EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0613
Judgment of the Court (Third Chamber) of 27 October 2016.#James Elliott Construction Limited v Irish Asphalt Limited.#Request for a preliminary ruling from the Supreme Court (Ireland).#Reference for a preliminary ruling — Article 267 TFEU — Jurisdiction of the Court — Concept of ‘provision of EU law’ — Directive 89/106/EEC — Approximation of laws, regulations and administrative provisions of the Member States relating to construction products — Standard approved by the European Committee for Standardisation (CEN) pursuant to a mandate given by the European Commission — Publication of the standard in the Official Journal of the European Union — Harmonised standard EN 13242:2002 — National standard incorporating harmonised standard EN 13242:2002 — Contractual dispute between individuals — Method used to establish (non-) compliance of a product with a national standard transposing a harmonised standard — Date of establishing (non-) compliance of a product with that standard — Directive 98/34/EC — Procedure for the provision of information in the field of technical standards and regulations — Scope.#Case C-613/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016.
James Elliott Construction Limited vs Irish Asphalt Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kunċett ta’ ‘dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni’ – Direttiva 89/106/KEE – Approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-kostruzzjoni – Standard approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) bis-saħħa ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni Ewropea – Pubblikazzjoni tal-istandard fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Standard armonizzat EN 13242:2002 – Standard nazzjonali li jittrasponi l-Istandard armonizzat EN 13242:2002 – Kontenzjuż relatat mal-kuntratti bejn individwi – Metodu ta’ verifika tan-(nuqqas) ta’ konformità ta’ prodott mal-Istandard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat – Data tal-verifika tan-(nuqqas) ta’ konformità ta’ prodott ma dan l-Istandard – Direttiva 98/34/KE – Proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi – Kamp ta’ applikazzjoni.
Kawża C-613/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016.
James Elliott Construction Limited vs Irish Asphalt Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kunċett ta’ ‘dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni’ – Direttiva 89/106/KEE – Approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-kostruzzjoni – Standard approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) bis-saħħa ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni Ewropea – Pubblikazzjoni tal-istandard fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Standard armonizzat EN 13242:2002 – Standard nazzjonali li jittrasponi l-Istandard armonizzat EN 13242:2002 – Kontenzjuż relatat mal-kuntratti bejn individwi – Metodu ta’ verifika tan-(nuqqas) ta’ konformità ta’ prodott mal-Istandard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat – Data tal-verifika tan-(nuqqas) ta’ konformità ta’ prodott ma dan l-Istandard – Direttiva 98/34/KE – Proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi – Kamp ta’ applikazzjoni.
Kawża C-613/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:821
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
27 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kunċett ta’ ‘dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni’ — Direttiva 89/106/KEE — Approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-kostruzzjoni — Standard approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) bis-saħħa ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni Ewropea — Pubblikazzjoni tal-istandard fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea — Standard armonizzat EN 13242:2002 — Standard nazzjonali li jittrasponi l-Istandard armonizzat EN 13242:2002 — Kontenzjuż relatat mal-kuntratti bejn individwi — Metodu ta’ verifika tan-(nuqqas) ta’ konformità ta’ prodott mal-Istandard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat — Data tal-verifika tan-(nuqqas) ta’ konformità ta’ prodott ma dan l-Istandard — Direttiva 98/34/KE — Proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi — Kamp ta’ applikazzjoni”
Fil-Kawża C‑613/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura
James Elliott Construction Limited
vs
Irish Asphalt Limited,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal James Elliott Construction Limited, minn E. Barrington, SC, C. Donnelly, BL u B. Shipsey, SC, mogħtija mandat minn D. O’Donovan, solicitor, |
— |
għal Irish Asphalt Limited, minn T. Hogan, SC, D. Conlan Smyth, barrister, N. Buckley, BL, mogħtija mandat minn N. Mulherin, solicitor, |
— |
għall-Irlanda, minn A. Joyce u L. Williams u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennedy, SC u minn G. Gilmore, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u G. Braga da Cruz u G. Zavvos, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296), kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 93/68/KEE, tat-22 ta’ Lulju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 173) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/106”), tal-Artikoli 1 u 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata, l-aħħar, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 709) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”) kif ukoll tal-Istandard armonizzat EN 13242:2002, intitolat “Żrar għal materjali mhux magħġunin u magħġunin idrawlikament biex jintużaw f’xogħol ta’ inġinerija ċivili u bini ta’ toroq” (iktar ’il quddiem l-“Istandard armonizzat EN 13242:2002”. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża dwar il-provvista minn Irish Asphalt Limited ta’ granulati tal-ġebla lil James Elliott Construction Limited. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 89/106
3 |
L-ewwel, ir-raba’, is-sitt, is-seba’, il-ħdax u t-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/106 jistipulaw: “Billi Stati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li x-xogħol ta’ bini u tal-periti fit-territorju tagħhom ikun iddisinjat u magħmul b’mod li ma jipperikolax is-sigurtà tan-nies, annimali domestiċi u proprjetà, filwaqt li jħares ħtiġijiet oħra essenzjali fl-interessi globali ta’ kulħadd; [...] Billi l-paragrafu 71 tal-White Paper dwar it-tlestija tas-suq intern, approvata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju ta’ l-1985, jistqarr li, fi ħdan il-politika ġenerali, għandu jkun hemm enfasi partikulari fuq ċerti setturi, fosthom il-kostruzzjoni; billi t-tneħħija ta’ l-ostakli tekniċi fil-qasam tal-kostruzzjoni, sal-punt li ma jistgħux jitneħħew b’għarfien reċiproku ta’ ugwaljanza fl-Istati Membri kollha, għandhom jimxu mal-metodu l-ġdid stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1985 [ĠU C 136, p. 1] li titlob tifsira dwar il-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà u aspetti oħra li huma importanti għas-saħħa globali, mingħajr ma tnaqqas il-livelli eżistenti u ġustifikati tal-protezzjoni fl-Istati Membri; [...] Billi, bħala bażi għan-normi [standards] armonizzati jew xi speċifikazzjonijiet tekniċi oħra f’livell Ewropew u biex titfassal jew tingħata l-approvazzjoni teknika Ewropea, dokumenti li jistgħu jiġu interpretati se jkunu stabbiliti biex jagħtu forma konkreta lill-ħtiġijiet essenzjali f’livell tekniku; Billi dawn il-ħtiġijiet essenzjali jqiegħdu s-sisien għat-thejjija ta’ normi armonizzati f’livell Ewropew għal prodotti għal bini; billi biex jinkiseb l-ikbar vantaġġ possibbli għal suq wieħed intern, biex għadd kbir kemm jista’ jkun ta’ manifatturi jkun jista’ jkollhom aċċess għal dak is-suq, biex ikun żgurat kemm jista’ jkun l-ogħla livell ta’ trasparenza tas-suq u biex joħolqu l-kundizzjonijiet għal sistema li tiġbor fiha r-regoli ġenerali fl-industrija tal-kostruzzjoni, għandhom jiġu stabbiliti l-aktar normi armonizzati, kemm jista’ jkun malajr; billi dawk in-normi kienu mfassla minn korpi privati, u għandhom jibqgħu testi mhux obbligatorji; billi, għal dak il-għan, il-Kumitat Ewropew ta’ Standardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew ta’ Standardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) huma meqjusa bħala l-korpi kompetenti biex jadottaw in-normi armonizzati b’konformità mal-linji ġenerali ta’ gwida għal koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn iż-żewġ korpi ffirmata fit-13 ta’ Novembru 1984; billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, norma armonizzata hija speċifikazzjoni teknika (norma Ewropea jew dokument armonizzat) adottat minn wieħed jew miż-żewġ korpi fuq mandat maħruġ mill-Kummissjoni bi konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tan-normi u r-regolamenti tekniċi [ĠU 1983, L 109, p. 8]; [...] Billi prodott huwa meqjus li hu tajjeb biex jintuża jekk jaqbel man-norma armonizzata, approvazzjoni teknika Ewropea jew speċifikazzjoni teknika mhux armonizzata magħrufa f’livell ta’ Komunità; billi, f’każi fejn il-prodotti m’għandhomx ħafna importanza fejn jidħlu l-ħtiġijiet essenzjali u fejn jitbiegħdu mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eżistenti, huma jistgħu jkunu ċertifikati minn korp approvat jekk għandhomx jintużaw; Billi dawk il-prodotti li huma għalhekk meqjusa tajbin biex jintużaw huma magħrufa malajr mill-immarkar CE; billi għandu jitħalla l-moviment liberu u l-użu ħieles tagħhom għall-iskop maħsub fil-Komunità kollha”. |
4 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni jistipula: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti li għalihom jirreferi Artikolu 1, li huma maħsuba biex jintużaw f’xogħlijiet, jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu tajbin għall-użu maħsub, li jfisser li jkollhom dawk il-karatteristiċi li x-xogħlijiet li ser jiddaħħlu fihom, magħquda, imħaddma jew stallati, jistgħu, jekk iddisinjati u mibnija sew, jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3 meta u fejn dawk ix-xogħlijiet huma esposti għar-regolamenti li fihom dawk il-ħtiġijiet”. |
5 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Il-ħtiġijiet essenzjali li jgħoddu għal dawk ix-xogħlijiet li jistgħu jaffetwaw il-karatteristiċi tekniċi ta’ prodott huma stabbiliti skond l-għanijiet f’Anness I. Waħda minn, xi uħud minn jew il-ħtiġijiet kollha jistgħu jgħoddu; huma se jintlaħqu waqt żmien ta’ xogħol ekonomikament raġonevoli.” |
6 |
L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din l-istess direttiva jistipula: “1. Normi [standards] u approvazzjonijiet tekniċi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu meqjusa bħala ‘speċifikazzjonijiet tekniċi’. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, in-normi armonizzati għandhom ikunu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati mis-CEN, Cenelec jew mit-tnejn, b’mandat maħruġ mill-Kummissjoni b’konformità mad-Direttiva [83/189] skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat li għalih jirreferi Artikolu 19 u bi konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali li jolqtu l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn iż-żewġ korpi ffirmata fit-13 ta’ Novembru 1984.” 2. L-Istati Membri għandhom jassumu li l-prodotti huma tajbin għall-użu jekk jippermettu x-xogħlijiet li fihom jintużaw, sakemm dawn ta’ l-aħħar ikunu ddisinjati u mibnijin sew, jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali saret referenza għalihom fl-Artikolu 3 fejn dawn il-prodotti għandhom l-immarkar CE li jindika li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva, li jinkludu l-proċeduri ta' stima ta' konformità stabbilita fil-Kapitolu V u l-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. L-immarkar CE għandu jindika:
|
7 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/106 jistipula: “L-Istati Membri ma għandhomx iwaqqfu il-moviment liberu, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fit-territorju tagħhom ta’ prodotti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta’ prodotti bħal dawn, għall-għan li ġew maħsuba għalih, ma jitwaqqfux minn regoli jew kundizzjonijiet imposti minn korpi pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu bħala impriża pubblika jew f’isem korp pubbliku fuq bażi tal-pożizzjoni ta’ monopolju.” |
8 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1 Biex tkun żgurata l-kwalità tan-normi [standards] armonizzati għal prodotti [għall-kostruzzjoni], in-normi għandhom ikunu stabbiliti minn organizzazzjonijiet ta’ normi Ewropej skond il-mandati maħruġa mill-Kummissjoni [...]. 2. In-normi li joħorġu għandhom ikunu mfissra kemm jista’ jkun b’mod prattiku fejn tidħol il-ħidma ta’ prodott [għall-kostruzzjoni], billi jitqiesu d-dokumenti interpretattivi. 3. Ladarba n-normi jkunu stabbiliti mill-organizzazzjonijiet ta’ normi Ewropej, il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riferenzi [riferimenti] tan-normi fis-serje ‘Ċ’ ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”. |
9 |
Skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva 89/106 (ĠU L 88, p. 5), id-Direttiva 89/106 ġiet imħassra. Madankollu dan ir-regolament ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. |
Id-Direttiva 98/34
10 |
L-Artikolu 1(3), (4) u (11) tad-Direttiva 98/34, li ssostitwixxiet id-Direttiva 83/189, jistipula: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin: [...]
[...]
Ir-regolamenti tekniċi de facto għandhom jinkludu:
|
11 |
L-Artikolu 8(1) u (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz. [...] L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda mfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti. [...] 3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien”. |
L-Istandard EN 13242:2002
12 |
L-Istandard EN 13242:2002 ġie mfassal mill-Kumitat tekniku CEN/TC 154 “Aggregates” u approvat mis-CEN, fit-23 ta’ Settembru 2002, b’mod konformi ma mandat mogħti mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Lulju 1998 (M/125: Mandate to CEN/CENELEC concerning the execution of standardisation work for harmonized standards on aggregates M 125 [Mandat mogħti lis-CEN/CENELEC għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ standardizzazzjoni intiżi għall-istabbiliment ta’ standards armonizzati għall-granulati għall-użi speċifikati], iktar ’il quddiem il-“Mandat M 125”), adottat abbażi tad-Direttiva 89/106. |
– IL-Mandat M 125
13 |
Il-Mandat M 125, fil-preambolu tiegħu, huwa fformulat kif ġej: “[...] Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva huwa li jiġu eliminati l-barrieri tekniċi għall-kummerċ fil-qasam tal-kostruzzjoni, sa fejn dawn ma jistgħux jiġu eliminati bir-rikonoxximent reċiproku tal-ekwivalenza bejn l-Istati Membri kollha. Għalhekk, fl-ewwel fażi, il-mandati ta’ standardizzazzjoni jirrigwardaw il-prodotti għall-kostruzzjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ostakoli tekniċi għall-kummerċ. L-għan ta’ dan il-mandat huwa li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-iżvilupp u l-kwalità ta’ standards armonizzati Ewropej li jippermettu, minn naħa, l-‘approssimazzjoni’ tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali (iktar ’il quddiem imsejħa, “dispożizzjonijiet”) u, min-naħa l-oħra, li l-prodotti li jikkonformaw magħhom jitqiesu xierqa għall-użu intiż tagħhom, skont kif din l-espressjoni hija ddefinita fid-direttiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
14 |
Il-Kapitolu II ta’ dan it-test, intitolat “Implimentazzjoni tal-mandat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jistipula:
[...]
[...]
Madankollu, jekk jissemmew iktar minn metodu wieħed, għal raġunijiet validi, għal prodott jew għal familja ta’ prodotti, għad-determinazzjoni tal-istess karatteristika, dan għandu jkun iġġustifikat mis-sitwazzjoni. F’dan il-każ, il-metodi kollha msemmija għandhom ikunu konnessi bil-konġunzjoni ‘jew’ u għandha tingħata indikazzjoni tal-applikazzjoni. Fil-każijiet l-oħra kollha, żewġ metodi jew iktar ta’ ttestjar jew ta’ kalkolu jistgħu jiġu aċċettati għad-determinazzjoni ta’ karatteristika biss jekk tkun teżisti korrelazzjoni bejniethom jew jekk tali korrelazzjoni tista’ tiġi stabbilita. L-Istandard armonizzat rilevanti għandu għalhekk jindika wieħed minnhom bħala l-metodu ta’ riferiment. Il-metodi ta’ ttestjar u/jew ta’ kalkolu għandhom, kull meta jkun possibbli, jkollhom karattru orizzontali u jkopru l-iktar gamma wiesa ta’ prodotti possibbli. [...]
[...]
[...]
[...]
|
15 |
Il-Kapitolu III tal-imsemmi test, intitolat “Standards armonizzati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] huwa fformulat fit-termini li ġejjin:
|
16 |
L-annessi 1 sa 3 tal-Mandat M 125 jippreċiżaw, rispettivament, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat, il-kuntest tekniku ta’ riferiment tiegħu kif ukoll ir-rekwiżiti tiegħu fil-qasam ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità. |
– L-Istandard armonizzat EN 13242:2002
17 |
Fit-tieni paragrafu tal-punt 1 tiegħu, l-Istandard armonizzat EN 13242:2002 jistipula li dan “jinkludi l-evalwazzjoni tal-konformità tal-prodotti ma dan l-[istandard armonizzat]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
18 |
Il-Punt 6 ta’ dan l-istandard armonizzat, intitolat “Rekwiżiti kimiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa fformulat f’dawn it-termini: “6.1 Ġenerali Il-ħtieġa li jitwettqu t-testijiet sabiex jiġu ddeterminati u ddikjarati l-proprjetajiet kollha ta’ dan il-kapitolu għandha tiddependi fuq l-użu finali jew fuq l-oriġini tal-granulat. Meta jkunu meħtieġa, għandhom jitwettqu t-testijiet speċifikati fil-Kapitolu 6 sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet kimiċi korrispondenti. [...] 6.3 Total ta’ kubrit Meta jkun meħtieġ, il-kontenut totali ta’ kubrit fil-granulat, iddeterminat skont [l-Artikolu 11] tal-Istandard EN 1744‑1:1998 [adottat mis-CEN indipendentement minn kull mandat mill-Kummissjoni u mill-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tad-direttiva], għandu jiġi ddikjarat skont il-kategorija korrispondenti speċifikata fit-Tabella 13[, intitolata “Kategoriji għall-kontenut massimu totali ta’ kubrit”:]
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
19 |
L-“Anness ZA (Informattiv) – artikoli ta’ dan l-istandard Ewropew dwar ir-rekwiżiti essenzjali jew dispożizzjonijiet oħra tad-Direttivi tal-Unjoni Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-imsemmi standard armonizzat jistipula, b’mod partikolari li, “l-kapitoli [tal]-istandard Ewropew EN 13242:2002 indikati f’dan l-anness jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Mandat mogħti taħt id-Direttiva [89/106]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “t-twettiq ta’ dawn il-kapitoli jagħti preżunzjoni ta’ konformità lill-granulati koperti b’dan l-istandard Ewropew għall-użi stabbiliti fih” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
20 |
Ir-riferimenti tal-Istandard armonizzat EN 13242:2002 ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Marzu 2003 (ĠU 2003, C 75, p. 8). |
Id-dritt Irlandiż
Il-liġi dwar il-bejgħ ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi
21 |
L-Artikolu 10 tas-Sale of Goods and Supply of Services Act 1980 (liġi dwar il-bejgħ ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi tal-1980) jintroduċi Artikolu 14 ġdid fis-Sale of Goods Act 1893 (liġi dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-1893), fit-termini li ġejjin: “(1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u ta’ kwalunkwe liġi f’dan ir-rigward, ma teżisti ebda garanzija jew kundizzjoni impliċita ta’ kwalità jew ta’ adegwatezza għal użu partikolari fir-rigward ta’ oġġetti pprovduti taħt kuntratt ta’ bejgħ. (2) Meta bejjiegħ ibigħ oġġetti fil-kuntest ta’ negozju, teżisti kundizzjoni impliċita li l-oġġetti pprovduti taħt il-kuntratt huma kummerċjabbli, ħlief li ma jkun hemm ebda tali kundizzjoni:
(3) L-oġġetti għandhom ikunu kummerċjabbli meta jkunu adattati għall-użu li għalih is-soltu jinxtraw oġġetti ta’ dan it-tip u meta jkollhom in-natura durabbli li tista’ tkun raġonevolment mistennija skont id-deskrizzjoni tagħhom, il-prezz (jekk applikabbli), u ċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra, u kwalunkwe riferiment li jinsab f’din il-liġi għal oġġetti mhux kummerċjabbli għandhom jiġu interpretati skont dan. (4) Meta l-bejjiegħ ibigħ oġġetti matul l-operazzjonijiet tan-negozju ordinarji u x-xerrej jinfurmah, b’mod espliċitu jew impliċitu, dwar ir-raġuni għaliex xtara dawk l-oġġetti, teżisti l-kundizzjoni impliċita li l-oġġetti pprovduti skont il-kuntratt huma raġonevolment adattati għal dan il-għan, irrispettivament minn jekk din hijiex raġuni li għaliha normalment jiġu pprovduti dawn l-oġġetti, ħlief meta miċ-ċirkustanzi jirriżulta li x-xerrej ma joqgħodx fuq jew ma jkunx raġonevoli li huwa joqgħod fuq, il-ħiliet jew il-ġudizzju tal-bejjiegħ. [...]” |
L-Istandard I.S. EN 13242:2002
22 |
L-Istandard EN 13242:2002 ġie traspost fl-Irlanda min-National Standard Authority of Ireland (awtorità Irlandiża għall-istandardizzazzjoni) permezz tal-Istandard I.S. EN 13242:2002. |
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23 |
Fil-kuntest tal-kostruzzjoni taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ballymun fil-belt ta’ Dublin (l-Irlanda) minn James Eliott Construction, l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija kienu jimponu, b’mod partikolari, li l-pavimenti interni tal-bini għandhom ikunu jistrieħu fuq 225 il-millimetru ta’ “Żrar tat-tip Klawżola 804 mhux maħdum konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Intrapriża”. Għal dan il-għan, Irish Asphalt ipprovdiet lil Eliott Construction prodott indikat taħt l-isem “Klawżola 804 mhux maħdum”. |
24 |
Wara li tlestew ix-xogħlijiet, bdew jidhru kunsenturi fil-pavimenti u mal-ħitan tal-bini li tant kienu gravi li l-bini ma setax jintuża. James Elliott Construction ħadet ir-responsabbiltà u wettqet xogħol ta’ tiswija bi spiża totali ta’ EUR 1.5 miljun. |
25 |
Fit-13 ta’ Ġunju 2008 James Elliot Construction ressqet azzjoni għad-danni kontra Irish Asphalt minħabba li l-ħsarat kienu oriġinaw mill-preżenza ta’ pirite fil-granulat Clause 804 pprovdut minn din tal-aħħar. |
26 |
Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Mejju 2011 il-High Court (qorti għolja tal-ġustizzja, l-Irlanda) iddeċidiet li l-ħsarat fil-konkos kienu joriġinaw mill-preżenza ta’ pirite fil-granulat ipprovdut minn Irish Asphalt lil James Elliott Construction. F’dan ir-rigward hija kkonstatat li l-analiżi tal-granulati miġbura mill-bini kienu juru li dawn ma kinux jissodisfaw l-Istandard Irlandiż I.S. EN 13242:2002 li jittrasponi l-Istandard Ewropew EN 13242:2002, b’mod partikolari fil-kontenut tagħhom ta’ kubrit. |
27 |
Konsegwentement, hija ddeċidiet li Irish Asphalt kienet kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha li jimponulha, skont l-Artikolu 14(2) tal-liġi dwar il-bejgħ ta’ oġġetti, li tipprovdi granulat ta’ “kwalità kummerċjabbli” u “tajjeb għall-użu”. |
28 |
Irish Asphalt appellat minn din is-sentenza quddiem is-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda). |
29 |
Fit-2 ta’ Diċembru 2014 is-Supreme Court (qorti suprema) tat sentenza fejn iddeċidiet biss il-kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali u ċaħdet l-appell ippreżentat, bla ħsara għal kull kwistjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni. |
30 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti għandha dubji, l-ewwel nett, dwar l-istatus ġuridiku tal-istandards Ewropej armonizzati għall-prodotti għall-kostruzzjoni kif ukoll dwar ir-rilevanza tagħhom fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn żewġ partijiet privati meta jsir riferiment għal standard nazzjonali adottat b’applikazzjoni ta’ standard armonizzat f’kuntratt ta’ provvista ta’ oġġetti, it-tieni nett, fuq l-interpretazzjoni tal-Istandard Ewropew EN 13242:2002 fir-rigward tal-portata u tal-kontenut tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-preżunzjonijiet maħluqa mill-osservanza ta’ dan l-istandard u tal-mezzi sabiex dawn jiġu kkonfutati, u, it-tielet nett, fuq ir-rabta’ bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplikaw l-eżistenza ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali impliċiti u l-obbligu ta’ notifika li l-Istati Membri għandhom b’applikazzjoni tad-Direttiva 98/34. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq id-domanda 1(a), dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 |
Permezz tad-domanda 1(a) tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali tiġi adita b’kawża dwar kuntratt irregolat mid-dritt privat li jimponi fuq parti li tipprovdi prodott konformi ma standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/106 u li r-riferimenti tiegħu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C, il-Qorti tal-Ġustizzja għandiex il-ġurisdizzjoni biex tinterpreta dan l-istandard fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari? |
33 |
Preliminarjament, għandu, minn naħa, jiġi osservat li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Istandard tekniku I.S. EN 13242:2002 inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt Irlandiż, mill-awtorità Irlandiża għall-istandardizzazzjoni, tal-Istandard armonizzat EN 13242:2002. Għaldaqstant, is-sens li għandu jingħata lill-istandard imsemmi l-ewwel jiddependi direttament mill-interpretazzjoni mogħtija lit-tieni wieħed. |
34 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta atti li, għalkemm ċertament ma ġewx adottati minn korpi li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “istituzzjonijiet, korpi jew entitajiet tal-Unjoni”, madankollu jippreżentaw in-natura ta’ miżuri ta’ implementazzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince, C‑192/89, EU:C:1990:322, punt 10, u tal-21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell, C‑188/91, EU:C:1993:24, punt 17), sa fejn tali soluzzjoni hija ġġustifikata mill-għan innifsu tal-Artikolu 267 TFUE, li għandu l-funzjoni li jiżgura l-applikazzjoni uniformi, fl-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat li l-effetti tagħhom ivarjaw skont l-interpretazzjoni mogħtija lilhom fid-diversi Stati Membri (sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince, C‑192/89, EU:C:1990:322, punt 11). |
35 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-fatt li att tad-dritt tal-Unjoni ma għandux effett vinkolanti ma jostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE fuq l-interpretazzjoni ta’ dan l-att (sentenza tal-21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell, C‑188/91, EU:C:1993:24, punt 18). |
36 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, standard armonizzat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/106 jiddefinixxi l-istandards armonizzati bħala speċifikazzjonijiet tekniċi adottati mis-CEN jew mis-CENELEC, jew minn dawn iż-żewġ korpi, fuq mandat tal-Kummissjoni mogħti skont id-Direttiva 83/189, li jikkostitwixxu, kif jirriżulta mis-sitt u mis-seba’ premessi tal-istess direttiva, il-konkretizzazzjoni fuq livell tekniku tar-rekwiżiti essenzjali ddefiniti fl-Anness I ta’ din id-direttiva. |
37 |
B’mod konformi mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 89/106, ir-riferimenti tal-istandards armonizzati stabbiliti mill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni jiġu sussegwentement ippubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C. |
38 |
B’applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, moqri flimkien mal-ħdax‑il premessa tagħha, l-effett ta’ din il-pubblikazzjoni huwa li jagħti lill-prodotti koperti minn din id-direttiva u li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddefiniti fl-istandards armonizzati ta’ dawn il-prodotti, il-benefiċċju ta’ preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Latchways u Eurosafe Solutions, C‑185/08, EU:C:2010:619, punt 31), li jippermetti t-twaħħil fuqhom tal-immarkar “CE”. |
39 |
Din il-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 89/106 kif ukoll l-immarkar “CE” jagħtu lill-prodott ikkonċernat, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mat-tnax-il premessa tagħha, il-possibbiltà li jiċċirkula, li jitqiegħed fis-suq u li jintuża liberament fit-territorju tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni. |
40 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li standard armonizzat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottat abbażi tad-Direttiva 89/106 u li r-riferimenti tiegħu kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jifforma parti mid-dritt tal-Unjoni, peress li l-kwistjoni ta’ jekk il-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106 tapplikax, jew le, għal prodott partikolari tiġi ddeterminata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet ta’ tali standard. |
41 |
Fil-fatt, il-fatt li prodott josserva r-rekwiżiti tekniċi ddefiniti minn tali standard jippermetti li jiġi preżunt li dan il-prodott jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali previsti fid-Direttiva 89/106. Minn dan isegwi li l-imsemmi prodott huwa awtorizzat li jiċċirkula, li jitqiegħed fis-suq kif ukoll li jintuża liberament fit-territorju tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, b’tali mod li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux, b’mod partikolari, jimponu fuq dawn il-prodotti rekwiżiti addizzjonali sabiex dawn ikollhom aċċess effettiv għas-suq u sabiex jintużaw fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑100/13, EU:C:2014:2293, punti 55, 56 u 63). |
42 |
Għalkemm huwa minnu li l-konformità ta’ prodott għall-kostruzzjoni mar-rekwiżiti essenzjali previsti fid-Direttiva 89/106 tista’ tiġi kkonfermata, jekk ikun il-każ, permezz ta’ mezzi oħra għajr il-prova tal-konformità ma standards armonizzati, dan ma jistax jikkonfuta l-eżistenza tal-effetti legali marbuta ma standard armonizzat. |
43 |
Għandu, barra minn hekk, jiġi osservat li għalkemm it-tfassil ta’ tali standard armonizzat huwa ċertament mogħti lil korp irregolat mid-dritt privat, dan madankollu jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni neċessarja u strettament irregolata tar-rekwiżiti essenzjali ddefiniti minn din id-direttiva, imwettqa fuq inizjattiva u taħt id-direzzjoni kif ukoll taħt il-kontroll tal-Kummissjoni u l-effetti legali tiegħu huma suġġetti għal pubblikazzjoni minn qabel minn din tal-aħħar tar-riferimenti tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C. |
44 |
F’dan il-każ, l-Istandard EN 13242:2002 tfassal fil-kuntest tal-Mandat M 125, mogħti mill-Kummissjoni lis-CEN abbażi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/106 u li l-punt 8 tal-Kapitolu II tiegħu jipprevedi li l-kumitati Ewropej għall-istandardizzazzjoni għandhom jipprovdu risposta teknika għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi ta’ dan il-mandat, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet stabbiliti fih. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat bi preċiżjoni, fl-Annessi 1 u 2 tal-imsemmi mandat, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif ukoll kuntest tekniku ta’ riferiment għal kull familja jew sottofamilja ta’ prodotti li għalihom hija timponi d-determinazzjoni tal-karatteristiċi ta’ prestazzjoni u ta’ durabbiltà. B’applikazzjoni tal-Anness 3 tal-istess mandat, il-Kummissjoni rrikjediet ukoll li s-CEN jispeċifika, fl-Istandard armonizzat li għandu jitfassal, ċertu numru ta’ sistemi ta’ attestazzjoni ta’ konformità. |
45 |
Mill-punti 1 u 19 tal-Kapitolu II tal-Mandat M 125 jirriżulta wkoll li, l-ewwel nett, l-aċċettazzjoni mill-korp ta’ standardizzazzjoni ta’ dan il-mandat kellha tkun ippreċeduta mit-tfassil, minn dan l-istess korp, f’terminu ddeterminat mill-Kummissjoni, ta’ programm ta’ ħidma li kellu jiġi aċċettat mill-Kummissjoni. It-tieni nett, skont il-punti 5 u 6 ta’ dan il-kapitolu, kull proposta ta’ żieda ta’ elementi li ma jinsabux f’dan il-mandat kellha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sabiex teżaminaha. It-tielet nett, abbażi tal-punti 15 sa 17 u 21 tal-imsemmi kapitolu, ix-xogħlijiet tal-korpi ta’ standardizzazzjoni kellhom jiġu segwiti fid-dettall mill-Kummissjoni, u dan id f’id ma obbligu regolari ta’ rappurtar lil din tal-aħħar kif ukoll mal-kontroll tal-konformità, imwettaq minn din l-istituzzjoni, tal-abbozzi finali tal-istandards armonizzati, qabel il-pubblikazzjoni tar-riferimenti tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C. |
46 |
Barra minn hekk, kif ġie espost fis-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑100/13, EU:C:2014:2293), il-Kummissjoni għandha tiżgura, permezz ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu previsti fl-Artikolu 258 TFUE, l-effett sħiħ tal-istandards armonizzati. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk qieset li, billi impona, fuq prodotti għall-kostruzzjoni kkonċernati minn diversi standards armonizzati, rekwiżiti addizzjonali għall-aċċess effettiv ta’ dawn il-prodotti għas-suq u għall-użu tagħhom fit-territorju Ġermaniż, l-Istat Membru inkwistjoni kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 4(2) u 6(1) tad-Direttiva 89/106. |
47 |
Għalhekk, ir-risposta għad-domanda 1(a) għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biex tinterpreta, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, standard armonizzat fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/106 u li r-riferimenti tiegħu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C. |
Fuq id-domanda 1(b)
48 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda 1(a), għandha tingħata risposta għad-domanda 1(b), li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Istandard armonizzat EN 13242:2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, fil-kuntest ta’ tilwima li tikkonċerna kuntratt irregolat mid-dritt privat li jimponi fuq parti li tipprovdi prodott konformi ma standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/106 u li r-riferimenti tiegħu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C, li n-nuqqas ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dan l-istandard armonizzat jiġi stabbilit permezz ta’ metodi ta’ ttestjar oħra għajr dawk previsti espliċitament minn dan tal-aħħar, u jekk dawn il-metodi jistgħux jintużaw f’kull mument matul il-perijodu ta’ vijabbiltà ekonomika tal-prodott. |
49 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod konformi mat-tieni paragrafu tas-Sezzjoni 1 tal-Istandard armonizzat EN 13242:2002, li jipprevedi li dan “jinkludi l-evalwazzjoni tal-konformità tal-prodotti ma dan l-[imsemmi] standard Ewropew” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-punt 6 ta’ dan l-istandard armonizzat, intitolat “Rekwiżiti kimiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi, fil-punt 6.3 tiegħu, li l-kontenut totali ta’ kubrit tal-granulat, li għandu jiġi ddikjarat skont il-kategorija korrispondenti speċifikata fit-Tabella 13 tal-imsemmi standard armonizzat, intitolata “Kategoriji għall-kontenut massimu totali ta’ kubrit” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa ddeterminat b’mod konformi mal-Istandard Ewropew EN 1744-1:1998. |
50 |
Madankollu, għandu jitfakkar, hekk kif tikkonferma r-raba’ premessa tad-Direttiva 89/106, li din għandha l-għan li telimina l-ostakoli għall-kummerċ billi toħloq kundizzjonijiet li jippermettu li l-prodotti għall-kostruzzjoni jiġu kkummerċjalizzati liberament fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Elenca, C‑385/10, EU:C:2012:634, punt 15). |
51 |
Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 89/106, li l-għan tagħha huwa limitat għat-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ, iktar milli tarmonizza l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-użu konkret tal-prodotti għall-kostruzzjoni meta dawn jiġu inkorporati f’xogħlijiet ta’ bini u ta’ inġinerija ċivili, iktar ittendi li tarmonizza l-modalitajiet ta’ aċċess ta’ dawn il-prodotti għas-suq. |
52 |
Għalhekk, la d-Direttiva 89/106 u lanqas l-Istandard armonizzat EN 13242:2002, u b’mod partikolari l-punt 6.3 ta’ din tal-aħħar, li jiffissa l-modalitajiet għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ kubrit tal-granulati kkonċernati minnu, ma jwettqu l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-prova fil-kuntest ta’ kontenzjuż relatat ma kuntratti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm jekk fir-rigward tal-mod ta’ kif għandha tiġi stabbilta l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali ta’ prodott għall-kostruzzjoni jew inkella fir-rigward tal-mument li fih għandha tiġi stabbilita l-konformità ta’ tali prodott għall-kostruzzjoni. |
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda 1(b) għandha tkun li l-Istandard armonizzat EN 13242:2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jorbotx lill-qorti nazzjonali, adita b’kawża dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat li jimponi fuq parti li tipprovdi prodott għall-kostruzzjoni konformi ma standard nazzjonali li jittrasponi dan l-istandard armonizzat, kemm fir-rigward tal-mod ta’ kif għandha tiġi stabbilta l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali ta’ tali prodott għall-kostruzzjoni jew inkella fir-rigward tal-mument li fih għandha tiġi stabbilita l-konformità ta’ tali prodott għall-kostruzzjoni. |
Fuq it-tielet domanda
54 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha issa tiġi eżaminata, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, moqri fid-dawl tat-tnax-il premessa tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu ta’ prodott għall-kostruzzjoni mmanifatturat skont standard armonizzat fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kwalità kummerċjabbli jew tal-adegwatezza għall-użu ta’ tali prodott meta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura ġenerali li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrikjedi li prodott għall-kostruzzjoni jkollu tali karatteristiċi. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-modalitajiet għall-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni. |
55 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/106, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li tiggarantixxi li l-prodotti għall-kostruzzjoni intiżi li jintużaw f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu adegwati għall-użu maħsub, jiġifieri jekk ikollhom dawk il-karatteristiċi li jippermettu li x-xogħlijiet li fihom ser jiġu inkorporati, magħquda, imħaddma jew installati, ikunu jistgħu, sakemm ikunu ġew iddisinjati u mibnija sew, jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva fil-każ fejn dawn ix-xogħlijiet huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni li tinkludi tali rekwiżiti. |
56 |
Għal dan il-għan u kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa mekkaniżmu ta’ preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu li abbażi tiegħu prodott li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/106 u kkonkretizzati fi standard armonizzat għandu, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva moqri fid-dawl tat-tnax-il premessa tagħha, il-jiċċirkula, li jitqiegħed fis-suq u li jintuża liberament fit-territorju tal-Istati Membri kollha. |
57 |
Minn dan jirriżulta li tali preżunzjoni ta’ adegwatezza hija unikament intiża li tippermetti li prodott għall-kostruzzjoni, li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn standard armonizzat, jiċċirkula liberament fi ħdan l-Unjoni. |
58 |
Għalhekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 89/106 ma għandiex tiġi interpretata bħala li tarmonizza regoli nazzjonali, eventwalment impliċiti, applikabbli għall-kuntratti ta’ bejgħ tal-prodotti għall-kostruzzjoni. |
59 |
Konsegwentement, il-preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, moqri fid-dawl tat-tnax-il premessa tagħha, ma hijiex applikabbli, fil-kuntest ta’ tilwima kuntrattwali, għall-evalwazzjoni tal-osservanza minn waħda mill-partijiet kontraenti ta’ rekwiżit nazzjonali ta’ natura kuntrattwali. |
60 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel parti tat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tagħha. |
61 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, moqri fid-dawl tat-tnax-il premessa tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni ta’ adegwatezza għall-użu ta’ prodott għall-kostruzzjoni mmanifatturat skont standard armonizzat fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kwalità kummerċjabbli jew tal-adegwatezza għall-użu ta’ tali prodott meta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura ġenerali li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrikjedi li prodott għall-kostruzzjoni jkollu tali karatteristiċi. |
Fuq ir-raba ’ u l-ħames domandi preliminari
62 |
Peress li r-raba’ u l-ħames domandi saru mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 1(a) u għat-tielet domanda, ma hemmx lok li dawn jingħataw risposta. |
Fuq it-tieni domanda
63 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ individwi fir-rigward ta’ drittijiet u ta’ obbligi ta’ natura kuntrattwali, qorti nazzjonali għandha toqgħod lura milli tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistipula, bla ħsara għal rieda opposta tal-partijiet, kundizzjonijiet kuntrattwali impliċiti dwar il-kwalità kummerċjabbli u l-adegwatezza għall-użu jew il-kwalità tal-prodotti mibjugħa, minħabba li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 1(11) ta’ din id-direttiva, li ma jkunx ġie nnotifikata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva. |
64 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif ġustament għamlet il-qorti tar-rinviju, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-inapplikabbiltà ta’ regolament tekniku nazzjonali li ma ġiex innotifikat b’mod konformi mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 tista’ tiġi invokata f’tilwima bejn individwi (ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 54, u tas-26 ta’ Settembru 2000, Unilever, C‑443/98, EU:C:2000:496, punti 40 sa 43, 48 u 49). |
65 |
Preliminarjament, madankollu għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix effettivament “regolament tekniku” fis-sens tal-Artikolu 1(11) ta’ din id-direttiva. |
66 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” jinqasam fi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel lok, “speċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34, fit-tieni lok, “ħtiġiet oħra” kif iddefiniti fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, u fit-tielet lok, il-projbizzjoni tal-manifattura, l-importazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu ta’ prodott previst fl-Artikolu 1(11) ta’ l-istess direttiva (sentenzatal-10 ta’ Lulju 2014, Ivansson et, C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
F’dan il-każ, jidher, l-ewwel nett, li dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm jekk minnhom infushom jew kif interpretati mill-qrati Irlandiżi, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34. Fil-fatt, dan il-kunċett jirrigwarda esklużivament il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw il-prodott jew l-ippakkjar tiegħu bħala tali u li jiffissaw, għalhekk, waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Ivansson et, C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ rekwiżit li japplika, bla ħsara għal rieda tal-partijiet, b’mod ġenerali għall-bejgħ ta’ kull prodott. |
68 |
It-tieni nett u għall-istess raġuni, tali dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ħtiġiet oħra” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/34. |
69 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħtiġiet oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-miżuri nazzjonali kkonċernati għandhom jikkostitwixxu kundizzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat, fejn huwa sottointiż li rekwiżiti li jkunu ta’ natura ġenerali ma jistgħux jikkostitwixxu tali kundizzjonijiet u lanqas, konsegwentement, ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħtiġiet oħra” (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Ivansson et, C‑307/13, EU:C:2014:2058, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
70 |
It-tielet nett, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma taqa’ taħt il-kategorija ta’ regolamenti tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, sa fejn, peress li din tillimita ruħha li tistipula rekwiżiti kuntrattwali impliċiti, din ma tinkludi ebda projbizzjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva, la ta’ manifattura, ta’ importazzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ użu ta’ prodott u lanqas li jiġi pprovdut jew użat servizz jew li individwu jistabbilixxi ruħu bħala fornitur ta’ servizzi. |
71 |
Konsegwentement, id-Direttiva 98/34 ma hijiex applikabbli għal rekwiżiti kuntrattwali impliċiti bħal dawk imposti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
72 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistipulaw, bla ħsara għal rieda opposta tal-partijiet, kundizzjonijiet kuntrattwali impliċiti dwar il-kwalità kummerċjabbli u l-adegwatezza għall-użu jew il-kwalità tal-prodotti mibjugħa, ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom ikunu suġġetti għall-komunikazzjoni minn qabel prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
73 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.