl-Artikolu 21(5) tad-Direttiva [2003/96], meta parti żgħira biss mill-enerġija li hija tipproduċi tintuża fil-produzzjoni tagħha proprja ta’ elettriku ġdid bħala parti sħiħa mill-proċess produttiv tagħha?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li kull entità, b’mod partikolari dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess, indipendentement mill-kobor ta’ dan l-użu u indipendentement mill-attività ekonomika li hija teżerċita b’mod prinċipali, għandha titqies li hija distributur, li l-elettriku tagħha għandu jkun suġġett għat-tassazzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva.

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Evroetil, C-503/10, EU:C:2011:872, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, anki jekk din ma tkunx irreferiet għalihom meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C-492/14, EU:C:2016:732, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, Turbogás tikkontesta l-legalità tal-ħlas impost, bħala taxxa fuq il-prodotti petrolifiċi u tal-enerġija, fuq il-parti mill-elettriku prodott li l-konsum tagħha huwa inerenti għall-proċess tal-produzzjoni tal-elettriku. Għalhekk, kif il-Kummissjoni Ewropea ssuġġerixxiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 13 u 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha tiġi eżaminata wkoll l-eżenzjoni li jista’ jkun hemm ta’ tali konsum taħt l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li jeżenta mit-tassazzjoni l-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku użati biex jiġi prodott l-elettriku.

27

Konsegwentement, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu fformulati mill-ġdid bħala li huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) u l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li entità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess, indipendentement mill-kobor ta’ dan l-użu u indipendentement mill-attività ekonomika li hija teżerċita b’mod prinċipali, għandha titqies bħala “distributur”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-konsum tal-elettriku tagħha għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku jaqa’ madankollu taħt l-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-imsemmi Artikolu 14(1)(a).

28

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 jiddefinixxi bħala “distributur” entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess. Il-verżjoni bil-lingwa Portugiża tat-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw “estes pequenos produtores”, espressjoni li tista’ tiġi tradotta bil-Franċiż “ces petits producteurs” [“dawn il-produtturi żgħar”]. Madankollu, verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-Direttiva 2003/96, bħall-verżjoni Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża, ma jipprovdux “dawn il-produtturi żgħar”, iżda “il-produtturi żgħar”.

29

Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, isegwi li huwa possibbli li mill-imsemmija verżjoni Portugiża tiġi dedotta rabta bejn iż-żewġ sentenzi komponenti tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96, li jimplika li l-entitajiet li jipproduċu l-elettriku għall-użu proprju tagħhom, previsti fl-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva għandhom jinftiehmu bħala li huma biss “produtturi żgħar”. Għaldaqstant, entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata distributur tal-elettriku. Madankollu, din l-interpretazzjoni ma hijiex dedotta mill-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-imsemmija direttiva.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma jista’ jingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Gusa, C-442/16, EU:C:2017:1004, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2003/96, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tagħha jipprevedi li l-provvista tal-elettriku mid-distributur tikkostitwixxi l-fatt li jwassal għat-taxxa inkwistjoni.

32

Issa, fis-sitwazzjoni fejn entità tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess, dan l-elettriku ma jkunx suġġett għal distribuzzjoni. Huwa għalhekk li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jissuġġettaw għall-imsemmija taxxa tali elettriku, dan ma jkunx jaqa’ taħt is-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata stabbilita mid-Direttiva 2003/96.

33

Billi jipprovdi li entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess, indipendentement mill-kobor ta’ dan l-użu u indipendentement mill-attività ekonomika li hija teżerċita b’mod prinċipali, għandha titqies li hija distributur, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tal-imsemmija direttiva għandu preċiżament l-għan li jimla din il-lakuna.

34

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/96. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-direttiva, billi tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, sabiex tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2017, Hüttenwerke Krupp Mannesmann, C‑465/15, EU:C:2017:640, punt 26, u tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għal dan l-għan, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paġna 5 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-qafas Komuntarju ta’ tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija (ĠU 1997, C 139, p. 14), li jobbliga lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, jintaxxaw l-elettriku ddistribwit, filwaqt li l-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dan tal-aħħar għandhom, b’mod korrelattiv, jiġu eżentati mit-taxxa, u dan bl-għan li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja tal-elettriku (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 30).

36

Huwa b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ta’ tassazzjoni fuq l-output tal-elettriku li t-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeżentaw mit-tassazzjoni l-elettriku prodott mill-produtturi żgħar u kkonsmat għall-użu tagħhom stess, kemm-il darba huma jintaxxaw il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dan l-elettriku.

37

Madankollu, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/96, din id-dispożizzjoni dwar il-produtturi żgħar għandha biss rabta mal-modalitajiet li skonthom l-elettriku huwa suġġett għas-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata, sabiex jiġu evitati, b’mod partikolari, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ispejjeż amministrattivi marbuta mat-tassazzjoni f’din iċ-ċirkustanza partikolari, mingħajr madankollu ma għandha impatt fuq l-istatus ta’ distributur mogħti skont l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva.

38

Minn dan isegwi li kull entità, b’mod partikolari dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess, indipendentement mill-kobor ta’ dan l-użu u indipendentement mill-attività ekonomika eżerċitata b’mod prinċipali, għandha tiġi kkunsidrata “distributur”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva.

39

Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li din il-konklużjoni dwar il-fatt li jwassal għat-taxxa kkonċernata ma taffettwax, madankollu, il-fatt li l-attività ekonomika eżerċitata minn entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva.

40

Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li tipprovdi li l-prodotti tal-enerġija u l-elettriku użati biex jipproduċu l-elettriku u l-elettriku użat sabiex tinżamm il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku huma eżentati mit-tassazzjoni, ma tistax tiġi injorata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali ta’ entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri, mingħajr ħsara għall-possibbiltà lilhom mogħtija, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li jidderogaw minn din is-sistema ta’ eżenzjoni għal raġunijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punti 26 sa 28). Madankollu, ma jirriżultax mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha li r-Repubblika Portugiża għamlet użu minn din il-possibbiltà.

42

Minn dan isegwi li l-użu, minn entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ parti mill-elettriku prodott għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku, filwaqt li jikkostitwixxi fatt li jwassal għat-taxxa, skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi eżentat mit-tassazzjoni skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva. Kull interpretazzjoni oħra tkun ta’ ħsara għall-għanijiet segwiti minn din tal-aħħar, kif imfakkra fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn naħa, l-elettriku prodott b’dan il-mod huwa neċessarjament suġġett għal tassazzjoni doppja. Min-naħa l-oħra, dan jista’ jwassal għal inugwaljanza fit-trattament bejn entitajiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-produtturi l-oħra tal-elettriku li jirrikorru għal provvista ta’ prodotti tal-enerġija u ta’ elettriku mingħand terzi għall-finijiet tal-produzzjoni tagħhom stess, u dan ikun sors ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C-31/17, EU:C:2018:168, punt 33).

43

Għandu, madankollu, jiġi ppreċiżat li d-Direttiva 2003/96 ma tirregolax il-kwistjoni dwar kif għandha tiġi prodotta l-prova tal-użu tal-prodotti tal-enerġija għal finijiet tal-għoti ta’ dritt għal eżenzjoni. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-Artikolu 14(1) tagħha, din id-direttiva tagħti lill-Istati Membri l-kompitu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jiġu impediti l-frodi, l-evażjoni jew l-abbużi. Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju tas-setgħa li huma għandhom sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom jinsab, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS, C‑355/14, EU:C:2016:403, punti 5759).

44

Fuq din il-bażi, minkejja li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja għall-ksur tar-rekwiżiti formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, ROZ-ŚWIT, C‑418/14, EU:C:2016:400, punt 40), tali ksur ma jistax jaffettwa l-benefiċċju tal-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 jekk il-kundizzjonijiet fil-mertu relatati mal-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla, C‑151/16, EU:C:2017:537, punt 51).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domandi magħmula għandha tingħata r-risposta li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) u l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandhom jiġu interpretati fis-sens li entità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess, indipendentement mill-kobor ta’ dan l-użu u indipendentement mill-attività ekonomika li hija teżerċita b’mod prinċipali, għandha titqies li hija “distributur”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-konsum tal-elettriku tagħha għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku jaqa’ madankollu taħt l-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-imsemmi Artikolu 14(1)(a).

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) u l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku għandhom jiġu interpretati fis-sens li entità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess, indipendentement mill-kobor ta’ dan l-użu u indipendentement mill-attività ekonomika li hija teżerċita b’mod prinċipali, għandha titqies li hija “distributur”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-konsum tal-elettriku tagħha għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku jaqa’ madankollu taħt l-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-imsemmi Artikolu 14(1)(a).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top