EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0267

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-5 ta' Mejju 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Moviment liberu tal-kapital - Artikoli 56 KE u 40 tal-Ftehim ŻEE - Restrizzjonijiet - Tassazzjoni diretta - Persuni taxxabbli mhux residenti - Obbligu li jinħatar rappreżentant tat-taxxa.
Kawża C-267/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:273

Kawża C-267/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Portugiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 56 KE u 40 tal-Ftehim ŻEE — Restrizzjonijiet — Tassazzjoni diretta — Kontribwenti mhux residenti — Obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-kontribwenti mhux residenti n-nomina ta’ rappreżentant fiskali

(Artikolu 56 KE; Direttiva tal-Kunsill 77/799)

2.        Ftehim internazzjonali — Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea — Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-kontribwenti mhux residenti n-nomina ta’ rappreżentant fiskali

(Ftehim ŻEE, Artikolu 40; Direttivi tal-Kunsill 77/799 u 2008/55)

1.        Għalkemm il-garanzija ta’ effettività tal-kontrolli fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, tali ġustifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tirrigwarda skemi purament artifiċjali li għandhom l-għan li tiġi evitata l-liġi fiskali, fejn tiġi eskluża kull preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni. Preżunzjoni ġenerali ta’ evitar jew ta’ evażjoni fiskali ma tkunx suffiċjenti sabiex tiġġustifika miżura fiskali li tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat. Madankollu, l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali intiż għall-kontribwenti kollha mhux residenti li jirċievu dħul li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa, jitfa’ preżunzjoni li taqa’ fuq kategorija sħiħa ta’ kontribwenti, sempliċement minħabba li ma humiex residenti, ta’ evitar jew ta’ evażjoni fiskali li ma tistax waħedha tiġġustifika ostakolu għall-għanijiet tat-Trattat.

Tali obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapitali stabbilit fl-Artikolu 56 KE li ma jistax jitqies bħala ġġustifikat peress li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u peress li ma ġiex stabbilit li l-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka, li kull Stat Membru jiddisponi minnhom skont id-Direttiva 77/799 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat‑tassazzjoni diretta u indiretta, ma humiex biżżejjed biex jintlaħaq l-istess għan.

Konsegwentement, Stat Membru li jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li tobbliga lill-kontribwenti mhux residenti sabiex jinnominah rappreżentant fiskali f’dan l-Istat Membru meta jirċievu dħul li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE.

(ara l-punti 38, 42, 43, 53, 61, id-dispożittiv 1)

2.        Għalkemm restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn ċittadini ta’ Stati li huma parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għandhom ikunu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 40 u tal-Anness XII tal-imsemmi ftehim, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet, essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE. Madanakollu, il-ġurisprudenza li tirrigwarda r-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal libertajiet ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni, ma tistax tiġi kompletament trasposta għall-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi, peress li dawn il-movimenti jaqgħu f’kuntest legali differenti.

Għalhekk, għalkemm l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali li għalih il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-persuni mhux residenti jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 56 KE, dan ma jfissirx li tali restrizzjoni ma tistax tkun ġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

Fil-fatt, peress li, minn naħa, il-qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri stabbilit bid-Direttiva 77/799, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretti, kif ukoll bid-Direttiva 2008/55, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, ma jeżistix bejn l-imsemmija awtoritajiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat terz, meta dan tal-aħħar ma jkun ħa ebda impenn ta’ assistenza reċiproka, u li, min-naħa l-oħra, ftehim vinkolanti bejn l-Istat Membru inkwistjoni u l-Istati li jifformaw parti miż-ŻEE u mhux mill-Unjoni ma jinkludux effettivament mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni suffiċjenti biex jivverifikaw u jikkontrollaw id-dikjarazzjonijiet ippreżentati mill-persuna taxxabbli residenti f’dawk l-Istati, l-obbligu ta’ nomina rappreżentant fiskali, f’dak li jirrigwarda l-kontribwenti residenti fl-Istati firmatarji għall-Ftehim ŻEE u li ma humiex membri tal-Unjoni, imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li jiżgura l-effettività tal-kontrolli fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

(ara l-punti 51-52, 54-57)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Mejju 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-kapital –Artikoli 56 KE u 40 tal-Ftehim ŻEE – Restrizzjonijiet – Tassazzjoni diretta – Kontribwenti mhux residenti – Obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali”

Fil-Kawża C‑267/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u G. Braga da Cruz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi adottat u żammet fis‑seħħ l-Artikolu 130 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi (Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Singulares, iktar ’il quddiem iċ-“CIRS”) li jobbliga lill-kontribwenti mhux residenti sabiex jinnominaw rappreżentant fiskali fil-Portugall, ir‑Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 18 KE u 56 KE kif ukoll taħt l-artikoli korrispondenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ‘il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim ŻEE

2        L-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jipprovdi:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni bejn il-partijiet kontraenti fuq il-moviment ta’ kapital li jappartjeni lil persuni li huma residenti fl-Istati Membri tal‑[Unjoni Ewropea] jew fl-Istati tal-[Assoċjazzjoni Ewropea għall‑Kummerċ Ħieles (EFTA)] u ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni msejsa fuq iċ-ċittadinanza jew fuq il-post ta’ residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn dak il-kapital hu investit. L-Anness XII fih id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jigi implimentat dan l‑Artikolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Anness XII tal-Ftehim ŻEE intitolat: “Moviment liberu tal‑kapital” jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [dan l-artikolu ġie abrogat mit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). Skont l‑Arikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, il-moviment ta’ kapital għandu jkun kklassifikat skont in-Nomenklatura fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        L-Artikolu 130 taċ-CIRS jipprovdi:

“Rappreżentanti

1.      Il-persuni mhux residenti li jirċievu dħul suġġett għat-(taxxa fuq id-dħul), kif ukoll ir-residenti li jitilqu mit-territorju nazzjonali għal iktar minn sitt xhur, huma meħtieġa li jinnomina, għal finiijiet ta’ taxxa, persuna fiżika jew ġuridika, residenti jew stabbilita fil-Portugall, inkarigata li tirrapreżentahom mad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxa u li tiżgura t-twettiq tal‑obbligi fiskali tagħhom.

2.      Il-ħatra msemmija fil-paragrafu 1, li sseħħ fil-kuntest tad‑dikjarazzjoni tal-bidu tal-attività, ta’ emendi jew ta’ reġistrazzjoni tat‑taxxa, għandha ssemmi espressament l-aċċettazzjoni tar‑rappreżentant.

3.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal‑paragrafu 1, u irrispettivament mis-sanzjonijiet applikabbli għall‑każ, ma hemmx ħtieġa li jsiru n-notifiki previsti minn dan il‑Kodiċi, salv għall-possibbiltà tal-kontribwenti li tieħdu konjizzjoni tal-elementi li jikkonċernawhom billi jikkuntattjaw lid‑dipartiment rilevanti.”

5        Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 463/79 tat-30 ta’ Novembru 1979 fil-verżjoni applikabbli f’dan il-każ, jipprovdi fl-Artikoli 2 u 3 tiegħu:

“Artikolu 2

1.      Għall-finijiet tal-assenjazzjoni tan-numru ta’ identifikazzjoni tat‑taxxa, il-persuni fiżiċi kollha li għandhom dħul li huwa suġġett għat‑taxxa, anki jekk eżentati mill-ħlas ta’ din it-taxxa, huma obbligati jirreġistraw ruħhom f’ċentru tat-taxxa jew f’servizz ta’ assistenza għall-kontribwenti. Għal dan il-għan, huma jiddepożitaw formola mimlija skont il-mudell Nru 1, flimkien mal-mudell Nru 3 fil-każ ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali minn kontribwenti mhux residenti […]”

[…]

Artikolu 3

[…]

5.      Fir-rigward ta’ kontribwenti mhux residenti li, fit-territorju Portugiż, għandhom biss dħul suġġett għat-taxxa f’ras il‑għajn, ir‑reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), hija magħmula mill-aġenti tat-taxxa suġġetta għall-preżentazzjoni tal-formola standard li għandha tiġi adottata permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Finanzi.”

6        Din il-formola standard ġiet adottata bid-Digriet Nru 21.305/2003 (Diário da República série II, Nru°256, tal-5 ta’ Novembru 2003, p. 16629), li jippreċiża li dan id-dokument huwa maħsub esklużivament għar-reġistrazzjoni għall-finijiet tal-assenjazzjoni ta’ numru ta’ identifikazzjoni tat‑taxxa għall-entitajiet mhux residenti li d-dħul tagħhom fil-Portugall huma suġġetti biss għal taxxa f’ras il-għajn u ma jikkonċernax l-entitajiet li, għalkemm mhux residenti, għandhom l-obbligu legali li jiksbu numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa. L-istess digriet jipprevedi, barra minn hekk, li r‑reġistrazzjoni hija mandatorjament meħtieġa għall-entitajiet li huma obbligati li jħallsu t-taxxa f’ras il-għajn.

7        Iċ-Ċirkulari Nru 14/93 tal-31 ta’ Mejju 1993 tad-Direttorat Ġenerali tat‑Taxxa, fil‑punt 4 tagħha tipprovdi li:

“Il-ħatra ta’ rappreżentant fiskali ma tkunx obbligatorja meta persuna mhux residenti tirċievi biss, fit-territorju Portugiż, dħul suġġett għat‑taxxa f’ras il-għajn, sa fejn il-ġbir ta’ tali dħul ma joħloqilhiex obbligi inċidentali li hija jkollha twettaq.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

8        Fit-18 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża li fiha hija sostniet li l-obbligu impost fuq il-persuni mhux residenti sabiex jinnominaw rappreżentant fiskali residenti fil-Portugall seta’ jkun inkompatibbli mad-dritt Komunitarju u l-Ftehim ŻEE. Il‑Kummissjoni kkunsidrat, fil-fatt, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni setgħu jkunu diskriminatorji u jikkostitwixxu ksur tal-Artikoli 18 KE u 56 KE, kif ukoll tal-artikoli korrispondenti tal-Ftehim ŻEE.

9        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2007, ir-Repubblika Portugiża kkontestat dawn l-allegazzjonijiet.

10      Fis-26 ta´Ġunju 2008, il-Kummissjoni, indirizzat opinjoni motivata lir‑Repubblika Portugiża, fejn stiednitha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri minn notifika tagħha.

11      Permezz ta’ ittra datata 11 ta’ Frar 2009, ir-Repubblika Portugiża wieġbet għal din l-opinjoni motivata, billi sostniet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 130 taċ-CIRS ma kinux inkompatibbli mal-libertajiet rikonoxxuti mit-Trattat KE u l-Ftehim ŻEE jew li huma kienu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li jinkludu fost l-oħrajn, l-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

12      Peress li ma kinitx sodisfatta b’dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

13      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 130 taċ-CIRS jistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali, li japplika kemm għall‑persuni mhux residenti li jirċievu dħul suġġett għat-taxxa fuq id‑dħul u għar-residenti li jħallu t-territorju nazzjonali għal perijodu ta’ iktar minn sitt xhur. Minn naħa, din ir-regola ġenerali u mhux ambigwa ma teżentax minn dan l-obbligu lil persuni mhux residenti li jirċievu biss dħul suġġett għal taxxa f’ras il‑għajn. L‑eċċezzjoni li hija intiża, skont ir-Repubblika Portugiża, għal din il‑kategorija ta’ persuni mhux residenti ma tistax tiġi dedotta mid‑dispożizzjonijiet regolatorji invokati minn dan l-Istat Membru, jiġifieri d‑Digriet Leġiżlattiv Nru 463/79 u d-Digriet Nru 21,305/2003. Tali eċċezzjoni hija prevista biss minn sempliċi ċirkulari li, fid-dawl tal‑pożizzjoni tagħha fil-ġerarkija tan-normi, ma tistax tipprevali fuq id‑dispożizzjonijiet ċari tal-Artikolu 130 taċ-CIRS.

14      Min-naħa l-oħra, għal persuni mhux residenti li jirċievu dħul fil‑Portugall li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa l‑obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali jmur, skont il‑Kummissjoni, kontra l-moviment liberu tal-persuni u kapital sa fejn huwa kemm diskriminatorju kif ukoll sproporzjonat għall-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-kontroll fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. Fil-fatt, minbarra li dan l-ostakolu għall‑għażla ħielsa eżerċitata mill-kontribwent twassal fil-prattika u f’ħafna każijiet għall-impożizzjoni ta’ piż finanzjarju fuq il-persuni mhux residenti, il‑metodu magħżul huwa eċċessiv fir-rigward tal-għan imfittex, peress li dan jista’ jintlaħaq kemm bl-użu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE, tas-26 ta’ Mejju 2008, dwar l-assistenza reċiproka għall‑irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU L 150, p. 28), kif ukoll bl-użu tad‑Direttiva tal‑Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil‑qasam tat‑tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 09, Vol. 01, p. 63) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 09, Vol. 01, p. 179, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/799”).

15      F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ kontribwenti residenti fi Stati terzi jew fi Stati li jappartjenu għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) iżda mhux membri tal‑Unjoni, il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li l-konvenzjonijiet iffirmati mir-Repubblika Portugiża mar-Renju tan-Norveġja u mar‑Repubblika tal‑Islanda diġà jippermettu skambju ta’ informazzjoni fil‑qasam fiskali u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni ma jistgħux jiġu validament applikabbli, taħt id-dritt tal‑Unjoni ħlief fil-każijiet fejn kontribwenti residenti f’pajjiż li ma jkunx iffirma mar-Repubblika Portugiża konvenzjoni dwar tassazzjoni doppja li jipprovdi għal skambju ta’ informazzjoni bħal dan.

16      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 18 KE jista’ jiġi invokat b’mod utli f’dan il-każ u li dan l-artikolu ma jiddistingwix bejn iċ-ċittadini ekonomikament attivi u dawk li ma humiex. L-obbligu stabbilit fl‑Artikolu 130 taċ-CIRS li ma jikkonċernax biss il-persuni ekonomikament attivi huwa għalhekk diskriminatorju fir-rigward tal-persuni kollha li jeżerċitaw, anki jekk biss temporanjament, id-dritt tagħhom għal moviment liberu fiż-żona Komunitarja, stabbilit fl-Artikolu 18 KE.

17      Ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ xi wħud mill‑argumenti tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar, fil-fatt, ippreżentat fir-replika tagħha b’mod inċerti u inkoerenti, l-oġġezzjoni tagħha dwar il-persuni mhux residenti li huma suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn. Barra minn hekk, billi sostniet f’din l‑istess replika li l-Artikolu 130 taċ-CIRS huwa diskriminatorju fil-konfront mhux biss tal-persuni mhux residenti, iżda ta’ dawk il-persuni kollha li eżerċitaw id‑dritt tagħhom għal moviment liberu, il-Kummissjoni qajmet, fil-kors tal-proċediment, motiv ġdid, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra dan, hija ma fformulatx b’mod koerenti u li jinftiehem l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-Ftehim ŻEE billi ma speċifikatx l-artikoli tal-ftehim li kienet qed tirreferi għalihom u minkejja li dan ma fihx dispożizzjonijiet korrispondenti għall-Artikolu 18 KE.

18      Essenzjalment, u fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kontribwenti mhux residenti li fil-Portugall jirċievu biss dħul suġġett għat-taxxa f’ras il‑għajn, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni ma tistax issegwi b’mod litterali l-Artikolu 130 taċ-CIRS biss biex tistabbilixxi l‑allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li tali dispożizzjoni, kif interpretata u applikata b’mod effettiv, ma tipprevedix għal dawn il‑kontribwenti, l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali.

19      Fil-fatt, mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni semplifikata prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 463/79 u mid-Digriet Nru 21.305/2003 li hija applikabbli għall-imsemmija kontribwenti, jirriżulta li peress li l‑kumpanniji ta’ distribuzzjoni, fil-kapaċità tagħhom bħala “aġenti ta’taxxa”, jagħmlu huma stess il-ġbir tat-taxxa f’ras il-għajn u jkunu responsabbli għalih, u fin‑nuqqas ta’ kull obbligu inċidentali ieħor, dawn il‑kontribwenti ma għandhom l-ebda obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali.

20      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-persuni mhux residenti li jirċievu dħul fil‑Portugall li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa, ir‑Repubblika Portugiża ssostni li, peress li l-Artikolu 130 taċ-CIRS huwa intiż li jiggarantixxi t-tlestija effikaċi tal-formalitajiet imposti fuq il-kontribwenti li jinsabu ’l bogħod mit-territorju Portugiż, din il-miżura ma hijiex diskriminatorja peress li tapplika fl-istess kundizzjonijiet għall-persuni residenti u għall-persuni mhux residenti. Barra minn hekk, peress li r-regoli nazzjonali ma jipprovdux li s-setgħa tar-rappreżentanza għandha natura oneruża, tali natura hija kuntrarja għal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni. Il-Kummissjoni ma tistax għalhekk tassumi l-eżistenza ta’ piż finanzjarju u ma tiġġustifikax, għalhekk, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

21      Ir-Repubblika Portugiża ssostni wkoll li, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 58(1) KE, l‑Artikolu 130 taċ-CIRS huwa intiż li jiżgura l-effettività tal-kontrolli fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, li huma raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jiġġustifikaw restrizzjoni tal-eżerċizzju tal‑libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Għalhekk, l-obbligu ta’ rappreżentanza ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’dan ir-rigward u d-Direttiva 77/799, invokata mill-Kummissjoni, ma għandha ebda rwol fil-konfront tal-osservanza, mill-kontribwent, ta’ dan l-obbligu. Barra minn hekk, fid-dawl tar-rwol tar-rappreżentant fiskali, li huwa obbligat biss biex iwettaq l-obbligi inċidentali ta’ natura formali, bħall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni u l-irċevuta tan-notifiki, il‑Kummissjoni ma tistax tinvoka, b’mod utli, id-Direttiva Nru 2008/55, li tikkonċerna l-ġbir tat-taxxa, u li bl‑ebda mod ma tinvolvi l-funzjonijiet eżerċitati minn dan ir‑rappreżentant.

22      Ir-Repubblika Portugiża żżid li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka iktar b’mod utli l-Artikolu 18 KE, li huwa intiż biss għall‑persuni ekonomikament inattivi, li ma humiex ikkonċernati mill-Artikolu 130 taċ‑CIRS. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ Stati firmatarji għall‑Ftehim ŻEE, il-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet għall‑eżerċizzju tal-liberta ta’ moviment ma tistax tiġi kompletament implimentata, peress li l-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit bid-Direttiva 77/799 ma jeżistix, fi kwalunkwe każ, f’dan il-kuntest.

23      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li r-rikors jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati mir‑Repubblika Portugiża, filwaqt li jinsisti fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dak li jikkonċerna lill-persuni mhux residenti li d-dħul tagħhom huwa suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, u dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni tagħha tal-liġi nazzjonali inkwistjoni huwa purament teoretiku.

24      Għall-persuni mhux residenti l-oħrajn, skont ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni, ma tistax tinvoka l-Artikolu 18 KE, peress li hija ma tistabbilixxix li l‑miżura nazzjonali inkwistjoni tapplika għall-persuni ekonomikament inattivi. Barra minn hekk, din il-miżura la hija diskriminatorja, peress li s-sitwazzjoni tal-persuni mhux residenti ma hijiex komparabbli ma’ dik tar-residenti, u lanqas sproporzjonata għall‑għan imfittex, liema għan ma jistax jintlaħaq permezz tad-direttivi invokati mill‑Kummissjoni, li, sadanittant, qed jiġu emendati minħabba l‑ineffettività tagħhom. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova ta’ inkompatibbiltà mat-Trattati tal‑applikazzjoni tal-liġi Portugiża għall-movimenti tal-kapital mal-Istati terzi. Fl‑aħħar nett, il-linji gwida dwar l-għajnuna u l‑kooperazzjoni ma humiex applikabbli fir-relazzjonijiet mal-Istati firmatarji għall-Ftehim ŻEE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal‑motivi, u li din l‑indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l‑punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu fformulati b’mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal‑aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq oġġezzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑343/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra p. I-00275, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      B’dan ir-rikors, il-Kummissjoni tixtieq, skont it-termini tat‑talbiet tar-rikors tagħha, li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE u 56 KE kif ukoll taħt l-artikoli korrispondenti tal-Ftehim ŻEE.

27      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mill‑motivi u l-argumenti ppreżentati fir-rikors tal‑Kummissjoni, jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar qed takkuża lir-Repubblika Portugiża li qed iżżomm dispożizzjonijiet leġiżlattivi li huma kuntrarji għall-prinċipji ta’ moviment liberu stabbiliti fl-artikoli invokati tat-Trattat KE u mill‑Ftehim ŻEE.

28      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti dwar il-Ftehim ŻEE, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li r-rikors fih ċerti impreċiżjonijiet f’dan ir‑rigward billi wara li rrefera għal ksur tal-Artikoli 18 KE u 56 KE huwa sempliċement jirreferi għal ksur tal-“artikoli korrispondenti” ta’ dan il‑ftehim. Madankollu, huwa paċifiku, minn naħa, li l-Kummissjoni ppreċiżat fir‑replika tagħha li hija kellha l-intenzjoni li tinvoka biss il-ksur tal‑Artikolu 40 tal-imsemmi ftehim. Min-naħa l‑oħra, u fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 59 tar‑risposta tar‑Repubblika Portugiża, li huwa manifest li din tal-aħħar ma setgħetx raġonevolment tiġi żgwidata mill-fatt li l-oġġezzjoni tal‑Kummissjoni li kienet tirrigwarda l-Ftehim ŻEE, kienet intiża effettivament għall-Artikolu 40 ta’dan il-ftehim. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, ir‑Repubblika Portugiża kienet f’pożizzjoni biex teżerċita effettivament f’dan ir-rigward, il-motivi tad-difiża tagħha.

29      Fit-tielet lok, għalkemm ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fir-replika tagħha jrendu l-argumenti ta’ din tal-aħħar inkoerenti u inċerti, din l-evalwazzjoni hija relatata mal‑fondatezza ta’ dan l-argument u ma tikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors peress li l-oġġezzjonijiet ippreżentati huma eżatti.

30      Fl-aħħar nett, billi tinvoka, fir-replika tagħha, in-natura diskriminatorja tal-miżura ikkontestata wkoll kontra r-residenti li jeżerċitaw temporanjament id-dritt tagħhom għal moviment liberu, il-Kummissjoni sempliċement irrispondiet għall-argumenti mressqa bħala difiża mir-Repubblika Portugiża u bbażati fuq li l-ħatra ta’ rappreżentant fiskali kienet obbligatorja għar-residenti kif ukoll għal dawk mhux residenti. Għalhekk, din it-tweġiba ma tistax tiġi analizzata bħala motiv ġdid tal‑Kummissjoni.

31      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors preżenti huwa ammissibbli.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

32      Hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 130 taċ-CIRS jikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikoli 56 KE u 40 tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll għall-moviment liberu tal-persuni, stabbilit fl-Artikolu 18 KE.

–       Fuq il-ksur tal-Artikolu 56(1) KE

33      Huwa paċifiku li l-Artikolu 130 taċ-CIRS jipprevedi obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali kemm għall-persuni mhux residenti li jirċievu dħul suġġett għat-taxxa fuq id-dħul, kif ukoll għall-persuni residenti li ħallew it‑territorju Portugiż għal perijodu ta’ iktar minn sitt xhur. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk tali mekkaniżmu jistax jirregola sitwazzjonijiet li jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Portugiża ma tikkontestax li l-obbligu previst mill-Artikolu 130 taċ-CIRS, japplika fil-każ, invokat mill-Kummissjoni, ta’ movimenti ta’ kapitali relatati ma’ investimenti fi proprjetà immobbli.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-movimenti ta’ kapital jinkludu l‑operazzjonijiet li bihom persuni mhux residenti jidħlu għal investimenti fi proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru, kif jirriżulta min-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital inkluża fl-Anness I tad‑Direttiva 88/361/KEE, fejn din in-nomenklatura għad għandha l‑istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta’ movimenti tal-kapital (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C‑370/05, Ġabra p. I-1129, punt 23, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C-451/05, Ġabra p. I‑8251, punt 59).

35      Għaldaqstant, l-Artikolu 130 taċ-CIRS jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 56(1) KE, li jipprojbixxi b’mod ġenerali r‑restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapitali bejn l-Istati Membri, kif ukoll tal‑Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, li jipprojbixxi b’mod identiku r-relazzjonijiet bejn l-Istati li huma parti mill-imsemmi ftehim, kemm jekk huma membri tal-Unjoni jew tal-EFTA (ara, fir-rigward tal‑artikolu tal-aħħar, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010 Établissements Rimbaud, C‑72/09, Ġabra p. I-10659, punt 21).

36      Għalhekk huwa importanti li jiġi kkunsidrat jekk l-obbligu previst taħt l‑Artikolu 130 taċ-CIRS huwiex restrizzjoni għall-movimenti tal-kapitali.

37      F’dan ir-rigward, huwa inkontestabbli li, billi jimponi obbligu fuq il-kontribwenti inkwistjoni ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali, l-Artikolu 130 taċ-CIRS jimponilhom li jieħdu passi kif ukoll li jsostnu, fil-prattika, l‑ispiża tar-remunerazzjoni ta’ dan ir‑rappreżentant. Restrizzjonijiet bħal dawn joħolqu għal dawk il-kontribwenti, skumdità tali li tiskoraġġihom milli jinvestu l-kapital fil-Portugall u, b’mod partikolari, milli jagħmlu investimenti fil-proprjetà immobbli. Minn dan jirriżulta li l‑imsemmi obbligu għandu jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni għall‑moviment liberu tal-kapital li hija pprojbita, fil-prinċipju, mill‑Artikoli 56(1) KE, u 40 tal-Ftehim ŻEE.

38      Madankollu, bl-argument li l-għan imfittex mill-obbligu ta’ nomina ta' rappreżentant fiskali huwa intiż li tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali fil-kuntest tat‑taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, ir-Repubblika Portugiża tinvoka għalhekk, dak li ma tikkontestax il-Kummissjoni, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ELISA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81; tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C‑101/05, Ġabra p. I‑11531, punt 55, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim-van Schoot, C‑155/08 u C‑157/08, Ġabra p. I-5093 , punt 45).

39      Skont il-Kummissjoni, l-obbligu previst taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa madankollu sproporzjonat għall-għanijiet imfittxa, peress li l-mekkaniżmi pprovduti kemm bid-Direttiva 2008/55 kif ukoll bid-Direttiva 77/799 huma suffiċjenti biex jilħqu dan l-għan.

40      Fir-rigward tad-Direttiva 77/799, għandu jitfakkar li, skont id‑dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(1), (3) u (4) tagħha, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw kull informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul. Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dan l-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ fuq talba tal‑awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiskambjaw ukoll informazzjoni mingħajr ma ssir talba minn qabel, b’mod awtomatiku, għal ċerti kategoriji ta’ każijiet previsti mill‑istess direttiva jew ukoll, skont l-Artikolu 4 ta’ din b’mod spontanju. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 77/799, id‑dispożizzjonijiet ta’ din ma jimpedixxux l-eżekuzzjoni ta’ obbligi iktar wesgħin għall-iskambju ta’ informazzjoni li jistgħu joħroġu minn atti legali oħrajn (sentenza ELISA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39, 40 u 42).

41      Ir-Repubblika Portugiża ssostni, madankollu, li ma tistax tagħmel talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799 ħlief jekk ikollha biżżejjed informazzjoni minn qabel, u dan jimponi ġustament li jintuża rappreżentant fiskali residenti fit-territorju Portugiż li minnu l‑awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jitlobu direttament u personalment li jissodisfa l-obbligi kollha ta’ ddikjarar rilevanti għan-nom tal-kontribwent mhux residenti.

42      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tirrigwarda skemi purament artifiċjali li għandhom l-għan li tiġi evitata l-liġi fiskali, fejn tiġi eskluża kull preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni. B’hekk, preżunzjoni ġenerali ta’ evitar jew ta’ evażjoni fiskali ma tkunx suffiċjenti sabiex tiġġustifika miżura fiskali li tista’ tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat (ara s-sentenza ELISA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, billi huwa intiż b’mod partikolari għall-kontribwenti kollha mhux residenti li jirċievu dħul li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa, l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali jitfa’ preżunzjoni li taqa’ fuq kategorija sħiħa ta’ kontribwenti, sempliċement minħabba li ma humiex residenti, ta’ evitar jew ta’ evażjoni fiskali li ma tistax waħedha tiġġustifika ostakolu għall-għanijiet tat-Trattat ikkawżat minn dan l-obbligu.

44      Barra minn hekk, fejn elementi taxxabbli jkunu nħbew mill‑awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stat Membru u dawn ma jkollhom ebda prova sabiex tinbeda investigazzjoni, ma jidhirx li l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali jimplika għaldaqstant, minnu nnifsu, l-iżvelar ta’ provi bħal dawn u jissupplimenta l-allegati nuqqasijiet tal‑mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 77/799.

45      Għalhekk, mhux stabbilit li, meta kontribwent mhux residenti fil‑Portugall jonqos milli jissodisfa l-obbligi ta’ ddikjarar tiegħu u fejn ma jkunx ħallas it-taxxa dovuta, il-mekkaniżmi tal‑assistenza reċiproka tal-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti tal-Istati Membri, invokati mill‑Kummissjoni u kif previsti fil-qasam tat-tassazzjoni diretta mid‑Direttiva 77/799 ma humiex biżżejjed sabiex dawn tal-aħħar jiġu effettivament irkuprati. Ma hemm l‑ebda lok għalhekk li jiġi stabbilit jekk huwiex l‑istess fir-rigward tal‑mekkaniżmi previsti għall-irkupru ta’ dawn it-taxxi, mid-Direttiva 2008/55, anki jekk kien applikabbli ratione temporis f’dan il-każ.

46      Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta ssostni li dan l-obbligu, għall-kontribwenti mhux residenti li jirċievu dħul li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa, jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għall-moviment liberu tal‑kapitali stabbilit fl-Artikolu 56 KE.

47      Barra minn hekk, l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali ma huwiex tweġiba xierqa jew meħtieġ għall-“problema prattika” relatata mal-impossibbiltà, skont ir-Repubblika Portugiża, li żżomm relazzjonijiet diretti mal-kontribwenti mhux residenti minħabba d‑distanza fiżika li tissepara lil dawn tal-aħħar mill-entitajiet amministrattivi kkonċernati, fejn din id-distanza tikkostitwixxi ostakolu għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-entitajiet. Fil-fatt, billi jiġu kkunsidrati l-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni, huwa possibbli li l-kontribwenti mhux residenti jiġu obbligati biex jipprovdi indirizz fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Repubblika Portugiża, lill‑awtoritajiet tat-taxxa Portugiżi, għan-notifiki kollha magħmula mill-awtoritajiet tat-taxxa. Kif tosserva l‑Kummissjoni, fil-każijiet fejn il‑preżenza fiżika ta’ kontribwent hija essenzjali, ikun biżżejjed li tippermetti l-għażla lil dan għall-ħatra ta’ rappreżentant fiskali, iktar milli jiġi impost obbligu ġenerali li jinħatar tali rappreżentant.

48      Għandu jiġi kkonstatat madankollu li, kif sostnut mir-Repubblika Portugiża, l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali previst mill-Artikolu 130 taċ‑CIRS bl-iskop, kif speċifikat f’dan l-artikolu, li jirrappreżenta lill-persuni mhux residenti mad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxa u jiżgura t-twettiq tal-obbligi fiskali tagħhom, ma huwiex impost fuq il-kontribwenti li jirċievu biss dħul suġġett għat-taxxa f’ras il-għajn, li għalihom ma hemm l-ebda lok li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa

49      Fil-fatt, huwa paċifiku li skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal‑Artikolu 3(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 463/79 u tad‑Digriet Nru 21.305/2003, l-aġenti tat-taxxa, li huma l-entitajiet li jiġbru t‑taxxa dovuta fuq id-dħul suġġett għal dan il-ġbir, iħallsuha f’isem u għan-nom tal-kontribwenti. F’dan il-kuntest huma għandhom l-obbligu li jirreġistraw huma stess mal-amministrazzjoni tat‑taxxa, u għaldaqstant huma diġà jkunu qed jirrappreżentaw lil dawn il-kontribwenti fil‑konfront tal-amministrazzjoni u, ukoll iwettqu għalihom dawn il-formalitajiet kollha tal-iddikjarar fir-rigward ta’ dan id-dħul. Il-Kummissjoni ma tistax, konsegwentement issostni li tali mekkaniżmu jirriżulta fir-realtà biss miċ‑Ċirkulari Nru 14/93 li, fir-rigward tal-valur legali tagħha, ma tippermettix lill-kontribwenti inkwistjoni li jidentifikaw b’mod ċar il-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tal-obbligu previst fl-Artikolu 130 taċ‑CIRS. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE ma jistax jitqies bħala stabbilit fil-konfront ta’ dawn il-persuni mhux residenti li jirċievu biss dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn.

–       Fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE

50      Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE huwa li jinkiseb bl‑iktar mod komplet possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha, b’tali mod li s-suq intern maħluq fit-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għall-Istati tal-EFTA. F’din il-perspettiva, diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-interpretazzjoni l-iktar uniformi possibbli tiegħu fiż-ŻEE kollha (ara l-Opinjoni 1/92, tal-10 ta’ April 1992, Ġabra p. I‑2821). F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tiżgura li dawn ir-regoli tal-Ftehim ŻEE, essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat, jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri (sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C‑452/01, Ġabra p. I‑9743, punt 29, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑540/07, Ġabra p.I10983, punt 65).

51      Minn dan jirriżulta li, għalkemm restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn ċittadini ta’ Stati li huma parti fil-Ftehim ŻEE għandhom ikunu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 40 u tal-Anness XII tal-imsemmi ftehim, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet, essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑521/07, Ġabra p. I‑4873, punt 33, u Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

52      Għalhekk, u għar-raġunijiet esposti waqt l-eżami tar-rikors tal-Kummissjoni fid-dawl tal-Artikolu 56(1) KE, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali li għalih il-leġiżlazzjoni Portugiża tissuġġetta l-persuni mhux residenti jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

53      Għandu, madankollu, jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mil-punti 43 sa 46 ta’ din is-sentenza, din ir-restrizzjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata taħt l-Artikolu 56 KE għar-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tkun iggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, peress li din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u peress li ma ġiex stabbilit li l-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka mill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti tal-Istati Membri, fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, li għandha għad-dispożizzjoni tagħha r-Repubblika Portugiża taħt id‑Direttiva 77/799, ma humiex biżżejjed biex jintlaħaq l-istess għan.

54      Madanakollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il‑ġurisprudenza li tirrigwarda r-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal‑libertajiet ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni, ma tistax tiġi kompletament trasposta għall-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi, peress li dawn il-movimenti jaqgħu f’kuntest legali differenti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq A, punt 60 u Il-Kummissjoni vs L‑Italja, punt 69).

55      Fil-każ preżenti, għandu jiġi rrilevat li l-qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri stabbilit mid-Direttiva 77/799 kif ukoll mid-Direttiva 2008/55, sa fejn din tal-aħħar tista tkun rilevanti f’dan il-każ, ma jeżistix bejnhom u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat terz meta dan tal-aħħar ma jkun ħa ebda impenn ta’ assistenza reċiproka.

56      F’dan ir-rigward, billi fit-tweġiba tagħha għall‑osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol fin-nota ta’ intervent tiegħu ppreżentata insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Portugiża, hija sempliċement tikkonstata b’mod ġenerali ħafna l-eżistenza tal-ftehim li jorbtu lil din tal-aħħar mal-Istati li jappartjenu lill-ŻEE u li ma humiex membri tal-Unjoni, il‑Kummissjoni ma stabbilixxitx li tali ftehim jinkludu effettivament mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni suffiċjenti biex jivverifikaw u jikkontrollaw id-dikjarazzjonijiet ippreżentati mill-persuni taxxabbli residenti f’dawk l-Istati.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ nomina ta’ rappreżentant fiskali, f’dak li jirrigwarda l-kontribwenti residenti fl-Istati firmatarji għall-Ftehim ŻEE u li ma humiex membri tal-Unjoni, imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li jiżgura l-effettività tal-kontrolli fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

58      Ir-rikors għandu, konsegwentement, jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda l‑ksur, mir-Repubblika Portugiża, tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

–       Fuq il-ksur tal-Artikolu 18 KE

59      Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 KE.

60      Billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-moviment liberu tal-kapital jipprekludu l-leġiżlazzjoni kkontestata, ma hemmx ħtieġa li l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi eżaminata separatament fid-dawl tal-Artikolu 18 KE, li jikkonċerna l-moviment liberu tal‑persuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑345/05, Ġabra p. I‑10633, punt 45).

61      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 130 taċ-CIRS, li jobbliga lill-kontribwenti mhux residenti sabiex jinnominaw rappreżentant fiskali fil-Portugall meta jirċievu dħul li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 69(3) ta’ dawn l-istess Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

63      F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-oġġezzjonijiet tal‑Kummissjoni bbażati, minn naħa, fuq ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 56 KE f’dak li jirrigwarda l-kontribwenti li jirċievu biss dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn u, minn naħa l-oħra, fuq dawk tal-Ftehim ŻEE, ma ntlaqgħux.

64      Għalhekk, hemm lok li r-Repubblika Portugiża tiġi kkundannata tbati t-tliet kwarti tal-ispejjeż kollha, u l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-kwart l-ieħor.

65      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4), ta’ dawn l-istess Regoli, l‑Istat Membru intervenjenti fil-kawża għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 130 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi (Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Singulares, li jobbliga lill-kontribwenti mhux residenti sabiex jinnominaw rappreżentant fiskali fil-Portugall meta jirċievu dħul li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata tbati t-tliet kwarti tal-ispejjeż kollha. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-kwart l-ieħor.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top