EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0531

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
Elda Otero Ramos vs Servicio Galego de Saúde u Instituto Nacional de la Seguridad Social.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/85/KEE – Artikolu 4(1) – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema li treddgħa – Evalwazzjoni tar-riskji preżenti fuq il-post tax-xogħol – Kontestazzjoni mill-ħaddiema kkonċernata – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 19 – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Oneru tal-prova.
Kawża C-531/15.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:789

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/85/KEE – Artikolu 4(1) – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema li treddgħa – Evalwazzjoni tar-riskji preżenti fuq il-post tax-xogħol – Kontestazzjoni mill-ħaddiema kkonċernata – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 19 – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C-531/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (qorti superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Elda Otero Ramos

vs

Servicio Galego de Saúde,

Instituto Nacional de la Seguridad Social,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano, Viċi President, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Elda Otero Ramos, minn F. López López, abogado,

għas-Servicio Galego de Saúde, minn S. Carballo Marcote, letrada,

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social, minn A. Lozano Mostazo u P. García Perea, letradas,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u V. Ester Casas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Guillem Carrau, kif ukoll minn C. Valero, A. Szmytkowska u I. Galindo Martín, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006 L 204, p. 23), kif ukoll tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Elda Otero Ramos u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja, iktar ’il quddiem l-“INSS”) u s-Servicio Galego de Saúde (Servizz tas-Saħħa tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, Spanja) fir-rigward tar-rifjut tal-ħruġ ta’ dikjarazzjoni li tistabbilixxi li l-qadi, mill-persuna interessata, tad-dmirijiet relatati mal-post tax-xogħol tagħha kien jirrappreżenta riskju għat-treddigħ tal-wild tagħha, bil-għan li jingħata benefiċċju ekonomiku minħabba r-riskju matul it-treddigħ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/85

3

L-ewwel, it-tmienja sal-ħdax, u l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 92/85 jipprovdu:

“[b]illi l-Artikolu 118A tat-Trattat [KE] jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

[…]

[b]illi ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp ta’ riskju speċifiku taħt ħafna aspetti, u jridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom;

[b]illi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

[b]illi xi attivitajiet jistgħu jkunu ta’ riskju speċifiku għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew ħaddiema li qed ireddgħu, għax jesponuhom għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol perikolużi; billi dawn ir-riskji għandhom għalhekk jiġu stmati, u r-riżultat ta’ din l-istima kkomunikat lill-ħaddiema nisa u/jew lir-rappreżentanti tagħhom;

[b]illi, barra minn hekk, jekk ir-riżultat ta’ din l-istima jirrivela l-eżistenza ta’ xi riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa ta’ ħaddiema mara, għandu jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema;

[…]

[b]illi l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u jirrendi neċessarju n-natura obbligatorja tal-leave tal-maternità għal mill-inqas ġimagħtejn, allokati qabel u/jew wara l-ħlas;

[…]”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 92/85 jipprovdi:

“1.   L-iskop ta’ din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [tal-Kunsill] 89/391/KEE [tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol.1, p. 349)], huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.

2.   Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE, ħlief għall-Artikolu 2(2) tagħha, għandhom japplikaw kollha fl-intier tagħhom għas-settur kollu li jaqa’ taħt paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f’din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(ċ)

ħaddiema li qiegħda tredda’tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;”

6

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kummissjoni trid tfassal linji ta’ gwida dwar l-istima ta’ l-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurta’ jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens ta’l-Artikolu 2.

Il-linji ta’ gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ukoll ikopru movimenti u qagħdiet, għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta’ stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2.

2.   L-għan tal-linji ta’ gwida msemmija fil-paragrafu 1 huwa li jservu bħala bażi għall-istima mesmmija fl-Artikolu 4(1).

Għal dan l-iskop l-Istati Membri għandhom iġibu dawn il-linji ta’ gwida għall-attenzjoni ta’ kull min iħaddem u l-ħaddiema nisa kollha u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-Istati Membri rispettivi.”

7

Il-linji gwida msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/85, fil-verżjoni tagħhom rilevanti għal din il-kawża, jidhru fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Novembru 2000, dwar il-linji ta’ gwida dwar l-istima tal-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema tqal, li weldu jew li jreddgħu [COM(2000) 466 finali/2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”].

8

F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tar-riskji u l-informazzjoni tal-ħaddiema fuq din l-evalwazzjoni, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 jipprovdi:

“1.   Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta’ l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-[Direttiva 89/391], sabiex:

issir stima ta’ kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2,

jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 u ħaddiema li x’aktarx ikunu f’xi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fl-impriża u/jew stabbiliment konċernat u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati bir-riżultati ta’ l-istima msemmija fil-paragrafu 1 u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.”

9

Fir-rigward tal-konsewgwenzi tal-evalwazzjoni tar-riskji, l-Artikolu 5(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE, jekk ir-riżultati ta’ l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta’ ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta’ dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat.

2.   Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.

3.   Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.”

10

L-Artikolu 12 tad-direttiva msemmija, intitolat “Il-Ħarsien tad-Drittijiet”, jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra.”

Id-Direttiva 2006/54

11

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

a)

l-aċċess għall-impjiegi, inkluża l-promozzjoni, u t-taħriġ vokazzjonali;

b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

ċ)

l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

Hi fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa.”

12

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

b)

‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[…]

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, diskriminazzjoni tinkludi:

[…]

ċ)

kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-Direttiva [92/85];”

13

L-Artikolu 14(1) tad-direttiva msemmija jestendi l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet, fost oħrajn, għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u jipprevedi s-segwenti:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[…]

ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat [KE];

[…]”

14

F’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova u l-aċċess għall-ġustizzja f’każ ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, l-Artikolu 19(1) u (4) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

[…]

4.   Paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal:

a)

is-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 141 tat-Trattat u, safejn hija kkonċernata d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, mid-Direttivi [92/85] u [mid-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU 1996, L 145, p. 4)];

b)

kwalunkwe proċedura ċivili jew amministrattiva li tikkonċerna s-settur pubbliku jew privat li tipprovdi għal mezzi ta’ riparazzjoni taħt il-liġi nazzjonali skond il-miżuri li jissemmew f’(a) ħlief għall-proċeduri extra-ġudizzjarji ta’ natura volontarja jew li huma provduti mil-liġi nazzjonali.

[…]”

15

L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi li din għandha tkun mingħajr preġudizzju għad dispożizzjonijiet relatati mal‑protezzjoni tan-nisa, b’mod partikolari rigward tqala u maternità, u li din testendi mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 96/34 u 92/85.

Id-dritt Spanjol

16

Il-benefiċċju soċjali marbut mar-riskji matul it-treddigħ ġie inkluż fis-sistema legali Spanjola bil-Ley Orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres (Liġi organika 3/2007 għall-ugwaljanza bejn irġiel u nisa), tat-22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71 p. 12611, tat-23 ta’ Marzu 2007, iktar ’il quddiem il-“Liġi 3/2007”).

17

L-għan tal-Liġi 3/2007 huwa li tiffavorixxi l-integrazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, billi jingħataw il-possibbiltà li jgħaqqdu l-ħajja professjonali tagħhom ma’ dik privata u dik tal-ħajja tal-familja tagħhom.

18

It-12-il dispożizzjoni addizzjonali ta’ din il-liġi wasslet għall-emenda tal-Artikolu 26 tal-Ley 31/1995 de Prevención de Riesgos Laborales (Liġi 31/1995 dwar il-prevenzjoni tar-riskji professjonali), tat-8 ta’ Novembru 1995 (BOE Nru 269, tal-10 ta’ Novembru 1995, p. 32590, iktar ’il quddiem il-“Liġi 31/1995”), fis-sens li b’hekk ġiet stabbilita l-protezzjoni tal-ħaddiema u tat-trabi fis-sitwazzjonijiet ta’ riskju li jirriżultaw matul it-treddiegħ naturali meta l-kundizzjonijiet ta’ post tax-xogħol ikunu jistgħu jkollhom reperkussjonijiet negattivi fuq is-saħħa tal-ħaddiema jew tal-wild.

19

L-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 31/1995 jaqra hekk:

“1.   L-evalwazzjoni tar-riskji [għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema] li jissemmew fl-Artikolu 16 ta’ din il-liġi tinkludi d-determinazzjoni tan-natura, tal-livell u tat-tul tal-espożizzjoni tal-ħaddiema tqal jew li welldu riċentement għal aġenti, għal metodi jew kundizzjonijiet ta’ xogħol li jistgħu jinfluwenzaw negattivament is-saħħa tal-ħaddiema jew tal-fetu, f’kull attività li ġeneralment tista’ tirrappreżenta riskju speċifiku. Jekk ir-riżultati tal-istima jiżvelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-mara msemmija iktar ’il fuq, il-persuna li timpjega għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tevita l-espożizzjoni għal dak ir-riskju, billi tadatta l-kundizzjonijiet tax-xogħol jew il-ħinijiet tax-xogħol tal-persuna kkonċernata.

Dawn il-miżuri għandhom jinkludu, jekk ikun hemm bżonn, l-eżenzjoni mix-xogħol bil-lejl jew xogħol f’tim.

2.   Meta s-servizzi mediċi tal-[INSS] jew assigurazzjonijiet mediċi, skont it-tip ta’ entità li magħha l-persuna li timpjega organizzat il-kopertura tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, jiċċertifikaw, bir-rapport tat-tabib tas-Servicio National de Salud [servizz nazzjonali pubbliku tas-saħħa] li jassisti lill-ħaddiema, li l-adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew ħinijiet tax-xogħol ma jkunx possibbli jew li, minkejja tali adattament, il-kundizzjonijiet ta’ post tax-xogħol jistgħu jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema tqila jew tal-fetu, din għandha tiġi ttrasferita lejn post tax-xogħol jew lejn funzjoni differenti, li jkunu kompatibbli mal-kundizzjoni tagħha. Għal dan il-għan, il-persuna li timpjega għandha tistabbilixxi, wara li tikkonsulta mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, lista li tiġbor fiha impjiegi ħielsa minn riskji.

Il-bidla fil-post jew fil-funzjoni għandha ssir b’mod konformi mar-regoli u mal-kriterji applikabbli fil-każ ta’ mobbiltà funzjonali, u żżomm l-effetti tagħha sal-mument meta l-istat tas-saħħa tal-ħaddiema jippermetti r-ritorn tagħha lejn il-post tax-xogħol preċedenti tagħha.

[…]

3.   Jekk tali bidla fil-post ma tkunx teknikament jew oġġettivament possibbli, jew jekk ma tistax tkun raġjonevolment meħtieġa għal motivi debitament iġġustifikati, tista’ tiġi ddikjarata l-mogħdija tal-ħaddiema lejn sitwazzjoni ta’ sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha minħabba riskju matul it-tqala, skont l-Artikolu 45(1)(d) [tar-Real Decreto Legislativo 1/1995, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (Digriet Irjali leġiżlattiv 1/1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar l-istatus tal-ħaddiema), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654)], matul il-perijodu neċessarju għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tagħha, u għaż-żmien kollu li tippersisti l-impossibbiltà li terġa’ tirritorna lejn il-post tax-xogħol tagħha, jew li tiġi integrata f’post ieħor kompatibbli mal-istat tagħha.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (1) u (2) ta’ dan l-Artikolu japplikaw ukoll matul il-perijodu tat-treddigħ jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema jew tal-wild u jekk is-servizzi mediċi tal-[INSS] jew assigurazzjonijiet mediċi, skont it-tip ta’ entità li magħha l-persuna li timpjega organizzat il-kopertura tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, jiċċertifikaw, bir-rapport tat-tabib tas-Servizz nazzjonali pubbliku tas-saħħa li jassisti lill-ħaddiema jew lill-wild tagħha, li teżisti tali sitwazzjoni. Bl-istess mod, il-mogħdija tal-ħaddiema lejn is-sitwazzjoni ta’ sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba riskju matul it-treddigħ naturali tal-ulied ta’ inqas minn disa’ xhur, stabbilita fl-Artikolu 45(1)(d) tad-[Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995], tista’ tiġi ddikjarata jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

20

Id-dispożizzjoni addizzjonali Nru 18 tal-Liġi 3/2007 emendat il-leġiżlazzjoni Spanjola b’tali mod li l-perijodu ta’ treddigħ naturali jiġi espressament irrikonoxxut bħala waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mil-Ley General de la Seguridad Social – Real Decreto Legislativo 1/1994 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General de la Seguridad Social (Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1994, li japprova t-test rivedut tal-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali), tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali”).

21

L-Artikolu 135a tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jipprovdi:

“Sitwazzjoni protetta. – Għall-finijiet tal-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ naturali, jitqies bħala sitwazzjoni protetta l-perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li jseħħ fil-każ li, meta l-ħaddiema jkollha tbiddel il-post biex tintegra post kompatibbli mas-sitwazzjoni tagħha, tali bdil ikun, skont it-termini tal-Artikolu 26(4) tal-Liġi 31/1995, teknikament jew oġġettivament impossibbli, jew ma jkunx jista’ jkun raġonevolment meħtieġ għal motivi debitament iġġustifikati.”

22

L-Artikolu 135b tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jipprovdi:

“Benefiċċji fi flus: – Il-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ naturali jingħata lill-ħaddiema fit-termini u l-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi għall-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-tqala, u jispiċċa fil-mument meta l-wild ikun laħaq l-età ta’ disa’ xhur, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx reġa’ mar lura b’mod antiċipat fil-post tax-xogħol preċedenti tiegħu jew post tax-xogħol ieħor kompatibbli mas-sitwazzjoni tiegħu.”

23

F’dak li jikkonċerna l-liġi proċedurali, l-Artikolu 96(2) tal-Ley 36/2011, reguladora de la jurisdicción social (Liġi 36/2011, li tirregola l-kompetenza soċjali), tal-10 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 245 p. 106584, tal-11 ta’ Ottubru 2011), jipprevedi:

“Oneru tal-prova fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni u ta’ inċidenti fuq ix-xogħol

[…]

2.   Fil-proċeduri relattivi għal responsabbiltajiet li jirriżultaw minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkaġunat mix-xogħol, huma l-persuni responsabbli mis-sigurtà u dawk li jikkontribwixxu għat-twettiq tas-sitwazzjoni ta’ dannu li għandhom jipprovaw li l-miżuri neċessarji għall-prevenzjoni jew l-evitar tar-riskju ttieħdu u li għandhom jipprovaw kull fattur ieħor li jeskludi jew inaqqas ir-responsabbiltajiet tagħhom. Ir-responsabbiltajiet ma jistgħux jiġu evitati abbażi ta’ żball żgħir tal-ħaddiem jew ta’ żball imputabbli għall-eżerċizzju abitwali tax-xogħol ikkonċernat jew għall-kunfidenza li dan jagħti.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Elda Otero Ramos hija impjegata bħala infermiera fid-dipartiment tal-emerġenza tas-Centro Hospitalario Universitario de A Coruña (Ċentru tal-Isptar tal-Università ta’ Coruña, Spanja, iktar ’il quddiem is-“CHU”), li huwa sptar pubbliku li jiddependi mis-servizz tas-saħħa tal-Komunità awtonoma ta’ Galicia.

25

Fit-22 ta’ Diċembru 2011, Elda Otero Ramos welldet tarbija li, sussegwentement, ibbenefikat minn treddigħ matern.

26

Fid-19 ta’ Marzu 2012, Elda Otero Ramos informat lill-persuna li timpjegaha li kienet treddgħa lit-tarbija tagħha b’mod naturali u li l-funzjonijiet meħtieġa mill-post tax-xogħol tagħha kienu tali li jkollhom riperkussjonijiet negattivi fuq dan it-treddigħ u li jesponuha għal riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tagħha, minħabba, b’mod partikolari, il-kumplessità tar-ritmu tax-xogħol abbażi ta’ xogħol bix-xift, tar-radjazzjonijiet jonizzanti, tal-infezzjonijiet tal-isptar u tal-istress. Għaldaqstant, din ressqet talba għal bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u għall-implementazzjoni ta’ miżuri preventivi.

27

Fl-10 ta’ April 2012, id-direttorat tas-CHU ħareġ rapport li jindika li l-post tax-xogħol ta’ Elda Otero Ramos ma kien jippreżenta ebda riskju għat-treddigħ tal-wild tagħha u li kien jiċħad it-talba mressqa minn din tal-aħħar.

28

Fit-8 ta’ Mejju 2012, Elda Otero Ramos talbet mingħand id-Dirección Provincial del Instituto Nacional de la Seguridad Social de A Coruña (Direttorat provinċjali tal-INSS ta’ A Coruña, Spanja) ċertifikat mediku li jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ riskju għat-treddigħ tal-wild tagħha, għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ.

29

Id-Direttorat provinċjali tal-INSS ta’ A Coruña ħa inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din it-talba, minn naħa, dikjarazzjoni tad-direttur tar-riżorsi umani tas-CHU li tiċċertifika li l-post tax-xogħol ta’ Elda Otero Ramos, jiġifieri dak ta’ infermiera fis-servizz tal-emerġenza, kien inkluż fil-lista li li tiġbor fiha l-postijiet tax-xogħol eżenti mir-riskju mfassla mis-CHU wara konsultazzjoni minn qabel mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, dan ħa inkunsiderazzjoni r-rapport ta’ tabib tas-servizz ta’ mediċina preventiva u ta’ prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, li kien jikkonferma li Elda Otero Ramos kienet ġiet eżaminata u li kien jiddikjara li din kienet kapaċi teżerċita l-inkarigi relatati mal-post tax-xogħol tagħha.

30

Abbażi ta’ dawn id-dokumenti, l-INSS, b’deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2012, qies li ma kienx ġie pprovat li l-post tax-xogħol ta’ Elda Otero Ramos kien jippreżenta riskju għar-treddigħ tal-wild tagħha u, konsegwentement, ċaħad it-talba tagħha.

31

Fil-11 ta’ Lulju 2012, Elda Otero Ramos ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Social no 2 de A Coruňa (Tribunal Industrijali Nru 2 ta’ A Coruňa, Spanja) fejn osservat li l-post tax-xogħol tagħha kien jesponiha għal riskju għat-treddigħ tal-wild tagħha. Insostenn tal-kontestazzjoni tagħha, din ippreżentat ittra ffirmata mis-superjur ġerarkiku dirett tagħha, jiġifieri l-kap tas-servizz tal-unità tal-emerġenza tas-CHU li tindika, essenzjalment, li x-xogħol ta’ infermiera f’din l-unità kien jippreżenta riskji fiżiċi, kimiċi, bijoloġiċi u psiko-soċjali għall-ħaddiema li treddgħa kif ukoll għall-wild tagħha.

32

B’deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2013, l-imsemmi tribunal ċaħad ir-rikors ippreżentat minn Elda Otero Ramos minħabba li ma kienx ġie pprovvat li l-post tax-xogħol ta’ din tal-aħħar kien jippreżenta r-riskju allegat. Barra minn hekk, din il-qorti qieset li t-tilwima li tressqet quddiemha kienet simili għal kawżi oħra li fihom kemm it-Tribunal Supremo (Qorti Suprema, Spanja) kif ukoll il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (qorti tal-ġustizzja superjuri ta’ Galicia, Spanja) kienu adottaw approċċ rigoruż fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-prova tal-eżistenza ta’ riskju rilevanti bil-għan li jingħata l-benefiċċju, u li, f’dan il-każ, ebda element ġdid ma kien jiġġustifika li din tinjora dan l-approċċ.

33

Elda Otero Ramos appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

34

Din il-qorti essenzjalment tistaqsi jekk huwiex possibbli li r-regoli dwar l-oneru tal-prova stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 huma applikabbli sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ riskju waqt it-treddigħ naturali, skont l-Artikolu 26(3) tal-Liġi 31/1995 li ttraspona l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/85 fid-dritt intern.

35

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-regoli msemmija japplikaw għal tali kwistjoni, peress li d-dispensa mix-xogħol imsemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/85 tista’ tiġi kkwalifikata bħala “impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2006/54. Il-fatt li, skont l-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, id-diskriminazzjoni tinkludi kull trattament inqas favorevoli ta’ mara, marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità, skont id-Direttiva 92/85, jopera wkoll favur tali interpretazzjoni.

36

Anki jekk jitqies li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 japplika f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’liema mod għandhom jiġu applikati u, b’mod partikolari, kif għandu jitqassam l-oneru tal-prova bejn il-partijiet. B’mod konkret, din il-qorti tistaqsi jekk, minn naħa, rapport, miktub mis-superjur ġerarkiku dirett tal-ħaddiema kkonċernata li jsemmi r-riskji għat-treddiegħ, jikkostitwixxix ħjiel li jippermetti l-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, jekk lista li tiġbor fiha l-postijiet tax-xogħol eżenti minn riskju, imfassla mill-persuna li timpjega, flimkien ma’ rapport maħruġ mis-servizz ta’ prevenzjoni u li jiddikjara mingħajr spjegazzjonijiet ulterjuri li l-ħaddiema tista’ taħdem, jistgħux juru li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

37

Fil-każ li jeżisti ħjiel ta’ natura li jipprova r-riskju allegat, tqum ukoll il-kwistjoni dwar min, jekk hijiex il-ħaddiema li treddgħa jew il-persuna li timpjega, għandu jipprova li l-arranġament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-ħin tax-xogħol tal-ewwel ma huwiex possibbli jew li, minkejja tali arranġament, il-kundizzjonijiet tal-post tax-xogħol tal-ħaddiema li treddgħa jistgħu jinfluwenzaw negattivament is-saħħa tagħha jew dik tal-wild tagħha, fis-sens tal-Artikolu 26(2) tal-Liġi 31/1995, li tittrasponi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, u li l-bidla fil-post tax-xogħol ma hijiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew inkella ma jistax ikun raġjonevolment meħtieġ mill-persuna li timpjega għal motivi debitament iġġustifikati, fis-sens tal-Artikolu 26(3) ta’ din il-liġi, li tittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-direttiva msemmija.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (qorti tal-ġustizzja superjuri ta’ Galicia) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ir-regoli dwar l-oneru tal-prova stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva [2006/54] […] huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ riskju waqt it-treddigħ previst fl-Artikolu 26(4) moqri flimkien mal-paragrafu 3 tal-Liġi 31/1995, […] peress li din ir-regola interna Spanjola ġiet introdotta sabiex timplementa l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva [92/85]?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun affermattiva, jista’ jitqies li l-fatt li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ infermier f’dipartiment tal-emerġenza fi sptar jinvolvi riskji għat-treddigħ, ikkonfermati fir-rapport motivat ta’ tabib, li huwa, barra minn hekk, il-kap tad-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar fejn il-ħaddiema tipprovdi s-servizzi tagħha, jista’ jippreżumi li teżisti diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, jista’ jitqies li l-fatt li l-pożizzjoni okkupata mill-impjegata hija indikata bħala ħielsa minn riskji fil-lista rikapitulattiva tal-pożizzjonijiet tax-xogħol magħmula mill-impriża wara konsultazzjoni minn qabel ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema u li l-fatt li d-dipartiment ta’ mediċina preventiva u ta’ prevenzjoni ta’ riskji fuq il-post tax-xogħol fl-isptar ikkonċernat ħareġ dikjarazzjoni li hija kapaċi għax-xogħol, fejn l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma fih iktar spjegazzjoni dwar il-mod kif huma laħqu dawn il-konklużjonijiet, huma biżżejjed sabiex jintwera, fil-każijiet kollha u mingħajr il-possibilita ta’ kontestazzjoni, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 19 imsemmi iktar 'il fuq?

4)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv u dik għat-tielet domanda tkun negattiva: ladarba jintwera li x-xogħol jinvolvi riskji għall-omm jew għat-tarbija li hija tredda’, liema waħda mill-partijiet, il-ħaddiema rikorrenti jew il-persuna li timpjega, għandha, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54, l-oneru li tipproduċi l-prova (1) li l-adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-ħinijiet tax-xogħol ma huwiex possibbli jew li, minkejja tali adattament, il-kundizzjonijiet ta’ pożizzjoni tax-xogħol jistgħu jinfluwenzaw b’mod negattiv is-saħħa tal-ħaddiema tqila jew tat-tarbija li tredda’ (Artikolu 26(2) tal-Liġi 31/1995 […] moqri flimkien mal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, li jittrasponi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85), u (2) li l-bidla tal-pożizzjoni ma hijiex teknikament jew oġġettivament possibbli, jew ma tistax tiġi rikjesta b’mod raġonevoli għal motivi debitament iġġustifikati (Artikolu 26(3), moqri flimkien mal-paragrafu 4 tal-istess artikolu tal-Liġi 31/1995 […], li jittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/85)?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tressqet quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C-5/12, EU:C:2013:571, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN, C-512/11 u C‑513/11, EU:C:2014:73, punt 32).

40

Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 u tal-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 92/85, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi, mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C-5/12, EU:C:2013:571, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN, C-512/11 u C-513/11, EU:C:2014:73, punt 33).

41

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Elda Otero Ramos tikkontesta, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fuq il-post tax-xogħol tagħha, li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-INSS, peress li din ma saritx konformement mal Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85.

42

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandhom jiġu fformulati mill-ġdid id-domandi magħmula fis-sens li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiema tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew kull istanza oħra kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji li jeżistu fuq il-post tax-xogħol tagħha sa fejn din ma tkunx saret konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85.

43

F’każ affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tieni sar-raba’ domandi tagħha, liema huma l-metodi li bih japplika l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ewwel domanda

44

Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, kif irriformulata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, fl-ewwel lok għandhom jitfakkru r-rekwiżiti li għandha tissodisfa l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema li treddgħa konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85.

45

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 jimponi fuq il-persuna li timpjega, direttament jew bl-intermedjazzjoni tas-servizzi ta’ protezzjoni u ta’ intervenzjoni, li tevalwa n-natura, il-grad u t-tul tal-espożizzjoni tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għall-aġenti, għall-proċessi jew għall-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom hemm lista eżawrjenti fl-Anness I tad-direttiva msemmija, għal kull attività li tista’ tippreżenta riskju speċifiku f’dan ir-rigward. Din l-evalwazzjoni ssir sabiex jiġi stmat kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà kif ukoll kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ u sabiex jiġi deċiż liema miżuri għandhom jittieħdu.

46

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-linji gwida, li għandhom bħala skop, konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, li jservu bħala gwida għall-evalwazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 4(1).

47

Issa, mill-paġni 6 u 7 tal-linji gwida jirriżulta li l-evalwazzjoni tar-riskji hija “eżami sistematiku tal-komponenti kollha tal-attività professjonali” li mill-inqas tikkonsisti minn tliet fażijiet.

48

L-ewwel fażi tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-perikli (aġenti fiżiċi u bijoloġiċi, proċessi industrijali, movimenti u qagħdiet, għejja mentali u fiżika, rekwiżiti fiżiċi u mentali oħra). It-tieni fażi tipprevedi l-identifikazzjoni ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (ħaddiema tqal, li welldu jew li jreddgħu) li jinsabu esposti għal wieħed jew iktar minn dawn il-perikli. It-tielet fażi, jiġifieri l-evalwazzjoni tar-riskji, f’termini kemm ta’ kwalità kif ukoll ta’ kwantità, tikkostitwixxi “l-iktar fażi delikata tal-proċedura, għaliex il-persuna li twettaq l-evalwazzjoni għandha tkun kompetenti u tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-informazzjoni utli […] filwaqt li tapplika metodi xierqa, li jippermettulha tiddetermina jekk il-perikolu identifikat iwassalx għal periklu għall-ħaddiema jew le”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

49

Fil-paġni 11 u 12, il-linji gwida jippreċiżaw li “jistgħu jeżistu riskji differenti skont jekk il-ħaddiema jkunux tqal, ikunux welldu riċentement jew ikunux ireddgħu”. Fir-rigward, b’mod partikolari, tan-nisa’ jreddgħu, il-persuni li jimpjegaw għandhom, matul il-perijodu kollu tat-treddigħ, iwettqu evalwazzjoni regolari tar-riskji biex jevitaw jew inaqqsu kemm jista’ jkun possibbli l-espożizzjoni ta’ dawn il-ħaddiema għal riskji għas-saħħa jew għas-sigurtà, b’mod partikolari, l-espożizzjoni għal ċerti sustanzi, bħaċ-ċomb, is-solventi organiċi, il-pestiċidji u l-antimitotiċi. Fil-fatt, xi wħud minn dawn jinsabu fil-ħalib tal-omm u huwa preżunt li l-wild huwa partikolarment sensittiv għalihom. Dawn il-linji gwida jindikaw ukoll li l-opinjoni professjonali ta’ speċjalisti tal-mediċina fuq il-post tax-xogħol tista’ tkun neċessarja f’dawn il-każijiet partikolari.

50

Barra minn hekk, il-linji gwida msemmija fihom, fil-paġni 13 sa 35, żewġ tabelli ddettaljati. L-ewwel waħda tirrigwarda l-evalwazzjoni tar-riskji, tas-sitwazzjonijiet u tal-perikoli ta’ natura ġenerali li huma esposti għalihom il-parti l-kbira tan-nisa tqal, li welldu jew li jreddgħu. It-tieni waħda, intitolata “Perikli speċifiċi”, turi, bħala introduzzjoni, li, minħabba l-istat dinamiku tat-tqala, li jimplika transformazzjonijiet u bidliet permanenti, l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu jqajmu problemi ta’ saħħa u ta’ sigurtà differenti għal nisa differenti fi stadji differenti tat-tqala, l-istess bħal meta l-persuna kkonċernata terġa’ tibda x-xogħol wara t-twelid jew matul it-treddigħ. Xi wħud minn dawn il-problemi huma prevedibbli u japplikaw b’mod ġenerali, filwaqt li oħrajn jiddependu minn fatturi individwali u minn preċedenti mediċi.

51

B’hekk, mil-linji gwida jirriżulta li, biex tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema li treddgħa għandha tinkludi eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-ħaddiema kkonċernata sabiex jiġi ddeterminat jekk is-saħħa jew is-sigurtà tagħha jew dawk tal-wild tagħha humiex esposti għal riskju.

52

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom u jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

53

B’mod partikolari, l-Artikolu 19(4)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża li r-regoli li jdawru l-oneru tal-prova previsti fil-paragrafu 1 tal-istess Artikolu japplikaw għas-sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva 92/85, sa fejn ikun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

54

B’hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54.

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2006/54, id-diskriminazzjoni tinkludi, b’mod partikolari, “kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-Direttiva [92/85]”.

56

Kif jipprovdi espressament l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/85, din id-direttiva għandha l-għan li timplementa miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema tqal, li welldu reċentement jew li jreddgħu fuq il-post tax-xogħol.

57

Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan segwit mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil‑qasam tad-drittijiet tan-nisa tqal jew li jkunu welldu reċentement jew li jreddgħu huwa li jipproteġihom qabel u wara li jwelldu (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C-232/09, EU:C:2010:674, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Barra minn hekk, mill-erbatax-il premessa u mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 jirriżulta li “[…] l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u jirrendi neċessarju n-natura obbligatorja tal-leave tal-maternità għal mill-inqas ġimagħtejn, allokati qabel u/jew wara l-ħlas”. B’hekk, il-leave tal-maternità huwa intiż biex jipproteġi lill-ħaddiema tqila, lill-ħaddiema li welldet reċentement u lill-ħaddiema li treddgħa.

59

Isegwi li peress li l-kundizzjoni ta’ mara li treddgħa hija marbuta strettament mal-maternità, u b’mod partikolari “ma’ tqala jew leave tal-maternità”, il-ħaddiema li jreddgħu għandhom ikunu protetti bl-istess mod bħall-ħaddiema tqal jew li welldu reċentement.

60

Konsegwentement, kull trattament inqas favorevoli ta’ ħaddiema minħabba l-kundizzjoni tagħha bħala mara li treddgħa għandu jitqies li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2006/54 u jikkostitwixxi, b’hekk, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess.

61

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tat-tqala u tal-maternità, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li, billi jħalli lill-Istati Membri d-dritt li jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet intiżi biex jiżguraw din il-protezzjoni, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/54 jirrikonoxxi l-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-sessi, minn naħa, tal-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara waqt it-tqala, u wara l-ħlas, u min-naħa l-oħra, tal-protezzjoni tar-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul il-perijodu wara l-ħlas (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Roca Álvarez, C-104/09, EU:C:2010:561, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta r-riskji li jinsabu fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema li treddgħa ma jkunux ġew evalwati konformement mar-rekwiziti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, il-ħaddiema kkonċernata u l-wild tagħha jkunu mċaħħda mill-protezzjoni li dawn għandhom igawdu abbażi ta’ din id-direttiva, peress li jistgħu jkunu esposti għar-riskji potenzjali li l-eżistenza tagħhom ma tkunx ġiet stabbilita korrettament waqt l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-post tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata. F’dan ir-rigward, ħaddiema li treddgħa ma tistax tiġi ttrattata bl-istess mod bħal kull ħaddiem ieħor, peress li s-sitwazzjoni speċifika tagħha teħtieġ imperattivament trattament partikolari min-naħa tal-persuna li timpjega.

63

Konsegwentement, il-fatt li ma jiġix evalwat ir-riskju li jinsab fil-post tax-xogħol ta’ ħaddiema li treddgħa, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, għandu jitqies bħala trattament inqas favorabbli ta’ mara marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità, fis-sens ta’ din id-direttiva, u jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2006/54.

64

Issa, konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54, din id-diskriminazzjoni tidħol taħt il-projbizzjoni stabbilita minn din id-direttiva, sa fejn din tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħolet tal-ħaddiema kkonċernata, fis-sens tal-paragrafu 1(c) ta’ dan l-Artikolu. Fil-fatt, mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85 jirriżulta li l-konstatazzjoni, fl-aħħar tal-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tagħha, ta’ riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà ta’ din il-ħaddiema jew ta’ riperkussjoni fuq it-treddigħ ikollha bħala konsegwenza bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew fil-ħinijiet tax-xogħol tagħha, bidla fil-post jew inkella dispensa mix-xogħol matul il-perijodu kollu neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa jew tas-sigurtà tagħha.

65

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiema li treddgħa tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji li jeżistu fuq il-post tax-xogħol tagħha sa fejn din ma tkunx saret konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85.

Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

66

Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, kif irriformulati fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema huma l-metodi li bih japplika l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-regoli dwar il-prova previsti f’din id-dispożizzjoni ma japplikawx fil-mument meta l-ħaddiema kkonċernata titlob bidla fil-kundizzjonijiet tagħha jew, bħal fil-kawża prinċipali, benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ naturali, li jeżiġi li evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-post tax-xogħol tagħha ssir konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85. Huwa biss f’fażi ulterjuri, fejn deċiżjoni relattiva għal din l-evalwazzjoni tar-riskji tkun ikkontestata mill-ħaddiema kkonċernata quddiem qorti jew quddiem kull awtorità kompetenti oħra, li dawn ir-regoli jkunu japplikaw.

68

B’hekk, konformement mal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, hija l-ħaddiema li tqis li ġarrbet dannu minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward tagħha, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandha tistabbilixxi, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti jew provi li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C-104/10, EU:C:2011:506, punt 29).

69

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ifisser li l-ħaddiema kkonċernata għandha tippreżenta, quddiem il-qorti tar-rinviju jew kull awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru inkwistjoni, fatti jew provi li jistgħu juru li l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-post tax-xogħol tagħha ma saritx konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, u li b’hekk saret diskriminazzjoni fil-konfront tagħha.

70

Huwa biss fil-każ fejn il-ħaddiema kkonċernata tkun ippreżentat tali fatti jew provi li jinqaleb l-oneru tal-prova u li jkun il-konvenut li jkollu l-oneru li jipprova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C-104/10, EU:C:2011:506, punt 30).

71

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-ittra ppreżentata minn Elda Otero Ramos, iffirmata mis-superjur ġerarkiku dirett tagħha, jiġifieri l-kap tas-servizz tal-unità tal-emerġenza tas-CHU, tidher li tindika, b’mod motivat, li l-post tax-xogħol ta’ din tal-aħħar jippreżenta riskji fiżiċi, kimiċi, bijoloġiċi u psiko-soċjali għat-treddigħ, u għalhekk tidher li tikkontradixxi r-riżultati tal-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-post tax-xogħol tagħha li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-INSS u li l-ħaddiema msemmija tikkontesta.

72

Issa, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dokumenti li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni ma fihomx spjegazzjoni mmotivata dwar il-mod li bih intlaħqu l-konklużjonijiet tagħha.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, a priori, l-ittra ppreżentata minn Elda Otero Ramos tikkostitwixxi prova li tista’ turi li l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-post tax-xogħol tagħha ma kinitx tinkludi eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha u li, hekk kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, din l-evalwazzjoni ma kinitx, għalhekk, konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju – li hija biss għandha l-kompetenza li tevalwa l-fatti u l-provi rilevanti konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali – li għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ.

74

B’hekk, huwa l-konvenut li għandu l-oneru li jipprova li l-evalwazzjoni tar-riskji prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 saret f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li għandu jiġi enfasizzat li dokumenti bħal dikjarazzjoni mill-persuna li timpjega li tgħid li post huwa kklassifikat bħala “eżenti minn riskju”, flimkien ma’ dikjarazzjoni li tgħid li l-ħaddiema kkonċernata hija “adattata” għax-xogħol, mingħajr spjegazzjonijiet ta’ natura li jsostnu dawn il-konklużjonijiet, ma jistgħux, waħedhom, iwasslu għal preżunzjoni irribattibbli li dan huwa l-każ. Fin-nuqqas, kemm id-dispożizzjoni msemmija kif ukoll ir-regoli previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 ikunu mċaħħda minn kull effett utli.

75

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-istess regoli tal-prova japplikaw fil-kuntest tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85. B’mod partikolari, sa fejn ħaddiema li treddgħa titlob dispensa mix-xogħol għall-perijodu kollu neċessarju għall-protezzjoni tas-sigurtà jew tas-saħħa tagħha u tippreżenta provi ta’ natura li jindikaw li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, jiġifieri tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata jew bdil fil-post tax-xogħol, ma kinux possibbli, tkun il-persuna li timpjega li jkollha tistabbilixxi li dawn il-miżuri kienu teknikament jew oġġettivament possibbli u setgħu jiġu raġjonevolment meħtieġa.

76

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-ħaddiema kkonċernata li għandha tistabbilixxi fatti ta’ natura li jissuġġerixxu li l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-post tax-xogħol tagħha ma saritx konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 u li b’hekk jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk, huwa l-konvenut li għandu jipprova li l-evalwazzjoni tar-riskji msemmija saret konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni u li b’hekk ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiema li treddgħa tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji li jeżistu fuq il-post tax-xogħol tagħha sa fejn din ma tkunx saret konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu.

 

2)

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-ħaddiema kkonċernata li għandha tistabbilixxi fatti ta’ natura li jissuġġerixxu li l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-post tax-xogħol tagħha ma saritx konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 u li b’hekk jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk, huwa l-konvenut li għandu jipprova li l-evalwazzjoni tar-riskji msemmija saret konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni u li b’hekk ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top