EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0196

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Diċembru 2014.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 75/442/KEE, 91/689/KEE u 1999/31/KE — Immaniġġar ta’ skart — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260(2) TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Somma f’daqqa.
Kawża C‑196/13.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2407

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 75/442/KEE, 91/689/KEE u 1999/31/KE — Immaniġġar ta’ skart — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260(2) TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Somma f’daqqa”

Fil-Kawża C‑196/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE ppreżentat fis-16 ta’ April 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia, A. Alcover San Pedro u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Vici President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Vajda, u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma adottax il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 8, u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/442”), l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78), kif ukoll l-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228), dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 256 819.20 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), mid-data ta’ din is-sentenza;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 28 089.60 man-numru ta’ jiem li fihom issokta l-ksur, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) u dik ta’ din is-sentenza; kif ukoll

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 75/442/KE

2

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442/KE:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent [...]

[...]

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.”

3

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-detenturi tal-iskart jipproċessawh permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku, jew inkella permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Anness II A jew II B ta’ din id-direttiva, jew jirkuprawh jew jiddisponu minnu huma stess skont id-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva.

4

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 75/442 kien jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-istabbilimenti jew l-impriżi kollha li xogħlhom kien li jipproċessaw l-iskart kellhom jiksbu permess mingħand l-awtorità kompetenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 9(2) tal-istess direttiva jispeċifika li dawn il-permessi jistgħu jingħataw għal perijodu determinat, setgħu jiġġeddu, setgħu jinkludu rekwiżiti u obbligi jew, b’mod partikolari, jekk il-metodu ta’ eliminazzjoni previst ma kienx aċċettabbli mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ambjent, setgħu jiġu rrifjutati.

5

Id-Direttiva 75/442 ġiet imħassra bid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), li min-naħa tagħha, ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3). L-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442 huma riprodotti, essenzjalment, fl-Artikoli 13, 15, 23 u 36(1) tad-Direttiva 2008/98.

Id-Direttiva 91/689

6

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689 kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedu li f’kull sit fejn isir rimi ta’ skart perikoluż l-iskart ikun irrekordjat u identifikat.”

7

L-imsemmija direttiva ġiet imħassra mid-Direttiva 2008/98. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689 ġie riprodott, essenzjalment, fl-Artikolu 35(1) u (2) tad-Direttiva 2008/98.

Id-Direttiva 1999/31

8

L-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva 1999/31 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma [landfill] li ġew mogħtija permess, jew li huma diġà qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm [...]

(a)

f’perijodu ta’ sena min wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) [jiġifieri mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2002], l-operatur ta’ terraferma [landfill] irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1;

(b)

skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definit[tiv]a fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi tal-imsemmi pjan ta’ kundizzjonament u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil mal-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw.

(ċ)

fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtortá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma [landfill] eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1).”

9

Skont l-Artikolu 18(1) ta’ din d-direttiva, l-Istati Membri għandhom, sa mhux iktar tard minn sentejn mid-dħul tagħha fis-seħħ jew mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2001, idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, li huma neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan immedjatament.

Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja

10

Fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), mogħtija fis-26 ta’ April 2007, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 226 KE wara li kkonstatat li r-Repubblika Taljana kienet, b’mod ġenerali u persistenti, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha dwar l-immaniġġar tal-iskart taħt l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689, kif ukoll l-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva 1999/31, billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Il-proċedura prekontenzjuża

11

Fil-kuntest tal-kontroll tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jiddeskrivu l-miżuri li dawn kienu adottaw għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. Fil-11 ta’ Ġunju 2007, inżammet laqgħa fi Brussell, bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani li matulha dawn tal-aħħar impenjaw ruħhom li jipprovdu lill-Kummissjoni lista aġġornata ta’ miżuri neċessarji għall-konformità mal-imsemmija sentenza.

12

Permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Lulju 2007, tas-26 ta’ Settembru 2007, tal-31 ta’ Ottubru 2007 u tas-26 ta’ Novembru 2007, l-awtoritajiet Taljani b’mod partikolari ppreżentaw is-sistema leġiżlattiva nazzjonali repressiva fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart u ċerti inizjattivi dwar dan l-immaniġġar, kif ukoll sinteżi, reġjun b’reġjun, tas-sitwazzjoni tas-siti elenkati fir-rapport tal-Corpo Forestale dello Stato (l-amministrazzjoni nazzjonali tal-foresti, iktar ’il quddiem il-“CFS”) tal-2002.

13

Billi kkunsidrat li r-Repubblika Taljana kienet ittrażmettitilha b’mod inkomplet il-miżuri meħuda għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), il-Kummissjoni indirizzat lil din tal-aħħar ittra ta’ intimazzjoni, tal-1 ta’ Frar 2008, li fiha talbitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, f’terminu ta’ xahrejn. Bejn l-10 ta’ April 2008 u s-26 ta’ Mejju 2008, dan l-Istat Membru ttrażmetta lill-Kummissjoni, diversi drabi, informazzjoni ġdida dwar kull wieħed mir-reġjuni Taljani u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano, kif ukoll informazzjoni fuq is-sistema ġdida ta’ sorveljanza nazzjonali tat-territorju.

14

Matul laqgħa li nżammet fi Brussell fl-24 ta’ Settembru 2008, u f’ittra tat-12 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni kkritikat il-kontenut tal-informazzjoni trażmessa mir-Repubblika Taljana. Wara li eżaminat id-diversi dokumenti li ġew ippreżentati lilha, sussegwentement, minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 228(2) KE, ittrażmettitlu opinjoni motivata fis-26 ta’ Ġunju 2009, li fiha hija waslet għall-konklużjoni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali, li kien ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), issokta.

15

Fuq it-talba tar-Repubblika Taljana, it-terminu mogħti lil din tal-aħħar mill-Kummissjoni, sabiex tirrispondi għal din l-opinjoni motivata, ġie pprorogat sat-30 ta’ Settembru 2009. Ir-risposta ta’ dan l-Istat Membru waslet għand il-Kummissjoni fl-1 ta’ Ottubru 2009. Wara din ir-risposta, bejn it-13 ta’ Ottubru 2009 u d-19 ta’ Frar 2013, l-imsemmi Stat Membru bagħtilha dokumenti oħra aġġornati dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

16

Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni qieset li dan l-Istat Membru ma kienx għadu ħa l-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), sa fejn 218 sit fit-territorju ta’ 18 mill-20 reġjun Taljan ma kinux jikkonformaw mal-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 75/442. Fit-tieni lok, mill-eżistenza ta’ dawn il-218-il sit illegali, il-Kummissjoni ddeduċiet li neċessarjament jeżistu siti li joperaw mingħajr permess bi ksur tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li 16 minn dawn il-218-il sit mhux konformi, kienu jinkludu skart perikoluż u ma ma kinux josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689. Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni qieset li sas-16 ta’ Lulju 2001, ir-Repubblika Taljana ma kinitx ġabet provi, fir-rigward ta’ ħames landfills eżistenti, li dawn kienu s-suġġett ta’ pjan ta’ żvilupp jew ta’ miżura definittiva ta’ għeluq konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31.

17

Fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika Taljana ma kinitx ħadet il-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fis-16 ta’ April 2013.

L-iżviluppi li seħħew matul din il-proċedura

18

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-10 ta’ April 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lir-Repubblika Taljana u lill-Kummissjoni sabiex jipprovdu, mhux iktar tard mis-16 ta’ Mejju 2014, informazzjoni aġġornata dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Kellhom jiġu speċifikati wkoll il-landfills elenkati wara l-2002 imsemmija mill-partijiet fin-noti tagħhom.

19

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Taljana għamlet sinteżi aġġornata tal-interventi li twettqu fil-218-il landfill imsemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha. Dan l-Istat Membru pprovda wkoll lista ta’ 71 sit ġdid li, fil-fehma tiegħu, minkejja li ma ġewx identifikati fir-rapport tal-CFS tal-2002, huma koperti mill-ilmenti tal-Kummissjoni l-Kummissjoni.

20

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat, l-ewwel nett, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u matul is-seduta, li skont l-informazzjoni l-iktar reċenti li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, 198 sit għadhom ma humiex konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 u li, fost dawn, żewġ siti għadhom ma humiex konformi mal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva wkoll u erbatax għadhom ma humiex konformi mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689. Sussegwentement, mill-informazzjoni skambjata matul laqgħa li nżammet fit-23 ta’ Mejju 2014 bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni, jirriżulta li baqa’ biss żewġ landfills li ma jikkonformawx mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31. Fl-aħħar nett, ebda sit ġdid elenkat mill-awtoritajiet Taljani ma huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

L-argumenti tal-partijiet

21

Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, l-ewwel nett, billi ssostni li s-sorsi ta’ informazzjoni li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha għar-rikors tagħha, b’mod partikolari, ir-rapporti tal-CFS u d-dikjarazzjonijiet magħmula minn dan l-Istat Membru matul il-laqgħat informali mal-Kummissjoni, ma jistgħux jiġġustifikaw rikors skont l-Artikolu 260(2) TFUE sa fejn is-sanzjonijiet pekunjarji li jistgħu jiġu imposti fil-kuntest ta’ din il-proċedura jirrigwardaw nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu speċifiċi għal kull landfill illegali.

22

It-tieni nett, dan l-Istat Membru jallega li l-Kummissjoni estendiet il-portata ta’ dan ir-rikors billi ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha ta’ miżuri li kellhom jittieħdu mill-awtoritajiet Taljani skont l-Artikolu 260(2) TFUE, siti ġodda li ma hemmx riferiment għalihom fir-rapport tal-CFS.

23

It-tielet nett, permezz ta’ nota tal-14 ta’ Ġunju 2011 indirizzata lir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ddeskriviet fil-qosor is-suġġett tal-kawża b’mod differenti minn dak deskritt fit-tfassil tal-opinjoni motivata, b’tali mod li kellha tindirizza opinjoni motivata ġdida.

24

Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Taljana targumenta li s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) ma tagħmel ebda riferiment għal insuffiċjenzi li jaffettwaw il-leġiżlazzjoni Taljana u li l-Kummissjoni ma identifikatx id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din il-leġiżlazzjoni li hija tqis inadegwati. Fin-nuqqas ta’ dawn l-indikazzjonijiet, ir-Repubblika Taljana ma tistax tiddefendi ruħha u r-rikors huwa inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet saret diffiċli minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjoni li kellha tiġi rrimedjata.

25

Il-ħames nett, ir-Repubblika Taljana tqis li hija dejjem għamlet sforz sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Dan l-Istat Membru jitlob għalhekk li dan ir-rikors jiġi miċħud.

26

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni fakkret, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), li r-rapport tal-CFS jista’ jitqies li huwa sors ta’ informazzjoni valida għall-finijiet tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur u li d-diskussjonijiet għal dan il-għan, matul il-laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani, saru abbażi ta’ dan id-dokument.

27

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li huwa kompletament leġittimu li f’dan l-istadju tal-eżekuzzjoni tas-sentenza, jittieħdu inkunsiderazzjoni siti oħra li ma jikkonformawx, li jafu bihom l-amministrazzjonijiet kompetenti sa fejn dawn is-siti jaqgħu neċessarjament taħt in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u persistenti kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

28

It-tielet nett, in-nota tal-14 ta’ Ġunju 2011 sempliċement tippreżenta s-sitwazzjoni kif evolviet wara li ntbagħtet l-opinjoni motivata. Għaldaqstant, ma kienx neċessarju li tintbagħat opinjoni motivata ġdida lir-Repubblika Taljana.

29

Ir-raba’ nett, huwa fundamentali li r-Repubblika Taljana jkollha qafas leġiżlattiv adegwat sabiex timmaniġġa l-iskart b’mod tajjeb. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Taljani stess qiesu li emenda leġiżlattiva tkun tippermetti l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

30

Il-ħames nett, il-Kummissjoni targumenta li l-awtoritajiet Taljani bdew jippreżentawlha informazzjoni koerenti u kredibbli biss wara li ntbagħtet l-opinjoni motivata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Peress li ma jirrigwardax l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni, l-argument tar-Repubblika Taljana dwar is-saħħa probatorja tal-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, b’mod partikolari r-rapport tal-CFS u d-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru, għandu jiġi miċħud.

32

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mir-Repubblika Taljana, bbażata fuq ir-riferiment għal siti ġodda mhux konformi fir-rikors tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE għandha titqies li hija proċedura ġudizzjarja speċjali għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi kliem ieħor, bħala mezz ta’ eżekuzzjoni. Konsegwentement, fil-kuntest tagħha, jistgħu biss jiġu ttrattati n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat Membru taħt it-Trattati, li l-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, tkun qieset bħala fondati (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑95/12, EU:C:2013:676, punt 23).

33

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ natura ġenerali u persistenti billi ma bbażatx ruħha biss fuq ir-rapporti tal-CFS tal-2002, iżda wkoll fuq informazzjoni oħra, bħal rapporti mfassla mil-CFS u mill-kummissjonijiet parlamentari ta’ inkjesta jew dokumenti uffiċjali li joriġinaw, b’mod partikolari, mill-awtoritajiet reġjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn ir-Repubblika Taljana tillimita ruħha li tikkritika lill-Kummissjoni talli rreferiet għal ċerti siti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, minkejja l-fatt li ma jissemmewx fir-rapport tal-CFS, l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud, peress li tali siti għandhom jitqiesu li huma neċessarjament inklużi fin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u persistenti kkonstatat fir-rikors inizjali skont l-Artikolu 226 KE (li sar l-Artikolu 258 TFUE) (ara, b’analoġija, fil-kuntest ta’ rikors skont l-Artikolu 226 KE, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punti 37 sa 39).

34

Fir-rigward tal-konklużjoni li r-Repubblika Taljana tislet min-nota tal-14 ta’ Ġunju 2011, li l-Kummissjoni estendiet is-suġġett tal-kawża meta mqabbel ma’ dak tal-opinjoni motivata, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-Kummissjoni hija marbuta, fl-opinjoni motivata mibgħuta skont l-Artikolu 228(2) KE, tippreċiża l-punti li fuqhom l-Istat Membru kkonċernat ma kkonformax ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li ma hemmx riferiment għalihom fl-opinjoni motivata, taħt piena ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jiggarantixxu r-regolarità tal-proċedura (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑457/07, EU:C:2009:531, punt 60).

35

Madankollu, f’dan il-każ, kif irrilevat wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma tistabbilixxix li l-obbligi msemmija fl-opinjoni motivata maħruġa fil-kuntest ta’ din il-kawża nbidlu minħabba l-imsemmija nota. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dwar din l-istess nota għandha tiġi miċħuda.

36

Barra dan, billi tikkonferma n-neċessità għar-Repubblika Taljana li temenda l-leġiżlazzjoni tagħha għall-bżonnijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), il-Kummissjoni ma hijiex qiegħda tinvoka obbligu li l-ksur tiegħu ma ġiex ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, iżda sempliċement tindika, bil-għan li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, in-natura ta’ miżuri li, skont il-Kummissjoni, dan l-Istat Membru għandu jieħu sabiex jikkonforma mal-imsemmija sentenza.

37

Fir-rigward tal-argument li r-Repubblika Taljana kkooperat mal-Kummissjoni matul il-proċedura kollha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li għalkemm, jekk jiġi pprovat, dan il-fatt ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji, huwa ma jistax jaffettwa l-ammissibbiltà tar-rikors.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

39

Il-Kummissjoni tqis, fid-dawl tal-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Taljani fir-risposta tagħhom tal-1 ta’ Ottubru 2009 u f’dik addizzjonali inkluża fin-nota tat-30 ta’ Ottubru 2009, li, sal-iskadenza tal-proroga tat-terminu impost bl-opinjoni motivata, fit-territorju tar-Repubblika Taljana kollu, minbarra r-reġjun tal-Val d’Aoste, kien hemm 368, jew saħansitra 422 sit mhux konformi mal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442. Fost dawn is-siti, 15, jew saħansitra 23 li kien fihom skart perikoluż lanqas ma kienu konformi mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689. Il-Kummissjoni ssostni li, skont din l-informazzjoni, ix-xogħlijiet ta’ dekontaminazzjoni jew ta’ riabilitazzjoni kienu, skont is-siti, inkompleti, sempliċement ippjanati, jew pendenti. Siti oħra ġew issekwestrati.

40

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana messha implementat miżuri strutturali ta’ natura ġenerali u sostenibbli sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u persistenti kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ din in-natura turi li s-sistema repressiva prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx adatta u barra minn hekk wasslet lill-awtoritajiet Taljani jipprevedu r-riforma tagħha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

41

Il-Kummissjoni ppreċiżat, matul is-seduta, li n-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet huwa bbażat fuq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 u mhux fuq in-numru ta’ siti illegali. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4, ir-Repubblika Taljana għandha l-obbligu mhux biss li tneħħi l-iskart u li ma tużax iktar is-siti kkonċernati bħala landfills, iżda wkoll li tevalwa humiex neċessarji miżuri ta’ rkupru għal kull sit. Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jimponi, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew l-eliminazzjoni mingħajr kontroll tal-iskart, dawn il-miżuri ma humiex suffiċjenti sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tiegħu. Madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli sad-data tas-seduta, l-operazzjonijiet ta’ dekontaminazzjoni u/jew ta’ riabilitazzjoni ta’ dawn is-siti, li jinsabu fi kważi r-reġjuni kollha Taljani, għadhom pendenti.

42

Fir-rigward tal-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva 1999/31, il-Kummissjoni ssostni li, sal-iskadenza tal-proroga tat-terminu impost fl-opinjoni motivata, mill-inqas 93 landfill eżistenti fis-16 ta’ Lulju 2001, li jinsabu f’iktar minn għaxar reġjuni, ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu. Skont ir-risposta tal-awtoritajiet Taljani għall-opinjoni motivata, għal ċerti siti, l-ebda pjan ta’ żvilupp ma ġie ppreżentat jew approvat u ebda deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-għeluq tagħhom jew tal-irtirar tagħhom ma kienet għadha ttieħdet. Għal siti oħra, l-informazzjoni pprovduta kienet inkompleta jew mhux ċara b’mod li, pereżempju, għal ċerti landfills, il-prova tal-għeluq jew l-irtirar tagħhom sad-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma kinitx ġiet prodotta. Għal-landfills l-oħra, kienet għadha ma ntbagħtet ebda informazzjoni.

43

Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li ħadet il-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

44

L-ewwel nett, hija targumenta li l-awtoritajiet nazzjonali rendew siguri s-siti kollha u li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 ma jimponix l-obbligu ta’ riabilitazzjoni jew ta’ dekontaminazzjoni tas-siti. Sussegwentement, ebda ksur tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 75/442 ma ġie stabbilit peress li l-218-il sit kollha kklassifikati, fir-rikors, bħala mhux konformi fil-jum li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita, kienu inattivi fid-data tal-iskadenza tat-terminu previst mill-opinjoni motivata. Barra hekk, il-parti l-kbira ta’ dawn is-siti ġew iddekontaminati jew qegħdin fil-proċess li jiġu riallokati għall-użi tradizzjonali tal-art. Fl-aħħar nett, peress li s-siti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni indikat li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva 1999/31ma humiex magħluqa, din id-dispożizzjoni ma tapplikax iktar fir-rigward tagħhom.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, peress li t-Trattat FUE ħassar, fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-fażi tal-opinjoni motivata, id-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-184/11, EU:C:2014:316, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Madankollu, meta l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun inbdiet abbażi tal-Artikolu 228(2) KE u meta opinjoni motivata tkun inħarġet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2009, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-opinjoni motivata (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2014:316, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata fis-26 ta’ Ġunju 2009 abbażi tal-Artikolu 228(2) CE, id-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza, wara proroga mill-Kummissjoni, tat-terminu stabbilit f’din l-opinjoni motivata, jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2009.

48

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha, fil-kuntest ta’ tali kawża, tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta’ eżekuzzjoni, minn Stat Membru, ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-każ li l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed informazzjoni li turi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ssokta, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi tagħha (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑119/04, EU:C:2006:489, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/442, għandhom jiġu eżaminati sussegwentement l-argumenti li jikkonċernaw l-Artikoli 4, 8 u 9 ta’ din id-direttiva.

50

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, il-Kummissjoni ssostni li l-osservanza ta’ dan l-artikolu teżiġi mhux sempliċement li jingħalqu s-siti jew li tissaħħaħ is-sigurtà tagħhom, iżda wkoll li s-siti l-qodma jiġu ddekontaminati.

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 37 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), li anki jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 ma jippreċiżax il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-iskart jiġi rkuprat jew eliminat mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, madankollu jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni torbot l-Istati Membri fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħallilhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tan-neċessità ta’ dawn il-miżuri (ara, wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, EU:C:2005:250, punt 168; Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, C‑37/09, EU:C:2010:331, punt 35, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑600/12, EU:C:2014:2086, punt 51). Għaldaqstant, ma huwiex possibbli, bħala prinċipju, li min-nuqqas ta’ konformità ta’ sitwazzjoni fattwali mal-għanijiet stabbiliti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, jiġi dedott direttament li l-Istat Membru kkonċernat neċessarjament naqas li jwettaq l-obbligi imposti minnha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li deterjorament sinifikanti tal-ambjent matul perijodu estiż mingħajr intervent tal-awtoritajiet kompetenti jirrivela, bħala prinċipju, li l-Istat Membru kkonċernat mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu minn din id-dispożizzjoni (ara wkoll f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, EU:C:2005:250, punt 169; Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, EU:C:2010:331, punt 36, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2014:2086, punt 52).

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tiddeċiedi, minn naħa, li deterjorament tal-ambjent huwa inerenti għall-preżenza ta’ skart f’landfill indipendentement mit-tip ta’ skart inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi fatt li tingħalaq landfill jew li l-iskart jintradam bil-ħamrija u bit-terrapien, ma humiex biżżejjed għall-finijiet tal-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, EU:C:2010:331, punt 37).

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Taljana li l-miżuri adottati għall-għeluq u għas-sigurtà tas-siti msemmija mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jekk jiġi pprovat li huma ġenwini, huma biżżejjed għall-konformità mar-rekwiżiti ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442. Kuntrarjament, kif issostni ġustament il-Kummissjoni u kif esponiet l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 u 66 tal-konklużjonijiet tagħha, Stat Membru għandu wkoll l-obbligu, skont l-Artikolu 4, li jivverifika jekk id-dekontaminazzjoni ta’ siti illegali qodma hijiex neċessarja u, skont il-każ, jiddekontaminahom.

54

Għandu jingħad ukoll li ż-żjarat u l-ispezzjonijiet ta’ landfills illegali li saru mill-awtoritajiet Taljani kif ukoll is-sunti li taw lok għalihom juru l-għarfien sħiħ li għandha r-Repubblika Taljana tat-theddida ta’ dawn il-landfills għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Bl-istess mod, kif tenfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Repubblika Taljana pprovdiet, matul din il-kawża, informazzjoni fuq id-dekontaminazzjoni tal-landfills. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax jallega li ma kellux għarfien tal-fatt li l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) timplika wkoll li jittieħdu miżuri dwar id-dekontaminazzjoni tal-landfills inkwistjoni.

55

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, f’ċerti siti, ix-xogħlijiet ta’ dekontaminazzjoni kienu għadhom pendenti jew kienu għadhom ma bdewx fl-iskadenza tal-proroga tat-terminu impost mill-opinjoni motivata. Għal siti oħra, ir-Repubblika Taljana ma tipprovdi ebda provi li jistgħu jiddeterminaw id-data ta’ meta l-operazzjonijiet ta’ dekontaminazzjoni jkunu, skont il-każ, implementati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li x-xogħlijiet ta’ dekontaminazzjoni neċessarji għas-siti msemmija mill-Kummissjoni ma kinux għadhom intemmu fi tmiem il-proroga tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur kontinwu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 huwa fondat.

57

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 8 tad- Direttiva 75/442, għandu jitfakkar li dan l-artikolu, li jiżgura b’mod partikolari l-implementazzjoni tal-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, jipprovdi li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jivverifikaw li d-detentur tal-iskart jipproċessah permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku jew inkella permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru tal-iskart jew li dan id-detentur jiżgura huwa stess l-irkupru jew ir-rimi tal-iskart b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, EU:C:2005:250, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali obbligu ma huwiex osservat meta Stat Membru jillimita ruħu li jordna s-sekwestru tal-landfill illegali u jressaq proċeduri kriminali kontra l-operatur tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, EU:C:2005:250, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, EU:C:2010:331, punt 55).

59

F’din il-kawża, ir-Repubblika Taljana bl-ebda mod ma ssostni li, fin-nuqqas ta’ rkupru jew ta’ eliminazzjoni ta’ skart inkwistjoni mid-detentur tagħhom, dan l-iskart ġie pproċessat minn kollettur privat jew pubbliku jew minn impriża li twettaq dawn l-operazzjonijiet. Dan l-Istat Membru jsostni biss li s-siti inkwistjoni kienu magħluqa fid-data tal-iskadenza tal-proroga tat-terminu impost fl-opinjoni motivata u li s-sanzjonijiet kriminali previsti fil-qasam mid-dritt Taljan huma xierqa.

60

Minn dan isegwi li, fi tmiem ta’ din il-proroga, ir-Repubblika Taljana baqgħet ma tissodisfax l-obbligu speċifiku impost fuqha mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442, u li l-ilment tal-Kummissjoni dwar il-ksur ta’ dan l-artikolu għandu jintlaqa’.

61

It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 75/442, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li dan l-artikolu jimponi fuq l-Istati Membri obbligi fformulati b’mod ċar u inekwivoku sabiex jintlaħaq riżultat speċifiku, li permezz tagħhom l-impriżi jew l-istabbilimenti li jwettqu operazzjonijiet ta’ eliminazzjoni tal-iskart fit-territorju ta’ dawn l-Istati għandhom ikollhom permess. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jiżguraw ruħhom li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ tiġi effettivament applikata u osservata, b’mod partikolari billi jsiru kontrolli xierqa għal dan il-għan u billi jiġi żgurat li l-operazzjonijiet imwettqa mingħajr permess effettivament jintemmu u jiġu ssanzjonati (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, EU:C:2005:250, punti 116 u 117).

62

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sistema’ ta’ awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva hija intiża, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 4 tagħha, b’mod partikolari billi jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta’ eliminazzjoni jitwettqu skont tali permessi jissodisfaw id-diversi rekwiżiti stabbiliti minn dan l-aħħar artikolu (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, EU:C:2005:250, punti 118 u 131).

63

Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li tingħalaq landfill ma huwiex biżżejjed sabiex ikun hemm konformità mal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 75/442 kif ukoll ma’ dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 8 ta’ din id-direttiva.

64

F’din il-kawża, ir-Repubblika Taljana tillimita ruħha li tafferma, anki fir-rigward tal-allegat ksur tagħha tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 75/442, li s-siti msemmija mill-Kummissjoni kienu ngħalqu mal-iskadenza tat-terminu impost. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jirrikonoxxi fin-noti tiegħu li l-operaturi ta’ uħud minn dawn is-siti qatt ma kellhom awtorizzazzjoni skont dan l-artikolu. Minn dan jirriżulta li, fid-data tal-iskadenza tal-proroga tat-terminu impost fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana ssoktat bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha li jirriżulta mill-imsemmi artikolu, b’tali mod li l-ilment tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan l-istess artikolu għandu jiġi milqugħ.

65

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jeżiġu li, f’kull sit ta’ rimi ta’ skart perikoluż, dan l-iskart ikun irreġistrat u identifikat.

66

Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirreġistraw u jidentifikaw b’mod sistematiku l-iskart kollu perikoluż mormi fit-territorju tagħhom, sabiex jiġi żgurat għalhekk, skont l-għan stabbilit fis-sitt premessa tal-imsemmija direttiva, li l-eliminazzjoni u l-irkupru ta’ skart perikoluż jiġu ssorveljati bl-iktar mod sħiħ possibbli (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-163/03, EU:C:2005:226, punt 63).

67

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma sostnietx, u inqas u inqas ma stabbilixxitx, li, fi tmiem il-proroga tat-terminu impost fl-opinjoni motivata, hija wettqet reġistrazzjoni u identifikazzjoni eżawrjenti tal-iskart kollu perikoluż mormi fil-landfills imsemmija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689. Konsegwentement, f’din id-data, ir-Repubblika Taljana kienet għadha ma tissodisfax l-obbligu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni.

68

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva 1999/31, għandu jitfakkar li, billi jawtorizza l-operat ta’ landfill mingħajr pjan ta’ żvilupp li ma jkunx ġie suġġett lill-awtoritajiet kompetenti u approvat minnhom minn qabel, Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont ta’ din dispożizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑331/11, EU:C:2013:271, punti 34 sa 39).

69

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana bl-ebda mod ma ssostni li l-pjanijiet ta’ żvilupp skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 ġew ippreżentati quddiem l-awtorità kompetenti għas-siti inkwistjoni. Dan l-Istat Membru sempliċement jargumenta li l-landfills kollha msemmija skont il-ksur ta’ dan l-artikolu kienu magħluqa fl-iskadenza tat-terminu impost fl-opinjoni motivata. Madankollu, kif jirriżulta min-noti tal-imsemmi Stat Membru, huwa ċert li l-imsemmija siti nfetħu mingħajr permess u mingħajr ma ġiet adottata ebda miżura formali ta’ għeluq għal dawn is-siti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li f’din id-data, ir-Repubblika Taljana kienet għadha ma tissodisfax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 14(a) sa (ċ) ta’ din id-direttiva.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax, sad-data tal-iskadenza, wara proroga mill-Kummissjoni, tat-terminu impost mill-opinjoni motivata, il-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

L-argumenti tal-partijiet

71

Il-Kummissjoni titlob li għandhom jiġu imposti kemm pagamenti ta’ penalità kif ukoll somma f’daqqa minħabba l-fatt li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità biss skont l-Artikolu 260 TFUE ma hijiex biżżejjed sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jeżegwixxu mingħajr dewmien l-obbligi tagħhom wara li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

72

Fir-rigward tal-ammont tal-imsemmija pagamenti ta’ penalità u tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implementazzjoni tal-Artikolu [260 TFUE]” [SEC(2005) 1658], kif aġġornata bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Awwissu 2012, intitolata “L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somma sħiħa u l-pagamenti ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedimenti ta’ ksur” [C(2012) 6106 finali].

73

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 256 819.20 kuljum huma adattati għaċ-ċirkustanzi. Dan l-ammont għandu jiġi kkalkolat billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku ta’ EUR 640 kuljum bil-koeffiċjent tal-gravità ta’ 8 fuq skala minn 1 sa 20, ta’ koeffiċjent ta’ tul ta’ 3 fuq skala minn 1 sa 3 u ta’ fattur fiss, imsejjaħ fattur “n”, li jirrifletti kemm il-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Taljana u n-numru ta’ voti li din tal-aħħar għandha fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri 16.72.

74

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, l-importanza tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jikkostitwixxu strument fundamentali għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Fid-dawl tal-importanza partikolari tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 (Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑387/97, EU:C:2000:356), il-fatt li ċerti siti issa huma konformi mal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva jista’ biss ikollu impatt minimu fuq is-sanzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha timponi. Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) li r-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha “b’mod ġenerali u persistenti”.

75

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tenfasizza l-effetti tal-ksur għall-interessi pubbliċi u privati, b’mod partikolari l-irwejjaħ diżgustanti u l-istorbju relatati mar-rimi tal-iskart, it-tniġġis tal-ambjent ċirkustanzi, ir-riskji ta’ riperkussjoni ta’ dan it-tniġġis fuq is-saħħa tal-bniedem u t-tibdil tal-pajsaġġ naturali.

76

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni targumenta li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-eliminazzjoni tal-iskart hija stabbilita u li d-dispożizzjonijiet miksura għandhom, għalhekk, portata ċara u inekwivoka.

77

Fir-raba’ lok, anki jekk is-sitwazzjoni tjiebet b’mod kunsiderevoli wara l-bidu tal-proċedura, fejn 5301 sit illegali ġew identifikati, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Repubblika Taljana kienet suġġetta għal proċeduri ta’ ksur oħrajn li jirrigwardaw kemm l-immaniġġar tal-iskart kif ukoll oqsma oħrajn, li xi wħud minnhom rriżultaw f’sentenzi li jikkonstataw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

78

Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li perijodu ta’ 65 xahar iddekorra bejn is-26 ta’ April 2007, data ta’ meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), u l-24 ta’ Ottubru 2012, data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors.

79

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għandu jonqos skont il-progress imwettaq mir-Repubblika Taljana fid-dawl tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità jikkonsisti fl-għadd tas-siti illegali eżistenti, billi jingħaddu darbtejn dawk li fihom skart perikoluż, u mbagħad l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità jiġi diviż bl-ammont miksub. L-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità għalhekk jonqos kull darba li sit isir konformi. Fid-dawl tal-evoluzzjoni kostanti tas-sitwazzjoni tas-siti illegali fl-Italja, il-Kummissjoni tipproponi li l-pagamenti ta’ penalità jiġu kkalkolati kull sitt xhur.

80

Barra minn hekk, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta dwar l-effikaċja ta’ pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment fil-kuntest ta’ diverġenza kunsiderevoli bejn il-pożizzjonijiet tal-partijiet, il-Kummissjoni sostniet li n-nuqqas ta’ ftehim mar-Repubblika Taljana huwa bbażat fuq il-kwistjoni ta’ liema miżuri għandu jieħu dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni hija konvinta li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma, permezz ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 4, ir-Repubblika Taljana tkun tosserva din is-sentenza u tkompli tipprovdilha informazzjoni dwar il-miżuri adottati għal kull sit.

81

Fir-rigward tal-ammont tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tipproponi li din tiġi stabbilita bl-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu li jinvolvi l-multiplikazzjoni ta’ ammont bażiku fiss ta’ EUR 210 għal kull jum immultiplikat b’koeffiċjenti ta’ gravità u ta’ fattur “n”, li l-valuri rispettivi tagħhom ta’ 8 u ta’ 16.72 huma identiċi għal dawk proposti għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, u, sussegwentement, bin-numru tal-jiem li matul tagħhom ikun issokta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk, l-ammont tas-somma f’daqqa għandu jkun l-istess bħar-riżultat tal-multiplikazzjoni ta’ EUR 28 089.60 bin-numru ta’ jiem li ddekkorrew bejn id-data tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) u dik ta’ din is-sentenza.

82

Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Taljana tirrileva li l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji tnaqqas ir-riżorsi allokati mir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għall-amministrazzjoni ambjentali tagħhom.

83

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tagħha hija negliġibbli meta mqabbla man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ta lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx kontroll fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat li joriġina minn sitwazzjoni fattwalment li hija konsegwenza tal-aġir fl-imgħoddi, u dan jimplika li għandu jingħata terminu itwal għat-tqegħid f’konformità tas-siti kkonċernati.

84

Fir-rigward tat-tul tal-ksur, ir-Repubblika Taljana tirrileva li s-siti kollha li allegatament qegħdin jiġu operati illegalment ilhom inattivi għal żmien twil.

85

Ir-Repubblika Taljana spjegat matul is-seduta li hija ma xtaqitx tippreżenta osservazzjonijiet fuq il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità ta’ li jonqsu gradwalment peress li hija tikkontesta l-eżistenza stess tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

86

Għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2014:316, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il-pagamenti ta’ penalità

87

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma kkonformatx ruħha, fit-terminu impost, mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), hija tista’ timponi fuq dan l-Istat Membru, pagamenti ta’ penalità sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Bil-għan li jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Repubblika Taljana ssoktax sa dan l-eżami, għandhom jiġu evalwati l-miżuri li, skont dan l-Istat Membru, ġew adottati wara l-iskadenza tal-proroga tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

89

Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li hemm 200 sit li jinsabu fi 18 sa 20 reġjun Taljan li għadhom ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet rilevanti. B’mod partikolari, skont din l-istituzzjoni, 198 siti għadhom ma humiex konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, u, fost dawn, tnejn ma humiex konformi mal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva u erbatax, li fihom skart perikoluż, lanqas ma jikkonformaw mal-Artikolu 2(1) tad- Direttiva 91/689. Barra minn hekk, jibqgħu biss żewġ landfills li għalihom ma ġewx adottati pjan ta’ żvilupp jew miżuri ta’ għeluq definittivi, bi ksur tal-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva 1999/31. Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Taljana baqgħet tikkontesta l-ksur kollu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, billi rriproduċiet, essenzjalment, l-argumenti li jissemmew fir-risposta u fil-kontroreplika, b’mod partikolari dak li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 ma jimponi l-ebda obbligu ta’ dekontaminazzjoni tas-siti illegali u dak li s-siti msemmija mill-Kummissjoni ilhom inattivi minn żmien twil. Dan l-Istat Membru argumenta wkoll li ma rnexxilux isib waħda miż-żewġ siti msemmija skont l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 75/442, jiġifieri dik ta’ Altamura-Sgarrone li tinsab fil-lokalità Matera (Basilicate), minħabba li dan is-sit ġie identifikat b’mod żbaljat mill-CFS.

90

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn, kif ġie espost fil-punti 50 sa 63 tas-sentenza preżenti, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, li sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442 ma huwiex biżżejjed li jingħalqu s-siti kollha kkonċernati. Fir-rigward, b’mod speċifiku, tas-sit ta’ Altamura-Sgarrone, għandu jiġi rrilevat li, fid-dokumenti annessi mar-risposta, ir-Repubblika Taljana pprovdiet informazzjoni dwar miżuri ta’ dekontaminazzjoni previsti fir-rigward ta’ dan is-sit. Kien biss fl-istadju tar-replika li l-imsemmi Stat Membru rrefera għall-konfużjoni bejn dan is-sit u sit ieħor, billi żied barra minn hekk li l-komun ta’ Altamura ma jinsabx fir-reġjun ta’ Basilicata iżda f’Puglia. Dawn id-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Taljana, anki jekk jiġi pprovati, ma jistgħux jikkonfutaw il-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li dan in-nuqqas ma jirriżultax mill-fatt li numru speċifiku ta’ siti ma ġewx iddekontaminati, iżda min-nuqqas ta’ osservanza b’mod ġenerali u persistenti tal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Iċ-ċirkustanzi li ġew diskussi mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt kompletament fattwali ma jistgħux jipprovaw li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ntemm.

91

Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni, kemm fir-risposta bil-miktub tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll waqt is-seduta, li r-Repubblika Taljana għad ma tirreġistrax u tidentifika l-iskart perikoluż li jinsab f’erbatax-il sit. Fin-nuqqas ta’ kull prova fil-proċess li tista’ tikkonkludi li hemm tali inventarju, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Stat Membru jissokta wkoll, fir-rigward ta’ dawn is-siti, bin-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689.

92

Fl-aħħar nett, fir-rigward taż-żewġ landfills deskritti fis-sens li għadhom ma humiex konformi mal-Artikolu 14(a) sa (c) tad-Direttiva 1999/31, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana ma għamlet ebda riferiment, fir-rigward ta’ dawn il-landfills, għall-preżentazzjoni jew għall-approvazzjoni ta’ pjanijiet ta’ żvilupp jew ta’ deċiżjonijiet definittivi ta’ għeluq.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li numru ta’ siti li jinsabu fi kważi r-reġjuni kollha Taljani għadhom ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u li, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Repubblika Taljana ssokta sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ inkwistjoni.

94

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundanna tar-Repubblika Taljana għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità hija mezz finanzjarju xieraq sabiex tinkoraġġixxi lil din tal-aħħar tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

95

Fir-rigward tal-ammont u tal-għamla ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita, li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’mod li jkunu, minn naħa, adatti għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati mal-ksur ikkonstatat, kif ukoll, mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-576/11, EU:C:2013:773, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-proposti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nfisha meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jissokta min-naħa ta’ Stat Membru minkejja l-fatt li dan l-istess nuqqas ikun ġie kkonstatat f’sentenza inizjali mogħtija abbażi tal-Artikolu 226 KE jew tal-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jibqa’ jkollha l-libertà li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità imposti fl-ammont u fl-għamla li hija tikkunsidra xierqa sabiex tinkoraġġixxi lil dan l-Istat Membru jtemm l-ineżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din is-sentenza inizjali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

96

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali sanzjoni għandha tiġi stabbilita skont il-grad ta’ pressjoni meħtieġ sabiex l-Istat Membru jiġi persważ jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u jbiddel l-aġir tiegħu b’tali mod li jtemm il-ksur allegat (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, fil-prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni għall-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li l-Istat Membru kkonċernat jiġi inċentivat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li l-iskart jintrema mingħajr ma joħloq perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma joħloq dannu għall-ambjent jagħmel parti mill-għanijiet stess tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif jirriżulta mill-Artikolu 191 TFUE. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 għandu r-riskju li, permezz tan-natura stess ta’ dawn l-obbligi, ipoġġi direttament f’perikolu s-saħħa tal-bniedem u jikkawża dannu lill-ambjent, u għandu jitqies li huwa partikolarment gravi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2000:356, punt 94).

99

In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689, li jeżiġi li, fuq kull sit ta’ skart perikoluż, dan l-iskart jiġi rreġistrat u identifikat, għandu wkoll jitqies li huwa gravi sa fejn l-osservanza ta’ dan l-obbligu tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għat-twettiq sħiħ tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2000:356, punt 95), partikolarment peress li, kif tosserva l-Kummissjoni, min-natura tiegħu, tali skart joħloq riskju iktar għoli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

100

Barra minn hekk, kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni, il-fatt li din il-kawża tikkonċerna n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tirrigwarda prassi ta’ natura ġenerali u persistenti hija fattur aggravanti fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni.

101

Filwaqt li huwa minnu li r-Repubblika Taljana wettqet, kif issostni, progress sinifikanti sa mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) sabiex tnaqqas in-numru ta’ siti mhux konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti, madankollu jibqa’ l-fatt li, kif issostni l-Kummissjoni, il-progress ikkonstatat sa mill-iskadenza tal-proroga tat-terminu impost fl-opinjoni motivata sar bilmod ħafna u għad hemm numru sostanzjali ta’ siti illegali li jinsabu kważi fir-reġjuni kollha Taljani.

102

Fir-rigward tat-tul tal-ksur, dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux il-mument li fih din tal-aħħar tkun adita mill-Kummissjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Taljana ma setgħetx tipprova li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) effettivament intemm. Għaldaqstant, għandu jitqies li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ssokta għal iktar minn seba’ snin, u dan jikkostitwixxi tul kunsiderevoli.

104

Fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Taljana, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-prodott domestiku gross ta’ Stat Membru kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-279/11, EU:C:2012:834, punt 78).

105

Bil-għan li tiġi ddeterminata l-għamla tal-pagamenti ta’ penalità imposti skont l-Artikolu 260(2) TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi marbuta kemm man-natura tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonċernat, kif ukoll iċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni. Kif ġie espost fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, l-għamla tal-pagamenti ta’ penalità, bħall-ammont ta’ sanzjonijiet pekunjarji, taqa’ taħt id-diskrezzjoni libera tal-Qorti tal-Ġustizzja li bl-ebda mod ma hija marbuta bil-proposti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

106

Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni, li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jintalbu fl-intier tagħhom sakemm l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, f’ċerti każijiet partikolari tista’ madankollu tiġi prevista sanzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-progress li jkun eventwalment sar mill-Istat Membru fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, C-278/01, EU:C:2003:635, punti 43 sa 51, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-496/09, EU:C:2011:740, punti 47 sa 55) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-533/11, EU:C:2013:659, punti 73 u 74).

107

Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità, kif ukoll il-frekwenza tagħhom.

108

Fir-rigward ta’ din l-aħħar kwistjoni, skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment għandhom jiġu stabbiliti kull sitt xhur, sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tevalwa l-istat ta’ progress tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), fid-dawl tas-sitwazzjoni li tipprevali fi tmiem il-perijodu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2011:740, punt 54).

109

Barra minn hekk, kif tipproponi l-Kummissjoni, għandhom jiġu imposti pagamenti ta’ penalità li l-ammont tagħhom jitnaqqas gradwalment skont in-numru ta’ siti li jitqiegħdu konformement mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), billi jingħaddu darbtejn is-siti li jinkludu skart perikoluż (ara, b’analoġija, sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2003:635, punt 50, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2011:740, punt 52).

110

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tistabbilixxi pagamenti ta’ penalità kull sitt xhur fl-ammont ta’ EUR 42 800 000, li minnu għandu jitnaqqas ammont proporzjonali għan-numru ta’ siti li jsiru konformi mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) fi tmiem is-sitt xhur kkunsidrati, filwaqt li siti li fihom skart perikoluż jingħaddu darbtejn.

111

Għall-finijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis tal-pagamenti ta’ penalità eżiġibbli fi tmiem kull perijodu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni biss provi tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) li ntbagħtu lilha qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ sitt xhur ikkonċernat.

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-Repubblika Taljana għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), pagamenti ta’ penalità ta’ kull sitt xhur ikkalkolati, fir-rigward tal-ewwel sitt xhur wara l-imsemmi għoti, fi tmiem dan il-perijodu, minn ammont inizjali stabbilit għal EUR 42 800 000, li minnu għandu jitnaqqas ammont ta’ EUR 400 000 għal kull wieħed mill-14-il sit li fihom skart perikoluż li jkun sar konformi ma’ din is-sentenza u ammont ta’ EUR 200 000 għal kull wieħed mis-siti l-oħra li jkun sar konformi mal-imsemmija sentenza. Għas-sitt xhur kollha sussegwenti, il-pagamenti ta’ penalità dovuti għal kull sitt xhur għandhom jiġu kkalkolati, fi tmiem dawn is-sitt xhur, mill-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità stabbiliti għas-sitt xhur preċedenti, u l-istess tnaqqis għandu jsir skont is-siti, li huma s-suġġett tan-nuqqas ikkonstatat, li jkunu saru konformi matul is-sitt xhur inkwistjoni.

Fuq is-somma f’daqqa

113

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, timponi, simultanjament, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-istabbiliment tal-ammont eventwali ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ partikolari, tibqa’ tiddependi fuq l-elementi rilevanti kollha li jikkonċernaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat li huwa involut fil-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan jikkonferixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni jew le ta’ din is-sanzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punt 141).

115

Fil-kawża preżenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi legali u fattwali kollha li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, b’mod partikolari, in-numru ferm għoli ta’ siti illegali li għad ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk. kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 188 tal-konklużjonijiet tagħha, minbarra din il-kawża li tressqet wara n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’iktar minn 20 kawża fil-qasam tal-iskart li wasslu għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dan l-Istat Membru tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

116

Tali repetizzjoni minn Stat Membru ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, f’settur speċifiku tal-azzjoni tal-Unjoni tista’ tikkostitwixxi indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li teżiġi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2014:316, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-369/07, EU:C:2009:428, punt 146).

118

Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm dawk tal-gravità tal-ksur ikkonstatat u tal-perijodu li matulu dan issokta mill-għoti tas-sentenza li kkonstatat tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2011:740, punt 94), kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (ara sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2014:316, punt 80).

119

Fir-rigward ta’ dawn il-fatturi, iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 98 sa 104 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li l-ksur inkwistjoni huwa ta’ natura ġenerali u persistenti, li s-siti koperti minn dan il-ksur jinsabu fi kważi r-reġjuni Taljani kollha u li uħud minn dawn is-siti jinkludu skart perikoluż li huwa ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

120

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi inkwistjoni jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Repubblika Taljana għandha tħallas jiġi stabbilit għal EUR 40 miljun.

121

Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 40 miljun.

Fuq l-ispejjeż

122

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li ġie kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, din għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), pagamenti ta’ penalità ta’ kull sitt xhur ikkalkolati, fir-rigward tal-ewwel sitt xhur wara l-imsemmi għoti, fi tmiem dan il-perijodu, minn ammont inizjali stabbilit għal EUR 42 800 000, li minnu għandu jitnaqqas ammont ta’ EUR 400 000 għal kull wieħed mis-siti li fihom skart perikoluż li jkun sar konformi ma’ din is-sentenza u ammont ta’ EUR 200 000 għal kull wieħed mis-siti l-oħra li jkun sar konformi mal-imsemmija sentenza. Għas-sitt xhur kollha sussegwenti, il-pagamenti ta’ penalità dovuti għal kull sitt xhur għandhom jiġu kkalkolati, fi tmiem dawn is-sitt xhur, mill-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità stabbiliti għas-sitt xhur preċedenti, u l-istess tnaqqis għandu jsir skont is-siti, li huma s-suġġett tan-nuqqas ikkonstatat, li jkunu saru konformi matul is-sitt xhur inkwistjoni.

 

3)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 40 miljun.

 

4)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top