Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0501

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013.
Schindler Holding Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Akkordji — Suq tal-installazzjoni u tal-manteniment tal-liftijiet u tal-eskalejters — Responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarja tagħha — Kumpannija holding — Programm ta’ konformità fi ħdan l-impriża (‘Compliance-Programme’) — Drittijiet fundamentali — Prinċipji tal-Istat ta’ dritt fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi imposti — Separazzjoni tal-poteri, prinċipji ta’ legalità, ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ responsabbiltà għal aġir illeċitu — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 23(2) — Validità — Legalità tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-1998.
Kawża C‑501/11 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:522

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Appell — Akkordji — Suq tal-installazzjoni u tal-manteniment tal-liftijiet u tal-eskalejters — Responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarja tagħha — Kumpannija holding — Programm ta’ konformità fi ħdan l-impriża (‘Compliance-Programme’) — Drittijiet fundamentali — Prinċipji tal-Istat ta’ dritt fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi imposti — Separazzjoni tal-poteri, prinċipji ta’ legalità, ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ responsabbiltà għal aġir illeċitu — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 23(2) — Validità — Legalità tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-1998”

Fil-Kawża C-501/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2011,

Schindler Holding Ltd, stabbilita f’Hergiswil (l-Isvizzera),

Schindler Management AG, stabbilita f’Ebikon (l-Isvizzera),

Schindler SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Schindler Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Schindler Liften BV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Schindler Deutschland Holding GmbH, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn R. Bechtold u W. Bosch, Rechtsanwälte, kif ukoll minn J. Schwarze, Prozessbevollmächtigter,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Sauer u C. Hödlmayr, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Florindo Gijón u M. Simm, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħhom, Schindler Holding Ltd (iktar ’il quddiem “Schindler Holding”), Schindler Management AG (iktar ’il quddiem “Schindler Management”), Schindler SA (iktar ’il quddiem “Schindler Belġju”), Schindler Sàrl (iktar ’il quddiem “Schindler Lussemburgu”), Schindler Liften BV (iktar ’il quddiem “Schindler Pajjiżi l-Baxxi”) u Schindler Deutschland Holding GmbH (iktar ’il quddiem “Schindler Ġermanja”) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-grupp “Schindler”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (T-138/07, Ġabra p. II-4819, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet it-talba tagħhom intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Kawża COMP/E-1/38.823 — Liftijiet u eskalejters, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li verżjoni fil-qasir tagħha ġiet ippubblikata fil-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008 C 75, p. 19), jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li ssostitwixxa l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE], [...]

[...]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti.

[...]

3.   Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

4.   Meta l-multa imposta fuq l-assoċjazzjoni tal-impriża tieħu kont tal-valur ta’ bejgħ tal-membri tagħha u l-assoċjazzjoni mhiex solventi, l-assoċjazzjoni hi obligata li tgħajjat għal kontribuzzjoni mill-membri tagħha biex jkopru l-ammont immultat.

Fejn dawn il-kontribuzzjonijiet ma sarux lill-assoċjazzjoni fi ħdan il-limitu ta’ ħin stipulat mil-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi pagamenti tal-multa direttament min kwalunkwe persuna fl-impriża fejn il-membri huma rappreżentanti mil-korpi deċiżjonali konċernati ta’ l-assoċjazzjoni.

Wara li l-Kummissjoni rikjesti pagamenti taħt it-tieni, fejn hu neċessarju biex tiżgura li l-pagament tal-multa ssir bis-sħieħ, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi l-pagament tal-bilanċ min kwalunkwe membru ta’ l-assoċjazzjoni li kienu attivi fis-suq li fih sar il-ksur.

Madankollu, il-Kummissjoni mhux ser tirrikjedi pagamenti taħt it-tieni u t-tielet subparagrafu mil-impriżi li juru li ma mplimentawx id-deċiżjoni ta’ ksur ta’ l-assoċjazzjoni u sew jekk ma humiex konxji ta’ l-eżistenza jew li ddistanzjaw ruħhom attivament minnhu qabel ma il-Kummissjoni ma bdiet tinvestiga l-każ.

Il-liabiltà finanzjarja ta’ kull impriża b’rispett tal-pagamenti tal-multi ma teċċedix l-10 % tal-valur tal-bejgħ totali tas-sena kummerċali preċedenti.”

3

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa fformulat kif ġej:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

4

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolat “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), applikabbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fil-preambolu tiegħu, jistabbilixxi:

“Il-prinċipji ndikati [mil-Linji Gwida tal-1998] għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew imnaqqsa biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità.”

5

Skont il-punt 1 tal-Linji Gwida tal-1998, “[dan] l-ammont bażiku se jkun stabbilit skond il-gravità u t-tul tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.”

6

F’dak li jikkonċerna l-gravità, il-punt 1, A, tal-Linji Gwida jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel u l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa kklassifikat taħt tliet kategoriji, ksur minuri, ksur serju u ksur serju ħafna.

7

Skont il-Linji Gwida tal-1998, il-ksur serju ħafna huwa b’mod partikolari r-restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell tal-prezzijiet” u kwoti ta’ tqassim tas-swieq. L-ammont bażiku tal-multa possibbli huwa ta’ “aktar minn [EUR] 20 miljun”.

8

Skont il-punt 2 tal-Linji Gwida tal-1998, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied fil-każ ta’ ċirkustanzi aggravanti bħal, b’mod partikolari, ksur ripetut mill-istess impriża jew mill-istess impriżi għal ksur tal-istess tip. Skont il-punt 3 tal-imsemmija Linji Gwida, dan l-ammont bażiku jista’ jitnaqqas f’każ ta’ ċirkustanzi attenwanti partikolari bħar-rwol esklużivament passiv jew emulattiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur, in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew il-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċeduri, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1996, C 207, p. 4).

9

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”), applikabbli għall-fatti inkwistjoni, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

10

Il-grupp Schindler huwa wieħed mill-gruppi ewlenin fid-dinja li jipprovdu liftijiet u eskalejters. Il-kumpannija parent tiegħu hija Schindler Holding, stabbilita fl-Isvizzera. Il-grupp Schindler jeżerċita l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ sussidjarji nazzjonali. Dawn huma, fost l-oħrajn, Schindler Belġju, Schindler Lussemburgu, Schindler Pajjiżi l-Baxxi u Schindler Ġermanja.

11

Wara li rċeviet, matul is-Sajf tas-sena 2003, informazzjoni dwar il-possibbli eżistenza ta’ akkordju bejn il-produtturi prinċipali Ewropej tal-liftijiet u tal-eskalejters li jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri Kone Belgium SA, Kone GmbH, Kone Luxembourg Sàrl, Kone BV Liften en Roltrappen, Kone Oyj, Otis SA, Otis GmbH & Co. OHG, General Technic-Otis Sàrl, General Technic Sàrl, Otis BV, Otis Elevator Company, United Technologies Corporation, il-grupp Schindler, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV, ThyssenKrupp Aufzüge GmbH, ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH, ThyssenKrupp Elevator AG, ThyssenKrupp AG, ThyssenKrupp Ascenseurs Luxembourg Sàrl u ThyssenKrupp Liften BV, il-Kummissjoni għamlet verifiki fil-bini ta’ dawn l-impriżi fil-bidu tas-sena 2004. Dawn l-impriżi għamlu talbiet skont l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Bejn ix-xahar ta’ Settembru u x-xahar ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Belġju, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjoni Belġjana Agoria.

12

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-imsemmija impriżi kif ukoll Mitsubishi Elevator Europe BV ipparteċipaw f’erba’ każijiet ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE f’erba’ Stati Membri, meta qasmu bejniethom swieq billi ftiehmu għall-għoti ta’ sejħiet għal offerti u ta’ kuntratti marbuta mal-bejgħ, mal-installazzjoni, mal-manteniment u mal-immodernizzar ta’ liftijiet u ta’ eskalejters. Fir-rigward tal-grupp Schindler, l-ewwel data ta’ bidu ta’ ksur hija dik tal-ksur fil-Ġermanja, jiġifieri l-1 ta’ Awwissu 1995.

13

Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-grupp Schindler ġie kkundannat kif ġej:

“1.   Għall-ksur fil-Belġju msemmi fl-Artikolu 1(1), is-segwenti multi huma imposti:

[...]

[il-grupp] Schindler: Schindler Holding [...] u [Schindler Belġju], in solidum: [EUR] 69 300 000; [...]

[...]

2.   Għall-ksur fil-Ġermanja msemmi fl-Artikolu 1(2), is-segwenti multi huma imposti:

[...]

[il-grupp] Schindler: Schindler Holding [...] u [Schindler Ġermanja], in solidum: [EUR] 21 458 250; [...]

[...]

3.   Għall-ksur fil-Lussemburgu msemmi fl-Artikolu 1(3), is-segwenti multi huma imposti:

[...]

[il-grupp] Schindler: Schindler Holding [...] u [Schindler Lussemburgu], in solidum: [EUR] 17 820 000; [...]

[...]

4.   Għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi msemmi fl-Artikolu 1(4), is-segwenti multi huma imposti:

[...]

[il-grupp] Schindler: Schindler Holding u [Schindler Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: [EUR] 35 169 750.”

Is-sentenza appellata

14

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2007, l-appellanti talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti.

15

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Skont in-nota ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa intervjena f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li tqajmet mill-appellanti.

16

B’deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2007, mibgħuta lill-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni rrettifikat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li din ma għadhiex issemmi lil Schindler Management bħala destinatarja. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, li r-rikors safa bla skop u li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni sa fejn ir-rikors kien jikkonċerna lil din il-kumpannija.

17

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, l-appellanti ppreżentaw tlettax-il motiv, li l-Qorti Ġenerali semmiet kif ġej fil-punt 45 tas-sentenza appellata:

“[...] L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, minħabba l-fatt li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali illimitata f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998 u tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni u fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tadotta l-Linji Gwida tal-1998. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, minħabba l-ksur tal-prinċipji nemo tenetur se ipsum accusare, nemo tenetur se ipsum prodere [...], tal-prinċipju in dubio pro reo u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u fuq ir-rekwiżiti ta’ proċedura bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji tal-istat ta’ dritt. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq in-natura konfiskatorja tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti. Is-seba’ u t-tmien motivi huma bbażati fuq ksur tal-Linji Gwida tal-1998 fir-rigward tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi u fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Linji Gwida tal-1998 u tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi għall-ksur imwettaq fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multi. Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas li d-deċiżjoni [kkontestata] tiġi nnotifikata b’mod validu lil Schindler Holding. It-tnax-il motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ Schindler Holding. Fl-aħħar nett, it-tlettax-il motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.”

18

Fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali biddlet l-ordni tal-motivi kif ġej:

“47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li diversi lmenti tar-rikorrenti jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni [kkontestata] fit-totalità tagħha u għalhekk dawn ser jiġu eżaminati l-ewwel. Dan jgħodd ukoll għall-ilment li r-rikorrenti jagħmlu fil-kuntest tal-ħames motiv tagħhom, li huwa essenzjalment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’ilquddiem il-“KEDB”). Fost l-ilmenti li jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni [kkontestata] fit-totalità tagħha hemm ukoll dawk li tqajjmu fil-kuntest tal-ħdax u t-tnax-il motiv, ibbażati rispettivament fuq l-illegalità tad-deċiżjoni [kkontestata] sa fejn din kienet indirizzata lill-Schindler Holding minħabba nuqqas ta’ notifika valida u fuq l-illegalità tad-deċiżjoni [kkontestata] sa fejn din invokat ir-responsabbiltà in solidum ta’ Schindler Holding.

48

L-ilmenti li jirrigwardaw il-legalità tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni [kkontestata], magħmulin fil-kuntest tal-motivi l-oħra tar-rikors, ser jiġu eżaminati sussegwentement. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq li l-ilmenti tar-rikorrenti jiġu eżaminati kif ġej. L-ewwel nett ser jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi, li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrenti jqajjmu diversi eċċezzjonijiet ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji Gwida tal-1998 u tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Wara dan il-Qorti Ġenerali ser teżamina s-sitt motiv, li jgħid li d-deċiżjoni [kkontestata] hija ta’ natura konfiskatorja. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ser teżamina s-seba’, it-tmien, id-disa’, l-għaxar u t-tlettax-il motiv, li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrenti invokaw diversi lmenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.”

19

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u r-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet

20

L-appellanti jitolbu, essenzjalment, li tiġi annullata s-sentenza appellata, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, sussidjarjament, li jiġu annullati jew imnaqqsa l-multi, iktar sussidjarjament, li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali u, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

22

Il-Kunsill jitlob li l-appell jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod xieraq fuq l-ispejjeż.

Fuq l-appell

23

Insostenn tat-talbiet tagħhom, l-appellanti jqajmu tlettax-il aggravju.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u fuq ir-rekwiżiti ta’ proċedura bbażata fuq l-osservanza tal-prinċipji tal-istat ta’ dritt

L-argumenti tal-partijiet

24

Bl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw ir-risposta tal-Qorti Ġenerali għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, li permezz tiegħu huma kienu qed isostnu li l-proċedura tal-Kummissjoni tikser il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u ma tosservax il-prinċipji tal-Istat ta’ dritt applikabbli għal proċeduri kriminali b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Huma jikkontestaw, b’mod partikolari, il-punt 53 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex ta’ natura kriminali. Huma jqisu li l-argumenti tal-Qorti Ġenerali ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-ammont tal-multi imposti u lanqas id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li biddel fundamentalment is-sitwazzjoni.

25

L-appellanti jfakkru l-kriterji tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, tat-8 ta’ Ġunju 1976 (Serje A Nru 22, §§ 80 et seq) u jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li setgħet tiġi applikata għall-proċeduri fil-kamp tad-dritt tal-akkordji s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Jussila vs Il-Finlandja, tat-23 ta’ Novembru 2006 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2006-XIV, § 31), li permezz tagħha, għal ċerti kategoriji ta’ ksur li ma humiex parti min-nukleu tad-dritt kriminali, ma huwiex meħtieġ li d-deċiżjoni tiġi adottata minn qorti sakemm ikun previst stħarriġ komplet tal-legalità tad-deċiżjoni. Skont l-appellanti, dawn il-proċeduri jagħmlu parti min-“nukleu tad-dritt kriminali”, fis-sens ta’ din is-sentenza. Huma jiċċitaw, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (T-141/08, Ġabra p. II-5761), u l-punt 160 tas-sentenza appellata.

26

Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari s-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 81), kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 7), fejn intqal li l-Kummissjoni ma tistax tiġi deskritta bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, ma għadhiex tgħodd minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u minħabba l-applikabbiltà diretta tal-KEDB. Skont l-appellanti, is-sanzjoni kellha tkun imposta minn qorti u mhux minn awtorità amministrattiva bħalma hija l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, minħabba l-ammont importanti tas-sanzjonijiet, ma tistax tiġi applikata, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tirriżulta mis-sentenzi tagħha Öztürk vs Il-Ġermanja, tal-21 ta’ Frar 1984 (Serje A Nru 73), u Bendenoun vs Franza, tal-24 ta’ Frar 1994 (Serje A Nru 284) li tipprovdi, b’mod partikolari fl-ipoteżi ta’ numru kbir ta’ każijiet ta’ ksur, li skont l-appellanti tikkostitwixxi “kriminalità minn grupp”, jew ta’ ksur mhux serju li għandhom jittieħdu passi legali kontrih, tista’ tiġi imposta sanzjoni minn awtorità amministrattiva jekk jista’ jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju komplet.

27

Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jiggarantixxi li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

28

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-prinċipji tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, A. Menarini Diagnostics vs L-Italja, tas-27 ta’ Settembru 2011 (Rikors Nru 43509/08), iċċitata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ma jistgħux jiġu applikati għal dan il-każ, għaliex, b’mod differenti mill-awtorità Taljana għall-kompetizzjoni, inkwistjoni f’dik is-sentenza, il-Kummissjoni ma hijiex awtorità amministrattiva indipendenti. Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-eżami illimitat tal-fatti mitlub permezz tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

29

Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li twettaq ex officio eżami tal-fatti, iżda li huma l-appellanti li għandhom iqajmu motivi u jġibu provi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, Ġabra p. I-13085, punt 62, kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, A. Menarini Diagnostics vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, § 63).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

Għandu jiġu kkonstatat li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona biddel ir-regoli ġuridiċi applikabbli f’dan il-każ, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 6 tal-KEDB għaliex ġiet adottata mill-Kummissjoni u mhux minn qorti.

31

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-21 ta’ Frar 2007, jiġifieri qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, fit-13 ta’ Diċembru 2007 u, a fortiori, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, fl-1 ta’ Diċembru 2009. Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha ġie adottat l-att (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7; tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, Ġabra p. I-3875, punt 87, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker, C-309/10, Ġabra p. I-7333, punt 31).

32

Barra minn hekk, jekk, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni inkwantu prinċipji ġenerali u jekk l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi l-obbligu li d-drittijiet li jinsabu f’din u li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma taderixxix magħha, strument ġuridiku integrat formalment fis-sistema legali tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C-571/10, punt 62, u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, punt 44).

33

F’kull każ, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-fatt li d-deċiżjonijiet li jimponu multi fil-qasam tal-kompetizzjoni jiġu adottati mill-Kummissjoni ma jiksirx minnu nnifsu l-Artikolu 6 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tagħha A. Menarini Diagnostics vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, rigward sanzjoni imposta mill-awtorità Taljana li tirregola l-kompetizzjoni minħabba prattiki antikompettitivi analogi għal dawk li ġew akkużati bihom l-appellanti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li, fid-dawl tal-ammont għoli tal-multa imposta, is-sanzjoni kienet taqa’, minħabba n-natura severa tagħha, taħt il-kamp kriminali.

34

Madankollu hija fakkret, fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, li ma huwiex inkompatibbli mal-KEDB li awtoritajiet amministrattivi jiġu fdati bil-kompitu ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, sakemm il-persuna kkonċernata tkun tista’ tressaq kwalunkwe deċiżjoni meħuda kontriha b’dan il-mod quddiem qorti li toffri l-istess garanziji previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB.

35

Fil-punt 59 tas-sentenza tagħha A. Menarini Diagnostics vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiżat li l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tiġi imposta “piena” qabel kollox minn awtorità amministrattiva. Madankollu hija tippresupponi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija nfisha l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ qorti jew tribunal b’ġurisdizzjoni sħiħa. Fost il-karatteristiċi ta’ tali qorti jew tribunal hija inkluża s-setgħa ta’ riforma fuq il-punti kollha, ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, tad-deċiżjoni meħuda, mogħtija mill-qorti jew tribunal inferjuri. Il-qorti jew tribunal għandhom fost l-oħrajn ikollhom il-kompetenza li jiddeċiedu fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti għall-kawża quddiemhom.

36

Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum jinsab espress fl-Artikolu 47 tal-Karta u li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minbarra l-istħarriġ tal-legalità previst mit-Trattat, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, li tawtorizzaha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, tħassar, tnaqqas, jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

37

Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettqu abbażi tal-provi ppreżentati mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, u li hija ma tistax tistrieħ fuq is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni la f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmiija fil-Linji Gwida tal-1998 u lanqas f’dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita sħarriġ fid-dettall kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

38

Peress li l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi u li hija għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibdel l-ammont tal-multi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li għaldaqstant ma jidhirx li l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa rigward l-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, imur kontra r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tinsab fil-preżent fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

39

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tan-natura diretta tal-miżuri istruttorji

L-argumenti tal-partijiet

40

Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jirreferu għar-raba’ motiv invokat insostenn tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza. Fil-fehma tagħhom, in-“natura diretta” tal-miżuri istruttorji titlob li l-Qorti Ġenerali tieħu impressjoni diretta mill-persuni li jagħmlu dikjarazzjonijiet jew li jġibu provi oħra. Ix-xhieda għandhom jinstemgħu taħt ġurament quddiem qorti, f’seduta pubblika, u għandhom ikunu jistgħu jiġu interrogati mill-impriżi akkużati.

41

L-investigazzjoni materjali tal-Kummissjoni u l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, għaliex jibbażaw ruħhom ta’ spiss biss fuq il-preżentazzjoni bil-miktub tal-fatti mill-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni. Fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, jeżisti riskju importanti li l-fatti jiġu distorti jew eżaġerati mill-impriżi li jikkooperaw.

42

Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Kif jirriżulta mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għad-data tal-preżentata ta’ dan l-appell, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 34, kif ukoll tat-8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni, C-248/99 P, Ġabra p. I-1, punt 68).

44

Kif il-Kummissjoni enfasizzat fir-risposta tagħha, it-tieni aggravju huwa fformulat b’mod astratt u ma jindikax il-punti kkritikati tas-sentenza appellata. L-uniku element ta’ identifikazzjoni hija r-referenza għar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, li kien ibbażat fuq l-illegalità tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 minħabba ksur tal-prinċipji nemo tenetur se ipsum accusare, nemo tenetur se ipsum prodere, in dubio pro reo u ta’ proporzjonalità. Dan il-motiv ma jidhirx li huwa relatat mat-tieni aggravju tal-appell.

45

Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni aggravju huwa wisq oskur sabiex tingħata risposta għalih u għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

46

F’kull każ, sa fejn l-appellanti jikkritikaw in-nuqqas ta’ smigħ ta’ xhieda quddiem il-Qorti Ġenerali, biżżejjed jitfakkar li, f’rikors dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, bħala regola ġenerali huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din id-deċiżjoni u jġib provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, l-appellanti la kkontestaw il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u lanqas talbu li l-Qorti Ġenerali tisma’ lix-xhieda.

47

Għaldaqstant it-tieni aggravju huwa inammissibbli.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-invalidità tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba ksur tal-prinċipju ta’ legalità

L-argumenti tal-partijiet

48

Bit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jfakkru l-ewwel motiv invokat insostenn tar-rikors fl-ewwel istanza u bbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 mal-prinċipju tal-Istat ta’ dritt u mal-preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) li tirriżulta mill-Artikolu 7 tal-KEDB u mill-Artikolu 49 tal-Karta.

49

Huma jsostnu li huwa l-leġiżlatur li għandu jiddeċiedi huwa nnifsu dwar l-elementi essenzjali tal-oqsma li għandhom jiġu rregolati. Wara t-Trattat ta’ Lisbona, dan il-prinċipju jissemma b’mod espliċitu fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, li tgħid “[l]-elementi essenzjali ta’ qasam għandhom ikunu riservati għall-att leġislattiv u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega ta’ setgħa”.

50

L-appellanti jsostnu li l-ksur tal-prinċipju ta’ legalità jirriżulta min-natura indeterminata tal-kunċett ta’ “impriża” użat fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni jestendu wisq il-portata ta’ dan il-kunċett permezz tal-kunċett tal-entità ekonomika li huwa totalment separat mill-kunċett tal-persuna ġuridika li ċertament kien ispira lil-leġiżlatur tal-Unjoni. Skont l-appellanti, l-użu tal-kunċett ta’ “impriża” jippreġudika d-drittijiet tal-kumpannija parent responsabbli in solidum fin-nuqqas ta’ ankraġġ reali u dettaljat fil-liġi formali.

51

Il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità jirriżulta wkoll min-natura indeterminata tas-sanzjonijiet imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Skont l-appellanti, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur ma jikkostitwixxux kriterji suffiċjentement preċiżi. Il-Linji Gwida tal-1998 u l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma humiex rimedju, għaliex ma humiex vinkolanti, u dan ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C-360/09, Ġabra p. I-5161, punt 23). Rigward il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ indikat bħala limitu massimu tal-multa fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, dan ivarja u jiddependi, fost l-oħrajn, fuq il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u fuq il-kumpanniji li huma akkużati bil-ksur, huwa marbut mhux mal-att, iżda mal-impriża, u ma jikkostitwixxix “limitu li jista’ jiġi kkwantifikat u assolut” kif indikat b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata. Fl-aħħar nett, il-ġurisdizzjoni sħiħa lanqas ma hija tali li tissostitwixxi n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-liġi, mingħajr ma jissemma l-fatt li din il-ġurisdizzjoni teżisti biss fit-teorija u ma hijiex ġeneralment eżerċitata mill-Qorti Ġenerali.

52

Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li l-Artikolu 290 TFUE ma huwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-terminu “impriża” msemmi fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill isostni li dan huwa argument ġdid u għaldaqstant inammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Kunsill josservaw li l-imsemmi kunċett ta’ “impriża” ġie ppreċiżat mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, li hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fehma tagħhom, l-argument ibbażat fuq in-natura allegatament indeterminata tas-sanzjoni wkoll għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Bit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jirreferu għar-risposta mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-ewwel motiv fir-rikors fl-ewwel istanza, mingħajr ma jippreċiżaw, madankollu, liema punti tas-sentenza appellata huma kkritikati. Peress li dan il-motiv tar-rikors ġie ttrattat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 93 sa 116 tas-sentenza appellata, għandu jsir riferiment għal din il-parti tal-imsemmija sentenza.

54

Mill-eżami kemm tas-sentenza appellata kif ukoll tar-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 139 tal-konklużjonijiet tagħha, l-argument ibbażat fuq in-natura indeterminata tal-kunċett ta’ “impriża” fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità ma tqajjimx mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas ma ġie eżaminat minn din tal-aħħar.

55

Għaldaqstant l-imsemmi argument għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, għaliex, fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati li jkunu semgħu l-kawża fuq il-mertu (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C-380/09 P, punt 92).

56

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura indeterminata tal-livell tal-multi fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità, għandu jitfakkar li, kif għadu kemm ġie espost fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ motiv marbut ma’ deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni adottata qabel saħansitra l-iffirmar ta’ dan it-trattat. Għaldaqstant l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 290 TFUE huwa ineffettiv.

57

Fil-punt 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-prinċipju ta’ legalità jitlob li l-liġi tiddefinixxi biċ-ċar il-ksur u l-pieni li jissanzjonawhom (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 94). Fil-punt 99 tal-imsemmija sentenza, huwa wkoll mingħajr twettiq ta’ żball ta’ liġi li hija fakkret il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura ċara tal-liġi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri li ċ-ċarezza tal-liġi għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti, iżda wkoll fid-dawl tal-preċiżjonijiet magħmula minn ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza G. vs Franza, tas-27 ta’ Settembru 1995, Serje A no 325-B, § 25), u li l-fatt li liġi tagħti setgħa diskrezzjonali ma jmurx, minnu nnifsu, kontra r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti b’ċarezza suffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, li l-individwu jingħata protezzjoni xierqa mill-arbitrarjetà (il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Margareta u Roger Andersson vs L-Isvezja, tal-25 ta’ Frar 1992, Serje A no 226, § 75).

58

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, huwa madankollu jillimita l-eżerċizzju tagħha billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat ukoll permezz tar-regoli ta’ etika li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fil-Linji Gwida tal-1998. Minbarra dan, il-prattika amministrattiva magħrufa u aċċessibbli tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ komplet tal-qorti tal-Unjoni, u l-ġurisprudenza stabbilita ta’ din tal-aħħar ippermettiet li jiġu ppreċiżati l-kunċetti li seta’ jinkludi l-imsemmi Artikolu 23(2). B’hekk, operatur avżat jista’, wara li jieħu parir legali, jipprevedi b’mod suffiċjentement preċiż il-metodu għall-kalkolu u l-livell tal-multi li huwa jinkorri għal aġir partikolari min-naħa tiegħu, u l-fatt li dan l-operatur ma jkunx jista’, minn qabel, jsir jaf bi preċiżjoni l-ammont tal-multi li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C-266/06 P, punti 50 sa 55).

59

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta eżaminat is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kriterji oġġettivi, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u tal-Linji Gwida tal-1998 li l-Kummissjoni għandha ssegwi u kkonkludiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, kellha tiġi miċħuda.

60

Għaldaqstant it-tielet aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq l-invalidità tal-Linji Gwida tal-1998 minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni inkwantu korp leġiżlattiv

L-argumenti tal-partijiet

61

Bir-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Linji Gwida tal-1998 “għinu biss biex jippreċiżaw il-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni”. Huma jsostnu li dawn il-Linji Gwida li, fil-prattika, huma determinanti għall-iffisar tal-multi, kellhom jiġu adottati mill-Kunsill fil-kwalità tiegħu bħala leġiżlatur. Huma jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 290(1) TFUE dwar l-għoti ta’ setgħa lill-Kummissjoni permezz ta’ att leġiżlattiv.

62

L-appellanti jikkontestaw ukoll il-punt 136 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, l-argument tal-Qorti Ġenerali li, fid-dawl tal-iskop dissważiv tal-multi, il-metodu għall-kalkolu tagħhom u l-ordni ta’ daqs tagħhom tħallew ġustament għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Billi tesprimi ruħha b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tissagrifika l-konformità ta’ sanzjoni mal-Istat ta’ dritt għall-għanijiet ta’ sanzjoni u ta’ dissważjoni.

63

Il-Kummissjoni ssostni li l-Linji Gwida tal-1998 ma jikkostitwixxux il-bażi legali għall-multi imposti, iżda sempliċement jippreċiżaw l-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u jiggarantixxu prattika amministrattiva uniformi. Għaldaqstant huma sempliċi dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Kummissjoni li, bħala regola ġenerali, ma jorbtux lill-qrati tal-Unjoni (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Dan huwa dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 133 tas-sentenza appellata.

64

Il-Linji Gwida tal-1998 ma jikkostitwixxux leġiżlazzjoni delegata. F’kull każ, l-Artikolu 290(1) TFUE, introdott wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirregola mhux il-kwistjoni dwar meta att ikun jeħtieġ delega, iżda biss il-kwistjoni dwar kif għandha tiġi ppreżentata d-delega ta’ setgħa f’qasam partikolari, mhux rilevanti f’dan il-każ. Minbarra dan, peress li l-leġiżlazzjoni li tinsab fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tiksirx il-prinċipju ta’ preċiżjoni, il-kritika hija inqas u inqas fondata fir-rigward tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-Linji Gwida tal-1998.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65

Mill-ġdid, għandu jitfakkar li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ aggravju relatat ma’ deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni adottata qabel saħansitra l-iffirmar ta’ dan it-trattat.

66

F’kull każ, il-Linji Gwida tal-1998 la jikkostitwixxu leġiżlazzjoni, la leġiżlazzjoni delegata fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, u lanqas il-bażi legali għall-multi imposti fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huma adottati sempliċement abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

67

Il-Linji Gwida tal-1998 jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi adottata u li l-amministrazzjoni ma tistax tevita, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006 Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 91), u sempliċement jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur li ssegwi l-Kummissjoni u l-kriterji li din tobbliga ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa (ara s-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

68

L-ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma tipprojbixxi lil istituzzjoni milli tadotta tali regola ta’ kondotta indikattiva.

69

Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha l-kompetenza sabiex tadotta l-Linji Gwida tal-1998, b’tali mod li r-raba’ aggravju ma huwiex fondat.

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retrotattività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

70

Bil-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw il-punti 117 sa 130 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu li, anki jekk il-Linji Gwida tal-1998 huma validi, huma ma jistgħux jiġu applikati minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività.

71

Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li żżid il-livell tal-multi jekk ikun meħtieġ għall-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni, u dik iċċitata fil-punt 126 tal-imsemmija sentenza, li impriżi ma jistax ikollhom aspettattivi leġittimi li l-Kummissjoni mhux ser taqbeż il-livell tal-multi pprattikat preċedentement u lanqas f’metodu għall-kalkolu ta’ dawn tal-aħħar, huma inkompatibbli mal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, li jipprojbixxi żieda retroattiva fis-severità ta’ sanzjonjiet li ma tkunx suffiċjentement prevedibbli.

72

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-fatt li s-sanzjoni ma tistax taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi limitazzjoni essenzjali tas-setgħa diskrezzjonali. Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, minn naħa, tinvoka l-fatt li l-Linji Gwida tal-1998 żiedu l-prevedibbiltà tas-sanzjoni u, min-naħa l-oħra, tawtorizza lill-Kummissjoni temendahom b’mod retroattiv bi ħsara għall-impriżi kkonċernati.

73

Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li, peress li l-Linji Gwida tal-1998 ma humiex “liġi” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, il-projbizzjoni tar-retroattività għandha a fortiori tiġi applikata għall-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni.

74

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żammet mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 231) meta kkonkludiet, fil-punti 123 u 125 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

Kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punti 169 u 170 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 118 sa 129 tas-sentenza appellata, fakkret u applikat il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni fis-sens li la l-Linji Gwida tal-1998, u lanqas il-prattika tal-Kummisjoni f’dak li jikkonċerna l-livell tal-multi imposti fil-qasam tal-kompetizzjoni ma jiksru l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività jew il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 217, 218 u 227 sa 231; Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, kif ukoll tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punti 87 sa 92).

76

Għaldaqstant is-sitt aggravju ma huwiex fondat.

Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

L-argumenti tal-partijiet

77

Bis-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti jirreferu għat-tnax-il motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Huma jqisu li l-Kummissjoni ma tosservax il-prinċipji elementari fil-qasam ta’ imputazzjoni tal-ksur, iżda tqis li kumpannija ssir responsabbli mill-mument li kwalunwke kollaboratur ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha jkun ġab ruħu b’mod li jmur kontra d-dritt tal-akkordji fil-kuntest tal-impjieg tiegħu.

78

Tali approċċ imur kontra l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jippresupponi li l-impriża tkun aġixxiet “b’intenzjoni jew b’negliġenza”, kif ukoll kontra l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza previst fl-Artikolu 48(1) tal-Karta u l-Artikolu 6(2) tal-KEDB.

79

Skont l-appellanti, dispożizzjoni legali hija neċessarja sabiex jiġi stabbilit skont liema kriterji persuna ġuridika tista’ tiġi imputata b’aġir tar-rappreżentanti legali jew ta’ kollaboraturi oħra tagħha. Skont il-każ, l-imputazzjoni tal-ksur tista’ teżiġi ksur tad-dmir ta’ sorveljanza. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li Schindler Holding għamlet dak kollu li setgħet sabiex tipprevjeni aġir tas-sussidjarji tagħha li jmur kontra l-Artikolu 81 KE.

80

Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti jinvokaw aggravju li ma kinux invokaw fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali u li, għaldaqstant, għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli. F’kull każ, l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-ebda ksur ma ġie kkonstatat fir-rigward tal-kumpannija parent.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Għandu jiġi osservat li l-appellanti jirreferu għat-tnax-il motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, mingħajr, madankollu, ma jippreċiżaw il-punti tas-sentenza appellata li huma jikkritikaw, meta minn ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

82

F’kull każ, jekk isir riferiment għall-ordni ta’ eżami tal-motivi espost mill-Qorti Ġenerali fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, wieħed jista’ jippreżumi li l-parti ta’ din is-sentenza li jsir riferiment għaliha fis-sitt aggravju hija kkostitwita mill-punti 63 sa 92 tal-imsemmija sentenza, fejn il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn qieset lil Schindler Holding bħala responsabbli in solidum. Dawn il-punti ma jittrattawx il-kwistjoni tal-imputazzjoni, lil persuna ġuridika, bl-aġir tar-rappreżentanti legali jew tal-kollaboraturi tagħha iżda pjuttost l-imputazzjoni, lil kumpannija parent, bl-aġir tas-sussidjarji tagħha.

83

Jekk l-intenzjoni tal-appellanti hija dik li jikkontestaw l-imputazzjoni, lil persuna ġuridika, bl-aġir tar-rappreżentanti legali jew tal-kollaboraturi tagħha, dan ikun aggravju ġdid, inammissibbli fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija għall-motivi diskussi quddiem il-qrati li jkunu semgħu l-kawża fuq il-mertu.

84

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-sitt aggravju ma jispeċifikax suffiċjentement skont il-liġi l-punti kkritikati tas-sentenza appellata, huwa oskur wisq biex jingħata risposta u, f’kull każ, huwa ġdid. Għaldaqstant dan l-aggravju huwa inammissibbli.

Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rikonoxximent tar-responsabbiltà in solidum ta’ Schindler Holding

L-argumenti tal-partijiet

85

Bis-seba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 63 sa 92 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tnax-il motiv tar-rikors fl-ewwel istanza fejn l-appellanti sostnew li l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà in solidum ta’ Schindler Holding għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha ma kinux issodisfatti.

86

Huma jsostnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li tammetti r-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija parent għal ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom tikser id-drittijiet nazzjonali tal-kumpanniji li, bħala regola ġenerali, ma jippermettux estensjoni tar-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi legalment distinti u josservaw il-prinċipju tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-azzjonisti u tas-soċji għad-dejn tal-kumpannija tagħhom. B’mod partikolari, is-sistemi legali tal-Istati Membri ma jipprevedux ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent biss abbażi tal-preżunta influwenza eżerċitata mid-diviżjoni kummerċjali ta’ din il-kumpannija fuq is-sussidjarji tagħha.

87

Il-prinċipju tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà huwa rikonoxxut ukoll fid-dritt derivat tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti jiċċitaw l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251), li jipprovdi li “[i]l-kapital ta’ SE għandu jinqasam f’ishma. L-ebda azzjonista ma jkun responsabbli għall-iżjed mill-ammont li ssottoskriva”. Huma jiċċitaw ukoll l-Artikolu 3(1)(b) tal-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut tal-kumpannija privata Ewropea COM (2008) 396 finali, li jipprovdi li “azzjonista ma għandux ikun responsabbli għal iżjed mill-ammont li huwa sottoskritt għalih jew li qabel li jkun sottoskritt għalih”, kif ukoll għat-Tnax-il Direttiva tal-Kunsill 89/667/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbilità limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 104).

88

Skont l-appellanti, l-Artikolu 3(1)(b) TFUE jagħti lill-Unjoni kompetenza leġiżlattiva biss għall-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern. Ir-regoli ta’ imputazzjoni fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha għadhom fil-kompetenza tal-Istati Membri. L-appellanti jiċċitaw, f’dan ir-rigward, il-punt 57 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak ippreżentati fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou (C-81/09, Ġabra p. I-10161), kif ukoll għas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1997, Rabobank (C-104/96, Ġabra p. I-7211, punti 22 sa 28).

89

L-appellanti jikkontestaw il-fatt li r-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija parent għal ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha ġiet żviluppata mill-prattika deċiżjonali u mhux minn intervent tal-leġiżlatur, mitlub permezz tal-Artikolu 290(1) TFUE, kif kien f’dan il-każ, fir-rigward tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprevedi r-responsabbiltà in solidum tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għall-multa imposta fuq din tal-aħħar sa fejn l-imsemmija assoċjazzjoni ma tkunx solventi.

90

Sussidjarjament, l-appellanti jikkontestaw il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, Ġabra p. I-8237), kif mifhuma mill-Qorti Ġenerali, li tirriżulta f’responsabbiltà mingħajr tort tal-kumpannija parent. Skont l-appellanti, il-kumpannija parent għandha tiġi akkużata b’aġir illeċitu proprju, li jista’ jirriżulta mill-parteċipazzjoni personali tagħha fi ksur jew minn ksur ta’ ċerti obbligi ta’ organizzazzjoni li jeżistu fi ħdan il-grupp. Schindler Holding ma wettqitx tali aġir illeċitu għaliex hija għamlet mill-aħjar tagħha biex tevita aġir li jmur kontra d-dritt tal-akkordji min-naħa tas-sussidjarji tagħha billi stabbiliet u żviluppat programm ta’ konformità li huwa mudell tal-ġeneru.

91

Iktar sussidjarjament, l-appellanti jsostnu li, anki jekk jiġu applikati l-prinċipji ta’ responsabbiltà kif huma stabbiliti fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, bil-mod kif għamlet il-Qorti Ġenerali, xorta għandha tiġi miċħuda r-responsabbiltà ta’ Schindler Holding, għaliex l-erba’ sussidjarji tagħha kienu jaħdmu b’mod awtonomu fl-Istat Membru rispettiv tagħhom u għaliex Schindler Holding ma kinitx teżerċita influwenza fuq l-attivitajiet ordinarji tagħhom. L-appellanti jikkontestaw il-punt 86 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-provi miġjuba minnhom kienu insuffiċjenti mingħajr ma tathom, madankollu, il-possibbiltà li jġibu provi oħra tul il-proċedura ġudizzjarja. Skont l-appellanti, ir-rikors fl-ewwel istanza kien jinkludi provi suffiċjenti u kienet il-Kummissjoni li kellha ġġib il-prova kontrarja.

92

L-appellanti jikkontestaw ukoll l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “politika kummerċjali” adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tinġab prova ta’ aġir awtonomu u mhux ta’ politika kummerċjali fis-sens wiesgħa tat-terminu.

93

L-appellanti jikkontestaw, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni, li huma jqisu bħala paradossali, tal-Qorti Ġenerali, li, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, tiddeduċi l-kontroll eżerċitat minn Schindler Holding fuq is-sussidjarji tagħha mill-fatt li programm ta’ konformità importanti kien ġie stabbilit fuq il-livell tal-grupp u li l-osservanza tiegħu kienet ikkontrollata permezz ta’ verifiki regolari u miżuri oħra.

94

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti tas-seba’ aggravju hija inammissibbli sa fejn l-appellanti ma jikkritikawx is-sentenza appellata u jinvokaw aggravju ġdid, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni.

95

F’kull każ, dan l-argument jagħti prevalenza lil kunċett ta’ impriża li jaqa’ taħt id-dritt tal-kumpanniji fuq il-kunċett ta’ impriża ekonomika u funzjonali fis-seħħ fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u ma huwiex fondat. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, is-sistema ma hijiex waħda ta’ responsabbiltà għal aġir ta’ oħrajn u lanqas ta’ responsabbiltà kumpensatorja tas-soċji ta’ persuni ġuridiċi, iżda sistema ta’ responsabbiltà minħabba li l-kumpannija kkonċernati jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C-521/09, Ġabra p. I-8947, punt 88). Din is-sistema hija għaldaqstant differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li tikkonċerna diversi impriżi.

96

Fir-rigward tal-preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija tibbaża ruħha, bħal kull prova prima facie, fuq ir-relazzjoni kawżali tipika, ikkonfermata bl-esperjenza. Il-fatt li huwa diffiċli li tinġab il-prova kuntrarja neċessarja biex tiġi kkonfutata preżunzjoni ma jimplikax minnu nnifsu li din hija inkonfutabbli. L-użu ta’ din il-preżunzjoni lanqas ma jwassal, f’dan il-każ, għal bdil tal-oneru tal-prova li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza. Hija regola ta’ prova u mhux regola dwar l-imputazzjoni ta’ aġir illeċitu. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li preżunzjoni, anki jekk ikun diffiċli li tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata mal-għan leġittimu segwit, sakemm teżisti l-possibbiltà li tinġab il-prova kuntrarja u sakemm jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża.

97

Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma kkonfutawx il-preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha bis-sempliċi dikjarazzjonijiet tagħhom, li ma kinux sostnuti bi provi. Fil-fehma tagħha, l-istruzzjonijiet ta’ konformità kif ukoll l-implementazzjoni ta’ strutturi ta’ organizzazzjoni li huma marbuta magħhom juru, f’dan il-każ, l-influwenza determinanti ta’ Schindler Holding fuq is-sussidjarji tagħha u ma humiex tali li jeżonerawha mir-responsabbiltà tagħha.

98

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jsostnu li, kif jirriżulta mis-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni tal-legalità, fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB, tal-preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha għadha ma ġietx deċiża. Huma jfakkru li, skont il-punt 40 tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Klouvi vs Franza tat-30 ta’ Ġunju 2011 (Rikors no 30754/03), l-Artikolu 6(2) tal-KEDB għandu jiġi interpretat b’mod li jiggarantixxi drittijiet konkreti u effettivi, u mhux teoretiċi u illużorji. L-imsemmija preżunzjoni hekk kif interpretata mill-Qorti Ġenerali hija impossibbli li tiġi kkonfutata. Ir-responsabbiltà ma hijiex waħda għal aġir illeċitu tagħha, iżda responsabbiltà kollettiva. F’dan ir-rigward, l-appellanti jinvokaw il-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.

99

Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li tistħarreġ ex officio l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni, b’mod partikolari fil-premessi tagħha 629, 630 u 631, hija mmotivata biss b’mod superfiċjali, u dan ma jissodisfax il-kriterju żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

100

Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101

Bl-ewwel parti tas-seba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni tikser il-prinċipju tar-responsabbiltà personali tal-persuni ġuridiċi. Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 u 66 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-prinċipju, minkejja li huwa ta’ importanza partikolari, fost l-oħrajn mill-aspett tar-responsabbiltà fil-qasam tad-dritt ċivili, ma jistax ikun rilevanti biex jiġi ddefinit l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li huwa marbut mal-aġir konkret tal-impriżi.

102

L-għażla tal-awturi tat-Trattati kienet li jintuża l-kunċett ta’ impriża biex jiġi indikat l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, li issa saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, u mhux il-kunċett ta’ kumpannija jew ta’ persuna ġuridika, użat fl-Artikolu 48 KE, li issa sar l-Artikolu 54 TFUE. Huwa ma’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar li huwa marbut id-dritt derivat iċċitat mill-appellanti u li, għaldaqstant, ma huwiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

103

Il-kunċett ta’ impriża ġie ppreċiżat mill-qorti tal-Unjoni u jindika unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 55, kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Għaldaqstant, wara li fakkret din il-ġurisprudenza fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li meta unità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha tkun responsabbli għal dan il-ksur.

105

Bit-tieni parti tas-seba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza leġiżlattiva sabiex tistabbilixxi r-regoli ta’ imputazzjoni tal-ksur fil-kuntest tar-relazzjoni bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u li huwa l-leġiżlatur u mhux il-qrati tal-Unjoni li għandhom jistabbilixxu regola tad-dritt daqstant elementari daqs il-kunċett ta’ awtur ta’ ksur għar-regoli ta’ kompetizzjoni.

106

Madankollu, l-appellanti ma jindikawx l-elementi li huma jikkritikaw fis-sentenza appellata u l-qari tal-punti 63 sa 92 tal-imsemmija sentenza ma jippermettix li jinstab l-iċken riferiment għal tali argument. Għaldaqstant dan tal-aħħar għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli minħabba li huwa ġdid jew, f’kull każ, minħabba n-nuqqas totali ta’ preċiżjoni tiegħu.

107

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-bażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB, billi jsostnu li l-legalità, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuq is-sussidjarja mill-kumpannija parent għadha ma hijiex deċiża. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 62 tas-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li preżunzjoni, anki jekk huwa diffiċli li tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata mal-għan leġittimu segwit, sakemm teżisti l-possibbiltà li tinġab il-prova kuntrarja u sakemm jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C-45/08, Ġabra p. I-12073, punti 43 u 44, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Janosevic vs L-Isvezja, tat-23 ta’ Lulju 2002, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2002-VII, § 101 et seq).

108

Il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuq is-sussidjarja li hija fil-proprjetà totali jew kważi-totali tal-kumpannija parent tagħha hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jinstab ekwilibriju bejn, minn naħa, l-importanza tal-għan li jiġi eliminat l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari kontra l-Artikolu 81 KE, u ta’ prevenzjoni tat-tiġdid tiegħu u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, tan-natura individwali tal-pieni u taċ-ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inklużi l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 59). Għaldaqstant tali preżunzjoni hija proporzjonata mal-għan leġittimu segwit.

109

Barra minn hekk, minn naħa, l-imsemmija preżunzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kumpannija li żżomm il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, sempliċement minħabba li żżomm din il-parti tal-kapital, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, il-prova tan-nuqqas ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza normalment tkun tista’ tinstab fl-isfera tal-entitajiet li kontrihom tintuża din il-preżunzjoni. Madankollu hija konfutabbli u l-entitajiet li jixtiequ jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni jistgħu jippreżentaw kwalunkwe element relatat mar-rabtiet ekonomiċi, ta’ organizzazzjoni u legali li jgħaqqad lis-sussidjarja mal-kumpannija parent u li huma jqisu tali li juri li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika, iżda li s-sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fuq is-suq (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 29; Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 65).

110

Fl-aħħar nett, il-kumpannija parent għandha tinstema’ mill-Kummissjoni qabel ma din tadotta deċiżjoni kontriha u din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża.

111

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta applikat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, li tagħha hija żżomm il-kapital kollu.

112

Bit-tielet parti tas-seba’ aggravju, l-appellanti jikkontestaw l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, billi jsostnu li l-Qorti Ġenerali adottat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kunċett ta’ politika kummerċjali. Madankollu għandu jitfakkar li, sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, ta’ organizzazzjoni u legali li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punti 73 u 74, kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 58). Il-politika kummerċjali hija, għaldaqstant, element wieħed fost oħrajn u, minbarra dan, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, ma għandhiex tiġi interpretata b’mod strett.

113

L-appellanti jsostnu wkoll, essenzjalment, li Schindler Holding ma tistax tinżamm responsabbli għaliex hija kienet implementat programm ta’ konformità. Sa fejn dan l-argument huwa meqjus bħala ammissibbli għaliex huwa dirett kontra kriterju ta’ applikazzjoni użat mill-Qorti Ġenerali, biżżejjed jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni minn Schindler Holding ta’ kodiċi ta’ kondotta intiż għall-prevenzjoni tal-ksur mis-sussidjarji tagħha tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-linji gwida relatati ma’ dan id-dritt, minn naħa, ma tbiddel bl-ebda mod ir-realtà tal-ksur ikkonstatat fir-rigward tagħha u, min-naħa l-oħra, ma tippermettix li jiġi pprovat li l-imsemmija sussidjarji kienu jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħhom.

114

Kif il-Qorti Ġenerali qieset korrettament u, minbarra dan, mingħajr ma kkontradixxiet ruħha, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, l-implementazzjoni tal-imsemmi kodiċi ta’ kondotta pjuttost tissuġġerixxi kontroll effettiv mill-kumpannija parent tal-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha. Il-fatt li xi wħud mill-impjegati tas-sussidjarji tagħha ma kkonformawx ruħhom ma’ dan il-kodiċi ta’ kondotta ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi pprovata n-natura awtonoma tal-politika kummerċjali tas-sussidjarji inkwistjoni.

115

L-appellanti jikkontestaw, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li huma ma ppreżentawx provi insostenn tal-affermazzjonijiet tagħhom u li, f’kull każ, tali affermazzjonijiet ma humiex biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuq is-sussidjarji mill-kumpannija parent. Madankollu għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-provi taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistħarriġha fil-kuntest ta’ appell.

116

Minn dak kollu li ntqal, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tal-limitu massimu tal-multa previst fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1/2003

L-argumenti tal-partijiet

117

Bit-tmien aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 362 sa 364 tas-sentenza appellata. Huma jqisu bħala żbaljat fil-liġi l-argument li kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha jikkostitwixxu impriża unika u li, minħabba f’hekk, għandu jsir riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-grupp sabiex jiġu ffissati l-multi kollha.

118

Il-Kummissjoni tqis li t-tmien aggravju ma huwiex fondat għar-raġunijiet żviluppati fil-kuntest tas-seba’ aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

119

Kif għadu kemm ġie deċiż bħala risposta għas-seba’ aggravju, l-argument li kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha jistgħu jikkostitwixxu u jikkostitwixxu, f’dan il-każ, impriża unika ma huwiex żbaljat fil-liġi.

120

Għaldaqstant, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq id-disa’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà

L-argumenti tal-partijiet

121

Bid-disa’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 185 sa 196 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet is-sitt motiv invokat fir-rikors fl-ewwel istanza. Huma jsostnu li l-iffissar tal-multi joħloq, bi ksur tad-dritt internazzjonali, l-istess effetti bħal esproprjazzjoni. Billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 17(1) tal-Karta u l-Artikolu 1 tal-protokoll addizzjonali tal-KEDB. Hija żbaljat meta ma vverifikatx jekk il-multa inkwistjoni setgħetx titqies bħala proporzjonata fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari s-sentenza ta’ din il-qorti Mamidakis vs Greċja, tal-11 ta’ Jannar 2007 (Rikors Nru 35533/04) iżda rreferiet biss għall-ġurisprudenza tagħha u għal dik tal-Qorti tal-Ġustizzja meta, minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, hija kellha tissuġġetta l-ġurisprudenza preċedenti tagħha għal eżami kritiku fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

122

Minbarra dan, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li Schindler Holding u s-sussidjarji tagħha jifformaw entità ekonomika.

123

Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rikors fl-ewwel istanza, l-appellanti ma kinux invokaw id-dritt għall-proprjetà bħala dritt fundamentali. Dan il-fatt jispjega għalfejn il-Qorti Ġenerali ma esprimietx ruħha dwar il-Karta jew dwar is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Mamidakis vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq. F’kull każ, l-istħarriġ tal-proporzjonalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 191 sa 195 tas-sentenza appellata huwa l-istess bħal dak imwettaq mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Mamidakis vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

124

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, sakemm l-Unjoni ma taderixxix mal-KEDB, din ma tikkostitwixxix strument ġuridiku integrat formalment fis-sistema legali tal-Unjoni. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali, li fosthom huwa inkluż id-dritt għall-proprjetà, jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer, 44/79, Ġabra p. 3727, punti 15 u 17). Il-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà hija, barra minn hekk, prevista fl-Artikolu 17 tal-Karta.

125

F’dan il-każ, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma wettqitx l-istħarriġ tal-proporzjonalità fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari s-sentenza tagħha Mamidakis vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, iżda rreferiet biss għall-ġurisprudenza tagħha u għal dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

126

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat minn qabel li l-appellanti qatt ma invokaw il-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà inkwantu dritt fundamentali. Bil-kontra, l-appellanti ppreċiżaw, fil-punt 97 tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, li “[m]a huwiex rilevanti jekk u sa fejn il-Komunità Ewropea tipproteġi diġà l-proprjetà privata ta’ impriżi, pereżempju, fil-kuntest tad-drittijiet fundamentali”. Bil-kontra, huma invokaw, fl-istess punt 97, “l-istandard ta’ protezzjoni speċifiku għad-dritt internazzjonali favuri operaturi barranin li jinvestu fil-Komunità Ewropea”.

127

Għaldaqstant l-appellanti ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma tatx risposta għal motivi li huma ma invokawx. Minbarra dan, huma ma jsostnux li l-Qorti Ġenerali kellha tipproċedi ex officio għall-istħarriġ tal-proporzjonalità fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

128

F’kull każ, sa fejn l-appellanti jinvokaw ksur tal-Karta, huma ma jistgħux jistabbilixxu żball ta’ liġi fl-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali biss billi juru li din il-qorti ma tatx lid-dritt għall-proprjetà l-istess sens u l-istess portata mogħtija mill-KEDB.

129

Fir-rigward tal-fatt li Schindler Holding u s-sussidjarji tagħha ġew ikkunsidrati bħala entità ekonomika, biżżejjed jiġi osservat li din ma hijiex premessa żbaljata tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, iżda prinċipju fundamentali tad-dritt tal-kompetizzjoni li huwa s-suġġett ta’ ġurisprudenza stabbilita, kif għadu kemm tfakkar fil-punti 101 sa 103 ta’ din is-sentenza b’risposta għas-seba’ aggravju. Id-definizzjoni tal-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-fatt issir b’riferiment għal entitajiet ekonomiċi anki jekk dawn huma, mill-perspettiva ġuridika, ikkostitwiti minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

130

Għaldaqstant id-disa’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq l-għaxar aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Linji Gwida tal-1998, sa fejn l-ammonti inizjali li jintużaw għall-kalkolu tal-multa huma għoljin wisq

L-argumenti tal-partijiet

131

Bl-għaxar aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 197 sa 270 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet is-seba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Huma jqisu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza relatata mal-Linji Gwida tal-1998 u qieset, b’mod żbaljat, li l-impatt tal-ksur ma setax jitkejjel. L-appellanti jsostnu, minn naħa, li huma ppreżentaw indizji tan-nuqqas ta’ impatt jew tan-nuqqas imnaqqas tal-ftehim inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li dan l-impatt seta’ jiġi ddeterminat permezz ta’ perizja ekonometrika. Peress li l-Kummissjoni ma ppreżentatx tali perizja, il-Qorti Ġenerali kellha tadotta hija nfisha miżuri istruttorji u teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

132

Il-Kummissjoni topponi l-argument tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

133

Bl-għaxar aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw mhux il-klassifikazzjoni tal-ksur taħt il-“ksur serju ħafna” abbażi tas-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-estensjoni ġeografika tiegħu, kif jirriżulta mill-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, imfakkra fil-punt 217 tas-sentenza appellata, iżda biss l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-impatt konkret tal-akkordju ma setax jitkejjel.

134

Kif fakkret l-Avukat Ġenerali fil-punt 178 tal-konklużjonijiet tagħha, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, minkejja li l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dan huwa kriterju fost oħrajn, bħan-natura proprja tal-ksur u l-estensjoni tas-suq ġeografiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129). Minn dan jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, minnu nnifsu, kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. B’mod partikolari, elementi li jidħlu fl-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk relatati mal-imsemmija effetti, speċjalment meta jinvolvu ksur intrinsikament serju, bħalma huwa t-tqassim tas-suq, element preżenti f’dan il-każ (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 118; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C-534/07 P, Ġabra p. I-7415, punt 96, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, C-554/08 P, punt 44).

135

Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu tal-punt 1, A tal-Linji Gwida tal-1998 jirriżulta li dan l-impatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta jkun jista’ jitkejjel (sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C-511/06 P, Ġabra p. I-5843, punt 125, kif ukoll Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

136

Għaldaqstant, kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur inkwistjoni fuq is-suq, jekk jingħad li dan l-impatt seta’ effettivament jitkejjel, kienet tagħmel dan għal raġunijiet ta’ kompletezza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2012, Transcatab vs Il-Kummissjoni, C-654/11 P, punt 43, kif ukoll is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni, C-511/11 P, punti 83 u 84).

137

Għaldaqstant l-għaxar aggravju, jekk jingħad li huwa fondat, ma jistax jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 232 tas-sentenza appellata, fejn kien intqal li kellhom jiġu miċħuda l-argumenti li jikkontestaw il-legalità tal-klassifikazzjoni taħt “serju ħafna” tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

138

Dan l-aggravju huwa, għaldaqstant, ineffettiv.

Fuq il-ħdax-il aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Linji Gwida tal-1998 minħabba tnaqqis wisq baxx tal-multi għal ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

139

Bil-ħdax-il aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 271 sa 279 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ġġustifikat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni, inkwantu ċirkustanza attenwanti, il-waqfien volontarju tal-ksur, minn Schindler fil-Ġermanja billi invokat il-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tiġi rikonoxxuta ċirkustanza attenwanti skont it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida tal-1998 biss fil-każ li l-ksur intemm minħabba l-intervent tal-Kummissjoni. Skont l-appellanti, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex konformi mas-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirreferi għal akkordju li ġie mitmum mill-parteċipanti kollha qabel kull intervent tal-Kummissjoni, filwaqt li, f’dan il-każ, impriża waħda biss kienet irtirat mill-akkordju. Minbarra dan, l-argument li l-waqfien volontarju tal-ksur diġà ttieħed suffiċjentement inkunsiderazzjoni fit-tul ta’ żmien tiegħu huwa żbaljat. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li n-natura manifestament illegali tal-ftehim tipprekludi r-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti hija bbażata fuq sentenzi tal-Qorti Ġenerali u mhux fuq sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

140

L-appellanti jikkontestaw ukoll il-punt 282 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-programm ta’ konformità adottat mill-grupp Schindler inkwantu ċirkustanza attenwanti. Skont l-appellanti, il-kwistjoni dwar jekk miżuri ta’ konformità humiex tali li “jibdlu r-realtà tal-ksur” ma hijiex determinanti. L-uniku fatt determinanti huwa dak li, bl-adozzjoni tiegħu tal-miżuri interni, il-grupp Schindler xtaq jevita ksur u li Schindler Holding, b’mod partikolari, għamlet dak kollu li setgħet għal dan il-għan. It-tnaqqis tal-multa għandu jkun iktar importanti peress li wieħed mill-effetti sekondarji tas-sistema ta’ konformità adottat mill-grupp Schindler huwa li tagħmilha iktar diffiċli li jinstab, internament, ksur li madankollu twettaq għaliex il-kollaboraturi li jkunu wettqu l-ksur jiġu mhedda b’sanzjonijiet severi.

141

Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 276 tas-sentenza appellata rigward iċ-ċirkustanzi li fihom l-appellanti temmew il-ksur, jiġifieri li huma abbandunaw l-akkordju inkwistjoni biss minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-parteċipanti l-oħra għaliex dawn irrifjutaw li jagħtuhom parti iktar importanti mis-suq.

142

Rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tal-programm ta’ konformità, il-Kummissjoni ssostni li l-premju xieraq għal tali programm huwa idealment in-nuqqas ta’ aġir antikompetittiv, iżda mhux tnaqqis tal-multa għal parteċipazzjoni f’akkordju li madankollu seħħet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

143

B’konstatazzjoni ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti li tistħarreġ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 276 tas-sentenza appellata, li l-grupp Schindler “skont il-proċess, abbanduna l-akkordju biss minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-parteċipanti l-oħra li rriżulta mill-fatt li dawn irrifjutaw li jagħtuh parti iktar importanti mis-suq”. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 274 u 275 tas-sentenza appellata u fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni ta’ fatt, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti rigward il-waqfien volontarju tal-ksur.

144

Rigward il-programm ta’ konformità stabbilit mill-grupp Schindler, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 185 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa ma kellux manifestament effett pożittiv u, bil-kontra, għamilha iktar diffiċli sabiex jinstab il-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti f’dan ir-rigward.

145

Għaldaqstant, il-ħdax-il aggravju ma huwiex fondat.

Fuq it-tnax-il aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 minħabba tnaqqis wisq baxx tal-ammont tal-multi għal kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

146

Bit-tnax-il aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 287 sa 361 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet id-disa’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

147

Fl-ewwel lok, huma jikkontestaw in-natura baxxa wisq tat-tnaqqis tal-ammont tal-multi u l-inugwaljanzi fit-trattament fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

148

Huma jikkontestaw, b’mod partikolari, il-punt 296 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali, u l-punt 300 tal-imsemmija sentenza, li permezz tiegħu hija ddeċidiet li huwa biss eċċess manifest fl-użu ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkontestat. Skont l-appellanti, tali marġni ta’ diskrezzjoni ma teżistix u l-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li tivverifika fit-totalità tagħha d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont tal-multa, u teżerċita b’dan il-mod il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

149

Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, id-dikjarazzjoni pprovduta mill-appellanti lill-Kummissjoni.

150

Fl-aħħar nett, fil-punti 312 sa 319 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-provi li kienu ġew ippreżentati mill-appellanti.

151

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkontestaw il-punti 350 sa 361 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-parti tad-disa’ rikors fl-ewwel istanza fejn huma sostnew li kien wisq baxx tnaqqis tal-multa b’1 % għall-kooperazzjoni tagħhom barra mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għaliex huma ma kinux ikkontestaw il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Huma jqisu li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa żbaljat u kontradittorju meta mqabbel mal-ġurisprudenza preċedenti.

152

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali esponiet korrettament, fil-punt 308 tas-sentenza appellata, ir-raġuni għalfejn id-dikjarazzjoni tal-appellanti ma kinitx sinjifikattiva, li huwa rekwiżit neċessarju għal tnaqqis tal-multa skont il-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Din hija evalwazzjoni ta’ fatt, li ma tistax tiġi suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

153

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti jinjoraw l-“ispjegazzjonijiet dettaljati tas-sistema” ipprovduti minn waħda mill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, li jiġġustifikaw il-valur miżjud tat-talba għal klemenza ta’ din l-impriża.

154

Fir-rigward tal-punti 350 sa 361 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li ċ-ċirkustanza attenwanti skont is-sitt inċiż tal-punt 3, tal-Linji Gwida tal-1998 ma għandhiex l-għan li tippremja, madankollu, talbiet għal klemenza li ma ntlaqgħux jew li ġew issodisfatti b’mod insuffiċjenti, għaliex dan iqiegħed f’dubju l-effett ta’ inċentiv tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u l-obbligi ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw minn din il-komunikazzjoni, peress li huwa preċiżament biss jekk ikun inġab “valur miżjud sinjifikattiv” u skont id-data tal-kooperazzjoni li jingħata tnaqqis gradwat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

155

Għandu jitfakkar li, meta hija tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li timponi multi minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida tal-1998 u lanqas f’dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fid-dettall kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Tali regola tapplika wkoll meta l-qorti tivverifika jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

156

Minkejja li l-prinċipji msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 295 sa 300 ma jikkorrispondux ma’ din il-ġurisprudenza, għandu madankollu jiġi eżaminat il-mod kif il-Qorti Ġenerali wettqet l-istħarriġ tagħha f’din il-kawża sabiex jiġi vverifikat jekk hija kisritx dawn il-prinċipji. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 191 tal-konklużjonijiet tagħha, dak li huwa rilevanti huwa l-kriterju li l-Qorti Ġenerali effettivament applikat sabiex teżamina konkretament il-valur miżjud miġjub permezz tal-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata mal-Kummissjoni.

157

Fil-punti 301 sa 349 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi invokati mill-appellanti sabiex tistabbilixxi jekk huma kinux ġabu valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

158

Minkejja li dan l-eżami jinkludi evalwazzjonijiet ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ fid-dettall fejn hija nfisha evalwat il-provi mingħajr ma rreferiet għall-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u billi mmotivat d-deċiżjoni tagħha b’mod dettaljat.

159

Fir-rigward tal-kritiki tal-punti 309 u 312 sa 319 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li huma jikkontestaw evalwazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell. F’kull każ, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix li tiġi ttrattata b’mod favorevoli biss l-impriża li ġġib valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għaliex l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa leġittimu.

160

Fir-rigward tal-kritika tal-punti 350 sa 361 tas-sentenza appellata, din għandha tiġi ddikjarata bħala infondata għar-raġuni esposta mill-Kummissjoni u riprodotta fil-punt 152 ta’ din is-sentenza.

161

Għaldaqstant, it-tnax-il aggravju ma huwiex fondat.

Fuq it-tlettax-il aggravju, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multi

L-argumenti tal-partijiet

162

Bit-tlettax-il aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 365 sa 372 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-għaxar motiv fir-rikors fl-ewwel istanza. Huma jqisu li l-premessa tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata għaliex il-ksur ma jistax jiġi imputat lil Schindler Holding. Minbarra dan, multa ma għandhiex titqies bħala proporzjonata minħabba s-sempliċi fatt li hija ma taqbiżx il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ. Mill-Artikolu 49 tal-Karta jirriżulta li l-eżami tal-proporzjonalità tal-multa jikkostitwixxi aspett distint li jingħaqad mal-verifika tal-osservanza tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ. F’dan ir-rigward, huwa jiċċitaw is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Mamidakis vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, fejn l-imsemmija qorti qieset bħala sproporzjonata multa ta’ ammont totali ta’ madwar EUR 8 miljun.

163

Il-Kummissjoni ssostni li t-tlettax-il aggravju ma huwiex fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

164

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ appell, sabiex tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba ksur, imwettaq minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 245).

165

Huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C-89/11 P, punt 126).

166

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li tivverifika jekk l-ammont tal-multi jaqbiżx il-limitu massimu ta’ multa ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda, fil-punti 368 sa 370 tas-sentenza appellata, wettqet eżami fid-dettall tal-proporzjonalità tal-multi.

167

Fir-rigward tal-kritika tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ Schindler Holding, hija bbażata fuq premessa żbaljata f’dak li jirrigwarda l-legalità tal-użu tal-kunċett ta’ impriża, kif intwera b’risposta għas-seba’ aggravju.

168

Fir-rigward tar-riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Mamidakis vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn huwa rilevanti f’kawża dwar kompetizzjoni li tinvolvi kumpannija kummerċjali u s-sussidjarji tagħha u mhux persuna fiżika, għandu jiġi enfasizzat li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 214 tal-konklużjonijiet tagħha, ma huwiex fid-dawl tal-ammont nominali tagħha biss li jista’ jiġi deċiż jekk multa tkunx oneru sproporzjonat għal dak li fuqha hija imposta. Dan jiddependi wkoll, fost l-oħrajn, fuq il-kapaċità ta’ kontribuzzjoni ta’ dan tal-aħħar.

169

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li fil-każ fejn multi huma imposti fuq impriża li tikkostitwixxi entità ekonomika u li hija komposta biss formalment minn diversi persuni ġuridiċi, il-kapaċità ta’ kontribuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod individwalizzat. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-prattiki miftiehma, id-daqs kif ukoll is-saħħa ekonomika tal-grupp Schindler, ikkonstatat, fil-punt 370 tas-sentenza appellata, li l-ammont totali tal-multi imposti fuq l-appellanti jirrappreżenta madwar 2 % tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tagħhom fl-2005, li ma jistax jitqies bħala sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs tal-grupp ikkonċernat.

170

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tlettax-il aggravju ma huwiex fondat.

171

Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

172

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

173

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar. Peress li l-Kunsill ma talabx li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż, iżda talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod xieraq fuq l-ispejjeż, huwa għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Schindler Holding Ltd, Schindler Management AG, Schindler SA, Schindler Sàrl, Schindler Liften BV u Schindler Deutschland Holding GmbH huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top