EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0193

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Lulju 2017.
E vs Subdelegación del Gobierno en Álava.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Tneħħija mit-territorju minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Aġir li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà – Theddida reali u attwali – Kunċett – Ċittadin tal-Unjoni residenti fl-Istat Membru ospitanti fejn jiskonta piena ta’ priġunerija mogħtija bħala repressjoni ta’ reati repetuti ta’ abbużi sesswali fuq minuri.
Kawża C-193/16.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:542

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

13 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Tneħħija mit-territorju minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Aġir li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà – Theddida reali u attwali – Kunċett – Ċittadin tal-Unjoni residenti fl-Istat Membru ospitanti fejn jiskonta piena ta’ priġunerija mogħtija bħala repressjoni ta’ reati repetuti ta’ abbużi sesswali fuq minuri”

Fil-Kawża C‑193/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2016, fil-proċedura

E

vs

Subelegación de Gobierno en Álava

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn K. Stranz u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn B. Lask, barrister.

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u I. Martínez del Peral, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E u s-Subdelegación del Gobierno en Álava (subdelegazzjoni tal-Gvern ta’ Álava, Spanja), dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tordna t-tneħħija ta’ E mit-territorju tar-Renju ta’ Spanja, bil-projbizzjoni ta’ ritorn matul għaxar snin, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Direttiva 2004/38

3

L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 jistipula:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

4

L‑Artikolu 28(3) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)

għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

b)

huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

5

L‑Artikolu 33 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istat Membru ospitanti m’għandux joħroġ ordnijiet ta’ tkeċċija bħala penali jew konsegwenza legali ta’ piena ta’ ħabs, sakemm dawn m’humiex skond il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 27 […]

2.   Jekk ordni ta’ tkeċċija, kif prevista fil-paragrafu 1, tiġi mposta aktar minn sentejn wara li nħarġet, l-Istat Membru għandu jikkontrolla jekk l-individwu kkonċernat hux ta’ theddida, ġenwinament u attwalment, għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika u għandu jevalwa jekk kienx hemm xi tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi minn meta nħarġet l-ordni ta’ tkeċċija.”

Id-dritt Spanjol

6

L‑Artikolu 10 tar-real decreto 240/2007, sobre entrada, libre circulación y residencia en España de ciudadanos de los Estados miembros de la Unión europea y de otros Estados parte en el Acuerdo sobre el Espacio Económico Europeo (Digriet Irjali Nru 240/2007, dwar id-dħul, il-libertà ta’ moviment u r-residenza fi Spanja ta’ ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ta’ Stati oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea), tas-16 ta’ Frar 2007 (BOE no 51, tat-28 ta’ Frar 2007, p. 8558, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 240/2007”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom li ma humiex ċittadini ta’ wieħed minn dawn l-Istati li rrisjedew legalment fi Spanja matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza permanenti. Dan id-dritt ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ dan id-digriet irjali.

[…]”

7

L-Artikolu 15 tad-Digriet Irjali Nru 240/2007 jippreċiża:

“1.   Meta raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika hekk jimponu, waħda mill-miżuri li ġejjin tista’ tiġi adottata fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-membri tal-familji tagħhom:

[…]

c)

tiġi ordnata t-tneħħija jew ir-refoulement mit-territorju Spanjol.

Deċiżjoni ta’ tneħħija ma tistax tittieħed kontra ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew kontra membri tal-familji tagħhom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti fi Spanja ħlief minħabba raġunijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika. Bl-istess mod, qabel ma tittieħed tali deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza u tal-integrazzjoni soċjali u kulturali tal-persuna kkonċernata fi Spanja, tal-età tagħha, tal-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha, tas-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha u tal-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

[…]

4.   Meta deċiżjoni ta’ tneħħija tiġi eżegwita iktar minn sentejn wara li tkun ittieħdet, l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw u jevalwaw eventwali tibdiliet ta’ ċirkustanzi li setgħu seħħew mill-mument meta d-deċiżjoni ta’ tneħħija kienet ġiet adottata kif ukoll ir-realtà tat-theddida li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

5.   L-adozzjoni ta’ waħda mill-miżuri previsti fil-paragrafi 1 sa 4 ssir skont il-kriterji li ġejjin:

a)

hija għandha tiġi adottata konformement mal-leġiżlazzjoni relatata mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà pubblika u mar-regolamenti applikabbli fil-qasam;

b)

hija tista’ tiġi rrevokata ex officio jew fuq it-talba ta’ parti fil-każ li raġunijiet li kienu wasslu għall-adozzjoni tagħha ma jibqgħux jeżistu;

c)

hija ma tistax tiġi adottata għal finijiet ekonomiċi;

d)

meta tali miżuri huma adottati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, huma għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali ta’ min kien is-suġġett tagħha, li, fi kwalunkwe każ, għandu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà, theddida li għandha tiġi evalwata mill-korp kompetenti sabiex jagħti deċiżjoni fir-rigward tar-rapporti tal-pulizija, dawk ta’ prosekuzzjoni u dawk ġudizzjarji li jkunu jinsabu fil-fajl. L-eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma tistax waħedha timmotiva tali miżuri.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

E huwa ċittadin Taljan. Fl-14 ta’ April 2003, huwa ġie rreġistrat bħala ċittadin tal-Unjoni residenti fi Spanja.

9

Fit-13 ta’ Novembru 2013, is-subdelegazzjoni tal-Gvern f’Álava adottat, abbażi tal-Artikolu 15(1)(c) tad-Digriet Irjali Nru 240/2007, deċiżjoni li kienet tordna, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, it-tneħħija ta’ E mit-territorju tar-Renju ta’ Spanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tneħħija”), bi projbizzjoni ta’ ritorn matul għaxar snin, minħabba li E kien ġie kkundannat permezz ta’ tliet sentenzi definittivi ta’ tnax-il sena priġunerija minħabba reati repetuti ta’ abbuż sesswali fuq minuri, piena li huwa skonta f’ħabs.

10

E ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 3 de Vitoria-Gasteiz (qorti amministrattiva fil-livell provinċjali no3 ta’ Vitoria-Gasteiz, Spanja). Fit-12 ta’ Settembru 2014, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi qieset li d-deċiżjoni ta’ tneħħija kienet debitament immotivata, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rapport psikoloġiku mħejji mill-ħabs kif ukoll minħabba s-sitwazzjoni ta’ familja u ekonomika tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti.

11

E appella din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, huwa sostna li kien jinsab fil-ħabs għal sitt snin minħabba eżekuzzjoni tal-pieni li kienu ġew imposti fuqu minħabba reati fir-rigward ta’ abbużi sesswali fuq minuri. Fil-fehma tiegħu, dawn iċ-ċirkustanzi jipprekludu li jiġi kkunsidrat li huwa kien jikkostitwixxi, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, theddida reali u attwali li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

12

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-aġir ta’ E huwa biżżejjed gravi sabiex jiġi kklassifikat bħala “theddida għas-sigurtà pubblika”. Madankollu, hija tiddubita li E jikkostitwxxi theddida reali u attwali sa fejn huwa jinsab f’ħabs u fejn baqagħlu perijodu twil ta’ kundanna x’jiskonta.

13

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija mal-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-País Vasco, Spanja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38/KE, ir-rikorrent, li ġie kkundannat għal tnax-il sena ħabs għal reati ripetuti ta’ abbuż ta’ minorenni, huwa ta’ theddida reali u attwali għas-sigurtà pubblika, fid-dawl tal-fatt li huwa qiegħed jinżamm il-ħabs u li, filwaqt li skonta sitt snin, baqagħlu diversi snin x’jiskonta qabel ma jikseb il-libertà tiegħu?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna tinsab f’ħabs fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tħeħħija mingħajr prospettiva ta’ ħelsien fil-futur qrib teskludi li l-aġir tagħha jirrappreżenta, skont il-każ, minħabba interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, theddida ta’ natura reali u attwali.

16

L‑ewwel nett, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ residenza fl-Unjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom ma huwiex inkundizzjonat, iżda jista’ jiġi suġġett għal limitazzjonijiet u għal kundizzjonijiet previsti mit-Trattat kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 21, u tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 55).

17

F’dan ir-rigward, il-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ residenza jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri li jirrestrinġu d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familji tagħhom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, minħabba raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 22, u tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 57).

18

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga għad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familji tagħhom, li għandha tinftiehem b’mod restrittiv u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punt 18; tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 33; tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 65, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 58).

19

Hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, sabiex ikunu ġġustifikati, il-miżuri ta’ restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, b’mod partikolari dawk ta’ ordni pubbliku, għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jkunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 59).

20

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 83(1) TFUE, l-isfruttament sesswali tat-tfal jagħmel parti mill-oqsma ta’ kriminalità partikolarment gravi li għandhom dimensjoni transkonfinali li fir-rigward tagħhom huwa previst l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Għalhekk, huwa possibbli għall-Istati Membri li jqisu li reati kriminali bħal dawk li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) TFUE jikkostitwixxu ksur partikolarment gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, li r-riskju ta’ repetizzjoni tiegħu jista’ jirrappreżenta theddida diretta għat-trankwillità u għas-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni u, għaldaqstant, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” li jistgħu jiġġustifikaw miżura ta’ tneħħija skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, bil-kundizzjoni li l-mod li bih dan il-ksur ikun twettaq jippreżenta karatteristiċi partikolarment gravi, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika abbażi ta’ eżami individwali tal-każ ineżami li jkun tressaq quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 33).

21

Madankollu, l-eventwali konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju, skont il-valuri proprji għall-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li hija taqa’ taħtu, li reati bħal dawk imwettqa minn E jirrappreżentaw tali theddida, ma għandhiex neċessarjament twassal għat-tneħħija tal-persuna kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 29).

22

Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat.

23

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jissuġġetta kull miżura ta’ tneħħija għall-kundizzjoni li tali aġir jirrappreżenta theddida reali u attwali li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru ospitanti, konstatazzjoni li timplika, b’mod ġenerali, fir-rigward tal-individwu kkonċernat, l-eżistenza ta’ tendenza li dan l-aġir jinżamm fil-futur (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 30).

24

Issa, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun qed tiskonta ħabs fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, mingħajr prospettiva ta’ ħelsien jekk mhux wara diversi snin, ma tistax titqies li hija relatata mal-aġir personali tal-persuna kkonċernata.

25

Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi l-possibbiltà, għall-Istat Membru ospitanti, li jadotta, fl-osservanza, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, miżura ta’ tneħħija bħala konsegwenza legali għall-piena ta’ ħabs. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk espressament ippreveda l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ persuna kkundannata għall-priġunerija, jekk jiġi stabbilit li l-aġir tagħha jirrappreżenta theddida reali u attwali li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

26

Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ltaqgħet ma’ domandi preliminari relatati mal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38, magħmula f’kawżi li jirrigwardaw persuna kkundannata għal piena ta’ priġunerija u li kienu jeħtieġu l-eżami ta’ kundizzjonijiet li taħthom l-aġir ta’ tali persuna seta’ jitqies bħala li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija fir-rigward tagħha (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300).

27

Fir-rigward tal-kunsiderazzjoniijet preċedenti kollha, id-domanda għandha tiġi risposta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna tkun qed tiskonta ħabs fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, mingħajr prospettiva ta’ ħelsien fil-futur qrib, ma teskludix li l-aġir tagħha jirrappreżenta, skont il-każ, għal interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, theddida ta’ natura reali u attwali.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna tkun qed tiskonta ħabs fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, mingħajr prospettiva ta’ ħelsien fil-futur qrib, ma teskludix li l-aġir tagħha jirrappreżenta, skont il-każ, għal interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, theddida ta’ natura reali u attwali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top