This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0573
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 9 March 2017.#État belge v Oxycure Belgium SA.#Request for a preliminary ruling from the Cour d'appel de Liège.#Reference for a preliminary ruling — Value added tax — Directive 2006/112/EC — Article 98(2) — Annex III, points 3 and 4 — Principle of fiscal neutrality — Medical treatment using oxygen — Reduced VAT rate — Oxygen cylinders — Standard rate of VAT — Oxygen concentrators.#Case C-573/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Marzu 2017.
État belge vs Oxycure Belgium SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d'appel de Liège.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98(2) – Punti (3) u (4) tal-Anness III – Prinċipju ta’ newtralità fiskali – Trattament mediku bl-ossiġnu – Rata mnaqqsa ta’ VAT – Tankijiet tal-ossiġnu – Rata normali ta’ VAT – Konċentraturi ta’ ossiġnu.
Kawża C-573/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Marzu 2017.
État belge vs Oxycure Belgium SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d'appel de Liège.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98(2) – Punti (3) u (4) tal-Anness III – Prinċipju ta’ newtralità fiskali – Trattament mediku bl-ossiġnu – Rata mnaqqsa ta’ VAT – Tankijiet tal-ossiġnu – Rata normali ta’ VAT – Konċentraturi ta’ ossiġnu.
Kawża C-573/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:189
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
9 ta’ Marzu 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 98(2) — Punti (3) u (4) tal-Anness III — Prinċipju ta’ newtralità fiskali — Trattament mediku bl-ossiġnu — Rata mnaqqsa ta’ VAT — Tankijiet tal-ossiġnu — Rata normali ta’ VAT — Konċentraturi ta’ ossiġnu”
Fil-Kawża C-573/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liege, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura
L-Istat Belġjan
vs
Oxycure Belgium SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Oxycure Belgium SA, minn F. Fosseur, avukat, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn D. Carmen, espert, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-F. Brakeland u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-punti (3) u (4) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Istat Belġjan u Oxycure Belgium SA (iktar ’il quddiem “Oxycure”), dwar l-issuġġettar għall-VAT tal-attività ta’ bejgħ u/jew ta’ kiri ta’ konċentraturi ta’ ossiġnu u aċċessorji għall-kura bl-ossiġnu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessa 4 tad-Direttiva tal-VAT tistabbilixxi: “L-ilħuq ta’ l-għan li jiġi stabbilit suq intern jassumi l-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ leġislazzjoni dwar it-taxxi fuq il-bejgħ li ma tħarbatx il-kondizzjonijet tal-kompetizzjoni jew ma xxekkilx iċ-ċaqliq ħieles tal-merkanzija u s-servizzi. Għalhekk hu meħtieġ li tintlaħaq din l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni dwar it-taxxi fuq il-bejgħ permezz ta’ sistema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), li għandha telimina, sa fejn hu possibli, fatturi li jistgħu jtelfu l-kondizzjonijet ta’ kompetizzjoni, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Komunità.” |
4 |
L-Artikolu 96 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.” |
5 |
L-Artikolu 98(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa. 2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. […]” |
6 |
Fil-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jidhru l-“prodotti farmaċewtiċi ta’ tip normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u bħala trattament għal skopijiet mediċi u veterinarji, inklużi prodotti użati għall-kontraċezzjoni u għall-protezzjoni sanitarja”. |
7 |
Fil-punt 4 ta’ dan l-anness jidhru t-“tagħmir mediku, għajnuniet u strumenti oħra normalment maħsuba biex itaffu jew jikkuraw id-diżabilità, għall-użu esklussiv u personali tal-persuni b’diżabilità, inkluża t-tiswija ta’ din il-merkanzija, u l-provvista ta’ siġġijiet tat-tfal tal-karrozza”. |
Id-dritt Belġjan
8 |
Id-Digriet Irjali Nru 20, tal-20 ta’ Lulju 1970, li jiffissa r-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jiddetermina t-tqassim tal-oġġetti u tas-servizzi skont dawn ir-rati (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 20”), jipprovdi li l-VAT għandha titħallas bir-rata mnaqqsa ta’ 6 % għall-oġġetti u s-servizzi msemmija fit-tabella A tiegħu. |
9 |
It-taqsima XXIII ta’ din it-tabella A ssemmi b’mod partikolari l-“apparat ortopediku (inklużi ċ-ċinturini mediċi-kirurġiċi); l-artikoli u apparati għal fratturi (qasab, kanali u simili); l-artikoli u apparati ta’ proteżi dentali, okulari jew oħrajn; l-apparati biex jiġi ffaċilitat is-smigħ lit-torox u l-apparati l-oħra li jinżammu fl-idejn, li jinġarru fuq il-persuna jew li għandhom jiġu impjantati fl-organiżmu, sabiex jikkumpensaw difett jew diżabbiltà; il-materjal individwali maħsub speċjalment jintlibes minn pazjenti bi stoma u minn persuni li jsofru b’inkontinenza, bl-eċċezzjoni tas-srievet iġjeniċi, tal-pantyliners u tal-ħrieqi u tal-qliezet ta’ taħt li jkunu ħrieqi għat-tfal ta’ età inqas minn sitt snin; l-aċċessorji individwali li jiffurmaw parti minn kilwa artifiċjali, inklużi l-kits użati”, l-“apparati aerosols u l-aċċessorji tagħhom; il-materjal individwali għall-għoti tal-mucomyst” u l-“pompi għall-perfużjoni ta’ mediċina kontra l-uġigħ”. |
10 |
It-Taqsima XXXIV tal-imsemmija tabella A tikkonċerna l-kiri ta’ dawn l-oġġetti. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
Oxycure hija kumpannija li għandha bħala attività prinċipali l-kiri u l-bejgħ ta’ konċentraturi tal-ossiġnu. Dan it-tip ta’ apparat jinkludi parti intiża sabiex tikkonċentra l-ossiġnu li jinsab fl-arja kif ukoll kanal nasali jew maskra ta’ ossiġnu u pajp li jwassal l-ossiġnu li jiffurmaw parti integrali mill-apparat. Il-konċentraturi ta’ ossiġnu jippermettu l-kura bl-ossiġnu fid-dar għall-pazjenti li jsofru minn insuffiċjenza respiratorja jew minn diżabbiltà gravi oħra li jeħtieġu trattament bl-ossiġnu u li l-kundizzjoni tagħhom ma tistax titjieb bl-użu ta’ mediċini bħal aerosols jew bronkodilaturi. |
12 |
Mill-fajl li jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali Belġjana, fit-tfassil tal-minuti, fis-26 ta’ Novembru 2010, ikkonstatat li, matul il-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Marzu 2010, Oxycure kienet applikat għall-kiri u għall-bejgħ ta’ konċentraturi tal-ossiġnu u tal-aċċessorji tagħhom ir-rata ta’ VAT imnaqqsa ta’ 6 %, filwaqt li dawn it-tranżazzjonijiet kellhom ikunu suġġetti għar-rata normali ta’ 21 % b’applikazzjoni tad-Digriet Irjali Nru 20. Abbażi ta’ dawn il-minuti, inħarġet miżura ta’ infurzar fir-rigward tat-taxxi dovuti ta’ EUR 1291621.17 u fuq multa ta’ EUR 129160. |
13 |
Fit-28 ta’ Diċembru 2011, Oxycure ippreżentat rikors kontra din il-miżura ta’ infurzar quddiem it-tribunal de première instance de Namur (qorti tal-prim’istanza ta’ Namur, il-Belġju), li annullat din il-miżura ta’ infurzar b’sentenza tal-25 ta’ April 2013. |
14 |
Fis-27 ta’ Ġunju 2013, l-Istat Belġjan appella minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liege, il-Belġju). |
15 |
Dik il-qorti tikkonstata li l-konċentraturi ta’ ossiġnu jikkostitwixxu, flimkien maċ-ċilindri ta’ ossiġnu mediku u s-sistema ta’ ossiġnu mediku likwidu, wieħed mit-tliet sorsi ta’ ossiġnu disponibbli fuq is-suq u li dawn is-sorsi huma lkoll interkambjabbli u/jew kumplimentari. Fil-fatt, minn naħa, skont rapport tas-Centre fédéral d’expertise des soins de santé (ċentru federali tal-esperti għall-kura tas-saħħa, il-Belġju), kull sors huwa disponibbli fil-forma fissa ta’ daqs kbir u mudell żgħir portabbli. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li, mill-perspettiva tal-effettività klinika, it-trattamenti bl-ossiġnu huma kollha ekwivalenti. Fil-fatt, ftit jimporta jekk l-ossiġnu jkunx ipprovdut minn wieħed jew l-ieħor mill-metodi disponibbli u jekk is-sors tal-ossiġnu jkunx fiss jew portabbli, billi d-differenzi bejn dawn il-metodi huma marbuta biss ma’ kwistjonijiet ta’ konvenjenza (ħsejjes, użu barra mid-dar, volum disponibbli, mili mill-ġdid tal-mudell portabbli mill-pazjent) u mal-ispejjeż għall-kumpannija. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja “kura tas-saħħa u allowances” tirrikonoxxi l-interkambjabbiltà perfetta ta’ dawn is-sorsi ta’ ossiġnu, billi tank ta’ ossiġnu awżiljarju huwa inkluż fl-ispiża rimborsabbli ta’ konċentratur tal-ossiġnu. |
16 |
Mill-fajl li jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’applikazzjoni tat-Taqsima XVII tat-tabella A tad-Digriet Irjali Nru 20, ir-rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 6 % hija applikata għal tankijiet tal-ossiġnu. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux jitqies li din it-tabella, anki jekk l-ebda titolu tagħha ma jsemmi espressament il-konċentraturi ta’ ossiġnu, għandhiex tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, sa fejn din tapplika, tal-inqas impliċitament, għall-konċentraturi tal-ossiġnu bl-istess mod bħas-sorsi l-oħra ta’ ossiġnu. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appell ta’ Liège) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ newtralità, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi rata mnaqqsa tal-VAT applikabbli għat-trattament b’ossiġnu permezz ta’ ċilindri ta’ ossiġnu filwaqt li t-trattament b’ossiġnu permezz ta’ konċentratur tal-ossiġnu huwa suġġett għar-rata normali tal-VAT?” |
Fuq id-domanda preliminari
19 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-VAT u l-punti (3) u (4) tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-rata normali ta’ VAT tapplika għall-kunsinna jew għall-kiri ta’ konċentraturi tal-ossiġnu, minkejja li din il-leġiżlazzjoni tipprovdi rata mnaqqsa ta’ VAT applikabbli għall-kunsinna ta’ tankijiet tal-ossiġnu. |
20 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, l-istess rata ta’ VAT, jiġifieri r-rata normali ffissata minn kull Stat Membru, tapplika għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-161/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:355, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
B’deroga minn dan il-prinċipju, hija prevista l-possibbiltà li jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ VAT, abbażi tal-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva. L-Anness III tad-direttiva msemmija jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija f’dan l-Artikolu 98. |
22 |
L-għan ta’ dan l-anness huwa li jagħmel inqas oneruż, u b’hekk iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali, li finalment iħallas il-VAT, ċerti oġġetti meqjusa bħala partikolarment neċessarji (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-360/11, EU:C:2013:17, punt 48). |
23 |
Fir-rigward tal-kontenut speċifiku tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li dan huwa meħtieġ, meta jadotta miżura ta’ natura fiskali, li jagħmel għażliet ta’ natura politika, ekonomika kif ukoll soċjali, u li jagħti prijorità lil interessi diverġenti jew li jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO, C-390/15, EU:C:2017:174, punt 54). |
24 |
Għandu jiġi rrilevat li dan il-leġiżlatur, meta adotta l-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għażel li jippermetti l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT, minflok ir-rata normali, għall-kunsinna ta’ ċerti kategoriji distinti ta’ oġġetti. |
25 |
Hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-VAT, l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa waħda jew tnejn ma hijiex obbligatorja. Din tikkostitwixxi possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri, b’deroga mill-prinċipju li jgħid li tapplika r-rata normali. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dispożizzjonijiet li għandhom in-natura ta’ deroga minn prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu, fil-prinċipju, jagħżlu li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fuq prodotti farmaċewtiċi li jissemmew fil-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, filwaqt li japplikaw rata normali fuq tagħmir mediku msemmi fil-punt 4 ta’ dan l-anness. Dawn jistgħu wkoll jagħżlu li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fuq ċerti prodotti farmaċewtiċi jew tagħmir mediku speċifiku, fost dawk speċifikati fl-imsemmija punti 3 u 4, filwaqt li japplikaw ir-rata normali għal prodotti u tagħmir differenti minn dawn. F’kull każ, l-Istati Membri huma marbuta li japplikaw ir-rata normali fuq prodotti li ma jissemmewx fl-anness imsemmi. |
27 |
Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprovdix rata mnaqqsa ta’ VAT għal konċentraturi tal-ossiġnu hija, fil-prinċipju, kompatibbli mal-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-VAT. |
28 |
Madankollu, meta Stat Membru jagħżel li japplika b’mod selettiv ir-rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti oġġetti jew servizzi speċifiċi li jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, dan għandu josserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2008, Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien, C-442/05, EU:C:2008:184, punti 41 u 43, tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-94/09, EU:C:2010:253, punt 30, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz, C-454/12 u C-455/12, EU:C:2014:111, punt 45). |
29 |
Għalhekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiksirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
30 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jipprekludi li oġġetti jew provvisti ta’ servizzi simili, li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-VAT (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, K, C-219/13, EU:C:2014:2207, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-prinċipju ma jippermettix li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa fl-assenza ta’ dispożizzjoni inekwivoka (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-502/13, EU:C:2015:143, punt 51, u tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier, C-334/14, EU:C:2015:437, punt 37). |
32 |
Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju ma huwiex regola tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ rata mnaqqsa, iżda prinċipju ta’ interpretazzjoni li għandu jiġi applikat b’mod parallel għall-prinċipju li jipprevedi li r-rati mnaqqsa għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C-44/11, EU:C:2012:484, punt 45). |
33 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit bejn il-partijiet interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-konċentraturi tal-ossiġnu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, diversament mit-tankijiet tal-ossiġnu, ma jissemmewx fil-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, li jsemmi ċerti prodotti farmaċewtiċi, jiġifieri dawk li normalment jintużaw għall-kura tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u t-trattament bi skopijiet mediċi u veterinarji. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ta’ “prodotti farmaċewtiċi”, għalkemm ma huwiex limitat għal prodotti mediċinali, ma jinkludix fih kull tagħmir, apparat, għajnuniet jew materjal għall-użu mediku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-360/11, EU:C:2013:17, punti 61 sa 65) |
34 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-punt 4 tal-imsemmi Anness III, li jikkonċerna preċiżament tagħmir mediku għal użu speċifiku (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-360/11, EU:C:2013:17, punt 64). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna t-tagħmir mediku, għajnuniet u strumenti oħra normalment maħsuba biex itaffu jew jikkuraw id-diżabbiltà, biss meta jkunu intiżi għal użu personali u esklussiv tal-persuni b’diżabbiltà. |
35 |
Issa, peress li ma jidhirx li huwa stabbilit li l-konċentraturi tal-ossiġnu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma rriżervati għal “użu esklussiv u personali tal-persuni b’diżabilità”, dawn id-dispożittivi lanqas ma jistgħu jidħlu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (4) tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, liema ħaġa għandha madankollu tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax jimponi fuq Stat Membru, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għamel użu mill-possibbiltà li hija offruta lilu li japplika rata mnaqqsa ta’ VAT lil prodotti speċifiċi msemmija fil-punt (3) tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, li jestendi din ir-rata mnaqqsa għal konċentraturi tal-ossiġnu, anki jekk il-konsumatur iħoss li dawn tal-aħħar huma simili għal prodotti li jibbenefikaw minn din ir-rata mnaqqsa. |
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-VAT u l-punti (3) u (4) tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-rata normali ta’ VAT tapplika għall-kunsinna jew għall-kiri ta’ konċentraturi tal-ossiġnu, minkejja li din il-leġiżlazzjoni tipprovdi rata mnaqqsa ta’ VAT applikabbli għall-kunsinna ta’ tankijiet tal-ossiġnu. |
Fuq l-ispejjeż
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u l-punti (3) u (4) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-rata normali ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tapplika għall-kunsinna jew għall-kiri ta’ konċentraturi tal-ossiġnu, minkejja li din il-leġiżlazzjoni tipprovdi rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għall-kunsinna ta’ tankijiet tal-ossiġnu. |
Firem |
( *1 ) * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.