EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0078

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
Giovanni Pesce et vs Presidenza del Consiglio dei Ministri -et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti – Direttiva 2000/29/KE – Protezzjoni kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni Ewropea ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għal prodotti tal-pjanti – Deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/789 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa (Wells et Raju) – Artikolu 6(2)(a) – Obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati – Validità – L-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal kumpens”.
Kawżi magħquda C-78/16 u C-79/16.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:428

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni sanitarja tal-pjanti — Direttiva 2000/29/KE — Protezzjoni kontra l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni Ewropea ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għal prodotti tal-pjanti — Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/789 — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa (Wells et Raju) — Artikolu 6(2)(a) — Obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati — Validità — L-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dritt għal kumpens”

Kawżi magħquda C‑78/16 u C‑79/16

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali għal-Lazio, l-Italja) ), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-16 ta’Diċembru 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2016, fil-proċeduri

Giovanni Pesce et (C‑78/16),

Cesare Serinelli et (C‑79/16),

vs

Presidenza del Consiglio dei Ministri (C-79/16),

Presidenza del Consiglio dei Ministri (C-79/16), – Dipartimento della Protezione Civile,

Commissario Delegato Per Fronteggiare il Rischio Fitosanitario Connesso alla Diffusione della Xylella nel Territorio della Regione Puglia,

Ministero delle Politiche Agricole Alimentari e Forestali,

Regione Puglia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. BOT

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

fid-dawl tad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2016 li dawn il-kawżi jiġu sottomessi għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal G. Pesce et, minn G. Pesce, avukat,

għal Serinelli et., minn M. Alterio u u M. Tagliaferro, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u G. Caselli, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A. Vassilopoulou kif ukoll minn G. Kanellopoulos, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u I. Galindo Martin kif ukoll minn D. Bianchi u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789, tat-18 ta’ Mejju 2015, fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta’ Xylella fastidiosa (Wells et al) (ĠU 2015, L 125, p. 36).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn diversi proprjetarji ta’ artijiet agrikoli li jinsabu fil-provinċja ta’ Brindisi, fi ħdan ir-Reġjun tal-Puglia (l-Italja), stabbilit għall-kultura tas-siġar taż-żebbuġ tal-ispeċje tal-pjanti Olea europaea L.u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri) (Kawża C‑79/16) u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri, – Dipartimento della Protezione Civile, [Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri – Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (l-Italja) u l-Commissario Delegato Per Fronteggiare il Rischio Fitosanitario Connesso alla Diffusione della Xylella nel Territorio della Regione Puglia, [kummissarju delegat għall-ġlieda kontra r-riskju fitosanitarju marbut mat-tixrid ta’ Xylella fit-territorju tar-Reġjun tal-Puglia (l-Italja),] il-Ministro delle Politiche Agricole Alimentari e Forestali (Ministru tal-Politika Agrikola Alimentari u l-Foresti) kif ukoll ir-Regione Puglia (Reġjun tal-Puglia), (iktar ’il quddiem il-kummissarju delegat”), u l-Ministero delle Politiche Agricole Alimentari e Forestali, [il-Ministeru tal-Politika agrikola tal-ikel u tal-foresti (l-Italja)] u r-Regione Puglia [ir-Reġjuni ta’ Puglia (l-Italja)], dwar miżuri meħudin minn dawn l-awtoritajiet bil-għan li jeqred il-batterju Xylella fastidiosa (Wells et Raju) (iktar ’il quddiem “Xylella”) fl-imsemmi Reġjun u li jipprevjeni t-tixrid tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2000/29

3

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, tat-8 ta’ Mejju 2000, dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 258) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/29”)

“1.   Kull Stat Membru għandu immedjatament jgħarraf bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha bil-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ kull wieħed mill-oganiżmi ta’ ħsara elenkati fl-Anness A, is-Sezzjoni I [...].

Għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeradika, jew jekk dan ikun impossibbli, inaqqas il-firxa ta’ l-organiżmi ta’ ħsara kkonċernati. Għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri meħuda.

2.   Kull Stat Membru għandu immedjatament jgħarraf bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-dehra attwali jew issospettata ta’ kull organiżmu ta’ ħsara li mhux elenkat fl-Anness I jew fl-Anness II li l-preżenza tiegħu kienet preċedentement mhux magħrufa fit-territorju tiegħu. [...]

[...]

3.   Fil-każijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli ġewwa l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. L-investigazzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru permezz ta’ l-Awtorità tal-Kummissjoni u bi qbil mad-disposizzjonijiet relevanti ta’ l-Artikolu 21. Il-miżuri fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji dwar l-organiżmi ta’ ħsara jew analiżi preliminari dwar ir-riskji ta’ l-organiżmi ta’ ħsara f’każijiet msemmija fil-paragrafu 2 meħtieġa jistgħu jkunu adottati, inklużi dawk li permezz tagħhom jista' jkun deċiż jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhomx ikunu restritti jew emendati, permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2). Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni u, permezz ta’ l-istess proċedura, għandha temenda jew tħassar, skond ma’ l-iżvilupp ikun jenħtieġ, il-miżuri msemmija. Sakemm miżura ma tkunx ġiet adottata permezz tal-proċedura msemmija qabel, l-Istat Membru jista’ jżomm il-miżuri li hu ħaddem.

[...]

5.   Jekk il-Kummissjoni ma ġietx infurmata dwar il-miżuri meħuda skond il-paragrafi 1 jew 2, jew jekk tqis li l-miżuri meħuda huma inadegwati, tista’, sakemm issir il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti, tieħu miżuri interim protettivi fuq il-bażi ta’ analiżi preliminari tar-riskji ta’ l-organiżmi ta’ ħsarabiex jinqerdu jew, fejn dan mhuwiex possibbli, jiġi inibit it-tixrid ta’ l-organiżmu perikoluż ikkonċernat. [...] ”

4

L-Anness I, Parti I, tad-Direttiva 2000/29 jelenka, kif din tirriżulta mit-Titolu tiegħu stess, l-“[o]rganiżmi ta’ ħsara li l-introduzzjoni tagħhom ġewwa, u l-firxa fi, l-istati membri kollha għandhom ikunu pprojbiti”. Taħt it-Titolu “ [o]rganiżmi ta’ ħsara mhux magħrufa li jseħħu f’xi parti tal-komunità u relevanti għall-komunità kollha”, is-Sezzjoni I ta’ din il-parti, fil-punt (b) tagħha, intitolat “Baktirja” jinkludi punt 1, formulat kif ġej: “Xylella [...] ”.

Id-Deċiżjonijonijiet ta’ Implementazzjoni 2014/87/UE u 2014/497/UE

5

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/87/UE, tat-13 ta’ Frar 2014, fir-rigward ta’ miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-[Xylella] fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2014, L 45, p. 29), liema ġiet adottata fuq il-bażi tad-Direttiva 2000/29, u, b’mod partikolari, tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 16(3), tesponi kif ġej, fil-premessi 2 u 3 kif ukoll 7 tagħha:

“(2)

Fil-21 ta’ Ottubru 2013, l-Italja infurmat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-preżenza [Xylella (iktar ’il quddiem l’“organiżmu speċifikat”)] fit-territorju tagħha, f’żewġ żoni separati tal-provinċja ta’ Lecce, fir-reġjun ta’ Apulia. Sussegwentement żewġ tifqigħat separati oħra ġew identifikati fl-istess provinċja. Il-preżenza ta’ organiżmu speċifikat kienet ikkonfermata fir-rigward ta’ diversi speċijiet ta’ pjanti, inkluż l-Olea europaea L., [...] li bdew juru ħruq ta’ weraq u sintomi ta’ tnaqqis rapidu.[...]

(3)

Fid-29 ta’ Ottubru 2013, ir-reġjun ta’ Apulia ħa miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni u l-qerda tal-organiżmu speċifikat [...], skont l-Artikolu 16(1) tad-2000/29 [...]

[...]

(7)

Fid-dawl tan-natura tal-organiżmu speċifikat, huwa probabbli li jinfirex ħafna u bil-ħeffa. Sabiex jiġi żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jinfirixx mal-bqija tal-Unjoni, hemm bżonn li jittieħdu immedjatament ċerti miżuri. Sakemm tkun disponibbli informazzjoni aktar speċifika dwar il-firxa tal-ospitant, il-vetturi, il-mogħdijiet ta’ diffużjoni u l-għażliet ta’ tnaqqis tar-riskju, huwa xieraq li l-moviment jiġi pprojbit [ta’ pjanti maħsuba għat-tħawwil] possibbilment barra minn żoni li jinkludu pjanti infettati.”

6

Skont din l-ewwel Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, il-Kummissjoni għaldaqstant ipprojbit “[ì]l-moviment tal-pjanti għat-tħawwil ’il barra mill-provinċja ta’ Lecce, ir-reġjun ta’ Apulia, l-Italja,” (Artikolu 1), ordnat it-twettiq ta’ stħarriġiet uffiċjali ta’ kull sena għall-preżenza tal-batterju Xylella (Artikolu 2) u ordnat lill-Istati Membri li jiżguraw li, persuna li ssir taf bil-preżenza ta’ dan il-batterju jew ikollha raġunijiet li tissuspetta din il-preżenza, dik il-persuna għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien għaxart ijiem (Artikolu 3)

7

Din id-deċiżjoni ġiet revokata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2014, fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella [...] fl-Unjoni [...] (ĠU 2014, L 219, p. 56).

8

Skont din it-tieni Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, li bl-istess bażi legali tal-ewwel, il-Kummissjoni llimitat il-moviment ta’ pjanti li huma pjanti ospitanti tal-batterju Xylella u ssuġġettat għal diversi kundizzjonijiet l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni meta huma joriġinaw minn pajjiż terz fejn dan il-batterju huwa notorjament preżenti (Artikoli 2 u 3). Barra minn hekk, sabiex jinqered il-batterju Xylella u jitwaqqaf it-tixrid tiegħu, il-Kummissjoni imponiet lill-Istati Membri, meta dan ikun neċessarju, żoni demarkati jkunu magħmula minn “żona infettata” u minn “żona ta’ lqugħ” li fihom l-Istati Membri kellhom, b’mod partikolari, ineħħu l-pjanti kollha infettati mill-Xylella, kif ukoll il-pjanti kollha li juru sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta’ infezzjoni minn dak il-batterju u l-pjanti kollha li ġew identifikati bħala li x’aktarx jiġu infettati [Artikolu 7 u Anness III, Taqsima 2 (a)].

Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789

9

Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/497 ġiet revokata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, li ġiet adottata fuq il-bażi tal-istess bażi legali bħall-ewwel tnejn, tinkludi l-premessi rilevanti li ġejjin:

“(1)

Fid-dawl tal-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni u n-notifiki ta' tifqigħat ġodda mill-awtoritajiet Taljani, il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [2014/87] għandhom jiġu msaħħa.

(2)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA [...]), fis-6 ta’ Jannar 2015 ippubblikat opinjoni xjentifika dwar ir-riskju għas-saħħa tal-pjanti maħluqa minn Xylella [...] fit-territorju tal-UE, bl-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ għażliet ta’ tnaqqis tar-riskju [...] Barra minn hekk, fl-20 ta’ Marzu 2015, l-[EFSA] ppubblikat rapport xjentifiku dwar il-kategorizzazzjoni ta’ dawn il-pjanti għat-tħawwil, ħlief iż-żrieragħ, skont ir-riskju ta’ introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat. Ir-rapport jikkategorizza speċijiet ta’ pjanti li s’issa kienu kkonfermati li huma suxxettibbli għall-iżolati Ewropej u mhux Ewropej tal-organiżmu speċifikat minn infezzjoni naturali, infezzjoni sperimentali permezz ta’ trażmissjoni minn vettur, jew tip mhux magħruf ta’ infezzjoni (minn hawn ’il quddiem “pjanti speċifikati”). Dik il-lista hija itwal mil-lista fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [2014/497/UE]. Għalhekk, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tapplika għal lista itwal ta’ speċijiet milli [din i]d-Deċiżjoni. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità, xi miżuri għandhom japplikaw biss għal speċijiet ta’ pjanti suxxettibbli għal iżolati Ewropej tal-organiżmu speċifikat (minn hawn ’il quddiem “pjanti ospitanti”). F’dan ir-rigward, filwaqt li l-opinjoni tal-EFSA tas-6 ta’ Jannar 2015 turi inċertezza rigward il-firxa ta’ speċijiet ta’ pjanti peress li r-riċerka għadha għaddejja, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet Taljani kkonfermaw il-kapaċità ta’ ċerti pjanti speċifikati li jkunu ‘pjanti ospitanti’.

[...]

(4)

Sabiex jeqirdu l-organiżmu speċifikat u jipprevjenu t-tixrid ulterjuri tiegħu fil-bqija tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni demarkati li jikkonsistu minn żona infestata u żona ta’ lqugħ, u japplikaw il-miżuri ta’ qerda. [...]

[...]

(7)

Fil-provinċja ta’ Lecce, l-organiżmu speċifikat hu diġà stabbiliti b’mod estensiv. Fejn l-evidenza turi li f’ċerti partijiet ta’ dik iż-żona l-organiżmu speċifikat kien preżenti għal aktar minn sentejn u m’għadux possibbli li jinqered, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jkollu l-possibilità li japplika miżuri ta’ trażżin flok miżuri ta’ qerda, biex mill-inqas jipproteġi siti ta’ produzzjoni, pjanti b’valur kulturali, soċjali u xjentifiku partikolari, kif ukoll il-fruntiera mal-bqija tat-territorju tal-Unjoni. Il-miżuri ta’ trażżin għandhom jimmiraw li jimminimizzaw l-ammont ta’ inokolu batteriku f’dik iż-żona u jżommu l-popolazzjoni tal-vettur fl-iktar livell baxx possibbli.

(8)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-bqija tat-territorju tal-Unjoni mill-organiżmu speċifikat, filwaqt li titqies il-firxa possibbli tal-organiżmu speċifikat permezz ta’ mezzi fiżiċi u assistiti mill-bniedem għajr il-moviment ta’ pjanti speċifikati għat-tħawwil, huwa xieraq li tiġi stabbilita żona ta’ sorveljanza immedjatament barra ż-żona ta’ lqugħ madwar iż-żona infettata tal-provinċja ta’ Lecce.

[...]

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, ”

10

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘organiżmu speċifikat’ tfisser iżolati Ewropej u mhux Ewropej ta’ [Xylella] ;

(b)

‘pjanti speċifikati’ tfisser il-pjanti kollha għat-tħawwil, għajr żrieragħ, li jappartjenu għal ġeneri jew speċijiet elenkati fl-Anness I;

(c)

‘pjanti ospitanti’ tfisser il-pjanti speċifikati kollha li jappartjenu għall-ġeneri jew l-ispeċijiet elenkati fl-Anness II;

[...] ”

11

L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “L-istabbiliment ta’ żoni demarkati”, jipprovdi:

“1.   Fejn il-preżenza tal-organiżmu speċifikat tkun ġiet ikkonfermata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddemarka żona mingħajr dewmien konformi mal-paragrafu 2, minn hawn ’il quddiem ‘żona demarkata’.

2.   Iż-żoni demarkata għandha tikkonsisti minn żona infettata u żona ta’ lqugħ.

[...] ”

12

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Miżuri ta’ qerda”:

“1.   L-Istat Membru li jkun stabbilixxa ż-żoni demarkata msemmija fl- Artikolu 4 għandu, f’din iż-żona, jieħu l-miżuri kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 11.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fi ħdan raġġ ta’ 100 m madwar il-pjanti li ġew ittestjati u nstab li huma infettati mill-organiżmu speċifikat, ineħħi minnufih:

a)

pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istatus tas-saħħa tagħhom;

b)

pjanti magħrufin li huma infettati mill-organiżmu speċifikat;

c)

pjanti li juru sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli minn dak l-organiżmu jew suspettati li huma infettati minn dak l-organiżmu.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu kampjun u jittestja l-pjanti speċifikati f’raġġ ta’ 100 m madwar kull waħda mill-pjanti infettati, f’konformità mal-International Standard for Phytosanitary Measures ISPM No. 31 [...].

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq trattamenti fitosanitarji xierqa qabel it-tneħħija tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2 kontra vetturi tal-organiżmu speċifikat u pjanti li għandhom mnejn jospitaw dawk il-vetturi. Dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, in situ jew f’post fil-qrib apposta għal dan l-għan fi ħdan iż-żona infettata, jeqred pjanti u partijiet ta' pjanti msemmija fil-paragrafu 2, b’tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jinxteridx.

[...] ”

13

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, intitolat “Miżuri ta’ trażżin” jipprovdi:

“1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 6, biss fil-provinċja ta’ Lecce, il-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li japplika miżuri ta’ trażżin, kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 6 [...]

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu immedjatament ineħħi mill-inqas il-pjanti kollha li nstabu li huma infettati mill-organiżmu speċifikat jekk dawn ikunu jinsabu fi kwalunkwe minn dawn il-postijiet:

[...] ”

14

L-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Stabbiliment ta’ żona ta’ sorveljanza fl-Italja” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żona ta’ sorveljanza b’raġġ ta’ mill-inqas 30 km biswit iż-żona demarkata li tkopri ż-żona infettata tal-provinċja ta’ Lecce.

15

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, li jinkludu, skont it-titolu tagħhom, rispettivament il-“[l]ista ta’ pjanti magħrufa li huma suxxettibbli għall-iżolati Ewropej u mhux Ewropej tal-orġaniżmu speċifikat (‘pjanti speċifikati’)” u l-“[l]ista ta’ pjanti magħrufa li huma suxxettibbli għall-iżolati Ewropej tal-orġaniżmu speċifikat (‘pjanti ospitanti’)” isemmu l-Olea europaea L.

Id-dritt Taljan

16

Id-decreto del Ministero delle Politiche Agricole Alimentari e Forestali con cui sono state disposte nuove misure di emergenza per la prevenzione, il controllo e l’eradicazione di Xylella fastidiosa (digriet tal-Ministru tal-Politika Agrikola Alimentari u l-Foresti Nru. 2180, li jistabbilixxi miżuri ġodda ta’ emerġenza għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta’ Xylella fastidiosa), tad-19 ta’ Ġunju 2015, (iktar ’il quddiem, id-“digriet tad-19 ta’ Ġunju 2015”) implementa d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789. L-Artikoli 8 u 9 ta’ dan id-digriet, essenzjalment, jirriflettu rispettivament il-kontenut tal-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-deċiżjoni.

17

Fit-30 ta’ Settembru 2015, il-kummissarju delegat adotta pjan ta’ intervent, li jimponi wkoll il-miżuri previsti minn dan id-digriet.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18

Permezz ta’ serje ta’ deċiżjonijiet innotifikati matul ix-xahar ta’ Lulju u ta’ Ottubru 2015, is-Servizio Agricoltura della Regione Puglia (servizz ta’ agrikoltura tar-Reġjun tal-Puglia) ordna lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jwaqqgħu s-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fl-artijiet agrikoli li tagħhom huma proprjetarji li huma kkunsidrati bħala infettati mill-batterju Xylella, kif ukoll il-pjanti kollha ospitanti li jinsabu f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati. Dawn id-deċiżjonijiet kienu jipprevedu wkoll li, f’każ ta’ rifjut li wieħed jikkonforma, l-ispejjeż marbuta mal-qerda ta’ dan il-batterju li twettqu mill-awtorità kompetenti huma r-responsabbiltà tagħhom, mingħajr ħsara għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali għal-Lazio, l-Italja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, kif ukoll tal-atti adottati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti tar-Reġjun ta’ Puglia u l-kummissarju delegat għall-ġlieda kontra t-tixrid tal-batterju Xylella fit-territorju ta’ dan ir-reġjun, li minnhom, b’mod partikolari, id-digriet tad-19 ta’Ġunju 2015 u l-pjan ta’ intervent tat-30 ta’ Settembru 2015.

20

Skont dawn ir-rikorrenti, dawn id-diversi miżuri nazzjonali huma illegali, peress li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, li fuqha huma bbażati, hija stess tmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità kif ukoll ta’ prekawzjoni u li hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

21

Billi kellha dubji fir-rigward tal-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali għal-Lazio), wara li ssospendiet l-implementazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni sa fejn dawn jimponu t-tneħħija tal-pjanti ospitanti kollha fir-raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttiva [2000/29] [...] b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jinsabu [fl-Artikolu] 11(3), [fl-Artikolu] 13(7), [fl-Artikolu] 16(1), [sa] (3) u (5) kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ loġika u ta’ raġuni, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2015/789], kif implementat fid-dritt Taljan permezz tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015] sa fejn jimponi t-tneħħija immedjata, f’distanza [raġġ] ta’ 100 metru madwar il-pjanti li kienu s-suġġett ta’ analiżi li żvelat infezzjoni mill-organiżmu indikat, ta’ pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, u sa fejn jipprevedi simultanjament li qabel ma jitneħħew il-pjanti elenkati fil- 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika t-trattamenti fitosanitarji xierqa kontra l-vetturi tal-organiżmu indikat għall-pjanti li jistgħu jabritaw dawn il-vetturi, liema trattamenti jistgħu jinkludu, fejn hemm lok, it-tneħħija tal-pjanti?

2)

Id-Direttiva 2000/29/KE, [...] b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 169(1) tagħha, bl-espressjoni ‘l-miżuri meħtieġa biex jeradika, jew jekk dan ikun impossibbli, inaqqas il-firxa ta’ l-organiżmi ta’ ħsara’ tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni [2015/789], kif implementat fid-dritt Taljan permezz tal-Artikolu 8(2) tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015] sa fejn jipprovdi t-tneħħija immedjata tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, f’distanza [raġġ] ta’ 100 metru madwar il-pjanti li kienu s-suġġett ta’ analiżi li żvelat infezzjoni?

3)

L-Artikolu 16(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva 2000/29[...] kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ loġika u tal-osservanza ta’ regoli ta’ proċedura, jipprekludu interrpetazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni [2015/789], kif implementata fid-dritt Taljan permezz tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015] fis-sens li l-miżura ta’ eradikazzjoni prevista fil-paragrafu 2 tista’ tiġi imposta qabel u indipendentement mill-applikazzjoni preventiva tad-dispożizzjonijiet previsti mill-paragrafi 3 u 4 tal-istess Artikolu 6?

4)

Il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)[sa] (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni [2015/789], kif implementat fil-liġi Taljana permezz tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015] sa fejn timponi miżuri ta’ eradikazzjoni ta’ pjanti ospitanti, f’distanza [raġġ] ta’ 100 metru madwar il-pjanti li rriżulta li huma infettati mill-organiżmu [Xylella], mingħajr ġustifikazzjoni xjentifika xierqa li tattesta b’ċertezza l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-preżenza tal-organiżmu u t-tnixxif tal-pjanti meqjusa bħala infettati?

5)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE iktar ’il quddiem il-‘Karta’] jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni [2015/789], sa fejn jipprovdi t-tneħħija immedjata tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, f’distanza [raġġ] ta’ 100 metru madwar il-pjanti li kienu s-suġġett ta’ analiżi li żvelat infezzjoni, sa fejn ma huwiex suffiċjentement motivat?

6)

Il-prinċipji ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità jipprekludu l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2015/789] kif implementata fid-dritt Taljan permezz tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015], li tipprevedi miżuri ta’ tneħħija tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, tal-pjanti li l-infezzjoni tagħhom mill-organiżmu speċifikat hija magħrufa u tal-pjanti li għandhom sintomi ta’ infezzjoni possibbilment mill-organiżmu [Xylella], jew li huma ssuspettati li huma infettati minn dan l-organiżmu, mingħajr ma tipprevedi ebda forma ta’ kumpens favur proprjetarji mhux responsabbli għat-tixrid tal-organiżmu inkwistjoni?”

22

Permezz tad-digriet tiegħu tat-13 ta’ April 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:251), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża li dawn il-kawżi jkunu sottomessi għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

23

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, G. Pesce et, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2016, talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, G. Pesce et jargumentaw, essenzjalment, li l-Avukat Ġenerali jippreżenta fil-konklużjonijiet tiegħu argumenti żbaljati kif ukoll elementi ġodda li ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju.

24

Għandu jitfakkar li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 30).

25

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank, C‑312/14, EU:C:2015:794, punt 33).

26

Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni sabiex tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 26).

27

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Marchon Germany, C‑315/14, EU:C:2016:211, punt 19).

28

Dan ma huwiex il-każ fil-każ ineżami. Fil-fatt, kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Taljan u dak Grieg kif ukoll il-Kummissjoni sostnew, matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura u, ħlief għall-Gvern Grieg, fil-fażi orali tagħha, l-argumenti kollha tagħhom ta’ fatt u ta’ dritt li jikkonċernaw il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tieħu deċiżjoni u li dawn l-elementi kienu s-suġġett tad-dibattiti li seħħew quddiemha.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

30

Permezz tad-domandi tagħha, li jingħaqdu parzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu, impost fuq l-Istat Membru kkonċernat, permezz tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti, ikun li jkun l-istat sanitarju tagħhom, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti li huma s-suġġett ta’ analiżijiet li żvelaw infezzjoni mill-organiżmu speċifikat, f’dan il-każ il-batterju Xylella, mingħajr ma dan l-obbligu jkun relatat ma’ sistema ta’ kumpens, huwa invalidu peress li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, id-Direttiva 2000/29 (l-ewwel sat-tielet u s-sitt domandi), moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni (ir-raba’ domanda) u ta’ proporzjonalità (l-ewwel, it-tielet, ir-raba’ u s-sitt domandi) kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni li ġie adottat fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41 tal-Karta (il-ħames domanda).

31

F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-koerenza interna tad-dispożizzjonijiet inklużi fil-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 6 tal-imsemmija, peress li dawn jimponu fl-istess ħin, minn naħa, l-obbligu tat-tneħħija “minnufih” ta’ pjanti ospitanti fir-raġġ imsemmi u, min-naħa l-oħra, dak li jittieħdu kampjuni kif ukoll li jiġi applikat it-trattamenti fitosanitarji li jistgħu jinkludu “kif xieraq” it-tneħħija ta’pjanti (l-ewwel u t-tielet domandi).

32

Bil-għan li tingħata risposta għad-domandi li jikkonċernaw il-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, hemm lok, li minn qabel tiġi eżaminata din l-aħħar interrogazzjoni, peress li din tikkonċerna l-istess portata tal-obbligi differenti imposti f’dan l-Artikolu.

Fuq il-portata tal-obbligi imposti fil-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta ’ Implementazzjoni 2015/789

33

G. Pesce et jargumentaw li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 huma vvizzjati minn kontradizzjoni interna. Fil-fatt, minkejja li jirriżulta mill-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu li l-Istati Membri għandhom ineħħu “minnufih” il-pjanti ospitanti kollha li jinsabu qrib tal-pjanti infettati, ikun xi jkun l-istat sanitarju tagħhom, il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-istess artikolu jimponu fuq l-Istati kkonċernati li jwettqu interventi qabel din it-tneħħija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jinterpreta l-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-deċiżjoni fis-sens li jimponi t-tneħħija ta’ dawn il-pjanti ospitanti biss wara l-verifika tal-istat sanitarju tagħhom u l-applikazzjoni tal-miżuri fitosanitarji xierqa.

34

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jneħħi minnufih il-pjanti ospitanti, ikun li jkun l-istat sanitarju tagħhom, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati mill-batterju Xylella, li tagħmel parti, skont l-Anness I, Parti A, Sezzjoni I(b) tad-Direttiva 2000/29, tal-organiżmi ta’ ħsara mhux magħrufa fl-Unjoni li fiha l-introduzzjoni u t-tixrid għandhom jiġu pprojbiti fl-Istati Membri kollha.

35

Kif tagħmel il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-obbligu ma huwa għal xejn kontradittorju meta mqabbel ma’ dawk previsti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu 6. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-istess kliem tal-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 6, l-Istat Membru kkonċernat għandu, “qabel” it-tneħħija tal-pjanti ospitanti msemmija fil-paragrafu 2(a), iwettaq trattament fitosanitarju li jkopri, mhux, kuntrarjament għal dak li jippreżumu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-pjanti stess, iżda l-“vetturi” tal-batterju, jiġifieri l-insetti infettati, sabiex wieħed jiġġieled kontra dawn tal-aħħar billi jneħħihom jew “kif xieraq” billi jitneħħew il-pjanti li jospitawhom.

36

Kif tesponi l-EFSA fl-opinjoni tagħha tas-6 ta’ Jannar 2015, intitolat “Scientific Opinion on the risk to plant health posed by Xylella [...] in the EU territory, with the identification and evaluation of risk reduction options” (“Opinjoni xjentifika fuq ir-riskju fitosanitarju kkostitwit minn Xylella [...] fit-territorju tal-Unjoni li jidentifika u jevalwa l-għażliet ta’ tnaqqis tar-riskji”) (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-EFSA tas-6 ta’ Jannar 2015”), li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, din il-miżura minn qabel hija imponenti peress li l-insetti vetturi jistgħu jispostaw pjanti infettati u pjanti oħra (p. 109). L-imsemmija miżura tippermetti b’hekk, kif spjegat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li jiġi limitat ir-riskju ta’ tixrid tal-imsemmija vetturi u, għaldaqstant, tal-batterju stess, fil-mument tat-tneħħija, bis-saħħa tal-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, ta’ pjanti ospitanti li jistgħu jospitaw dawn il-vetturi.

37

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr preċiżjoni kronoloġika oħra, jgħaddi għat-teħid ta’ kampjuni u għal analiżi fuq il-“pjanti speċifiċi” f’raġġ ta’ 100 metru madwar kull waħda mill-pjanti infettati, liema jinkludi, mhux biss il-pjanti “ospitanti” msemmija fil-paragrafu 2(a) tal-imsemmi artikolu, jiġifieri dawk li huma sensittivi għall-iżolati Ewropej tal-batterju Xylella, iżda wkoll il-pjanti li huma sensittivi għall-iżolati mhux Ewropej ta’ dan il-batterju.

38

Minn dan isegwi li l-obbligi imposti fil-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 jipprevedu, mhux obbligi awtonomi li jeskludu lil xulxin reċiprokament, iżda miżuri intrinsikament marbutin min-natura kif ukoll ta’ portata differenti u li, fir-rigward ta’ dawk previsti fil-paragrafu 2(a) u 4 ta’ dan l-artikolu, għandhom japplikaw suċċessivament. L-obbligi stabbiliti fl-imsemmija paragrafi 3 u 4 ma jistgħux għalhekk jiġu inklużi bħala li jaffettwaw in-natura vinkolanti tal-obbligu li ssir it-tneħħija “minnufih” tal-pjanti ospitanti fir-raġġ ikkonċernat madwar il-pjanti infettati.

39

Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dettalji preliminari li għandha tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

Fuq il-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta ’ Implementazzjoni 2015/789 fid-dawl tad-Direttiva 2000/29, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta ’ prekawzjoni u ta ’ proporzjonalità.

40

Għandu jiġi rrilevat li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/29 li l-qorti tar-rinviju ssemmi fl-ewwel domanda preliminari tagħha ma humiex rilevanti għall-eżami tal-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

41

Qabelxejn, l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 13c(7) tad-Direttiva 2000/29 ma jikkonċernawx il-każ imsemmi fl-Artikolu 6(2)(a), peress li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw, rispettivament, il-moviment tal-pjanti bejn l-Istati Membri u l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti li ġejjin minn pajjiżi terzi.

42

Sussegwentement, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, meħudin waħedhom, jikkonċernaw il-miżuri li għandhom jittieħdu, mhux mill-Kummissjoni, iżda mill-Istati Membri, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li jsemmi, barra minn hekk, l-organiżmi ta’ ħsara li ma jidhrux, b’differenza mal-batterju Xylella, fl-annessi tal-imsemmija direttiva.

43

Finalment, il-paragrafu 5 ta’ dan l-istess Artikolu 16 għandu bħala għan li jippermetti lill-Kummissjoni li tadotta l-miżuri kawtelatorji intiżi li jeqirdu jew, meta dan ma huwiex possibbli, li jiġi inibit it-tixrid tal-organiżmu ta’ ħsara kkonċernat fuq il-bażi ta’ analiżi preliminari tar-riskju fitosanitarju “billi wieħed jistenna laqgħa tal-kumitat fitosanitarju permanenti”. Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, kif jirriżulta mill-premessa 17 tagħha, ġiet preċeduta minn opinjoni favorevoli tal-kumitat fitosanitarju kompetenti.

44

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 ġie adottat fuq il-bażi tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29, liema tawtorizza lill-Kummissjoni, abbażi tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-qasam tar-riskju fitosanitarju, li temenda jew tirrapporta “miżuri neċessarji” meħudin mill-Istati Membri, b’mod partikolari, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 16 bil-għan tal-qerda tal-organiżmu ta’ ħsara kkonċernat.

45

Konsegwentement, huwa fid-dawl tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 li għandha tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

46

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha, li l-limiti tagħha għandhom jiġu evalwati b’mod partikolari skont l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta l-miżuri kollha neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tal-imsemmi att, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għalih. Barra minn hekk, mill-għaqda tal-Artikolu 290(1) u tal-Artikolu 291(2) TFUE jirriżulta li l-Kummissjoni, billi teżerċita setgħa ta’ implementazzjoni ma tistax temenda lanqas tikkompleta l-att leġiżlattiv, anki fl-elementi tagħha mhux essenzjali (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2014, il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑65/13, EU:C:2014:2289, punti 4445).

47

Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni li jipprovdi li, meta jkun għad hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu pprovati kompletament ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji. Meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat, minħabba n-natura mhux konklużiva tar-riżultati tal-istudji mwettqa, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fil-każ li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C-157/14 P, EU:C:2015:823, punti 8182).

48

L-imsemmi prinċipju għandu, barra minn hekk, jiġi applikat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, bil-kundizzjoni li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29.

49

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li hemm lok li tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa, meta hija tadotta, miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji. Fil-fatt, dan il-qasam min-naħa tiegħu jimplika, b’mod partikolari, għażliet politiċi, kif ukoll evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura deċiża f’dan il-qasam li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C-77/09, EU:C:2010:803, punt 82).

50

F’dan ir-rigward, għandu wkoll jitfakkar li l-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att, u ma tistax tiddependi minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effettività tiegħu. Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li għandu jadotta, meta dawn l-effetti ma jkunux jistgħu jiġu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tiġi ddubitata biss jekk din tidher li hija manifestament żbaljata fid-dawl tal-informazzjoni li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, p. I661, punt 50 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta hemm elementi ġodda li jbiddlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru illi dan ir-riskju jista’ jiġi limitat minn miżuri inqas restrittivi minn dawk li diġà jeżistu, huma l-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li tissorvelja għal adattament tal-leġiżlazzjoni għal informazzjoni ġdida (sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C‑504/04, EU:C:2006:30, punt 40). B’hekk, f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29, li għandha tivverifika b’mod perjodiku, kif diġà ġie indikat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, jekk il-miżuri meħudin bil-għan li jiġi ttrattat ir-riskju fitosanitarju kkonċernat għandhom jiġu emendati jew irrapportati.

52

Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-validità tal-obbligu, impost fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, li jitneħħew minnufih, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, il-pjanti ospitanti, ikun li jkun l-istat sanitarju tagħhom (l-ewwel erba’ domandi), qabel ma tiġi evalwata l-effett għal dan ir-rigward tal-assenza ta’ sistema ta’ kumpens f’din id-deċiżjoni (is-sitt domanda).

Fuq l-eżami tal-validità tal-obbligu impost fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

53

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/29 għandha bħala għan li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fitosanitarja kontra l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara fil-prodotti importati minn pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’Settembru 2003, Anastasiou et, C‑140/02, EU:C:2003:520, punt 45).

54

F’dan il-każ, konformement ma’ dan l-għan, l-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 intiż, kif jirriżulta mill-premessa 4 tagħha, li jeqred il-batterju Xylella u li jevita b’hekk it-tixrid tiegħu lil hinn mir-Reġjun tal-Puglia, permezz tar-rinforz tal-miżuri imposti fid-Deċiżjonijiet ta’ Implementazzjoni 2014/87 u 2014/497, wara n-notifika mill-awtoritajiet Taljani tal-preżenza ta’ dan il-batterju fil-provinċja ta’ Lecce.

55

Madankollu, huwa stabbilit li l-protezzjoni sanitarja u l-kisba fis-settur ikkonċernat tas-suq intern agrikolu li jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali leġittimi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tqis, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha fil-qasam ikkonċernat skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti, ikunu li jkun l-istat sanitarju tagħhom, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, previst fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, kien, fir-rigward tal-informazzjoni xjentifika disponibbli fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għall-miżuri alternattivi maħsuba f’din l-istess data, xieraq u neċessarju biex jintlaħaq dan l-għan kif ukoll strettament proporzjonat lilu.

57

Fl-ewwel lok, preliminarjament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw li l-eliminazzjoni tal-pjanti infettati tkun hija stess adattata biex teqred l-infezzjoni. Fil-fatt, ir-rabta kawżali bejn il-batterju Xylella u t-tnixxif rapidu tas-siġar taż-żebbuġ osservat fir-Reġjuni tal-Puglia ma tistax tintwera. Minn dan jirriżulta li, a fortiori, l-eliminazzjoni tal-pjanti ospitanti kollha li jinsabu viċin tal-pjanti infettati ma hijiex iktar adattata biex teqred l-infezzjoni.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta ċarament mill-opinjoni tal-EFSA, tas-6 ta’ Jannar 2015, liema fatt ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li s-siġar taż-żebbuġ jagħmlu parti, fl-istess titolu bħal numru relattivament għolji ta’ pjanti oħra, ta’ pjanti ospitanti tal-batterju Xylella.

59

Madankollu, għalkemm huwa vera li l-EFSA ma wrietx f’din l-opinjoni l-eżistenza ta’ rabta kawżali ċerta bejn il-batterju Xylella u t-tnixxif rapidu tas-siġar taż-żebbuġ fir-Reġjuni tal-Puglia, l-imsemmija opinjoni madankollu wriet (p. 3), kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, korrelazzjoni sinjifikanti bejn dan il-batterju u l-okkorrenza ta’ din il-patoloġija.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bid-differenza li jissuġġerew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jipprojbixxix l-adozzjoni ta’ kull miżura fl-assenza ta’ ċertezza xjentifika fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju sanitarju, jista’, għall-kuntrarju, jiġġustifika, kif tfakkar fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni anki jekk xi inċertezzi xjentifiċi jeżistu dwar dan is-suġġett.

61

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw ir-realtà ta’ rabta kawżali bejn il-batterju Xylella u t-tnixxif rapidu tas-siġar taż-żebbuġ fir-Reġjun ta’ Puglia, huma ma jipproduċu ebda prova ta’ natura li ssostni l-allegazzjonijiet tagħhom.

62

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tikkunsidra li l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti infettati kien miżura xierqa u neċessarja biex tipprevjeni t-tixrid tal-batterju Xylella. Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura strettament proporzjonata ta’ dan l-obbligu, ma ssemmiet l-ebda miżura alternattiva inqas vinkolanti, li tirrigwarda l-pjanti infettati, li tista’ tilħaq dan l-istess għan.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti li jinsabu “fi ħdan raġġ ta’ 100 m” madwar il-pjanti infettati, “irrispettivament mill-istatus tas-saħħa tagħhom”, jikkostitwixxix miżura adegwata, fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità, biex jilħaq l-għan segwit.

64

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-obbligu tat-tneħħija “fi ħdan raġġ ta’ 100 m” madwar il-pjanti infettati, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dan l-obbligu huwa xieraq u neċessarju biex jilħaq l-għan segwit, għandha tiġi eżaminata d-data li kellha l-Kummissjoni, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, fir-rigward tar-riskju ta’ tixrid tal-infezzjoni fuq il-bażi tal-pjanti infettati.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-EFSA, wara li kkonstatat fl-opinjoni tagħha tas-6 ta’ Jannar 2015 li “[i]l-vetturi infettati jistgħu jistgħu jinxterdu lokalment billi jittajru jew billi jiġu ittrasportati mir-riħ fuq distanzi itwal” (p. 4) tispeċifika, filwaqt li tammetti li “[i]r-rwol tat-tixrid dovut lil bniedem u lir-riħ għadu mhux magħruf sew u d-data li tippermetti li jiġi ddeterminat sa liema distanza l-insetti vetturi jistgħu jtiru hija insuffiċjenti” (p. 4) li “[ċ]erta data disponibbli tissuġġerixxi li distanza ta’ 100 metru hija distanza ta’ tixrid li tidher xierqa” (p. 62). Barra minn hekk, minn din l-opinjoni jirriżulta li “[i]t-tixrid huwa essenzjalment limitat għall-insetti omopteri tal-familja Cicadellidae li l-portata tat-titjira tagħhom huwa limitat, b’medja, fuq xi mitt metru, iżda li jistgħu wkoll jiġu mbuttati fuq distanzi itwal mir-riħ” (p. 94). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

66

Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ din id-data xjentifika, il-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tikkunsidra, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha fil-qasam, li l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati kien miżura xierqa u neċessarja biex tevita t-tixrid tal-batterju Xylella a bażi ta’ dawn il-pjanti mill-insetti vetturi tiegħu.

67

Fir-rigward tan-natura strettament proporzjonata ta’ dan l-obbligu, G. Pesce et jargumentaw li kien jeżisti, meta l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2015/789, ċerta inċertezza xjentifika fir-rigward tal-mod kif jixxerred il-batterju Xylella. B’mod partikolari, ma huwiex eskluż li l-vetturi ta’ dan it-tixrid jistgħu jwasslu li jestendu l-infezzjoni lil hinn sewwa mir-raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati.

68

Madankollu, billi ma jikkompromettix in-natura proporzjonata tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, il-fatt li l-Kummissjoni llimitat l-obbligu tat-tneħħija f’raġġ ta’ 100 metru, minkejja li l-vetturi jistgħu jxerrdu l-batterju lil hinn minn dan, juri, bil-kontra, li dan l-obbligu ġie llimitat għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan segwit (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 120).

69

It-tieni nett, fir-rigward l-obbligu tat-tneħħija minnufih, fir-raġġ ikkonċernat, tal-pjanti ospitanti “irrispettivament mill-istatus tas-saħħa tagħhom”, jiġifieri, anki jekk ma jippreżentaw ebda sintomu ta’ infezzjoni mill-batterju Xylella u ma humiex suspettati li jiġu infettati minnu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali argumentaw, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll matul is-seduta, li l-kunċett li “jeradika” msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/29 jirreferi esklużivament għall-organiżmi ta’ ħsara. Għaldaqstant il-Kummissjoni hija unikament awtorizzata li timponi t-tneħħija tal-pjanti infettati minn dawn l-organiżmi.

70

Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/29 huma fformulati fi kliem ġeneriċi, huma ma jippermettux li jiġi dedott tali limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mal-paragrafu 1 tiegħu, għandu, għall-kuntrarju, jinftiehem bħala li jippermetti lill-Kummissjoni tadotta kull miżura neċessarja, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, biex teqred jew tirrestrinġia l-organiżmi ta’ ħsara, b’mod li, jekk it-twettiq ta’ dan l-għan jeħtieġ it-tneħħija, mhux biss tal-pjanti infettati, iżda wkoll tal-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fil-viċinanza, anki jekk ma jippreżentaw ebda sintomu ta’ infezzjoni mill-batterju Xylella u ma humiex sospettati li jiġu infettati minnu, din l-istituzzjoni hija awtorizzata li timponi tali miżura.

71

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-miżura hija xierqa u neċessarja biex tilħaq l-għan li għandu jintlaħaq, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellha, meta hija adottat id-deċiżjoni tagħha, data konkordanti ta’ natura li tindika li, minkejja t-tneħħija tal-pjanti infettati, il-pjanti ospitanti ġirien, anki jekk ma jippreżentaw ebda sintomu ta’ infezzjoni mill-batterju Xylella u ma humiex sospettati li huma infettati minnu, jistgħu madankollu jkunu trasportaturi u li jikkontribwixxu għat-tixrid ta’ dan il-batterju.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-kliem tal-opinjoni tal-EFSA tas-6 ta’ Jannar 2015, “[l]-ospiti asintomatiċi u l-infezzjonijiet asintomatiċi jew ħfief jistgħu jaħarbu minn eżamijiet esklużivament ibbażati fuq spezzjoni viżwali, saħansitra bbażati fuq testijiet tal-laboratorju, minħabba l-prekoċità possibbli tal-infezzjoni jew distribuzzjoni eteroġenea tal-batterju fil-pjanta” (p.6). Minn dan isegwi, skont din l-opinjoni, li l-preżenza tal-batterju Xylella huwa diffiċli għall-individwazzjoni fil-pjanti ħielsa minn sintomi jew riċentement kontaminati (p. 97). L-imsemmija opinjoni tikkonkludi, għaldaqstant, li, “[f]id-dawl tal-fatt li l-marda tinxtered minn pjanta għall-oħra minn insetti vetturi u li jeżisti żmien bejn inokulazzjoni tal-batterju mill-vetturi u d-dehra tas-sintomi li jkunu għadhom ma jidhrux, saħansitra l-possibbiltà li jiġi individwat il-batterju fil-pjanta, huwa essenzjali, matul il-qerda tal-pjanti magħrufa li huma infettati, li jinqerdu wkoll il-pjanti kollha l-oħra li jinsabu fil-viċinanza” (p. 100). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

73

Fir-rigward ta’ din id-data xjentifika, jidher li l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tikkunsidra, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha fil-qasam, li l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fil-viċinanzi tal-pjanti infettati kien, kuntrarjament għat-tneħħija biss tal-pjanti infettati minn dan il-batterju jew fil-proċess ta’ tnixxif, ikkontemplat minn G. Pesce et, miżura xierqa u neċessarja biex tevita t-tixrid tal-batterju Xylella a bażi ta’ dawn il-pjanti mill-insetti vetturi tiegħu.

74

Fir-rigward tan-natura strettament proporzjonata ta’ dan l-obbligu, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jibbilanċja l-interessi differenti inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, b’mod partikolari, id-dritt għall-proprjetà tal-proprjetarji tas-siġar taż-żebbuġ fir-Reġjun ta’ Puglia kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali għal dan ir-Reġjun li jirriżultaw mit-tneħħija tal-pjanti msemmija u, min-naħa l-oħra, l-importanza tal-produzzjoni tal-pjanti fl-Unjoni u l-interess ġenerali li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tat-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-Italja lil hinn mill-provinċja ta’ Lecce, kontra t-tixrid tal-batterju Xylella fl-imsemmi territorju kollu.

75

F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti kollha fir-raġġ ikkonċernat ġie impost mill-Kummissjoni minħabba t-tixrid rapidu tal-batterju fit-Tramuntana tal-provinċja ta’ Lecce, wara li din l-istituzzjoni llimitat ruħha li tipprojbixxi fid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/87, il-moviment ta’ pjanti maħsuba għat-tħawwil barra minn din il-provinċja, imbagħad li timponi, fid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/497, li jinqatgħu biss pjanti infettati, biex b’hekk tidher ċerta gradazzjoni fil-miżuri adottati.

76

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma imponietx l-obbligu tat-tneħħija inkwistjoni fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, permezz ta’ deroga fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, fil-provinċja biss ta’ Lecce, peress li l-qerda ma hijiex iktar possibbli, l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jadottaw miżuri ta’ trażżin li ma jimplikawx it-tneħħija tal-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fil-viċinanza tal-pjanti infettati.

77

Matul is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali madankollu sostnew li din id-deroga turi, għall-kuntrarju, in-natura disproporzjonata tal-obbligu tat-tneħħija ta’ dawn il-pjanti, peress li dawn ma ġewx speċifikament imposti fiż-żona ġeografika l-iktar kontaminata mill-batterju.

78

Madankollu huwa stabbilit li, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, fil-provinċja ta’ Lecce, il-Kummissjoni timmira, mhux iktar li teqred il-batterju Xylella, peress li dan ma huwiex iktar possibbli, iżda li trażżan it-tixrid ta’ dan il-batterju billi tippermetti lill-Istati Membri li jimponu t-tneħħija tal-pjanti infettati biss f’ċerti żoni determinati sabiex tipproteġi s-siti ta’ produzzjoni, il-pjanti li jippreżentaw valur kulturali, soċjali jew xjentifiku partikolari kif ukoll il-fruntiera mal-bqija tat-territorju tal-Unjoni. Għal dan il-għan, l-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni timponi l-istabbiliment ta’ żona ta’ sorveljanza immedjatament barra ż-żona ta’ lqugħ madwar iż-żona infettata tal-provinċja ta’ Lecce. Kif il-Gvern Taljan espona waqt is-seduta, dawn il-miżuri b’hekk għandhom bħala għan, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija provinċja hija mdawra bil-baħar, li jirrestrinġu sa fejn possibbli l-batterju Xylella f’din il-provinċja sabiex jevita t-tixrid tiegħu fiż-żoni li jinsabu fit-Tramuntana tagħha.

79

Min-naħa l-oħra, barra mill-provinċja ta’ Lecce, il-Kummissjoni hija intiża, permezz tal-miżuri previsti fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, li teqred il-batterju Xylella, peress li tali qerda għadha possibbli, sabiex tevita t-tixrid tiegħu fl-Unjoni kollha. Madankollu, għall-motivi diġà esposti fil-punti 69 sa 73 ta’ din is-sentenza, it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jeħtieġ it-tneħħija, mhux biss tal-pjanti infettati, iżda wkoll tal-pjanti ospitanti kollha, li jinsabu fil-viċinanzi tagħhom.

80

Finalment, dwar il-kwistjoni jekk il-pjanti ospitanti kkonċernati jistgħux ikunu s-suġġett ta’ miżuri inqas vinkolanti, bħaż-żbir jew it-tneħħija tal-parti ta’ fuq tas-siġar taż-żebbuġ u l-applikazzjoni ta’ trattament bil-pestiċidi, miżuri evokati minn G. Pesce et, għandu jiġi rrilevat li, mhux biss dawn tal-aħħar ma jibbażaw l-allegazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fuq ebda data xjentifika, iżda, barra minn hekk, jirriżulta mill-opinjoni tal-EFSA tas-6 ta’Jannar 2015 li “[m]a jeżisti attwalment ebda trattament li jippermetti li jikkura l-pjanti morda fil-qasam sħiħ. Dawk li huma kontaminati jibqgħu ħafna drabi infettati ħajjithom kollha jew jinxfu malajr. Jekk huwa possibbli li xi tibdil miġjub lis-sistemi ta’ kultura (żabra, fertilizzazzjoni u irrigazzjoni, pereżempju) għandhom ċerta influwenza fuq il-marda, huma ma humiex biżżejjed biex jikkuraw il-pjanti” (p. 97). Minbarra dan, din l-opinjoni tikkonstata li “[f]ir-Reġjun ta’ Puglia, żbir radikali tas-siġar taż-żebbuġ infettati wassal għall-ħolqien ta’ rimjiet ġodda fil-bażi tas-siġar, iżda s’issa ma ntweriex li dan il-metodu huwa effiċjenti biex jikkura l-pjanti u jwaqqaf il-mewta tagħhom” (p. 97) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa veru li, kif irrelevaw G. Pesce et, l-obbligu tat-tneħħija tal-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fil-viċinanzi tal-pjanti infettati jista’ jippreġudika kemm id-dritt għall-proprjetà tagħhom kif ukoll l-ambjent fir-Reġjun ta’ Puglia, il-Kumissjoni kienet fondata, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha f’dan ir-rigward u wara li bbilanċjat l-interessi differenti inkwistjoni, li timponi dan l-obbligu.

82

Madankollu, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, jekk is-sitwazzjoni kellha tiżviluppa fis-sens li l-qerda tal-batterju Xylella ma teħtieġx iżjed, fuq il-bażi ta’ data xjentifika ġdida rilevanti, it-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti kollha f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, hija l-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29, li għandha temenda d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 jew li tadotta deċiżjoni ġdida, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità, dan l-iżvilupp.

Fuq l-assenza ta’ sistema ta’ kumpens fid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni2015/789/UE

83

Skont G. Pesce et, peress li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni twassal għall-esproprjazzjoni vera mis-sidien tal-irziezet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni kien imissha tipprevedi ċarament, f’din id-deċiżjoni, kumpens proporzjonat għall-valur effettiv tal-pjanti mhux infettati li hija tipprevedi t-tneħħija.

84

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jqis, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu fil-qasam tal-politika agrikola, li huwa xieraq li jingħata kumpens, parzjali jew totali, lill-proprjetarji tal-irziezet li fihom jinqerdu u jinqatlu l-annimali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stmat li minn din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ prinċipju ġenerali li jimponi l-għoti ta’ kumpens fiċ-ċirkustanzi kollha (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397, punt 85).

85

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17 tal-Karta, dwar id-dritt għall-proprjetà, jipprovdi barra minn hekk, fil-paragrafu 1 tiegħu, b’mod partikolari, li “[l]-ebda persuna ma’ tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet” u li “[l]-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”.

86

Madankollu, sa fejn id-dritt għal kumpens jirriżulta direttament mill-Artikolu 17 tal-Karta, il-fatt biss li la d-Direttiva 2000/29 u lanqas id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 ma jinkludu huma stess sistema ta’ kumpens jew li huma jimponu l-obbligu ċar li jipprevedi tali sistema ma jistax jiġi interpretat fis-sens li tali dritt huwa esklużiv. Minn dan isegwi li l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala invalida għal dan il-motiv.

87

Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 ma huwiex kuntrarju la għad-Direttiva 2000/29 u lanqas għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ prekawzjoni .

Fuq il-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta ’ Implementazzjoni 2015/789 fid-dawl tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-osservanza tal-obbligu ta ’ motivazzjoni.

88

Għandu jitfakkar li, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha ġġiegħel li tidher b’mod ċar u mhux ekwivoku ir-raġunament tal-istituzzjoni tal-Unjoni, awtur tal-att inkwistjoni, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-kontroll tagħha, madankollu ma huwiex meħtieġ li hija tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ liġi jew ta’ fatt (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, l-Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 58). Dan huwa partikolarment minnu meta l-Istati Membri ġew strettament assoċjati mal-proċess ta’ żvilupp ta’ dan l-att u jagħrfu għalhekk ir-raġunijiet li huma fil-bażi tiegħu (ara, b’mod partikolari s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑304/01, EU:C:2004:495, punt 50).

89

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ atti ta’ portata ġenerali, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata sabiex tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni fl-intier tagħha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li l-att inkwistjoni jipproponi li jilħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C-304/01, EU:C:2004:495, punt 51).

90

Konsegwentement, għalkemm l-att ikkontestat jenfasizza l-essenzjal tal-għan li għandu jintlaħaq mill-istituzzjoni, huwa inutli li tinħtieġ motivazzjoni speċifika għal kull għażla teknika li hija ħaddmet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, l-Estonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C-508/13, EU:C:2015:403, punt 60).

91

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 1 sa 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 jesponu ċarament ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-miżuri ta’ qerda għall-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fil-viċinanza tal-pjanti infettati. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li din il-miżura ta’ estenzjoni hija intiża li tissodisfa l-għan ġenerali li jikkonsisti li jiġu rinforzati, wara l-iskoperta ta’ tifqigħat ġodda tal-batterju Xylella, il-miżuri ta’ qerda meħudin qabel biex jevitaw it-tixrid ta’ dan il-batterju fl-Unjoni kollha, fid-dawl ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġodda tal-EFSA, li kabbru l-lista tal-pjanti sensittivi għall-batterju, filwaqt li jillimitaw uħud minn dawn il-miżuri biss għall-pjanti ospitanti “sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità”. Barra minn hekk, konformement mal-premessa 1 tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet Taljani ġew assoċjati mal-adozzjoni tagħha, b’mod li huma kellhom jirrikonoxxu kemm ir-raġunijiet li wasslu għal din l-adozzjoni kif ukoll il-miżuri maħsuba mill-Kummissjoni biex teqred il-batterju Xylella.

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kienet bl-ebda mod obbligata li tispjega, fil-premessi tad-deċiżjoni tagħha, il-motivi ta’ natura li jiġġustifikaw kull waħda mill-miżuri partikolari imposti minnha.

93

Minn dan jirriżulta li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

94

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domandi magħmula ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 fid-dawl tad-Direttiva 2000/29 moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità kif ukoll fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41 tal-Karta.

Fuq l-ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domandi magħmula ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789, tat-18 ta’ Mejju 2015, fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al) fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, tat-8 ta’ Mejju 2000, dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2002/89/KE, tat-28 ta’ Novembru 2002, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità kif ukoll fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top