EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0370

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-1 ta' Ottubru 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament - Determinazzjoni ta’ pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem il-Komunità f’korp stabbilit minn ftehim - Obbligu ta’ motivazzjoni - Indikazzjoni tal-bażi legali - L-14-il sessjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi mhedda b’Estinzjoni (CITES).
Kawża C-370/07.

European Court Reports 2009 I-08917

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:590

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Determinazzjoni ta’ pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem il-Komunità f’korp stabbilit minn ftehim — Obbligu ta’ motivazzjoni — Indikazzjoni tal-bażi legali — L-erbatax-il sessjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi mhedda b’estinzjoni (CITES)”

Fil-Kawża C-370/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE, ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u C. Zadra, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Jacqué, F. Florindo Gijón u K. Michoel, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u I. Rao, bħala aġenti, assistiti minn D. Wyatt, QC,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-24 ta’ Mejju 2007, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem il-Komunità Ewropea fir-rigward ta’ ċerti proposti li ġew diskussi fl-erbatax-il sessjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċi ta’ Fawna u Flora selvaġġi mhedda b’estinzjoni (CITES), organizzata fl-Aja (l-Olanda), mit-3 sal-15 ta’ Ġunju 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 253 KE jistabbilixxi:

“Ir-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet adottati konġuntement mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll dawk l-atti adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, għandhom jindikaw ir-raġunijiet li jkunu bbażati fuqhom, u għandhom jagħmlu riferenza għal kull proposta jew opinjoni li kienu meħtieġa li jinkisbu skond ma’ dan it-Trattat”.

3

Skont l-Artikolu 300(2) KE, kif emendat bit-Trattat ta’ Nizza:

“Suġġett għall-poteri mogħtija lill-Kummissjoni f’dan il-qasam, il-firma, li tista’ tkun akkompanjata minn deċiżjoni dwar l-applikazzjoni proviżżorja qabel id-dħul fis-seħħ, u l-konklużjoni tal-ftehim għandha tkun deċiża mill-Kunsill li jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament meta l-ftehim ikopri qasam li għalih l-unanimità tkun meħtiega għall-adozzjoni ta’ regoli nterni u għall-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 310.

L-istess proċeduri jkunu applikabbli b’deroga mir-regoli tal-paragrafu 3, biex tiġi deċiża sospensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ xi ftehim kif ukoll biex jiġi stabbilit x’posizzjoni tittieħed f’isem il-Komunità f’korp li jinħoloq minn xi ftehim meta dan il-korp ikollu jadotta deċiżjonijiet li jkollom effett ġuridiku, bl-eċċezzjoni ta’ deċizjonijiet li jikkompletaw jew li jimmodifikaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat immedjatament u kompletament b’kull deċiżjoni skont dan il-paragrafu rigward l-applikazzjoni proviżorja jew is-sospensjoni ta’ ftehim, jew il-formulazzjoni tal-pożizzjoni tal-Komunità f’korp stabbilit minn ftehim.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi mhedda b’estinzjoni, iffirmata fit-3 ta’ Marzu 1973 f’Washington (iktar ’il quddiem is-“CITES”), daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1975. Hija għandha bħala għan li tipproteġi l-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi mhedda b’estinzjoni, prinċipalment billi jiġi limitat jew irregolat il-kummerċ tagħhom.

5

Il-Komunità mhijiex parti kontraenti fis-CITES. Hija tgawdi minn status ta’ osservatriċi fil-Konferenzi tal-partijiet. Madankollu, hija ilha mill-1982 tadotta miżuri b’mod awtonomu, li għandhom bħala għan l-eżekuzzjoni, fi ħdan il-Komunità, tal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mis-CITES.

6

L-istrument l-aktar riċenti adottat sabiex tiġi implementata b’mod awtonomu s-CITES huwa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 136). Dan ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 130 S(1) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 175(1) KE).

7

Fl-4 ta’ April 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill proposta bil-għan li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, liema proposta kienet tirreferi għal dak li jirrigwarda l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni, minn naħa, għall-Artikolu 175(1) KE u l-Artikolu 133 KE, u, min-naħa l-oħra, għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE.

8

Fl-24 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjoni ma semmix il-bażi legali li fuqha hija bbażata.

9

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill bagħat l-imsemmija deċiżjoni lill-Parlament.

10

Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi s-segwenti:

“Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Komunità, fir-rigward ta’ oqsma fil-kompetenza tal-Komunità, li għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li jaġixxu flimkien fl-interess tal-Komunità, fl-erbatax-il sessjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti fis-CITES, għandha tkun skont l-Annessi ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Meta informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u qabel jew matul l-erbatax-il sessjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti x’aktarx taffettwa l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, jew meta jsiru proposti ġodda f’dik il-laqgħa fejn ma jkunx għad hemm pożizzjoni Komunitarja, il-pożizzjoni tal-Komunità fir-rigward ta’ oqsma fil-kamp tal-kompetenza tal-Komunità għandha tiġi stabbilita permezz ta’ koordinazzjoni fuq il-post qabel ma ssir votazzjoni fuqha fil-Konferenza tal-partijiet kontraenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

11

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

12

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

sussidjarjament, u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, tiddikjara li l-effetti ta’ din tal-aħħar huma definittivi, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2007, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

14

Il-Kunsill isostni, fil-kuntest ta’ osservazzjoni preliminari ta’ natura proċedurali, li r-rikors ma għadx għandu skop peress li d-deċiżjoni kkontestata diġà pproduċiet l-effetti legali kollha tagħha billi l-pożizzjoni tal-Komunità kontenuta fiha ġiet espressa fil-Konferenza tal-Partijiet fis-CITES li seħħet fl-Aja, mit-3 sal-15 ta’ Ġunju 2007.

15

Il-Kummissjoni, li tippreċiża li l-introduzzjoni tar-rikors preżenti għandu l-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza li tippermetti li jiġi prekluż li, fil-ġejjini, il-Kunsill jadotta deċiżjonijiet li huma nieqsa mir-referenza għall-bażi legali tagħhom fil-kuntest tal-Konferenza tal-Partijiet fis-CITES, issostni li r-rikors huwa ammissibbli.

16

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn turi li għandha interess ġuridiku sabiex tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjonijiet bħal dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, Ġabra p. 1493, punt 3).

17

Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li rikorsi intiżi għall-annullament ta’ att li kien diġà ġie eżegwit jew li ma kienx applikabbli aktar fil-mument tal-introduzzjoni tar-rikors huma ammissibbli (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21, u tas-26 ta’ April 1988, Apesco vs Il-Kummissjoni, 207/86, Ġabra p. 2151, punt 16).

18

Konsegwentement, ir-rikors huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

19

Il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix il-bażi legali li fuqha hija bbażata.

20

Il-Kummissjoni ssostni li hija kienet ipproponiet li l-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata tkun l-Artikoli 133 KE u 175 KE flimkien, peress li, fil-kuntest tas-CITES, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ tal-ispeċi u l-konservazzjonu tagħhom għandhom l-istess importanza. In-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ din il-bażi legali doppja ċaħdet lill-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati u lill-Istati Membri minn indikazzjonijiet fuq il-kompetenzi rispettivi tagħhom u b’hekk fuq ir-rwol rispettiv tagħhom fil-kuntest tal-Konferenza tal-Partijiet fis-CITES. Il-fatt li r-Regolament Nru 338/97 huwa bbażat biss fuq l-Artikolu 175 KE, u mhux fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 133 KE u tal-Artikolu 175 KE flimkien, huwa irrilevanti peress li d-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u l-kontenut tiegħu, u mhux fid-dawl tal-bażi legali kkunsidrata għall-adozzjoni ta’ atti Komunitarji oħra simili.

21

Fir-rigward tal-bażi legali proċedurali, il-Kummissjoni ssostni li hija biss deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE, li tista’ tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku xieraq biex jiddefinixxi pożizzjoni tal-Komunità meta deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet fis-CITES li għanda effetti legali għandha tiġi adottata u l-acquis communautaire jista’ jiġi affettwat bħala konsegwenza ta’ din l-adozzjoni. In-nuqqas tal-imsemmija bażi ġabet inċertezza kbira fir-rigward tal-proċedura li fir-realtà segwa l-Kunsill u allegatament affettwa l-prerogattivi tal-Parlament.

22

Billi tirreferi għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi dedotta minn elementi oħra ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill evita kull referenza għat-trattat fid-deċiżjoni kkontestata.

23

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-Kunsill li d-deċiżjoni kkontestata mhix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE. F’dan ir-rigward, hija ssostni li d-distinzjoni li għamel il-Kunsill bejn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-użu ta’ żewġ kelmiet differenti fil-verżjoni Ġermaniża tat-Trattat (“Entscheidung” u “Beschluß”), distinzjoni li saret biss f’żewġ verżjonijiet lingwistiċi oħra tat-Trattat, jiġifieri l-verżjoni Olandiża (“besluit” u “beschikking”) u Slovena (“sklep” u “odlocba”), ma għandhiex bażi fit-Trattat. Fil-fatt, dan ma jagħmilx distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet koperti mill-Artikolu 253 KE u d-deċiżjonijiet l-oħra. Hija tenfasizza li l-atti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE, huma deskritti permezz tal-kelma “deċiżjonijiet” u li, b’mod partikolari, il-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tat-Trattat, jekk jinqraw fil-kuntest tagħhom, huma konformi ma’ din it-terminoloġija.

24

In-nuqqas ta’ referenza għall-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi ġġustifikat, skont il-Kummissjoni, mill-fatt li din id-deċiżjoni hija indirizzata biss lill-partijiet li pparteċipaw fl-adozzjoni tagħha, peress li huwa neċessarju li jiġu ppreżervati l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet u li ma jiġix imfixkel l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza, fil-każ preżenti, tar-referenza għas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “AETR”, (22/70, Ġabra p. 263), li tirrigwarda ċerti “negozjati tal-Kunsill”, peress li, fil-kawża preżenti, qiegħda tiġi kkontestata deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE u msemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 253 KE. Il-Kummissjoni tippreċiża li, min-naħa l-oħra, fil-kawża li wasslet għas-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, kien involut att adottat fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ħafna ta’ dak il-każ, ikkunsidrat bħala validu mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk iċ-ċirkustanzi biss, u li l-Kummissjoni kienet tat il-kunsens tagħha għalih.

26

Il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ referenza għall-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxix vizzju purament proċedurali inkwantu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali xierqa għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali (Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 5), b’mod li nuqqas bħal dan jammonta għal nuqqas li jippreġudika l-bilanċ kostituzzjonali stabbilit mit-trattat bejn l-istituzzjonijiet u bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kunsill allegatament deliberatament ħassar ir-referenza għall-bażi legali inkwistjoni, u b’hekk ta l-impressjoni li huwa ma jaħsibx li hu meħtieġ li tissemma’ speċifikament.

27

Barra minn hekk, il-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE ma ġietx osservata peress li d-deċiżjoni kkontestata ntbagħtet lill-Parlament tliet ġimgħat wara l-adozzjoni tagħha, jiġifieri fl-14 ta’ Ġunju 2007, u dan xekkel il-prerogattivi tal-Parlament.

28

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tal-osservazzjonijiet ulterjuri tal-Kunsill dwar il-prattika dwar id-determinazzjoni tal-pożizzjonijiet Komunitarji u tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sempliċi prattika tal-Kunsill ma tistax tidderoga mir-regoli stabbiliti mit-trattat (sentenza tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, Ġabra p. 855, punt 24).

29

Il-Kunsill isostni, prinċipalment, li, fil-każ preżenti, ma kienx marbut jikkwota l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din hija deċiżjoni sui generis, deskritta bil-Ġermaniż bil-kelma “Beschluß”, adottata mill-Kunsill fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-Komunità, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE. Għandha ssir distinzjoni bejn din id-deċiżjoni u deċiżjoni deskritta bil-kelma Ġermaniża “Entscheidung”, imsemmija fl-Artikoli 249 KE u 253 KE.

30

Huwa jsostni li, peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha biss effett fuq ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u li b’hekk ma għandha l-ebda effett fuq id-drittijiet u l-obbligi legali ta’ terzi bħall-persuni fiżiċi jew kumpanniji, mhemm ebda raġuni għalfejn għandu jkun hemm l-obbligu ta’ motivazzjoni peress li l-imsemmija deċiżjoni hija indirizzata biss lill-partijiet li pparteċipaw fl-adozzjoni tagħha. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, li tirrigwarda n-“negozjati tal-Kunsill” sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali, id-deċiżjoni kkontestata hija “Beschluß” u, bħala tali, ma tidhirx fil-lista eżawrjenti tal-atti suġġetti għall-obbligu ta’ motivazzjoni.

31

Sussidjarjament, il-Kunsill isostni, b’referenza għas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 44), li n-nuqqas ta’ referenza, f’att, għall-bażi legali tiegħu jammonta biss għal vizzju purament proċedurali. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ tali referenza fid-deċiżjoni kkontestata ma kellu l-ebda effett fuq il-proċedura applikabbli għall-adozzjoni tagħha peress li, fil-każ preżenti, il-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2)KE ġiet osservata. Il-Kunsill jippreċiża, f’dan ir-rigward, li din id-dispożizzjoni teħtieġ biss li d-deċiżjoni inkwistjoni tintbagħat lill-Parlament għall-finijiet ta’ informazzjoni iżda li hija ma tipprovdi l-ebda terminu u bl-ebda mod ma tobbligah jissuġġetta lil din id-deċiżjoni għal stħarriġ Parlamentari.

32

Fir-rigward tal-bażi legali sostantiva doppja proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill isostni li, peress li r-Regolament Nru 338/97 kien ġie adottat fuq il-bażi biss tal-Artikolu 130 S tat-Trattat, ma kienx possibbli li tinkiseb, fi ħdan il-Kunsill, il-maġġoranza kwalifikata meħtieġa għall-adozzjoni tal-bażi legali b’hekk proposta.

33

Skont il-Kunsill, kien meħtieġ li tiġi adottata pożizzjoni tal-Komunità b’mod konformi mal-proċeduri pprovduti mit-Trattat qabel il-bidu tal-erbatax-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet fis-CITES. In-nuqqas ta’ referenza għall-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata ma kellu l-ebda effett fuq il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, fuq in-natura vinkolanti tagħha, fuq in-negozjati stess li seħħew fi ħdan l-imsemmija konferenza, u lanqas fuq ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri f’dawn in-negozjati. Il-Kunsill jippreċiża li r-rwol tal-Kummissjoni f’dawn in-negozjati kien determinat — u limitat — mill-fatt li l-Komunità mhix parti kontraenti fis-CITES u mhux min-nuqqas tar-referenza għall-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

34

Il-Kunsill jenfasizza li n-nuqqas ta’ referenza għall-bażi legali fid-deċiżjoni kkontestata lanqas ma kellu effett fuq l-adozzjoni tal-att Komunitarju intern korrispondenti sa fejn l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 338/97 jipprovdi li l-adozzjoni, b’mod partikolari, tal-modifiki tal-annessi ta’ dan ir-regolament b’riżultat tad-deċiżionijiet tal-Konferenza tal-Partijiet u tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat permanenti tas-CITES, hija suġġetta għall-proċedura tal-komitoloġija.

35

Il-Kunsill josserva wkoll li l-prattika fil-qasam tad-determinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Komunità hija pjuttost differenti u baqgħet tkun differenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Nizza. Minn naħa, jeżistu deċiżjonijiet tal-Kunsill li jirreferu jew għall-bażi legali sostantiva biss jew għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE biss. Min-naħa l-oħra, mhuwiex inabitwali li l-pożizzjonijiet tal-Komunità jkunu stabbiliti permezz tal-approvazzjoni diretta, mill-Kunsill, tat-test li fuqu għandha tiġi adottata l-pożizzjoni, mingħajr ma din l-approvazzjoni tkun akkumpanjata minn deċiżjoni sui generis. F’dawn l-aħħar każijiet, il-Kunsill dejjem iddeċieda fuq proposta tal-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni tal-forma proposta minnha.

36

Ir-Renju Unit, filwaqt li jappoġġa l-argumenti kollha tal-Kunsill, iżid li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE ma fih l-ebda dispożizzjoni li għandha bħala effett li tissostitwixxi l-atti sui generis b’deċiżjonijiet koperti mill-Artikolu 249 KE fil-qasam inkwistjoni. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għan-negozjati dwar is-CITES tat lil din l-aħħar imsemmija istituzzjoni l-garanziji kollha ġuridiċi li l-Artikolu 253 KE għandu bħala għan li jiżgura lil terzi. L-atti sui generis jagħtu lill-Komunità l-flessibbiltà neċessarja għal parteċipazzjoni effettiva fil-korpi stabbiliti minn ftehim internazzjonali u jkun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità li l-Kunsill tkun obbligata tippreċiża l-bażi legali ta’ kull deċiżjoni tat-tip inkwistjoni fil-każ preżenti. Ir-Renju Unit jippreċiża li l-fatt li l-Kunsill ma jkunx suġġett għal obbligu strett li jsemmi l-bażi legali ta’ att sui generis, b’mod konformi mal-Artikolu 253 KE, ma jfissirx li bilfors ma għandux isemmiha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 253 KE, jimponi li l-atti kollha kkonċernati jinkludu espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-istituzzjoni sabiex tadottahom, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċità l-istħarriġ tagħha u li kemm l-Istati Membri kif ukoll it-terzi kkonċernati jkunu jafu l-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu applikaw it-Trattat (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C-41/93, Ġabra p. I-1829, punt 34).

38

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li tiġi indikata l-bażi legali f’att joħroġ mill-obbligu ta’ motivazzjoni (ara b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9, u tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill, 203/86, Ġabra p. 4563, punti 36 sa 38).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ħtieġa taċ-ċertezza legali tirrikjedi li kull att li jkun intiż biex jikkrea effetti legali jislet l-effett vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li għandha tiġi indikata b’mod speċifiku bħala bażi legali u li tistabbilixxi l-forma ġuridika li għandu jkollu l-att (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C-325/91, Ġabra p. I-3283, punt 26).

40

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni kkontestata setgħetx tiġi validament adottata mingħajr ma tissemma’ l-bażi legali tagħha. Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni u jekk hija għandhiex, konsegwentement, tindika l-bażi legali.

41

Insostenn tal-pożizzjoni rispettiva tagħhom, il-partijiet iressqu prinċipalment argumenti ta’ natura terminoloġika billi jibbażaw ruħhom fuq il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 300(2) KE. Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE, indikata bil-Ġermaniż mill-kelma “Entscheidung”, u li hija għandha, konsegwentement, tkun motivata. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill, sostnut mir-Renju Unit, jikkunsidra li din hija deċiżjoni sui generis, indikata bil-Ġermaniż mill-kelma “Beschluß”, li mhix imsemmija fl-Artikolu 253 KE.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE jew bħala deċiżjoni sui generis mhix determinanti fil-każ preżenti sabiex jiġi deċiż jekk hija għandhiex tkun suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, dan l-obbligu, li huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu japplika għal kull att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE kull dispożizzjoni adottata mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħha, li għandha bħala għan li tipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi AETR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 42). Minn dan jirriżulta li, bħala regola, kull att li jipproduċi effetti legali huwa suġġett għall-obbligu ta’ motivazzjoni.

43

Fil-każ preżenti, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Komunità fir-rigward tal-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, li għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li jaġixxu flimkien fl-interess tal-Komunità, fl-erbatax-il sessjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti fis-CITES.

44

Id-deċiżjoni kkontestata hija b’hekk att li jipproduċi effetti legali vinkolanti, inkwantu tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Komunità fil-kuntest tal-imsemmija erbatax-il sessjoni, u li hija ta’ natura vinkolanti, minn naħa, għall-Kunsill u l-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, għall-Istati Membri inkwantu timponi fuqhom l-obbligu li jiddefendu l-imsemmija pożizzjoni.

45

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi mmotivata u għandha, konsegwentement, tindika l-bażi legali li fuqha hija bbażata sabiex, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

46

L-indikazzjoni tal-imsemmija bażi legali hija meħtieġa wkoll fid-dawl tal-prinċipju tal-kompetenzi attribwiti msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 KE, li jistabbilixxi li l-Komunità għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat u tal-għanijiet li ġew assenjati lilha fih kemm fir-rigward tal-azzjoni interna kif ukoll fir-rigward tal-azzjoni internazzjonali tal-Komunità (ara l-Opinjoni 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I-1759, punt 24).

47

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għażla ta’ bażi legali xierqa għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali peress li, billi tiddisponi biss minn kompetenzi attribwiti, il-Komunità għandha torbot id-deċiżjoni kkontestata ma’ dispożizzjoni tat-trattat li jagħtiha s-setgħa tapprova att bħal dan (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5).

48

L’indikazzjoni tal-bażi legali għandha wkoll importanza partikolari sabiex tippreżerva l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati permezz tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att. B’hekk, fil-kawża preżenti, indikazzjoni bħal din jista’ jkollha effett fuq il-kompetenzi tal-Parlament, peress li l-Artikoli 133 KE, 175 KE u 300(2) KE ma jattribwulux l-istess livell ta’ parteċipazzjoni fl-adozzjoni ta’ att. Bl-istess mod, l-indikazzjoni tal-bażi legali hija neċessarja sabiex jiġu stabbiliti l-metodi tal-vot fi ħdan il-Kunsill. Issa, f’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata ħlief, minn naħa, meta l-ftehim jirrigwarda qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni tar-regoli interni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-ftehim previsti fl-Artikolu 310 KE.

49

Barra minn hekk, l-indikazzjoni tal-bażi legali tiddetermina t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Fil-fatt, fil-każ preżenti, applikazzjoni tal-Artikolu 175 KE biss jew tal-Artikolu 133 KE biss ma jkollhiex l-istess implikazzjonijiet fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri bħal applikazzjoni eventwali flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, peress li l-Artikolu 133 KE jagħti kompetenza esklużiva lill-Komunità filwaqt li l-Artikolu 175 KE jipprovdi għal kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri. In-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ bażi legali jista’ b’hekk jikkawża konfużjoni fir-rigward tan-natura tal-kompetenza tal-Komunità u jista’ jdgħajjifha fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha fin-negozjati internazzjonali.

50

Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata kellha ssemmi l-bażi legali li fuqha hija bbażata minħabba l-argumenti invokati mill-Kunsill u mir-Renju Unit.

51

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tal-Kunsill ibbażat fuq is-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jingħad, li d-deċiżjoni kkontestata u d-deliberazzjoni inkwistjoni f’din is-sentenza ma ġewx adottati f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Fil-fatt, din tal-aħħar kienet tikkonċerna metodi xierqa ta’ kooperazzjoni bil-għan li jiġi assigurat bl-iktar mod effikaċi possibbli l-ħarsien tal-interessi tal-Komunità fin-negozjar u l-konklużjoni tal-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport fuq it-toroq internazzjonali f’mument fejn l-implementazzjoni ta’ tqassim ġdid tal-kompetenzi fi ħdan il-Komunità setgħet tikkomprometti s-suċċess tan-negozjati. B’hekk dan kien att adottat f’ċirkustanzi li kienu partikolari għall-kawża li wasslet għas-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq. Xejn minn dan ma jirriżulta fil-każ preżenti, billi hawnhekk il-Kunsill adotta deċiżjoni b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2)KE.

52

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li formaliżmu eċċessiv ixekkel b’mod serju l-effikaċità tal-parteċipazzjoni tal-Komunità f’korpi stabbiliti minn ftehim internazzjonali, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li għalkemm il-ħtieġa ta’ flessibbiltà fil-mezzi ta’ azzjoni tista’ ċertament ikollha ċerta importanza fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Komunità għandha biss kompetenzi attribwiti u tista’ tagixxi biss fil-limiti tagħhom. Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ motivazzjoni hija evalwata fid-dawl tan-natura tal-att inkwistjoni u tal-kuntest tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C-333/07, Ġabra p. I-10807, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, għalkemm motivazzjoni ta’ dan l-att, bejn wieħed u ieħor dettaljat skont il-każ, ċertament tista’ twieġeb għad-diffikultajiet eventwali li jirriżultaw matul in-negozjati internazzjonali, l-indikazzjoni tal-bażi legali tiegħu madankollu ma tistax tikkostitwixxi sforz eċċessiv ta’ motivazzjoni. L-indikazzjoni tal-bażi legali għandha b’hekk tkun ikkunsidrata, bħala regola, bħala informazzjoni minima li tippermetti li tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ motivazzjoni peress li l-Komunità għandha torbot l-att adottat ma’ dispożizzjoni tat-trattat li jawtorizzaha tagħmel dan.

53

It-tielet nett, l-argument ibbażat fuq restrizzjonijiet ta’ żmien invokat ukoll mir-Renju Unit lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, peress li l-Komunità tiddisponi biss minn kompetenzi attribwiti, l-artikolu tat-trattat li jagħtiha l-kompetenza tagħha għandu jiġi stabbilit qabel ma hija taġixxi. Barra minn hekk, il-fatt li tissemma’ l-bażi legali suċċessivament, f’att intiż biex jimplementa fil-livell Komunitarju emendi għas-CITES, mhuwiex suffiċjenti, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, sabiex ikun ġie rispettat l-obbligu ta’ motivazzjoni, billi l-motivazzjoni ta’ att għandha tidher fih (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punti 73 u 75, u tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-378/00, Ġabra p. I-937, punt 66).

54

Fl-aħħar nett, l-argument imressaq mill-Kunsill li, fil-passat, deċiżjonijiet simili lanqas ma kienu jsemmu l-bażi legali li fuqha kienu bbażati, lanqas ma jista’ jiġi ammess. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prassi tal-Kunsill ma tistax tidderoga minn regoli tat-Trattat KE u għaldaqstant ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rigward tal-bażi legali korretta (sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, u tas-26 ta’ Marzu 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-271/94, Ġabra p. I-1689, punt 24).

55

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata kellha, għall-inqas, issemmi l-bażi legali li fuqha hija bbażata sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni.

56

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas ta’ referenza għal dispożizzjoni partikolari tat-trattat ma jistax jikkostitwixxi vizzju sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħra tiegħu. Referenza espliċita bħal din hija madankollu indispensabbli meta, fin-nuqqas tagħha, il-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jitħallew fl-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali preċiża (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

57

Fil-każ preżenti, il-bażi legali ma tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ ebda element tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din tal-aħħar tirreferi biss għall-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ippreżentata lilu mill-Kummissjoni. Il-punt 1 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jindika li s-CITES hija implementata fil-Komunità permezz tar-Regolament Nru 338/97. Fir-rigward tal-punti 2 sa 4 tal-motivi tagħha, dawn jirrilevaw biss li ċerti reżoluzzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet fis-CITES jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja, li l-Komunità għad mhijiex parti kontraenti tas-CITES u li, fil-każijiet fejn regoli Komunitarji ġew stabbiliti sabiex jinkisbu l-għanijiet tat-trattat, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati, barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet Komunitarji, jassumu obbligi li jista’ jkollhom effett fuq ir-regoli tagħha jew jemendaw il-portata tagħhom.

58

Barra minn hekk, min-noti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għażla tal-bażi legali rilevanti kienet is-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-Kunsill. Bl-istess mod, il-Kummissjoni sostniet f’dan ir-rigward, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, li ċerti Stati Membri ressqu oġġezzjonijiet fir-rigward tal-bażi legali sostantiva doppja proposta mill-Kummissjoni. Ħafna minnhom ippreferew jużaw biss l-Artikolu 175 KE, filwaqt li Stati Membri oħra urew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom fir-rigward tal-bażi legali proċedurali proposta, li kienet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2)KE.

59

Barra minn hekk, il-Kunsill jindika li, meta huwa ħa d-deċiżjoni kkontestata, huwa aġixxa b’mod konformi mal-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE, iżda kkunsidra li ma kienx indispensabbli li tissemma’ l-bażi legali proċedurali. Huwa jippreċiża li ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim għal dak li jirrigwarda l-bażi legali sostantiva doppja proposta mill-Kummissjoni.

60

B’hekk jirriżulta li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi dedotta b’mod ċar minnha u li n-nuqqas ta’ referenza għall-bażi legali jista’ jiġi spjegat mill-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-Kunsill, għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-bażi legali sostantiva.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u r-Renju Unit, in-nuqqas ta’ referenza, fid-deċiżjoni kkontestata, għal kwalunkwe bażi legali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala vizzju purament proċedurali.

62

B’hekk jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba n-nuqqas ta’ referenza, f’din id-deċiżjoni, għall-bażi legali li fuqha hija fondata.

Fuq it-talba għaż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

63

Il-Kunsill, sostnut f’dan ir-rigward mir-Renju Unit, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, żżomm fis-seħħ l-effeti tagħha. Il-Kummissjoni ma opponietx din it-talba.

64

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tikkunsidra li dan ikun meħtieġ, tindika liema mill-effetti ta’ regolament annullat għandhom jitqiesu li jibqgħu fis-seħħ. Tali dispożizzjoni tista’ tiġi applikata wkoll għal deċiżjoni meta jeżistu motivi importanti ta’ ċertezza legali, li huma paragunabbli ma’ dawk applikabbli f’każ ta’ annullament ta’ ċerti regolamenti, li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita s-setgħa mogħtija lilha, f’dan il-kuntest, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 231 KE (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-155/07, Ġabra p. I-8103, punt 87 u ġurisprudenza ċċitata).

65

Għandu jingħad li d-deċiżjoni kkontestata kellha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Komunità fir-rigward ta’ ċerti proposti eżaminati fl-erbatax-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet kontraenti fis-CITES li seħħet fl-Aja, mit-3 sal-15 ta’ Ġunju 2007. Mhux ikkontestat f’dan ir-rigward li din il-pożizzjoni tal-Komunità ġiet effettivament espressa mill-Istati Membri b’mod konformi mad-deċiżjoni kkontestata.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandhom jinżammu fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, li l-annullament tagħha huwa ddikjarat fis-sentenza preżenti.

Fuq l-ispejjeż

67

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (4) tal-imsemmi artikolu, ir-Renju Unit, intervenjenti fil-kawża preżenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-24 ta’ Mejju 2007, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem il-Komunità Ewropea fir-rigward ta’ ċerti proposti li ġew diskussi fl-erbatax-il sessjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċi ta’ Fawna u Flora selvaġġi mhedda b’estinzjoni (CITES), organizzata fl-Aja (l-Olanda), mit-3 sal-15 ta’ Ġunju 2007, hija annullata.

 

2)

L-effetti tad-deċiżjoni annullata għandhom jibqgħu fis-seħħ.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

4)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top