This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0064
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 27 February 2018.#Associação Sindical dos Juízes Portugueses v Tribunal de Contas.#Request for a preliminary ruling from the Supremo Tribunal Administrativo.#Reference for a preliminary ruling — Article 19(1) TEU — Legal remedies — Effective judicial protection — Judicial independence — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 47 — Reduction of remuneration in the national public administration — Budgetary austerity measures.#Case C-64/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta’ Frar 2018.
Associação Sindical dos Juízes Portugueses vs Tribunal de Contas.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 19(1) TUE – Rimedji ġudizzjarji – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indipendenza ġudizzjarja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Miżuri ta’ awsterità baġitarja.
Kawża C-64/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta’ Frar 2018.
Associação Sindical dos Juízes Portugueses vs Tribunal de Contas.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 19(1) TUE – Rimedji ġudizzjarji – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indipendenza ġudizzjarja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Miżuri ta’ awsterità baġitarja.
Kawża C-64/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:117
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 19(1) TUE – Rimedji ġudizzjarji – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indipendenza ġudizzjarja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Miżuri ta’ awsterità baġitarja”
Fil-Kawża C‑64/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2016, fil-proċedura
Associação Sindical dos Juízes Portugueses
vs
Tribunal de Contas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi-President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas, E. Levits (Relatur) u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Associação Sindical dos Juízes Portugueses, minn M. Rodrigues, advogado, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn M. Rebelo, F. Almeida u V. Silva, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn u M. França, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l’Associação Sindical dos Juízes Portugueses (l-Assoċjazzjoni sindakali tal-imħallfin Portugiżi, iktar ’il-quddiem l-“ASJP”) u Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall) dwar it-tnaqqis fir-remunerazzjonijiet mħallsa lill-membri ta’ din il-qorti, fil-kuntest tal-linji gwida ta’ politika baġitarja tal-Istat Portugiż. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 2 TUE jaqra kif ġej: “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.” |
4 |
L-Artikolu 19(1) u (2) tat-TUE jipprovdi: “1. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni. 2. […] L-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandhom jintgħażlu minn fost persuni li ma jkun hemm l-ebda dubbju dwar l-indipendenza tagħhom […]” |
Id-dritt Portugiż
5 |
Il-lei n.°75/2014 – Estabelece os mecanismos das reduções remuneratórias temporárias e as condições da sua reversão (il-Liġi Nru°75/2014, li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ tnaqqis temporanju fir-remunerazzjonijiet u l-kundizzjonijiet dwar ir-riversibbiltà tagħhom), tat-12 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 75/2014”), għandha l-għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tiddetermina l-applikazzjoni, b’mod tranżitorju, tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis fir-remunerazzjonijiet fis-settur pubbliku. |
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi huwa redatt kif ġej: “1 – Ir-remunerazzjoni totali grossa ta’ kull xahar tal-persuni msemmija fil-paragrafu 9, irrispettivament minn jekk dawn il-persuni jeżerċitawx funzjonijiet f’din id-data jew jekk jibdewx jeżerċitawhom, fi kwalunkwe kapaċità, għandha titnaqqas bil-mod li ġej, meta l-ammont tagħha jkun ogħla minn EUR 1500.
[…] 9 – Din il-liġi tapplika għall-uffiċjali u persuni oħra elenkati hawn taħt:
[…] 15 – L-iskema prevista minn dan l-artikolu hija imperattiva u tipprevali fuq kull dispożizzjoni kuntrarja oħra, speċjali jew eċċezzjonali, kif ukoll fuq l-istrumenti ta’ regolazzjoni kollettiva tax-xogħol u kuntratti tax-xogħol, li ma jkunux jistgħu jinjorawha jew jemendawha.” |
7 |
Il-lei Nru°159-A/2015, Extinção da redução remuneratória na Administração Pública (il-Liġi Nru 159-A/2015, li ttemm it-tnaqqis tar-remunerazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika), tat-30 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 159-A/2015”), skont proċess gradwali, temmet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, il-miżuri ta’ tnaqqis tal-ammonti li jirriżultaw mil-Liġi Nru 75/2014. |
8 |
L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jipprevedi: “Din il-liġi ttemm it-tnaqqis tar-remunerazzjoni prevista mil-Liġi Nru 75/2014, fit-termini ppreżentati fl-artikolu li ġej.” |
9 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprovdi: “t-tnaqqis fir-remunerazzjoni prevista mil-Liġi Nru 75/2014 se jkun eliminat b’mod progressiv matul is-sena 2016, kull tliet xhur, skont it-termini segwenti:
|
10 |
Skont il-lei Nru 98/97 de Organização e Processo do Tribunal de Contas (il-Liġi Nru°98/97 dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura tal-Qorti tal-Awdituri), tas-26 ta’ Awwissu 1997 din il-qorti tikkontrolla, b’mod partikolari, l-irċevuti tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u l-użu tar-riżorsi finanzjarji ġejjin minn din tal-aħħar, u tista’, f’dan il-qasam, taġixxi, skont l-Artikolu 5(1)(h) ta’ din il-liġi, f’kooperazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Unjoni. Skont l-Artikoli 44 u 96 ta’ din l-istess liġi, l-imsemmija qorti hija wkoll imsejħa sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet dwar il-kontroll minn qabel (visto) tar-regolarità tal-atti, kuntratti jew strumenti oħra li jiġġeneraw infiq jew dejn pubbliku, fost oħrajn, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
Permezz tal-Liġi Nru 75/2014, il-leġiżlatur Portugiż naqqas, mix-xahar ta’ Ottubru 2014 u b’mod temporanju, l-ammont tar-remunerazzjoni ta’ sensiela ta’ persuni f’karigi u ta’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fis-settur pubbliku. Bl-applikazzjoni ta’ atti amministrattivi ta’ “ġestjoni ta’ pagi” adottati abbażi ta’ din il-liġi, l-ammont tar-remunerazzjoni tal-imħallfin tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) ġie mnaqqas. |
12 |
L-ASJP, li taġixxi f’isem tal-membri tat-Tribunal da Contas (il-Qorti tal-Awdituri), ippreżentat quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) rikors amministrattiv speċjali intiż għall-annullament tal-atti amministrattivi relatati max-xahar ta’ Ottubru 2014 u għax-xhur segwenti, għall-kundanna tal-konvenuta li tħallas lura somom li nżammu mill-pagi, flimkien mal-pagament tal-interessi moratorji bir-rata legali, kif ukoll id-dikjarazzjoni li l-persuni interessati għandhom id-dritt jirċievu l-paga tagħhom mingħajr dan it-tnaqqis. |
13 |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-ASJP issostni li l-miżuri ta’ tnaqqis ta’ pagi jiksru l-“prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin”, stabbilit mhux biss mill-Kostituzzjoni Portugiża, iżda wkoll mid-dritt tal-Unjoni, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta. |
14 |
Skont il-qorti tar-rinviju, it-tnaqqis temporanju tar-remunerazzjoni tas-settur pubbliku huwa bbażat fuq il-ħtieġa li jitnaqqas id-defiċit eċċessiv tal-baġit tal-Istat Portugiż matul is-sena 2011. Hija tqis li dawn il-miżuri ġew meħuda fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni jew, tal-inqas, joriġinaw hemmhekk, għar-raġuni li dawn ir-rekwiżiti ġew imposti fuq il-Gvern Portugiż bid-deċiżjonijiet tal-Unjoni li taw, b’mod partikolari, assistenza finanzjarja lil dan l-Istat Membru. |
15 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li s-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Portugiż li jimplementa l-linji gwida għall-politika baġitarja tiegħu, rikonoxxuta mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, madankollu ma teħilsux mill-obbligu tiegħu li josserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż dak tal-indipendenza tal-imħallfin, li japplika kemm għall-qrati tal-Unjoni kif ukoll għall-qrati nazzjonali. |
16 |
Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament legali tal-Unjoni hija żgurata, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, prinċipalment, mill-qrati nazzjonali. Dawn tal-aħħar ser jiġu msejħa sabiex jimplementaw din il-protezzjoni fl-osservanza tal-prinċipji tal-indipendenza u l-imparzjalità ddikjarati fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-indipendenza tal-korpi ġudizzjarji tiddependi fuq il-garanziji marbuta mal-istatus tal-membri tagħhom, inkluż f’termini ta’ remunerazzjoni. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ eliminazzjoni tad-defiċit baġitarju eċċessiv, u tal-assistenza finanzjarja rregolata bid-dispożizzjonijiet Ewropej, il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mill-Artikolu 47 tal-Karta, u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Europea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni li għalih huma suġġetti l-membri tal-ġudikatura fil-Portugall, fil-każ ta’ impożizzjoni unilaterali minn awtoritajiet jew korpi kostituzzjonali oħra u b’mod kontinwu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 75//2014?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
19 |
Il-Kummissjoni Ewropea tallega li l-qorti tar-rinviju ma esponietx, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom hija qed titlob l-interpretazzjoni. |
20 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju fih informazzjoni suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju qed titlob interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta għall-finijiet tal-kawża prinċipali. |
22 |
Il-Gvern Portugiż jeċepixxi, minn naħa tiegħu, l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għar-raġuni li l-Liġi Nru 159-A/2015 ħassret totalment fl-1 ta’ Ottubru 2016, it-tnaqqis fil-pagi li laqtu, mill-1 ta’ Ottubru 2014, il-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fis-settur pubbliku. Għalhekk huwa jsostni li kwalunkwe allegazzjoni ta’ allegat ksur tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin bħala riżultat ta’ dan it-tnaqqis fil-pagi ma għadx għandu skop. |
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli, b’mod partikolari, jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
F’dan il-każ, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tilwima li hija adita biha l-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali hija dwar l-annullament ta’ atti amministrattivi li bihom l-ammont tar-remunerazzjonijiet tal-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) ġie mnaqqas kif ukoll il-ħlas lura tas-somom li nżammu skont il-Liġi Nru 75/2014. |
25 |
Issa, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammonti miżmuma mir-remunerazzjonijiet tal-persuni kkonċernati matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2014 u x-xahar ta’ Ottubru 2016, ma tħallsux lura lilhom. Għaldaqstant, peress li l-kawża prinċipali ma hijiex mingħajr suġġett, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda. |
26 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
27 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin jipprekludi l-applikazzjoni fuq il-membri tal-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis ta’ pagi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv u programm ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni. |
28 |
Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali taġixxi biss f’isem il-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri), huwa meħtieġ, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, li titqies biss is-sitwazzjoni tal-membri ta’ din l-istanza. |
29 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li din id-dispożizzjoni tkopri “l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, irrispettivament mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplementaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. |
30 |
Skont l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri, bħal ma huma l-istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà karatterizzata, b’mod partikolari, mill-ġustizzja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li biha l-Istati Membri jaqsmu bejniethom sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif huwa ppreċiżat f’dan l-Artikolu 2 TUE (ara f’dan is-sens, Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 168). |
31 |
L-Unjoni hija Unjoni tad-dritt fejn il-partijiet għandhom id-dritt li jikkontestaw quddiem il-qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 91 u 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-istat ta’ dritt affermat fl-Artikolu 2 TFUE jafda l-kompitu li jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mhux biss fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll fuq il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/09, Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 66; sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 90, kif ukoll tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45). |
33 |
Dawn il-qrati għalhekk jissodisfaw, b’kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, funzjoni mogħtija lilhom b’mod konġunt, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/09, Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 69, kif ukoll is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 99). |
34 |
L-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, huma responsabbli sabiex jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/09, Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 68). Bħala tali, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw lill-partijiet l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 100 u 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva tad-drittijiet tal-partijiet ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huwa, fil-fatt, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u li ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 37, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 29 sa 33). |
36 |
L-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Minn dan isegwi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-qrati, bħala “qorti” skont it-tifsira tad-dritt tal-Unjoni, ikollhom ġurisdizzjoni fuq is-sistema ta’ rimedji tagħhom fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fost is-sensiela ta’ elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “qorti”, insibu l-oriġini legali tal-korp, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura tiegħu hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk il-korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, it-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) jista’ jiġi adit, bl-applikazzjoni tal-Liġi Nru 98/97 iċċitata fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, b’domandi dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni u l-użu tar-riżorsi finanzjarji ġejjin minn din tal-aħħar. Issa dawn id-domandi jistgħu jkunu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360). L-istess japplika għal domandi relatati ma’ kontroll minn qabel (visto) tar-regolarità ta’ atti, ta’ kuntratti jew ta’ strumenti oħra li jiġġeneraw nefqa jew dejn pubbliku, inter alia, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fejn din il-qorti tista’ tkun adita wkoll skont din il-liġi. |
40 |
Għaldaqstant, sa fejn it-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) jista’ jiddeċiedi, fil-kwalità ta’ “qorti”, fis-sens tal-punt 38 ta’ din is-sentenza, dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li din l-istanza tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
41 |
Sabiex din il-protezzjoni tkun żgurata, il-preżervazzjoni tal-indipendenza ta’ tali istanza hija primordjali kif jikkonferma t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali ta’ rimedju effettiv. |
42 |
Il-garanzija tal-indipendenza, li hija inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 49; tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 60, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 40), timponi ruħha mhux biss fuq livell tal-Unjoni, għall-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif jipprevedi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE, iżda wkoll fuq livell tal-Istati Membri, għall-qrati nazzjonali. |
43 |
L-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija, b’mod partikolari, essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li tinkorpora l-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, peress li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss minn istanza responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tirrispondi, b’mod partikolari, għal dan il-kriterju ta’ indipendenza. |
44 |
Il-kunċett ta’ indipendenza jippreżumi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe korp ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn xi ħadd ikun min ikun, u li hija tkun għalhekk protetta minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha u li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 51, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Issa, bħall-impossibbiltà tat-tneħħija tal-membri tal-istanza kkonċernata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 51), il-perċezzjoni tagħhom ta’ livell ta remunerazzjoni adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw tikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-imħallfin. |
46 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-miżuri ta’ tnaqqis tal-pagi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew adottati minħabba r-rekwiżiti marbuta mal-eliminazzjoni tad-defiċit baġitarju eċċessiv tal-Istat Portugiż u fil-kuntest ta’ programm ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lil dan l-Istat Membru. |
47 |
Dawn il-miżuri kienu jipprevedu tnaqqis limitat tal-ammont tar-remunerazzjoni, sa perċentwali li tvarja skont il-livell tar-remunerazzjoni. |
48 |
Huma ġew applikati, mhux biss lill-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri), iżda, b’mod iktar wiesa’, sensiela ta’ detenturi differenti ta’ karigi pubbliċi u ta’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fis-settur pubbliku, fosthom rappreżentanti ta’ awtoritajiet leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji. |
49 |
Għalhekk, l-imsemmija miżuri ma setgħux minn dan il-fatt jiġu meqjusa li ġew speċifikament adottati fir-rigward tal-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri). Huma kienu jidhru, għall-kuntrarju, bħala miżuri ġenerali intiżi sabiex għadd ta’ membri tas-servizz pubbliku nazzjonali jikkontribwixxu fl-isforz ta’ awsterità impost mir-rekwiżiti tat-tnaqqis tad-defiċit eċċessiv tal-baġit tal-Istat Portugiż. |
50 |
Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mit-titolu tal-Liġi Nru 75/2014 u mill-kliem stess tal-Artikolu 1(1) tiegħu, il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ pagi stabbiliti minn din il-liġi, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2014, kellhom natura temporanja. Skont proċess gradwali ta’ tneħħija ta’ dawn il-miżuri li kien mifrux matul is-sena 2016, il-liġi Nru 159-A/2015, temmet kompletament fl-1 ta’ Ottubru 2016, it-tnaqqis tal-ammont ta’ remunerazzjonijiet. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ pagi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu li jippreġudikaw l-indipendenza tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri). |
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata r-risposta għad-domanda magħmula li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin ma jipprekludix l-applikazzjoni fuq il-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) miżuri ġenerali ta’ tnaqqis ta’ pagi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv u programm ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni. |
Fuq l-ispejjeż
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin ma jipprekludix l-applikazzjoni fuq il-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall) miżuri ġenerali ta’ tnaqqis ta’ pagi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv u programm ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
( 1 ) Fil-punt 36 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.