Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0205

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016.
Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (DGRFP) vs Vasile Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt ta’ aċċess għal qorti – Prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tordna r-rimbors ta’ taxxa mħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Eżenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi minn ċerti spejjeż tal-qorti – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C-205/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:499

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Dritt ta’ aċċess għal qorti — Prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tordna r-rimbors ta’ taxxa mħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Eżenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi minn ċerti spejjeż tal-qorti — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C-205/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Sibiu (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Sibiu, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2015, fil-proċedura

Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov

vs

Vasile Toma,

Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. Toma, minn D. Târşia, avukat,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll minn R. Mangu u M. Bejenar, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, F.X. Bréchot kif ukoll D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem il-“Karta”) kif ukoll fuq l-Artikolu 4(3) TUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Brașov, ir-Rumanija), irrappreżentat mill-Administrația Județeană a Finanțelor Publice Sibiu (Amministrazzjoni tad-Dipartiment tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Sibiu, ir-Rumanija) (iktar ‘il quddiem l-“amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi”) minn naħa, u Vasile Toma u l-Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (studju tal-marixxalli legali Horațiu-Vasile Cruduleci), fir-rigward tal-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tordna r-rimbors ta’ taxxa mħallsa mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura fir-Rumanija.

Id-dritt Rumen

3

L-Artikolu 16 tal-Constituția României (Kostituzzjoni Rumena), intitolat “L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini huma uwali f’għajnejn il-liġi u l-awtoritajiet pubbliċi, mingħajr privileġġi u diskriminazzjoni.”

4

L-Ordonanţa de Urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule (Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 50/2008 li jistabbilixxi t-taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur), tal-21 ta’ April 2008 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 327 tal-25 ta’ April 2008, iktar ‘il quddiem l-“OUG Nru 50/2008”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, kien stabbilixxa taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi tal-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3. L-obbligu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa kien kien jitnissel b’mod partikolari mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur fir-Rumanija.

5

L-Artikolu 1 tal-Ordonanţa de Urgenţă a Guvernului nr. 80 privind taxele judiciare de timbru (Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 80 fuq it-taxxi tal-boll ġudizzjarji), tas-26 ta’ Ġunju 2013 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 392 tad-29 ta’ Ġunju 2013, iktar ‘il quddiem l-“OUG Nru 80/2013”), jipprovdi:

“1.   Il-proċeduri u t-talbiet imressqa quddiem il-qrati, kif ukoll it-talbiet imressqa quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja u quddiem il-Prosekutur mal-Qorti l-Għolja ta’ Kassazzjoni u Ġustizzja, jagħtu lok għall-ħlas tat-taxxi tal-boll ġudizzjarji stabbiliti minn dan id-Digriet ta’ Urġenza.

2.   It-taxxi tal-boll ġudizzjarji huma dovuti, fil-kundizzjonijiet imsemmija fid-Digriet ta’ Urġenza preżenti, mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha u jirrappreżentaw il-ħlas għas-servizzi pprovduti mill-qrati, kif ukoll mill-Ministeru tal-Ġustizzja u mill-Prosekutur mal-Qorti l-Għolja ta’ Kassazzjoni u Ġustizzja.

3.   Fil-każijiet espressament stabbiliti mil-liġi, il-proċeduri u t-talbiet imressqa quddiem il-qrati, kif ukoll it-talbiet imressqa quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja u quddiem il-Prosekutur mal-Qorti l-Għolja ta’ Kassazzjoni u Ġustizzja, huma eżentati mit-taxxi tal-boll ġudizzjarji.”

6

L-Artikolu 2 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“It-taxxi tal-boll ġudizzjarji huma ffissati b’mod differenzjat, skont jekk is-suġġett [tat-talba] jistax jew le jiġi evalwat fi flus, bl-eċċezzjonijiet stabbiliti mil-liġi.”

7

Skont l-Artikolu 30 tal-imsemmi digriet:

“1.   Huma eżentati mit-taxxa tal-boll ġudizzjarju l-proċeduri u t-talbiet, ikun liema jkun is-suġġett tagħhom, inklużi r-rimedji, ippreżentati, konformement mal-liġi, mis-Senat, mill-Kamra tad-Deputati, mill-Uffiċċju tal-President tar-Rumanija, mill-Gvern Rumen, mill-Qorti Kostituzzjonali, mill-Qorti tal-Awdituri, mill-Kunsill Leġiżlattiv, mill-Ombudsman, mill-Prosekutur Pubbliku u mill-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi, kif ukoll dawk ippreżentati minn istituzzjonijiet pubbliċi oħra, tkun liema tkun il-kwalità tagħhom fil-proċedura, meta dawn ikollhom bħala suġġett it-taxxi pubbliċi.

2.   Skont id-Digriet ta’ Urġenza preżenti, il-kategorija tat-taxxi pubbliċi tinkludi t-taxxi tal-baġit tal-Istat, tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat, tal-baġits lokali, tal-baġits tal-fondi speċjali, inkluż dak tal-fondi tal-assigurazzjoni kontra l-mard, tal-baġit tat-Teżor pubbliku, it-taxxi provenjenti minn rimborsi ta’ krediti esterni, kif ukoll ta’ interessi u ta’ kummissjoni assoċjati mat-Teżor pubbliku, kif ukoll it-taxxi tal-baġits tal-istituzzjonijiet pubbliċi ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Istat, il-baġits lokali, il-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat u l-baġits tal-fondi speċjali, skont il-każ, it-taxxi tal-baġit tal-fondi provenjenti minn krediti esterni magħmula jew iggarantiti mill-Istat u li r-rimbors, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra tagħhom huma assigurati minn fondi pubbliċi, kif ukoll it-taxxi tal-baġit tal-fondi esterni mhux rimborsabbli.”

8

L-Ordonanţa Guvernului nr. 92 privind Codul de procedură fiscală (Digriet tal-Gvern Nru 92, dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali), tal-24 ta’ Diċembru 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 941 tad-29 ta’ Diċembru 2003, ippubblikat mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 513 tal-31 ta’ Lulju 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Fiskali”), jipprovdi fl-Artikolu 21 tiegħu, intitolat “Il-krediti fiskali” :

“1.   Il-krediti fiskali jirrappreżentaw drittijiet patrimonjali li, skont il-liġi, jirriżultaw mir-relazzjonijiet legali fiskali materjali.

2.   Ir-relazzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1 jiddeterminaw kemm il-kontenut kif ukoll l-ammont tal-krediti fiskali, li jirrappreżentaw drittijiet determinati li jikkonsistu:

a)

[…] fid-dritt għall-ħlas lura tat-taxxi, tal-kontribuzzjonijiet u tas-somom l-oħra li jikkostitwixxu taxxi tal-baġit ġenerali kkonsolidat, konformement mal-paragrafu 4, magħrufa bħala l-“krediti fiskali prinċipali”.

b)

fid-dritt għall-impożizzjoni ta’ interessi, ta’ multi moratorji jew ta’ żiediet minħabba dewmien, skont il-każ, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, magħrufa bħala “krediti fiskali aċċessorji”.

[…]

4.   Sa fejn huwa kkonstatat li l-ħlas tas-somom li jirrappreżentaw taxxi, kontribuzzjonijiet u taxxi oħra tal-baġit ikkonsolidat ikun sar mingħajr bażi legali, il-persuna li wettqet il-ħlas f’dawn iċ-ċirkustanzi għandha dritt għall ħlas lura tas-somma kkonċernata.”

9

Skont l-Artikolu 229 tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali, intitolat “L-eżenzjoni tal-awtoritajiet fiskali mill-ħlas ta’ taxxi” :

“L-awtoritajiet fiskali huma eżentati mit-taxxi, tariffi, kummissjonijiet jew garanziji għat-talbiet, proċeduri u kull tip ieħor ta’ miżura mibdija minnhom fid-dawl tal-ġestjoni tal-krediti fiskali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relattivi għall-komunikazzjoni tal-att amministrattiv fiskali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Vasile Toma ħallas, matul ir-reġistrazzjoni ta’ vettura fir-Rumanija, li preċedentement kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor, somma ta’ 4121 leu Rumen (RON) (madwar EUR 900) bħala taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur abbażi tal-OUG Nru 50/2008. It-Tribunalul Sibiu (Qorti Reġjonali ta’ Sibiu, ir-Rumanija), b’sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2012, ikkundannat lill-Administrația Finanțelor Publice Avrig (l-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi ta’ Avrig, ir-Rumanija) u lill-Administrația Fondului pentru Mediu (l-amministrazzjoni tal-Fondi għall-ambjent, ir-Rumanija) għall-ħlas lura tas-somma msemmija lil V. Toma, għall-ħlas tal-interessi legali relatata magħha, kif ukoll għar-rimbors tal-ispejjeż.

11

Is-sentenza msemmija saret res judicata fit-22 ta’ Ottubru 2013 wara ċ-ċħid, mill-Curtea de Apel Alba Iulia (Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), tal-appell ippreżentat mis-Serviciul Fiscal Orăşenesc Avrig (servizz fiskali tal-belt ta’ Avrig, ir-Rumanija), li ħa post l-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi ta’ Avrig.

12

B’risposta għat-talba ta’ eżekuzzjoni forzata mressqa minn V. Toma kontra s-servizz fiskali tal-belt ta’ Avrig u l-amministrazzjoni tal-Fondi għall-ambjent, il-Judecătoria Sibiu (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Sibiu) ordnat, fl-24 ta’ Marzu 2014, l-eżekuzzjoni forzata tal-obbligu li jirriżulta mis-sentenza tat-Tribunalul Sibiu (Qorti Reġjonali ta’ Sibiu, ir-Rumanija) tas-16 ta’ Ottubru 2012, liema eżekuzzjoni kienet tinkludi l-allokazzjoni tal-interessi legali kkalkolati mit-22 ta’ Marzu 2012 u sar-restituzzjoni effettiva tas-somom dovuti lil V. Toma.

13

B’digriet tal-10 ta’ April 2014, l-istudju tal-marixxalli legali Horațiu-Vasile Cruduleci ffissa l-ispejjeż għall-eżekuzzjoni forzata għal ammont ta’ RON 765 (mardwar EUR 170).

14

L-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi ressqet oppożizzjoni kontra l-imsemmija eżekuzzjoni forzata, u talbet ukoll l-annullament tal-atti ta’ eżekuzzjoni diġà adottati kif ukoll is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, mingħajr ma jkollha tħallas it-taxxa tal-boll ġudizzjarju relatata ma’ din l-oppożizzjoni u lanqas tiddepożita l-garanzija relattiva għat-talba tagħha għas-sospensjoni tal-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni.

15

L-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi osservat, quddiem il-qorti tar-rinviju, li V. Toma kien marbut, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, li jippreżenta preliminarjament applikazzjoni mal-amministrazzjoni fiskali debitriċi, bil-għan tar-restituzzjoni tat-taxxa mħallsa indebitament, liema applikazzjoni kellha tiġi ttrattata f’terminu ta’ 45 jum. Fil-każ li dan il-ħlas lura ma jseħħx, minħabba insuffiċjenza fil-fondi, l-amministrazzjoni kompetenti jkollha terminu supplimentari ta’ sitt xhur biex tieħu l-passi neċessarji għat-twettiq tal-obbligu tal-ħlas tagħha. Huwa biss fin-nuqqas ta’ trattament tal-każ f’dan it-terminu li V. Toma jkollu d-dritt li jirreferi għall-qrati kompetenti fil-qasam tal-eżekuzzjoni.

16

Fid-dawl tar-riskju li l-imsemmi ħlas lura jseħħ fi proċedura li, skont l-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi, hija illegali wkoll minħabba l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċjali li jipprevedu proċedura ta’ ħlas lura tat-taxxi mħallsa indebitament permezz ta’ ħlas skalat fuq ħames snin, peress li kull eżekuzzjoni forzata għandha tiġi sospiża awtomatikament matul dan il-perijodu, l-amministrazzjoni msemmija talbet is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni intentata.

17

V. Toma jqis li l-oppożizzjoni mressqa kontra l-eżekuzzjoni forzata ordnata għandha tiġi miċħuda u li, f’kull każ, l-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi għandha tħallas it-taxxa tal-boll relattiva għall-oppożizzjoni tagħha għal din l-eżekuzzjoni forzata u tiddepożita l-garanzija relatata mat-talba għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata. Peress li l-leġiżlazzjoni kkonċernata tistabbilixxi diskriminazzjoni bejn il-persuni tad-dritt privat, li huma marbuta li jħallsu dawn l-ispejjeż ġudizzjarji, u l-persuni tad-dritt pubbliku li, bħall-amministrazzjoni msemmija, huma eżentati minnhom, din ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

18

Il-qorti tar-rinviju li tqis li effettivament jeżisti trattament mhux ugwali bejn il-persuni tad-dritt privat u l-persuni tad-dritt pubbliku f’dak li jikkonċerna l-ħlas ta’ ċerti spejjeż ġudizzjarji fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata li jirrigwardaw it-taxxi pubbliċi, tistaqsi ruħha dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-differenza ta’ trattament mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja ta’ dawn l-aħħar persuni meta mqabbla mal-ewwel.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Judecătoria Sibiu (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Sibiu) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll l-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 30 tad-Digriet ta’ Urġenza Nru 80/2013 tal-Gvern, li tistabbilixxi l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi biss bejn iċ-ċittadini persuni fiżiċi u mhux bejn dawn u l-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, u li teżenta a priori lill-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku mill-ħlas tat-taxxi tal-boll u mill-garanzija għall-aċċess għall-qrati, filwaqt li tissuġġetta l-aċċess għall-qrati tal-persuni fiżiċi għall-kundizzjoni tal-ħlas ta’ taxxi tal-boll/garanziji?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

20

Il-Gvernijiet tar-Rumanija, ta’ Spanja, ta’ Franza u tal-Polonja josservaw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domanda magħmula, minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni legali li wasslet għall-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Spanjol ifakkar, barra minn hekk, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika r-rabta eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tintalab l-interpretazzjoni tagħhom u s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula tirrigwarda l-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jgħid li l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (Opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 173, u s-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C‑235/09, EU:C:2011:238, punt 58, u l-Opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 173), kif ukoll diversi dispożizzjonijiet tal-Karta.

22

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi lilha attribwiti (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos, C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Issa, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, u din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos, C‑265/13, EU:C:2014:187, punti 2829 kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punti 2526).

24

Għaldaqstant, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 27; tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 22; kif ukoll tas-27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos, C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 27).

25

Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni ġuridika li wasslet għall-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

26

F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-suġġett tal-proċedura prinċipali jikkonċerna l-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tirrigwarda r-rimbors ta’ taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur imħallsa indebitament lill-awtoritajiet pubbliċi waqt l-ewwel reġistrazzjoni, fir-Rumanija, ta’ vettura li tappartjeni lil V. Toma u preċedentement irreġistrata fi Stat Membru ieħor.

27

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, permezz tas-sentenzi tas-7 ta’ April 2011, Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219), u tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu (C-263/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:466), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat taxxa bħat-taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur, dovuta abbażi tal-OUG Nru 50/2008, inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE fil-forom kollha tagħha.

28

B’hekk, sa fejn is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jikkonċerna r-rimbors ta’ taxxa mħallsa bi ksur tal-Artikolu 110 TFUE u sa fejn l-Istati Membri huma marbuta, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jħallsu lura tali taxxa u l-interessi relatati magħha, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-liġi lill-individwu għall-ħlas lura (ara, b‘analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C-93/12, EU:C:2013:432, punti 3536, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C-362/12, EU:C:2013:834, punt 31), għandu jitqies li s-sitwazzjoni legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

29

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula.

Fuq il‑mertu

30

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun din tal-aħħar li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Viamar, C-402/14, EU:C:2015:830, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tiddubita, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja relattiva għar-rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, mill-kompatibbiltà ma’ dan id-dritt ta’ dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 30 tal-OUG Nru 80/2013 u l-Artikolu 229 tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali, li skont din il-qorti jikkostitwixxu espressjoni konkreta tal-prinċipju tal-ugwaljanza, stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni Rumena, u li jipprevedu eżenzjonijiet mill-ħlas tat-taxxa tal-boll ġudizzjarju u mill-għoti ta’ garanzija applikabbli għat-talbiet ippreżentati mill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li dawk ippreżentati minn persuni fiżiċi ma humiex, fil-prinċipju, eżentati.

32

F’dan il-kuntest, għandu fl-ewwel lok jitfakkar li d-dritt għal rimbors ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi, kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, obbligati jirrimborsaw it-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni flimkien mal-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 45, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 2425).

33

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali miġbura indebitament, huwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali għar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rimedji ġudizzjarji simili tad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u lanqas ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu rispettivament il-prinċipji ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

36

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-Artikolu 47 tal-Karta jinvolvi, bħala komponent tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jew ta’ ugwaljanza proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 48). Peress li dan l-aħħar prinċipju jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi msemmi fl-Artikolu 20 tal-Karta, għandhom jiġu eżaminati l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju esposti fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-imsemmi Artikolu 47.

37

Issa, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 21 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li din il-qorti ma tesponi la r-raġunijiet li wassluha biex tistaqsi ruħha dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni b’mod distint mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Karta u lanqas ir-rabta li din tistabbilixxi bejn dan l-Artikolu 21 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, u b’hekk ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet għalfejn din tesprimi dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-imsemmi Artikolu 21.

38

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżenta lill-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku mit-taxxi tal-boll ġudizzjarji, meta dawn jifformaw oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tirrigwarda r-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u li teżenta lil dawn mill-obbligu li jagħtu l-garanzija prevista għall-preżentata tat-talba għas-sospensjoni ta’ tali proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, filwaqt li talbiet ippreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi tad-dritt privat fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri jibqgħu, fil-prinċipju, suġġetti għall-ispejjeż ġudizzjarji.

39

Peress li d-domanda preliminari tidħol b’mod partikolari fil-kuntest tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn din tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi eżenzjonijiet ta’ ċerti spejjeż ġudizzjarji favur ċerti kategoriji ta’ persuni, għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-Artikolu 47 tal-Karta li jistabbilixxi d-dritt għal tali protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 29).

40

F’dan ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Artikolu 47 tal-Karta li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 jikkorrispondu għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

41

L-Artikolu 52(3) tal-Karta jippreċiża li, sa fejn din tal-aħħar tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet relattivi għal din id-dispożizzjoni, is-sens u l-portata tad-drittijiet żgurati huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB, iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, EU:C:2010:811, punti 3537 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dak li jikkonerna l-kontenut ta’ dan l-Artikolu 47, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jidher f’din id-dispożizzjoni jikkonsisti minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u d-dritt ta’ aċċess għall-qrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).

43

Fir-rigward tad-dritt ta' aċċess għal qorti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà ddeċidiet li dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, ikun illużorju kieku s-sistema legali ta’ Stat kontraenti tkun tippermetti li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u obbligatorja tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti, peress li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandha b’hekk titqies li tifforma parti sħiħa mill-“proċess”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6 (Qorti EDB, 7 ta’ Mejju 2002, Bourdov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2002:0507JUD005949800, § 34, u Qorti EDB, 6 ta’ Settembru 2005, Săcăleanu vs Ir Rumanija, CE:ECHR:2005:0906JUD007397001, § 55).

44

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll minn dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għal qorti ma huwiex dritt assolut u li, b’hekk, jista' jinvolvi restrizzjonijiet proporzjonati li jfittxu għan leġittimu u ma jiksrux dan id-dritt fis-sustanza tiegħu stess, inklużi dawk marbuta mal-ħlas tal-ispejjeż ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat 22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C 279/09, EU:C:2010:811, punti 45, 52 u 60, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C 61/14, EU:C:2015:655, punti 72 u 79, kif ukoll Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 2006, V. M. vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2006:0608JUD004572399, § 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

F'dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda prova li tippermetti li jitqies li l-aċċess ta’ V. Toma għal qorti kien, fil-kawża prinċipali, ostakolat b’mod sproporzjonat minħabba l-obbligu li jitħallsu spejjeż ġudizzjarji kbar ħafna, relattivi jew għall-proċedura li fil-kuntest tagħha kiseb id-deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxilu d-dritt għal rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jew għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata relatta ma’ din id-deċiżjoni jew inkella minħabba li għajnuna legali ġiet irrifjutata lilu indebitament.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li toħloq, skont il-qorti tar-rinviju, żbilanċ bejn il-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi tad-dritt privat fi proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr madankollu ma tostakola b’mod sproporzjonat l-aċċess għall-qrati ta' dawn l-aħħar persuni, tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet huwa korollarju għall-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, li jimplika l-obbligu li tiġi offruta lil kull parti possibbiltà raġjonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha, fejn id-dannu li joħloq l-iżbilanċ għandu fil-prinċipju jiġi pprovat minn dak li bagħtih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punti 71 u 72, kif ukoll tas 17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C 169/14, EU:C:2014:2099, punt 49).

48

Huwa minnu li leġiżlazzjoni li teżenta lill-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku mill-ħlas ta’ ċerti spejjeż ġudizzjarji, filwaqt li l-persuni fiżiċi ma jibbenefikawx, a priori, minn tali eżenzjoni, tistabbilixxi distinzjoni bejn dawn il-persuni f’dak li jikkonċerna t-trattament proċedurali tat-talbiet tagħhom ippreżentati fil-kuntest ta’ proċedura bħall-proċedura fil-kawża prinċipali. Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta' din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk tali leġiżlazzjoni tpoġġix lil persuna bħal V. Toma f'sitwazzjoni ta' inferjorità meta mqabbel mal-avversarju tiegħu, f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li din il-persuna hija fondata li tinvoka abbażi tad-dritt tal-Unjoni u jekk b'hekk tiksirx il-karattru ta’ smigħ xieraq ta’ tali proċedura.

49

F'dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-ispejjeż ġudizzjarji jikkontribwixxu, fil-prinċipju, għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja, sa fejn tali spejjeż ikunu jikkostitwixxu sors ta’ finanzjament tal-attività ġudizzjarja tal-Istati Membri (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C 61/14, EU:C:2015:655, punt 73). Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tal-OUG Nru 80/2013, u kif ikkonferma l-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dan huwa l-għan imfittex mit-taxxa tal-boll ġudizzjarju kkonċernata mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 30 ta' dan id-digriet, peress li din it-taxxa tal-boll tikkontribwixxi għall-finanzjament tas-servizzi pprovduti mill-qrati.

50

Fid-dawl ta’ dan il-għan, għandu jiġi kkonstatat, bħall-Gvern Rumen, Spanjol, Franċiż, Pollakk u bħall-Kummissjoni Ewropea, li l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll ġudizzjarju li jibbenefikaw minnha l-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku, fi proċeduri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma joħolqux, minnhom infushom, vantaġġ proċedurali lil dawn il-persuni ġuridiċi, peress li, hekk kif espona l-Gvern Rumen, il-ħlas ta’ dan il-boll minn tali persuni huwa imputat fuq il-baġit nazzjonali kkonsolidat, li jiffinanzja wkoll is-servizzi pprovduti mill-qrati.

51

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżenzjoni tal-għoti ta’ garanzija meħtieġa mal-preżentata tat-talba għas-sospensjoni ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li tirrigwarda krediti fiskali, bħal dik prevista fl-Artikolu 229 tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali, din il-garanzija, skont il-Gvern Rumen, tikkostitwixxi garanzija għall-kreditur li jippreżenta proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, peress li din tal-aħħar tirriskja li tiġi interrotta minn talba għas-sospensjoni ppreżentata minn debitur li jista’ jkun jinsab, sussegwentement, f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għalih li jħallas id-dejn tiegħu minħabba l-insolvenza jew il-falliment tiegħu.

52

Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 ta' din is-sentenza, l-Istati Membri huma marbuta, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, li jirrimborsaw bl-interessi t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, ma jistax jiġi ammess li Stat Membru, fil-kwalità tiegħu ta' debitur f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun jista’ jinvoka insuffiċjenza fil-fondi biex jiġġustifika impossibbiltà li jeżegwixxi deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi lil individwu d-dritt għar-rimbors flimkien mal-interessi ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

53

Sa fejn ir-riskju kopert mill-garanzija ma jkunx jista’ jseħħ fi proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżenzjoni msemmija mill-Artikolu 229 tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali ma tistax, konsegwentement, iddgħajjef il-pożizzjoni ta’ persuna bħal V. Toma, meta mqabbla ma’ dik tal-avversarju tiegħu.

54

Għalhekk, għandu jitqies li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tillimita ruħha biex teżenta a priori lill-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku mill-ħlas ta’ ċerti spejjeż ġudizzjarji fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrigwardaw ir-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li jissuġġettaw, fil-prinċipju, it-talbiet ippreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi tad-dritt privat f’tali proċeduri għall-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, ma tpoġġix lil dawn tal-aħħar f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarji tagħhom u b’hekk ma tpoġġix indiskussjoni s-smigħ xieraq ta’ din il-proċedura.

55

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta hija kkonfortata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relattiva għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Fil-fatt, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi distinta minn dik, ikkunsidrata minn din il-Qorti bħal inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 6(1) tal-KEDB fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti EDB tas-6 ta’ April 2006, Stankiewicz vs Il-Polonja (CE:ECHR:2006:0406JUD004691799).

56

Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża msemmija mhux biss kienet teżenta lill-prosekutur pubbliku mill-ispejjeż ġudizzjarji, sitwazzjoni li setgħet, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tiġi ġġustifikata mill-protezzjoni tal-ordni pubbliku, iżda kellha wkoll l-effett li tobbliga lill-parti privata rebbieħa li tbati l-ispejjeż proċedurali kollha tagħha, u b’hekk tpoġġiha f’sitwazzjoni indebitament sfavorevoli meta mqabbla mal-avversarju tagħha (Qorti EDH, 6 ta’ April 2006, Stankiewicz vs Il-Polonja, CE:ECHR:2006:0406JUD004691799, § 68 u 69). Issa, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni f'din il-kawża prinċipali ma tipproduċix tali effett.

57

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi osservat li ebda element mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika b’mod differenti għat-tilwim ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dak, simili, ibbażat fuq ksur tad-dritt nazzjonali, u b’hekk tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza (ara, fir-rigward tal-kontenut ta’ dan l-aħħar prinċipju, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2015, Surgicare, C 662/13, EU:C:2015:89, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C 69/14, EU:C:2015:662, punt 32).

58

L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, peress li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din ma tkunx teżenta lill-individwi li jinvokaw id-drittijiet tagħhom mis-sistema legali tal-Unjoni mill-ispejjeż bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata li jirrigwardaw taxxi pubbliċi, ma tidhirx li tagħmel, minnha nnifisha, l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli.

59

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżenta lill-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku mill-ħlas tat-taxxi tal-boll ġudizzjarji meta jippreżentaw oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ta' deċiżjoni ġudizzjarja li tirrigwarda r-rimbors ta’ taxxi mħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u jeżentaw lil dawn mill-obbligu li jiddepożitaw garanzija mal-introduzzjoni tat-talba għas-sospensjoni ta’ tali proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, filwaqt li t-talbiet ippreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi tad-dritt privat fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri jibqgħu, fil-prinċipju, suġġetti għal tali spejjeż ġudizzjarji.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżenta lill-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku mill-ħlas tat-taxxi tal-boll ġudizzjarji meta jippreżentaw oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tirrigwarda r-rimbors tat-taxxi mħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u jeżentaw lil dawn mill-obbligu li jiddepożitaw garanzija mal-introduzzjoni tat-talba għas-sospensjoni ta' tali proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, filwaqt li t-talbiet ippreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi tad-dritt privat fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri jibqgħu, fil-prinċipju, suġġetti għal tali spejjeż ġudizzjarji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top