EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0439

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015.
Elitaliana SpA vs Eulex Kosovo.
Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK – Sejħa għal offerti dwar l-appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo – Azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kunċett ta’ ‘korp jew ta’ organu tal-Unjoni’ – Miżuri imputabbli lill-Kummissjoni Ewropea – Żball skużabbli.
Kawża C-439/13 P.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:753

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Appell — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK — Sejħa għal offerti dwar l-appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo — Azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE — Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kunċett ta’ ‘korp jew ta’ organu tal-Unjoni’ — Miżuri imputabbli lill-Kummissjoni Ewropea — Żball skużabbli”

Fil-Kawża C‑439/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2013,

Elitaliana SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn R. Colagrande, avukat,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Eulex Kosovo, stabbilita fi Pristina (Kosovo), irrappreżentata minn G. Brosadola Pontotti, solicitor,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2014,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tal-10 ta’ Frar 2015 u wara s-seduta tal-25 ta’ Marzu 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Elitaliana SpA (iktar ’il quddiem “Elitaliana”) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Ġunju 2013, Elitaliana vs Eulex Kosovo (T‑213/12, EU:T:2013:292, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tal-miżuri meħuda mill-missjoni stabbilita abbażi tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, tal-4 ta’ Frar 2008, dwar il-missjoni “stat tad-dritt” imwettqa mill-Unjoni Ewropea fil-Kosovo, Eulex Kosovo (ĠU L 42, p. 92), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/752/PESK, tal-24 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 310, p 10, iktar ’il quddiem l-“Azzjoni Konġunta 2008/124”), fil-kuntest tal-għoti lil offerent ieħor tal-kuntratt pubbliku intitolat “EuropeAid/131516/D/SER/XK – Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex fil-Kosovo (PROC/272/11)” (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”) u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-missjoni “stat tad-dritt” fil-Kosovo, imsejħa “Eulex Kosovo”, prevista fl-Artikolu 1 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu mġarrab għar-raġuni li l-imsemmi kuntratt ma ngħatax lir-rikorrenti.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002

2

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 311, p. 9, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), li kien fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kien jindika fl-Artikolu 1(1) tiegħu li dan ir-regolament kellu l-għan li jistabbilixxi “r‑regoli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea [...], u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet”.

3

L-imsemmi regolament jistabbilixxi fl-Artikolu 4(2)(a) tiegħu li:

“Id-dħul u n-nefqa tal-Komunitajiet għandhom jinkludu:

a)

id-dħul u n-nefqa tal-Komunità Ewropea, inkluża n-nefqa amministrattiva kif ikkaġunata mill-istituzzjonijiet bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tirrigwardja l-politka komuni esterna u tas-sigurtà u l-koperazzjoni mill-pulizija u ġudiżżjarja f’materji kriminali, u n-nefqa operattiva ikkaġunata mill-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet meta din tkun għal skariku tal-budget”.

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tal-istess regolament kien jipprevedi li “[i]l-Kummissjoni għandha timplementa l-introjtu u n-nefqa tal-budget b’konformità ma’ dan ir-Regolament, bl-inizjattiva tagħha stess u fil-limiti ta’ l-approprjazzjonijiet awtorizzati”.

5

Skont l-Artikolu 53a tar-Regolament Finanzjarju:

“Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti implimentattivi għandhom jitwettqu, jew direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, jew b’mod indirett, skont l-Artikoli 54 sa 57.”

6

Dan ir-regolament kien jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 54 tiegħu li:

“1.   Il-Kummissjoni ma taistax tiddelega lil partijiet terzi l-poteri eżekuttivi li hija għandha taħt it-Trattati fejn dawn jinvolvu miżura kbira ta’ diskrezzjoni li timplika għażliet politiċi. Il-kompiti implimentattivi delegati għandhom ikunu definit b’mod ċar u sorveljati rigward l-użu magħmul minnhom.

[...]

2.   Fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’, meta timplimenta l-baġit b’ġestjoni ċentralizzata indiretta jew b’ġestjoni deċentralizzata taħt l-Artikoli 53a jew 53ċ, tiddelega kompiti ta’ awtorità pubblika u partikolarment kompiti implimentattivi tal-baġit lil:

[...]

d)

persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi skond it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u identifikati fl-att bażiku rilevanti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 49 ta’ dan ir-Regolament.

[...]”

7

L-Artikolu 56(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta, għandha l-ewwel tikseb evidenza ta’ l-eżistenza u l-operat xieraq fl-entitajiet li tafdalhom l-implimentazzjoni ta’ li ġej:

a)

akkwist trasparenti u proċeduri ta’ għoti ta’ għotjiet non-diskriminatorji u li jeskludu kwalunkwe kunflitt ta’ interess u li huma konformi tad-dispożizzjonijiet tat-Titoli V u VI rispettivament;

[...]”

8

It-Titolu V, intitolat “L-akkwist [Għoti ta’ kuntratti Pubbliċi]”, tal-ewwel parti tal-istess regolament kien jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-qasam.

L-Azzjoni Konġunta 2008/124

9

L-Artikolu 1 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, intitolat “Il-missjoni”, fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatt li wasslu għal din il-kawża, kien jipprevedi li l-Unjoni kienet qed tistabbilixxi missjoni “stat ta’ dritt” fil-Kosovo, imsejħa “Eulex Kosovo”.

10

Skont l-Artikolu 2 ta’ din l-azzjoni konġunta, il-mandat ta’ Eulex Kosovo kien is-segwenti:

“EULEX KOSOVO għandha tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo, lil awtoritajiet ġudizzjarji u lil aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi fil-progress tagħhom lejn is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà u fl-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri ta’ sistema ġudizzjarja multi-etnika indipendenti u servizz tal-pulizija u tad-dwana multi-etniku, filwaqt li jiġi żgurat li dawn l-istituzzjonijiet huma ħielsa minn interferenzi politiċi u jaderixxu ma’ l-istandards rikonoxxuti fl-ambitu internazzjonali u l-aħjar prattika Ewropea.

EULEX KOSOVO, f’koperazzjoni sħiħa mal-Programmi ta’ assistenza tal-Kummissjoni Ewropea, għandha timplimenta l-mandat tagħha permezz ta’ monitoraġġ, iggwidar u konsulenza, filwaqt li żżomm ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi.”

11

L-Artikolu 3 tal-imsemmija azzjoni konġunta kien jiddefinixxi l-kompiti ta’ Eulex Kosovo kif ġej:

“Sabiex jitwettaq il-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2, EULEX KOSOVO għandha:

a)

tiċċekkja, tiggwida u tagħti pariri lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Kosovo fl-oqsma kollha relatati mas-settur usa’ ta’ l-istat tad-dritt (inkluż is-servizz tad-dwana), filwaqt li żżomm ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi;

b)

tiżgura ż-żamma u l-protezzjoni ta’ l-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà anke permezz, skond il-każ, ta’ konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet internazzjonali ċivili rilevanti fil-Kosovo, billi tirtira jew tħassar deċiżjonijiet operattivi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo;

c)

tgħin jiżgura li s-servizzi kollha ta’ l-istat tad-dritt fil-Kosovo, inkluż servizz tad-dwana, ikunu ħielsa minn interferenzi politiċi;

d)

tiżgura li, b’mod adegwat, isir stħarriġ, titmexxa prosekuzzjoni, jingħataw sentenzi u jsir infurzar, skond il-liġi applikabbli, fir-rigward ta’ każijiet ta’ reati tal-gwerra, terroriżmu, kriminalità organizzata, korruzzjoni, reati inter-etniċi, reati ekonomiċi/finanzjarji u reati serji oħra, anke, skond il-każ, permezz ta’ investigaturi, prosekuturi u mħallfin internazzjonali flimkien ma’ investigaturi, prosekuturi u imħallfin tal-Kosovo jew b’mod indipendenti, u permezz anke, skond il-każ, tal-ħolqien ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk tal-prosekuzzjoni;

e)

tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-proċess ġudizzjarju kollu, b’mod partikolari fil-qasam tal-kriminalità organizzata;

f)

tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità finanzjarja;

g)

tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni tal-Kosovo;

h)

tieħu f’idejha responsabbiltajiet oħra, b’mod indipendenti jew f’appoġġ ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo, sabiex tiżgura ż-żamma u l-protezzjoni ta’ l-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà anke permezz ta’ konsultazzjoni ma’ l-aġenziji rilevanti tal-Kunsill; u

i)

tiżgura li l-attivitajiet kollha tagħha jirrispettaw l-istandards internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi.”

12

L-Artikolu 8(5) tal-istess azzjoni konġunta kien jiddefinixxi l-funzjonijiet tal-kap tal-missjoni kif ġej:

“Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ EULEX KOSOVO. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.”

13

L-Artikolu 11 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, intitolat “Linja ta’ kmand”, kien jipprevedi li:

“1.   EULEX KOSOVO għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata, bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ EULEX KOSOVO.

3.   [...] [I]l-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, għandu jkun il-kmandant ta’ EULEX KOSOVO fil-livell strateġiku u, għaldaqstant, għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni b’istruzzjonijiet u b’konsulenza u appoġġ tekniku.

[...]”

14

Skont l-Artikolu 16(2) sa (4) ta’ din l-azzjoni konġunta, dwar l-arranġamenti finanzjarji:

“2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-[Unjoni Ewropea].

3.   Suġġett għall-approvazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jidħol f’arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri ta’ l-[Unjoni], ma’ Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u postijiet lil EULEX KOSOVO. [...]

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u jiġi sorveljat minnha dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

15

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew deskritti kif ġej fil-punti 2 sa 7 tad-digriet appellat:

16

Għandu jiġi ppreċiżat li l-avviż ta’ kuntratt kien jgħid li l-imsemmi kuntratt kien jifforma parti mill-programm tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 u li ġie deskritt kif ġej: “Provvista ta’ servizzi ta’ ħelikopter fuq bażi 24/7 fir-reġjun tal-Kosovo u tal-Istati ġirien għal titjiriet ta’ tfittxija, ta’ salvataġġ u ta’ evalwazzjoni medika (Medevac), kif ukoll għat-titjiriet ta’ appoġġ għall-operazzjonijiet marbuta mal-missjoni, bħat-trasport ta’ uffiċjali tal-pulizija, is-sorveljanza mill-ajru u attivitajiet oħra marbuta mal-missjoni. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2012, Elitaliana ppreżentat rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tal-miżuri kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna ta’ Eulex Kosovo għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti minħabba dawn il-miżuri.

18

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, Eulex Kosovo qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ibbażata, minn naħa, fuq il-fatt li r-rikors għal annullament ta’ Elitaliana ma setax jiġi indirizzat kontra Eulex Kosovo, peress li, billi din tal-aħħar ma tibbenefikax mill-istatus ta’ organu indipendenti, hija ma kellhiex locus standi sabiex tkun konvenuta u, min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-fatt li l-miżuri kontenzjużi kienu ġew adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

19

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali laqgħet, fil-punti 19 sa 37 tad-digriet appellat, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Eulex Kosovo u, għalhekk, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Elitaliana.

20

Il-Qorti Ġenerali eżaminat fl-ewwel lok, fil-punti 19 sa 37 tad-digriet appellat, jekk Eulex Kosovo kinitx “korp jew organu tal-Unjoni” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jekk setgħetx, minħabba f’hekk, ikollha locus standi sabiex tkun konvenuta fil-proċedura pendenti quddiemha.

21

Wara li eżaminat il-formulazzjoni tal-Artikoli 1(1), 6, 7(1) u (2) kif ukoll 11 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 26 tad-digriet appellat, is-segwenti:

22

Wara li osservat, fit-tieni lok, fil-punt 27 tad-digriet appellat, li Elitaliana kienet qed titlob l-annullament tal-miżuri adottati minn Eulex Kosovo fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt ikkontestat, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 31 ta’ dan id-digriet, li, skont l-Artikoli 8(5) u 16(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, minn naħa, il-kap tal-missjoni kien responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-baġit ta’ Eulex Kosovo u kellu jiffirma, għal dan l-iskop, kuntratt mal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ispejjeż kellhom jiġu ġestiti “f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-[Unjoni]”. Minn dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-Kummissjoni kienet iddelegat ċerti kompiti ta’ eżekuzzjoni tal-baġit ta’ Eulex Kosovo lill-kap ta’ din il-missjoni.

23

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li, “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-atti adottati mill-kap ta’ Eulex Kosovo fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni huma imputabbli lill-Kummissjoni li għandha l-locus standi skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, dawn l-atti jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ġenerali, invokat [minn Elitaliana], li l-atti kollha li jirriżultaw minn istituzzjoni, entità jew korp tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament”. Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi, fil-punt 35 tad-digriet appellat, li, “[k]onsegwentement, Eulex Kosovo ma għandhiex locus standi sabiex tkun konvenuta”.

24

Il-Qorti Ġenerali eżaminat fit-tielet lok l-argument ta’ Elitaliana li jgħid li, fil-każ li l-kapaċità li taġixxi bħala konvenuta ma tiġix irrikonoxxuta lil Eulex Kosovo, kien madankollu possibbli għall-qorti adita li tirrimedja għal dan l-iżball billi tqis l-awtur tal-att ikkontestat bħala l-konvenut.

25

Fil-punt 39 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, l-indikazzjoni ta’ Eulex Kosovo bħala konvenuta fir-rikors ma kinitx tikkostitwixxi żball, peress li mill-kontenut tar-rikors kien jirriżulta b’mod ċar li Elitaliana kienet qieset li Eulex Kosovo kienet, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “korp jew organu tal-Unjoni” u li, f’kull każ, l-ebda element fir-rikors ma kien jippermetti li jiġi kkonstatat li r-rikors kien ġie ppreżentat kontra entità oħra li ma kinitx Eulex Kosovo.

26

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali evalwat jekk Elitaliana setgħetx effettivament tinvoka l-benefiċċju tal-iżball skużabbli, kif hija sostniet abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, li jipprevedi li l-eżistenza ta’ żball hija rrikonoxxuta jekk l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir ta’ natura li, waħdu jew f’miżura determinanti, joħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ individwu ta’ bona fide u li juri d-diliġenza kollha mitluba minn operatur ta’ esperjenza raġonevoli.

27

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar motiv imqajjem mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat qabelxejn, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li l-ebda dokument li jirrigwarda l-kuntratt inkwistjoni ma kien jindika l-parti li kontriha seta’ jiġi ppreżentat rikors. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, “fid-dawl tas-sitwazzjoni ġuridika kumplessa li tirregola r-relazzjoni f’dik il-proċedura bejn Eulex Kosovo u l-kap tagħha, minn naħa, u l-Kummissjoni u l-Kunsill, min-naħa l-oħra, kien inkontestabbilment diffiċli għar-rikorrenti li tidentifika l-parti li kienet responsabbli għall-miżuri [kontenzjużi] u li kellha l-locus standi sabiex tkun konvenuta”.

28

Sussegwentement, fil-punt 42 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat madankollu li, skont il-ġurisprudenza invokata minn Elitaliana, l-eżistenza ta’ żball skużabbli setgħet ikollha biss l-effett li tippermetti lill-qorti adita li taċċetta ir-rikors minkejja t-tardività tiegħu. Hija osservat li billi r-rikors ta’ Elitaliana ġie ppreżentat fit-terminu stabbilit, din il-ġurisprudenza ma kinitx tapplika f’dan il-każ.

29

Fil-punt 43 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali osservat li mir-rikors kien jirriżulta li Elitaliana kienet identifikat lil Eulex Kosovo bħala korp jew organu u kienet indirizzat mingħajr ebda ambigwità r-rikors tagħha kontra din l-entità, filwaqt li, fid-dawl tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, ir-rikorrenti setgħet ma twettaqx tali żball.

30

Finalment u fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 45 tad-digriet appellat, l-analiżi tagħha kif ġej:

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja assenjat il-kawża lill-Ħames Awla u ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2014.

32

Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Frar 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u li tinżamm seduta. Il-partijiet kif ukoll, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u l-Kunsill ġew mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet dwar il-PESK li jinsabu fit-Titolu V, Kapitolu 2, Taqsima 1 tat-Trattat UE u dik tal-Artikolu 275 TFUE.

33

Wara s-seduta għas-sottomissjonijiet orali tal-25 ta’ Marzu 2015 u wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali waqt is-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015, il-proċedura orali ngħalqet.

It-talbiet tal-partijiet

34

Permezz tal-appell tagħha, Elitaliana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-digriet appellat. Fil-każ li l-kawża tkun fi stat li tista’ tiġi deċiża, Elitaliana titlob li jintlaqgħu t-talbiet tagħha mressqa fl-ewwel istanza u li Eulex Kosovo tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma tkunx fi stat li tista’ tiġi deċiża, hija titlob li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

35

Eulex Kosovo titlob li l-appell jiġi miċħud u li Elitaliana tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

36

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-kwistjoni mqajma minn Eulex Kosovo, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-PESK, iżda ddeċidiet dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà marbuta mal-assenza ta’ locus standi ta’ Eulex Kosovo sabiex tkun konvenuta.

37

Sa fejn il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża hija ta’ ordni pubbliku, tali kwistjoni tista’ tiġi eżaminata f’kull mument tal-proċedura, anki ex officio, mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 20).

38

F’dan il-każ, din il-kwistjoni, li kienet is-suġġett tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, għandha titqajjem ex officio u għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok.

L-argumenti tal-partijiet

39

Il-Kunsill, il-Kummissjoni u Elitaliana huma tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

40

Eulex Kososva ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-istatus u tal-attività tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, iżda li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-istatus u tal-attività ta’ Eulex Kosovo.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Għandu jiġi osservat li, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-PESK kif ukoll l-atti adottati abbażi tagħhom (sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 69).

42

Madankollu, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 jintroduċu deroga għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70).

43

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(2) TUE l-“ispiża operattiva li għandha x’taqsam ma’ l-implimentazzjoni ta[l-] [...] Kapitolu [dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-PESK] għandha [...] titħallas mill-baġit ta’ l-Unjoni, ħlief għal dik l-ispiża li toriġina minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew tad-difiża u minn każijiet fejn il-Kunsill li jaġixxi unanimament jiddeċiedi mod ieħor”.

44

Din id-dispożizzjoni hija rrepetuta, essenzjalment, fl-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju.

45

Skont l-Artikoli 17 TUE u 317 TUE, hija l-Kummissjoni li għandha teżegwixxi l-baġit tal-Unjoni.

46

Mill-Artikolu 16(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jirriżulta li “[i]n-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-[Unjoni]”.

47

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-missjoni Eulex Kosovo hija ta’ natura ċivili u li kien previst li l-ispejjeż relatati mas-servizz ta’ appoġġ permezz ta’ ħelikopter tal-missjoni Eulex Kosovo jiġu allokati lill-baġit tal-Unjoni.

48

Għaldaqstant, il-miżuri kontenzjużi, li l-annullament tagħhom intalab minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni, kienu jirrigwardaw l-għoti ta’ kuntratt pubbliku li wassal għal spejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju.

49

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, ma jistax jitqies li l-portata tal-limitazzjoni derogatorja fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) u fl-Artikolu 275 TFUE hija daqshekk estiża li teskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

50

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju, ibbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi lil Eulex Kosovo l-kwalità ta korp jew ta ’ organu tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u fuq l-assimilazzjoni żbaljata ta ’ Eulex Kosovo ma ’ delegazzjoni tal-Unjoni

L-argumenti tal-partijiet

51

Permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Elitaliana tilmenta, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 26 tad-digriet appellat, li “Eulex Kosovo ma għandhiex personalità ġuridika u [li] ma huwiex previst li hija tista’ tkun parti fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni”, li wasslitha sabiex tikkonkludi li Eulex Kosovo ma tikkostitwixxix “korp jew organu tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Elitaliana ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma applikatx il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166). F’dan ir-rigward, Elitaliana tindika li l-Artikoli 8 u 16 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 taw lill-kap tal-missjoni s-setgħa li jirrappreżenta lil Eulex Kosovo u r-responsabbilta ġuridika marbuta mal-atti tagħha kif ukoll awtonomija finanzjarja. Minn dan hija tikkonkludi li din l-entità kienet “ċentru awtonomu ta’ għoti ta’ drittijiet u ta’ obbligi”, liema fatt taha għalhekk personalità ġuridika u, konsegwentement, il-kwalità ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni.

52

Elitaliana ssostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta, fil-punti 27 sa 35 tad-digriet appellat, assimilat Eulex Kosovo ma’ delegazzjoni, sabiex tasal għall-konklużjoni li l-atti adottati fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku kienu imputabbli lill-Kummissjoni.

53

Eulex Kosovo titlob li dawn iż-żewġ aggravji jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Għal dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li r-rikorrenti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx fil-konfront ta’ Eulex Kosovo, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 263 TFUE jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti ta’ dawn il-korpi jew ta’ dawn l-organi intiżi li jipproduċu effetti legali.

55

Hekk kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 24 u 25 tad-digriet appellat, varji dispożizzjonijiet tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha, juru li l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ Eulex Kosovo ma ġewx eżerċitati b’mod awtonomu minn din il-missjoni, iżda mill-kumitat politiku u ta’ sigurtà (KPS), li huwa stess jeżerċita l-imsemmi kontroll u l-imsemmija direzzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà komuni (RGħ).

56

Għal dak li jirrigwarda l-qasam baġitarju u finanzjarju, mill-Artikolu 8(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jirriżulta li l-kap tal-missjoni “għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ EULEX KOSOVO. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni”. L-Artikolu 16(3) ta’ din l-azzjoni konġunta kien jipprevedi barra minn hekk li, “[s]uġġett għall-approvazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jidħol f’arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri ta’ l-UE, ma’ Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u postijiet lil EULEX KOSOVO”. L-Artikolu 16(4) tal-imsemmija azzjoni konġunta kien jistabbilixxi li “[i]l-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u jiġi sorveljat minnha dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu”.

57

Minn dan jirriżulta li, għalkemm il-kap tal-missjoni ġie deskritt mill-Azzjoni Konġunta 2008/124 bħala “responsabbli” għall-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li s-setgħat tiegħu kienu, fil-qasam baġitarju u finanzjarju, eżerċitati taħt is-sorveljanza u l-awtorità tal-Kummissjoni. Dawn il-fatturi wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis ġustament, fil-punt 36 tad-digriet appellat, li, f’dan il-qasam, il-kap tal-missjoni kellu setgħat limitati u li, fir-realtà, huwa kellu “kapaċità ġuridika limitata b’mod strett mill-perspettiva materjali”, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti skont liema Eulex Kosovo “ċertament kellha personalità ġuridika bħala ċentru awtonomu ta’ għoti ta’ drittijiet u ta’ obbligi”.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li Eulex Kosovo ma setgħetx titqies li għandha personalità ġuridika, peress li l-Azzjoni Konġunta 2008/124 kienet tikklassifika din l-entità bħala “missjoni” u li, minn naħa, fil-qasam politiku u strateġiku, l-imsemmija missjoni tqiegħdet taħt l-awtorità u l-kontroll tal-Kunsill u tar-RGħ u, min-naħa l-oħra, fil-qasam baġitarju u finanzjarju, il-kap tal-missjoni kien jeżerċita s-setgħat tiegħu taħt is-sorveljanza u l-awtorità tal-Kummissjoni.

59

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 26 tad-digriet appellat, minn naħa, li Eulex Kosovo ma kellhiex personalità ġuridika u, min-naħa l-oħra, li ma kienx previst li hija tista’ tkun parti fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. Dawn il-fatturi wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex minnhom tiddeduċi ġustament li Eulex Kosovo kienet missjoni li l-perijodu operattiv tagħha kien limitat u li ma setgħetx tkun “korp jew organu”, fis-sens tal-Artikolu 263(1) TFUE.

60

Għal dak li jirrigwarda l-ilment imqajjem mir-rikorrenti dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li Eulex Kosovo adottat il-miżuri kontenzjużi fil-kuntest ta’ delegazzjoni, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li ġejjin.

61

Skont l-Artikolu 53a tar-Regolament Finanzjarju, meta l-Kummissjoni timplementa l-baġit fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti implementattivi jistgħu jitwettqu indirettament, skont l-Artikoli 54 sa 57 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 54(2)(d) tal-imsemmi regolament jippreċiża li, meta l-Kummissjoni timplementa l-baġit b’ġestjoni ċentralizzata indiretta skont l-Artikolu 53a, hija tista’ tiddelega kompiti ta’ awtorità pubblika, u partikolarment kompiti implementattivi tal-baġit, lil persuni fdati bl-implementazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi skont it-Titolu V tat-Trattat UE.

62

F’dan il-każ, l-Artikolu 8(5) u l-Artikolu 16(4) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jipprevedu li l-kap tal-missjoni huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ Eulex Kosovo u li, għal dan il-għan, huwa jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, il-kap tal-missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u jiġi ssorveljat minnha dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

63

Miż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li, hekk kif osservat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat, il-Kummissjoni ddelegat, permezz tal-kuntratt li hija ffirmat mal-kap tal-missjoni, u skont l-Artikolu 54(2)(d) tar-Regolament Finanzjarju, lil dan tal-aħħar is-setgħa tagħha ta’ implementazzjoni baġitarja. Fil-kuntest ta’ din id-delega, il-kap tal-missjoni Eulex Kosovo huwa obbligat, bħala l-persuna li lilha l-Kummissjoni ddelegat is-setgħa tagħha, li jikkonforma ruħu mar-regoli baġitarji tad-dritt tal-Unjoni, inklużi r-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bħal dawk previsti fit-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament Finanzjarju.

64

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 33 tad-digriet appellat, il-prinċipju skont liema l-atti adottati bis-saħħa tas-setgħat iddelegati jiġu normalment imputati lill-istituzzjoni li tagħti d-delega, li għandha tiddefendi ġudizzjarjament l-att inkwistjoni.

65

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti u hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 2014, għalkemm il-punt 33 tad-digriet appellat jagħmel riferiment għal deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar delegazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri entità stabbilita skont l-Artikolu 221 TFUE sabiex tirrappreżenta l-Unjoni, f’dak il-każ id-delegazzjoni tal-Unjoni fil-Montenegro, dan il-punt ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti Ġenerali qieset li Eulex Kosovo kellha tiġi assimilata ma’ tali entità, iżda jfakkar sempliċiment prinċipju ta’ dritt li l-Qorti Ġenerali kienet applikat f’dik id-deċiżjoni.

66

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament, fil-punti 34 u 35 tad-digriet appellat, li l-atti adottati minn Eulex Kosovo fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kienu imputabbli lill-Kummissjoni u li, minħabba f’hekk, Eulex Kosovo ma kellhiex locus standi sabiex tkun konvenuta.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li Elitaliana ssostni b’mod żbaljat li l-assenza ta’ locus standi ta’ Eulex Kosovo fil-proċedura hija ta’ natura li tikser il-prinċipji mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166), skont liema s-sistema tat-Trattat hija li jiġi ppreżentat rikors dirett kontra d-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet u intiżi li jipproduċu effett legali. Fil-fatt, u kif tosserva ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tad-digriet appellat, il-miżuri kontenzjużi setgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, bil-kundizzjoni madankollu li ma kinitx Eulex Kosovo, iżda il-Kummissjoni, bħala awtorità li tagħti d-delega, li kellha tiġi indikata fir-rikors intiż b’mod partikolari għall-annullament ta’ dawn il-miżuri.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ dritt tal-Qorti Ġenerali sa fejn hija ċaħdet l-eżistenza ta ’ żball skużabbli min-naħa ta ’ Elitaliana

L-argumenti tal-partijiet

69

It-tielet aggravju invokat minn Elitaliana, li jirrigwarda ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar l-iżball skużabbli, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

70

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Elitaliana tilmenta li l-Qorti Ġenerali limitat b’mod żbaljat, fil-punt 42 tad-digriet appellat, il-benefiċċju ta’ tali żball għall-każijiet biss li fihom il-parti li tinvokah tkun qed tipprova tevita l-konsegwenzi marbuta mal-inosservanza ta’ terminu proċedurali.

71

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, Elitaliana ssostni l-eżistenza ta’ kontradizzjoni ta’ raġunament bejn il-punti 41 u 43 tad-digriet appellat, sa fejn il-Qorti Ġenerali ammettiet, minn naħa, li s-sitwazzjoni ġuridika kumplessa tal-kuntratt inkwistjoni kienet tirrendi diffiċli l-identifikazzjoni tal-parti li lilha l-miżuri kontenzjużi kienu imputabbli u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tal‑Azzjoni Konġunta 2008/124 kienu ċari biżżejjed sabiex ir-rikorrenti ma twettaqx l-iżball li tqis lil Eulex Kosovo bħala “korp jew organu tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorsi ppreżentati kontra l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu indirizzati formalment kontra l-istituzzjoni li lilha huwa imputabbli l-att ikkontestat.

73

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-indikazzjoni fir-rikors ta’ konvenut li ma jkunx l-awtur tal-att ikkontestat ma twassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors jekk dan tal-aħħar ikun fih elementi li jippermettu li tiġi identifikata mingħajr ambigwità l-parti li kontriha dan ikun ġie ippreżentat, bħall-indikazzjoni tal-att ikkontestat u dik tal-awtur ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il‑Kummissjoni vs BEI, 85/86, EU:C:1986:292, punt 6). Meta r-rikors ikun indirizzat kontra persuna li ma tkunx dik li lilha l-att li jkun is-suġġett tar-rikors huwa imputabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja la tista’ tinjora r-rieda manifesta tar-rikorrent u lanqas ma tista’ tissostitwixxiha bir-rieda tagħha u ma għandha l-ebda għażla ħlief li tiddikjara t-talba inammissibbli.

74

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 39 tad-digriet appellat, minn naħa, li r-rikors ta’ Elitaliana kien indirizzat, mingħajr ebda ambigwità, kontra Eulex Kosovo, li, skont ir-rikorrenti kellha l-kwalità ta’ “korp jew organu tal-Unjoni” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti fl-ebda mument ma kienet ppreżentat rikors kontra parti oħra li ma kinitx Eulex Kosovo. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma kinitx applikabbli u li ma kienx neċessarju li tiġi identifikata l-parti li kontriha ir-rikors kellu jiġi ppreżentat.

75

Fit-tieni lok, fil-punt 42 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali semmiet ġustament, minn naħa, li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, jiġifieri, iktar preċiżament, il-punt 19 tas-sentenza Schertzer vs Il‑Parlament (25/68, EU:C:1977:158), dwar l-iżball skużabbli, setgħet ikollha biss il-konsegwenza li tippermetti li rikors ippreżentat wara t-termini proċedurali previsti għal dan il-għan ma jiġix iddikjarat inammissibbli, sabiex iddeduċiet, min-naħa l-oħra, b’mod impliċitu iżda neċessarju, li l-invokazzjoni tal-iżball skużabbli kienet mingħajr ebda effett f’dan il-każ peress li, hekk kif ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, “f’dan il-każ, [kien] stabbilit li r-rikorrenti [kienet] osservat it-terminu tar-rikors” u li r-rikorrenti fl-ebda mument ma kienet ppreżentat rikors kontra xi parti oħra li ma kinitx Eulex Kosovo.

76

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

77

Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tat-tielet aggravju mqajjem minn Elitaliana insostenn tal-appell tagħha, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ammettiet, fil-punt 41 tad-digriet appellat, l-eżistenza ta’ diffikultajiet sabiex tiġi identifikata l-parti li lilha l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli sabiex tikkonkludi, fil-punt 43 tad-digriet appellat, li, minkejja dawn id-diffikultajiet, ir-rikorrenti setgħet ma wettqitx l-iżball li tindirizza r-rikors tagħha kontra Eulex Kosovo.

78

Dan l-ilment, li huwa intiż li jikkontesta l-assenza tan-natura skużabbli tal-iżball imwettaq, għandu jiġi miċħud mill-ewwel, sa fejn dan huwa indirizzat kontra raġunijiet superfluwi tad-digriet u ma jistax iwassal għall-annullament tiegħu (ara, f’dan is-sena, is-sentenza Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punti 4167 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li l-invokazzjoni tal-iżball skużabbli kienet mingħajr ebda effett f’dan il-każ.

79

Peress li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi ddikjarata ineffettiva, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

80

Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Elitaliana insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Eulex Kosovo talbet sabiex Elitaliana tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Elitaliana SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top